Language of document :



Rettifika għall-komunikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali fil-kawża F-103/07

(Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea C 315/45 tat-22/12/2007)

Il-komunikazzjoni fil-ĠU fil-kawża F-103/07 Duta vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, għandha tiġi sostitwita b'dan li ġej:

Rikors ippreżentat fil-5 ta' Ottubru 2007 - Duta vs Il-Qorti tal-Ġustizzja

(Kawża F-103/07)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Radu Duta (Lussemburgu, il-Lussemburgu) (rappreżentant: F. Krieg, avukat)

Konvenuta: Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjonijiet ikkontestati;

tirrinvija l-kawża quddiem l-Awtorità kompetenti;

tikkundanna lill-konvenuta tħallas is-somma ta' EUR 1 bħala danni;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta' l-azzjoni tiegħu, ir-rikorrent jikkontesta ċ-ċaħda ta' l-applikazzjoni tiegħu għall-pożizzjoni ta' référendaire ma' Mħallef tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej. Din iċ-ċaħda saret permezz ta' ittra ċirkulari ta' l-24 ta' Jannar 2007, minkejja li preċedentment l-imħallef in kwistjoni kien wera interess qawwi fl-applikazzjoni tar-rikorrent.

L-ewwel nett, ir-rikorrent jinvoka n-nullità tad-deċiżjoni li biha l-ilment tiegħu ġie miċħud. Dan l-ilment ġie kkunsidrat mill-"Kummissjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza kompetenti biex tiddeċiedi dwar l-ilmenti" li hi komposta b'mod li ma jissodisfax l-eżiġenzi ta' smigħ xieraq, stabbiliti mill-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-.Libertajiet Fundamentali. Fil-fatt, il-Membri tal-Qorti tal-Prim'Istanza li jikkostitwixxu dan l-organu ma jistgħux jiddeċiedu b'imparzjalità sħiħa fuq kawżi dwar wieħed mill-kollegi tagħhom.

It-tieni nett, ir-rikorrent jargumenta li kien vittma ta' diskriminazzjoni. L-imħallef in kwistjoni ma eżerċitax is-setgħa diskrezzjonali tiegħu b'mod raġonevoli.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrent jikkunsidra li fi kwalunkwe każ, id-deċiżjonijiet ikkontestati jiksru l-prinċipji ġenerali ta' trasparenza, ta' bona fide u ta' protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi.

____________