Language of document : ECLI:EU:C:2022:356

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

5 ta’ Mejju 2022 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 2008/94/KE – Protezzjoni tal-ħaddiema impjegati fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega – Artikolu 2(2) – Kunċett ta’ ‘impjegat’ – Artikolu 12(a) u (ċ) – Limiti għar-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet ta’ garanzija – Persuna li teżerċita, abbażi ta’ kuntratt ta’ xogħol konkluż ma’ kumpannija kummerċjali, il-funzjonijiet ta’ membru tal-bord tad-diretturi u ta’ direttur ta’ din il-kumpannija – Kumulu ta’ funzjonijiet – Ġurisprudenza nazzjonali li tirrifjuta lil din il-persuna l-benefiċċju tal-garanziji previsti minn din id-direttiva”

Fil-Kawża C‑101/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema, ir-Repubblika Ċeka), permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Frar 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑18 ta’ Frar 2021, fil-proċedura

HJ

vs

Ministerstvo práce a sociálních věcí,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn J. Passer, President ta’ Awla, F. Biltgen (Relatur) u N. Wahl, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Spanjol, minn M. J. Ruiz Sánchez, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Hradil u B.-R. Killmann, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(2) u tal-Artikolu 12(a) u (ċ) tad-Direttiva 2008/94/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2008 dwar il-protezzjoni tal-impjegati fil-każ tal-insolvenza ta’ min iħaddimhom (ĠU L 283, 28.10.2008, p. 36), kif emendata bid-Direttiva (UE) 2015/1794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑6 ta’ Ottubru 2015 (ĠU 2015, L 263, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2008/94”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, HJ u l-Ministerstvo práce a sociálních věcí (il-Ministeru għax-Xogħol u għall-Affarijiet Soċjali, ir-Repubblika Ċeka) dwar talba għall-ħlas ta’ remunerazzjonijiet mhux imħallsa minn kumpannija fi stat ta’ insolvenza.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

3        Skont il-premessa 7 tad-Direttiva 2008/94, l-Istati Membri jistgħu jiffissaw limitazzjonijiet tar-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet ta’ garanzija, liema limitazzjonijiet għandhom ikunu kompatibbli mal-għan soċjali ta’ din id-direttiva u jistgħu jieħdu kont tal-livelli differenti tal-pretensjonijiet.

4        L-Artikolu 1 tad-direttiva msemmija jipprovdi:

“1.      Din id-Direttiva għandha tapplika għall-pretensjonijiet ta’ l-impjegati li jirriżultaw mill-kuntratti ta’ impjieg jew minn relazzjonijiet ta’ impjieg u dawk eżistenti kontra dawk li jħaddmu meta jkunu fi stat ta’ insolvenza fis-sens ta’ l-Artikolu 2(1).

2.      L-Istati Membri jistgħu, bħala eċċezzjoni, jeskludu l-pretensjonijiet minn ċerti kategoriji ta’ impjegati mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, bis-saħħa ta’ l-eżistenza ta’ għamliet oħra ta’ garanzija jekk jiġi stabbilit li dawn joffru lill-persuni kkonċernati livell ta’ protezzjoni ekwivalenti għal dak li jirriżulta minn din id-Direttiva.

3.      Fejn tali dispożizzjoni diġà tapplika fil-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jkomplu jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, is-servi domestiċi impjegati minn persuna fiżika.”

5        L-Artikolu 2(2) tal-istess direttiva jipprovdi:

“Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal-liġijiet nazzjonali fir-rigward tad-definizzjoni tat-termini ‘impjegat’, ‘min iħaddem’, ‘paga’, ‘dritt li jagħti titolu immedjat’ u ‘dritt li jagħti titolu prospettiv’.

Madankollu, l-Istati Membri [ma jistgħux jeskludu] mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva:

(a)      lill-impjegati part-time fis-sens tad-Direttiva [tal-Kunsill 97/81/KE tal‑15 ta’ Diċembru 1997, li tikkonċerna il-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 267)];

(b)      lill-impjegati fuq kuntratt ta’ [xogħol għal] żmien fiss fis-sens tad-Direttiva [tal-Kunsill 1999/70/KE tat‑28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368)];

(ċ)      lill-impjegati f’relazzjoni ta’ impjieg temporanju fis-sens ta’ l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva [tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ġunju 1991 li tissupplementa l-miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-sigurtà u s-saħħa fix-xogħol tal-ħaddiema li għandhom relazzjoni ta’ mpjieg b’dewmien fiss jew ta’ mpjieg temporanju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 418)].”

6        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/94 jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-istituzzjonijiet ta’ garanzija jiggarantixxu, suġġett għall-Artikolu 4, il-ħlas tal-pretensjoniet pendenti, ta’ ħaddiema, li jirriżultaw minn kuntratti ta’ impjieg jew minn relazzjonijiet ta’ impjieg, inkluża, fejn previst mil-liġijiet nazzjonali, paga terminali fi tmiem ir-relazzjonijiet ta’ l-impjieg.”

7        L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2008/94 huwa fformulat kif ġej:

“Din id-Direttiva ma taffettwax l-għażla ta’ l-Istati Membri:

(a)      li jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jevitaw l-abbużi;

[…]

ċ)      li jirrifjutaw jew inaqqsu r-responsabbiltà imsemmija fl-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 3 jew l-obbligu ta’ garanzija previst fl-Artikolu 7 fil-każijiet fejn l-impjegat, f’ismu jew f’isimha jew flimkien ma’ qraba viċini, kien proprjetarju ta’ parti essenzjali ta’ l-impriża jew tan-negozju ta’ min iħaddem u kellu influwenza konsiderevoli fuq l-attivitajiet tagħha.”

 Iddritt Ċek

 Illiġi Nru 118/2000

8        Iz-zákon č. 118/2000 Sb., o ochraně zaměstnanců při platební neschopnosti zaměstnavatele a o změně některých zákonů (il-liġi Nru 118/2000 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema impjegati fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega u li temenda ċerti liġijiet), tittrasponi d-Direttiva 2008/94 fl-ordinament ġuridiku Ċek.

9        Skont l-Artikolu 2(3) tal-Liġi Nru 118/2000, din ma tapplikax għal impjegat li kien, matul il-perijodu rilevanti, impjegat ta’ persuna li timpjega fi stat ta’ insolvenza u li kien, matul dan l-istess perijodu, il-korp statutorju tiegħu jew membru tal-korp statutorju tiegħu u kellu sehem li jikkorrispondi tal-inqas għal nofs il-kapital ta’ din il-persuna li timpjega.

10      Skont l-Artikolu 3(a) tal-Liġi Nru 118/2000, “persuna impjegata” tfisser, għall-finijiet ta’ din il-liġi, “il-persuna fiżika li magħha l-persuna li timpjega kkonkludiet relazzjoni ta’ xogħol, ftehim dwar l-eżekuzzjoni ta’ xogħol […] jew ftehim dwar attività ta’ xogħol, li abbażi tagħhom huwa seta’ jitlob il-ħlas ta’ salarju għall-perijodu rilevanti u li ma tħallasx lilu mill-persuna li timpjega”.

 Il-Kodiċi tax-Xogħol

11      Skont l-Artikolu 2 taż-zákon č. 262/2006 Sb., zákoník práce (il-Liġi Nru 262/2006 li tistabbilixxi l-Kodiċi tax-Xogħol) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tax-Xogħol”):

“(1)      Xogħol b’salarju huwa xogħol imwettaq fil-kuntest ta’ ġerarkija fil-konfront tal-persuna li timpjega u ta’ subordinazzjoni tal-impjegat, f’isem il-persuna li timpjega u skont l-istruzzjonijiet tal-persuna li timpjega u li l-impjegat iwettaq għall-persuna li timpjega.

(2)      Xogħol b’salarju għandu jitwettaq bħala korrispettiv għal salarju, għal paga jew għal remunerazzjoni għax-xogħol imwettaq, għall-ispejjeż u taħt ir-responsabbiltà tal-persuna li timpjega, matul ħinijiet iddefiniti u fuq il-post tax-xogħol tal-persuna li timpjega jew eventwalment fuq post ieħor miftiehem.”

12      L-Artikolu 4 ta’ dan il-kodiċi jipprovdi hekk:

“Ir-relazzjoni ta’ xogħol hija rregolata minn din il-liġi; Meta din il-liġi ma tkunx tista’ tiġi applikata, ir-relazzjoni ta’ xogħol hija rregolata mill-Kodiċi Ċivili, u dan dejjem skont il-prinċipji fundamentali li jirregolaw ir-relazzjonijiet ta’ xogħol.”

13      L-Artikolu 6 ta’ dan il-kodiċi jipprevedi:

“Impjegat huwa persuna fiżika li ntrabtet li twettaq xogħol bħala persuna impjegata f’relazzjoni ta’ xogħol bażiku.”

 Il-liġi dwar il-kumpanniji kummerċjali u l-kooperattivi

14      L-Artikolu 59(1) u (2) taz-zákon č. 90/2012 Sb., o obchodních společnostech a družstvech (il-Liġi Nru 90/2012 dwar il-kumpanniji kummerċjali u l-kooperattivi), jipprovdi:

“(1)      Id-drittijiet u l-obbligi bejn kumpannija kummerċjali u l-membru tal-korp elett tagħha huma rregolati, mutatis mutandis, mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Ċivili dwar il-mandat, sakemm ma jkunx previst mod ieħor fil-liġi jew f’kuntratt li jikkonċerna l-eżerċizzju tal-funzjoni, meta dan ikun ġie konkluż. Id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Ċivili dwar il-ġestjoni ta’ beni ta’ ħaddieħor ma japplikawx.

(2)      F’kumpannija b’kapital azzjonarju, il-kuntratt ta’ funzjoni għandu jiġi konkluż bil-miktub u għandu jiġi approvat, inklużi l-emendi tiegħu, mill-korp suprem tal-kumpannija; fin-nuqqas ta’ tali adozzjoni, il-kuntratt ma jipproduċix effetti. […]”

15      L-Artikolu 60 ta’ din il-liġi jipprovdi:

“F’kumpannija b’kapital azzjonarju, il-kuntratt li jikkonċerna l-eżerċizzju tal-funzjoni għandu jinkludi wkoll l-informazzjoni li ġejja:

a)      id-definizzjoni tal-komponenti kollha tar-remunerazzjoni li hija dovuta jew li tista’ tkun dovuta lil membru ta’ korp elett, inkluż kwalunkwe benefiċċju possibbli in natura, il-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet lis-sistema ta’ rtirar jew ta’ benefiċċji oħra;

[…]”

16      L-Artikolu 435(3) tal-liġi msemmija jipprovdi:

“Il-bord tad-diretturi ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata huwa rregolat mill-prinċipji u mill-istruzzjonijiet approvati mil-laqgħa ġenerali, bil-kundizzjoni li jkunu konformi mar-regolamenti u mal-istatuti. Madankollu, ħadd ma jista’ jagħti struzzjonijiet lill-Bord Amministrattiv dwar il-ġestjoni tan-negozju; […]”

 Ilfatti filkawża prinċipali u ddomanda preliminari

17      Filwaqt li kien jaħdem għal AA, kumpannija kummerċjali, mis-sena 2010 bħala perit abbażi ta’ kuntratt ta’ xogħol, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ġie elett, matul ix-xahar ta’ Settembru 2017, president tal-bord tad-diretturi ta’ din il-kumpannija u kkonkluda, għal dan il-għan, kuntratt mal-imsemmija kumpannija li fih kien speċifikat li ma kellux dritt għal remunerazzjoni għall-eżerċizzju ta’ din il-funzjoni.

18      Sussegwentement, ġie konkluż ftehim supplimentari għall-kuntratt ta’ xogħol inizjali tiegħu, li jindika li, bħala impjegat, huwa kellu dritt għal salarju. Dan il-ftehim supplimentari kien jippreċiża li huwa kien jokkupa, sa mix-xahar ta’ Ottubru 2017, il-funzjoni ta’ direttur ta’ AA.

19      Peress li AA saret insolventi matul is-sena 2018, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ressaq quddiem l-Úřad práce České republiky — krajská pobočka pro hl. m. Prahu (l-Uffiċċju għall-Impjieg tar-Repubblika Ċeka — antenna reġjonali għall-belt kapitali Praga, ir-Repubblika Ċeka) talba intiża sabiex jinkiseb, abbażi tal-Liġi Nru 118/2000, il-ħlas tar-remunerazzjonijiet tiegħu relatati max-xhur ta’ Lulju sa Settembru 2018 (iktar ’il quddiem il-“perijodu inkwistjoni”).

20      Din it-talba ġiet miċħuda minħabba li r-rikorrent fil-kawża prinċipali ma setax jiġi kklassifikat bħala impjegat, fis-sens tal-Artikolu 3(a) tal-Liġi Nru 118/2000.

21      L-ilment imressaq mir-rikorrent fil-kawża prinċipali ġie miċħud mill-Ministeru tax-Xogħol u tal-Affarijiet Soċjali. Fil-fatt, dan qies li, matul il-perijodu inkwistjoni, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali kien eżerċita, fil-kuntest tal-funzjonijiet tiegħu bħala president tal-bord tad-diretturi u bħala direttur ta’ AA, l-istess attività waħda, jiġifieri d-direzzjoni kummerċjali ta’ din il-kumpannija, u li għalhekk ma setax jitqies li huwa marbut b’relazzjoni ta’ xogħol mal-imsemmija kumpannija.

22      Ir-rikors ippreżentat quddiem il-Městský soud v Praze (il-Qorti Muniċipali ta’ Praga, ir-Repubblika Ċeka) ukoll ġie miċħud permezz ta’ sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2020. Din il-qorti qieset, skont il-ġurisprudenza nazzjonali dwar il-“kumulu tal-funzjonijiet”, li, sa fejn, matul il-perijodu inkwistjoni, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali kien akkumula l-funzjonijiet ta’ direttur u ta’ president tal-bord tad-diretturi ta’ din il-kumpannija, ma kinitx teżisti rabta ta’ ġerarkija u lanqas rabta ta’ subordinazzjoni ma’ din tal-aħħar, b’tali mod li huwa ma setax jiġi kklassifikat bħala impjegat, fis-sens tal-Liġi Nru 118/2000.

23      Barra minn hekk, l-imsemmija qorti ċaħdet l-argumenti tar-rikorrent fil-kawża prinċipali bbażati fuq il-fatt li, matul il-perijodu inkwistjoni, huwa ma kienx jeżerċita biss attivitajiet li jaqgħu taħt id-direzzjoni kummerċjali ta’ AA, iżda li huwa kien jaħdem ukoll bħala responsabbli ta’ xogħlijiet u amministratur ta’ proġetti. Hija kkonstatat li r-rikorrent fil-kawża prinċipali kien ġie elett president tal-bord tad-diretturi sabiex tiġi evitata sitwazzjoni ekonomika sfavorevoli għall-kumpannija, bħal falliment. Issa, il-Liġi Nru 118/2000 ma għandhiex l-għan li tikkumpensa d-dannu li l-membri tal-korp statutorju ta’ kumpannija fi stat ta’ insolvenza jsofru minħabba l-amministrazzjoni kummerċjali tagħhom mingħajr suċċess.

24      Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta appell ta’ kassazzjoni minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju.

25      Din il-qorti tirrileva li, skont il-ġurisprudenza nazzjonali dwar il-kumulu tal-funzjonijiet, li hija s-suġġett ta’ dibattitu bejn il-qrati Ċeki, b’mod partikolari bejn in-Nejvyšší soud (il-Qorti Suprema, ir-Repubblika Ċeka) u l-Ústavní soud (il-Qorti Kostituzzjonali, ir-Repubblika Ċeka), kuntratt ta’ xogħol konkluż bejn kumpannija kummerċjali u persuna, li jipprevedi li din tal-aħħar għandha takkumula l-funzjonijiet ta’ membru tal-korp statutorju u ta’ direttur ta’ din il-kumpannija, huwa validu fid-dawl tal-Kodiċi tax-Xogħol. Madankollu, persuna li tinsab f’tali sitwazzjoni ma tistax tiġi kkwalifikata bħala impjegat, fis-sens tal-Liġi Nru 118/2000. Fil-fatt, anki jekk jeżisti kuntratt ta’ xogħol, membru tal-korp statutorju li jmexxi l-attività tal-kumpannija kummerċjali ma jistax jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu fil-kuntest ta’ rabta ta’ subordinazzjoni, b’tali mod li ma teżistix relazzjoni ta’ xogħol bejn dan il-membru u l-imsemmija kumpannija.

26      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 2(2) u l-Artikolu 12(a) u (ċ) tad-Direttiva 2008/94 jipprekludux tali ġurisprudenza nazzjonali.

27      Hija tfakkar, f’dan ir-rigward, li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-Direttiva 2008/94 għandha għan soċjali li huwa intiż li jiggarantixxi livell minimu ta’ protezzjoni lill-impjegati kollha fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Frar 2011, Andersson, C‑30/10, EU:C:2011:66, punt 25, u tal-5 ta’ Novembru 2014, Tümer, C‑311/13, EU:C:2014:2337, punt 37) u li l-Istati Membri jistgħu għalhekk jeskludu lil ċerti persuni minn din il-protezzjoni biss fil-każijiet speċifiċi stabbiliti minn din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 1993, Wagner Miret, C‑334/92, EU:C:1993:945, punt 14; tas‑17 ta’ Novembru 2011, van Ardennen, C‑435/10, EU:C:2011:751, punt 39, u tal‑5 ta’ Novembru 2014, Tümer, C‑311/13, EU:C:2014:2337, punt 37). Barra minn hekk, l-eventwali esklużjoni ta’ dritt għandha tkun oġġettivament iġġustifikata u għandha tikkostitwixxi miżura neċessarja sabiex jiġu evitati abbużi (sentenza tal‑21 ta’ Frar 2008, Robledillo Núñez, C‑498/06, EU:C:2008:109, punt 44).

28      F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 2 moqri flimkien mal-Artikolu 12(a) u (ċ) tad-Direttiva [2008/94], jipprekludi ġurisprudenza nazzjonali li tistabbilixxi li direttur ta’ kumpannija kummerċjali ma jitqiesx bħala ‘impjegat’ għal skopijiet ta’ ssodisfar ta’ pretensjonijiet ta’ paga mhux imħallsa skont id-Direttiva 2008/94 għas-sempliċi raġuni li d-direttur inkwantu impjegat [fis-sens tal-imsemmija direttiva], huwa fl-istess waqt membru ta’ organu statutorju ta’ din il-kumpannija kummerċjali?”

 Fuq iddomanda preliminari

29      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(2) u l-Artikolu 12(a) u (ċ) tad-Direttiva 2008/94 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu ġurisprudenza nazzjonali li tgħid li persuna li teżerċita, abbażi ta’ kuntratt ta’ xogħol, kumulattivament il-funzjonijiet ta’ direttur u ta’ membru tal-korp statutorju ta’ kumpannija ma tistax tiġi kklassifikata bħala impjegat u, konsegwentement, ma tistax tibbenefika mill-garanziji previsti mill-imsemmija direttiva.

30      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2008/94, din tapplika għall-pretensjonijiet tal-ħaddiema impjegati li jirriżultaw minn kuntratti ta’ xogħol jew minn relazzjonijiet ta’ xogħol u eżistenti fil-konfront ta’ persuni li jimpjegaw li jinsabu fi stat ta’ insolvenza, fis-sens tal-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva. Barra minn hekk, l-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi obbligu ta’ ħlas tal-krediti mhux imħallsa tal-ħaddiema impjegati. Minn dan isegwi li l-ħaddiema impjegati, fis-sens ta’ din id-direttiva, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/94.

31      Għandu jingħad ukoll li s-sitwazzjonijiet li l-ġurisprudenza nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali teskludi mill-benefiċċju tal-Liġi Nru 118/2000 ma jaqgħux taħt l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 1(2) u (3) tad-direttiva msemmija. Fil-fatt, minn naħa, għalkemm l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/94 jawtorizza lill-Istati Membri, b’mod eċċezzjonali, li jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva l-krediti ta’ ċerti kategoriji ta’ ħaddiema impjegati, dan huwa bil-kundizzjoni li jkunu jeżistu forom oħra ta’ garanzija li jiżguraw lill-persuni kkonċernati protezzjoni ekwivalenti għal dik li tirriżulta mill-imsemmija direttiva. Issa, f’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-ġurisprudenza nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tagħtix tali protezzjoni ekwivalenti lill-persuni membri tal-korp statutorju ta’ kumpannija u li barra minn hekk jeżerċitaw, abbażi ta’ kuntratt ta’ xogħol, il-funzjonijiet ta’ direttur ta’ din il-kumpannija. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2008/94 jikkonċerna lis-servi domestiċi impjegati minn persuna fiżika, li ma huwiex il-każ tal-persuni kkonċernati mill-ġurisprudenza nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

32      Sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, għandha, fl-ewwel lok, tiġi eżaminata l-kompatibbiltà ta’ ġurisprudenza nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali mal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2008/94.

33      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li d-Direttiva 2008/94 ma tiddefinixxix hija stess il-kunċett ta’ “persuna impjegata” u tipprovdi, fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tagħha, li hija ma tippreġudikax id-dritt nazzjonali fir-rigward tad-definizzjoni ta’ dan it-terminu, bil-kundizzjoni li ċerti kategoriji ta’ ħaddiema, speċifikati fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tagħha, li ma humiex rilevanti għall-finijiet ta’ din il-kawża, ma jiġux esklużi minnu.

34      Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri sabiex jiddefinixxu dan il-kunċett ma huwiex mingħajr limitu. B’hekk, skont din il-ġurisprudenza, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2008/94 għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-għan soċjali ta’ din id-direttiva li jikkonsisti f’li jiġi ggarantit minimu ta’ protezzjoni għall-ħaddiema impjegati kollha fil-livell tal-Unjoni f’każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega bil-ħlas tad-djun mhux imħallsa li jirriżultaw minn kuntratti jew minn relazzjonijiet ta’ xogħol u li jirrigwardaw ir-remunerazzjoni relatata ma’ perijodu partikolari. L-Istati Membri b’hekk ma għandhomx diskrezzjoni biex jiddefinixxu t-terminu “impjegat” b’mod li jipperikolaw l-għan soċjali ta’ din id-direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2014, Tümer, C‑311/13, EU:C:2014:2337, punt 42).

35      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fid-dawl ta’ dan l-għan soċjali tad-Direttiva 2008/94 kif ukoll tal-kliem tal-Artikolu 1(1) tagħha, id-definizzjoni tat-terminu “impjegat” tirreferi neċessarjament għal relazzjoni ta’ xogħol li toħloq dritt, eżistenti fil-konfront tal-persuna li timpjega, li titlob remunerazzjoni għax-xogħol imwettaq (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ Novembru 2014, Tümer, C‑311/13, EU:C:2014:2337, punt 44). B’hekk, imur kontra l-imsemmi għan soċjali li jiġu mċaħħda persuni, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tirrikonoxxilhom ġeneralment il-kwalità ta’ ħaddiema impjegati u li jiddisponu, bis-saħħa ta’ din il-leġiżlazzjoni, minn djun salarjali li jirriżultaw minn kuntratti ta’ xogħol jew minn relazzjonijiet ta’ xogħol fir-rigward tal-persuna li timpjegahom previsti fl-Artikoli 1(1) u fl-ewwel subparagrafu tal-Artikoli 3 ta’ din id-direttiva, mill-protezzjoni li din id-direttiva tipprovdi fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2014, Tümer, C‑311/13, EU:C:2014:2337, punt 45).

36      Minn dan isegwi li l-fatt li persuna li teżerċita l-funzjoni ta’ direttur ta’ kumpannija kummerċjali tkun ukoll membru tal-korp statutorju ta’ din tal-aħħar ma jippermettix, fih innifsu, li tiġi preżunta jew eskluża l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ xogħol u lanqas il-klassifikazzjoni ta’ din il-persuna bħala impjegat, fis-sens tad-Direttiva 2008/94.

37      Għaldaqstant, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2008/94 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi ġurisprudenza nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tgħid li persuna li teżerċita, abbażi ta’ kuntratt ta’ xogħol, b’mod kumulattiv il-funzjonijiet ta’ direttur u ta’ membru tal-korp statutorju ta’ kumpannija kummerċjali ma tistax tiġi kklassifikata bħala impjegat, fis-sens tal-imsemmija direttiva.

38      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-rikorrent fil-kawża prinċipali kien jeżerċita b’mod kumulattiv il-funzjonijiet ta’ direttur u ta’ president tal-bord tad-diretturi ta’ AA abbażi ta’ kuntratt ta’ xogħol konkluż ma’ din il-kumpannija u li huwa kien jirċievi, f’dan ir-rigward, remunerazzjoni. Peress li, skont il-qorti tar-rinviju, tali kuntratt ta’ xogħol huwa validu fid-dawl tal-kodiċi tax-xogħol Ċek, ma huwiex eskluż li r-rikorrent fil-kawża prinċipali jista’ jitqies li huwa impjegat, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2008/94, liema fatt għandu, madankollu, jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

39      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-konformità ta’ ġurisprudenza nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali mal-Artikolu 12(a) tad-Direttiva 2008/94, għandu jitfakkar li din id-dispożizzjoni tippermetti lill-Istati Membri li jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jevitaw abbużi.

40      Sa fejn tistabbilixxi eċċezzjoni għal regola ġenerali, l-imsemmija dispożizzjoni għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv. Barra minn hekk, l-interpretazzjoni tagħha għandha tkun konformi mal-għan soċjali tad-Direttiva 2008/94 (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2003, Walcher, C‑201/01, EU:C:2003:450, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      Għandu jitfakkar ukoll li l-abbużi msemmija fl-Artikolu 12(a) tad-Direttiva 2008/94 huma l-prattiki abbużivi li jippreġudikaw lill-istituzzjonijiet ta’ garanzija billi joħolqu artifiċjalment kreditu salarjali u b’hekk jagħtu lok, illegalment, għal obbligu ta’ ħlas min-naħa ta’ dawn l-istituzzjonijiet. Il-miżuri li l-Istati Membri huma awtorizzati jieħdu skont din id-dispożizzjoni huma għalhekk dawk li huma neċessarji sabiex jiġu evitati tali prattiki (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2003, Walcher, C‑201/01, EU:C:2003:450, punti 39 u 40).

42      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-ġurisprudenza nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija intiża sabiex tevita li l-persuni li jeżerċitaw b’mod kumulattiv il-funzjonijiet ta’ direttur u ta’ membru tal-bord tad-diretturi ta’ kumpannija kummerċjali jkunu jistgħu jiksbu l-ħlas tal-krediti salarjali mhux imħallsa minħabba l-insolvenza ta’ din il-kumpannija, peress li dawn jistgħu jkunu parzjalment responsabbli għall-imsemmija insolvenza. Għaldaqstant, din taqa’ taħt il-loġika li ssostni lill-Artikolu 12(a) tad-Direttiva 2008/94.

43      Madankollu, din il-ġurisprudenza tistabbilixxi preżunzjoni inkonfutabbli li tali persuna ma teżerċitax il-funzjonijiet tagħha fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ subordinazzjoni iżda tidderiġi, fir-realtà, il-kumpannija kummerċjali kkonċernata u li, konsegwentement, il-fatt li jingħatalha l-benefiċċju tal-garanziji previsti mid-Direttiva 2008/94 jikkostitwixxi abbuż, fis-sens tal-Artikolu 12(a) tagħha. Preżunzjoni ġenerali ta’ eżistenza ta’ abbuż, li ma tistax tiġi kkonfutata fid-dawl tal-elementi karatteristiċi kollha ta’ kull każ partikolari, ma tistax tiġi aċċettata (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-4 ta’ Marzu 2004, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑334/02, EU:C:2004:129, punt 27, u tal-25 ta’ Ottubru 2017, Polbud – Wykonawstwo, C‑106/16, EU:C:2017:804, punt 64, kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawża Grenville Hampshire, C‑17/17, EU:C:2018:287, punt 65).

44      Għaldaqstant, ġurisprudenza nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax tiġi ġġustifikata abbażi tal-Artikolu 12(a) tad-Direttiva 2008/94.

45      Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-konformità ta’ ġurisprudenza nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali mal-Artikolu 12(ċ) tad-Direttiva 2008/94, din id-dispożizzjoni tawtorizza lill-Istati Membri jirrifjutaw jew inaqqsu l-obbligu ta’ ħlas imsemmi fl-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jew l-obbligu ta’ garanzija msemmi fl-Artikolu 7 tagħha fil-każijiet fejn l-impjegat kellu, waħdu jew flimkien mal-qraba viċini tiegħu, parti essenzjali mill-impriża jew mill-istabbiliment tal-persuna li timpjega u kien jeżerċita influwenza kunsiderevoli fuq l-attivitajiet tagħha, fejn dawn iż-żewġ kundizzjonijiet huma kumulattivi.

46      Din id-dispożizzjoni hija bbażata, fost affarijiet oħra, fuq preżunzjoni impliċita li tgħid li impjegat li, fl-istess ħin, kellu sehem essenzjali fl-impriża kkonċernata u kien jeżerċita influwenza kunsiderevoli fuq l-attivitajiet tagħha jista’, bl-istess mod, ikun parzjalment responsabbli għall-insolvenza ta’ din l-impriża (sentenza tal-10 ta’ Frar 2011, Andersson, C‑30/10, EU:C:2011:66, punt 24).

47      F’dan il-każ, għalkemm il-ġurisprudenza nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’, jekk ikun il-każ, tiġi ġġustifikata mill-fatt li persuna li takkumula l-funzjonijiet ta’ direttur u ta’ membru tal-bord tad-diretturi ta’ kumpannija kummerċjali tista’ teżerċita influwenza kunsiderevoli fuq l-attivitajiet ta’ din il-kumpannija, xorta jibqa’ l-fatt li din il-ġurisprudenza ma tinkludi ebda riferiment għall-ewwel kundizzjoni prevista fl-Artikolu 12(ċ) tad-Direttiva 2008/94, jiġifieri li l-impjegat kellu jkollu, waħdu jew flimkien mal-qraba viċini tiegħu, parti essenzjali mill-imsemmija kumpannija.

48      Minn dan isegwi li l-Artikolu 12(a) u (ċ) tad-Direttiva 2008/94 jipprekludi ġurisprudenza nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabbilixxi preżunzjoni inkonfutabbli li tgħid li persuna li teżerċita, anki fuq il-bażi ta’ kuntratt ta’ xogħol validu fid-dawl tad-dritt nazzjonali, kumulattivament il-funzjonijiet ta’ direttur u ta’ membru tal-korp statutorju ta’ kumpannija kummerċjali ma tistax tiġi kklassifikata bħala impjegat, fis-sens ta’ din id-direttiva, u, għaldaqstant, ma tistax tibbenefika mill-garanziji previsti mill-imsemmija direttiva.

49      Konsegwentement, ir-risposta għad-domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 2(2) u l-Artikolu 12(a) u (ċ) tad-Direttiva 2008/94 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu ġurisprudenza nazzjonali li tgħid li persuna li teżerċita, abbażi ta’ kuntratt ta’ xogħol validu fid-dawl tad-dritt nazzjonali, b’mod kumulattiv il-funzjonijiet ta’ direttur u ta’ membru tal-korp statutorju ta’ kumpannija kummerċjali ma tistax tiġi kklassifikata bħala impjegat, fis-sens ta’ din id-direttiva, u, għaldaqstant, ma tistax tibbenefika mill-garanziji previsti mill-imsemmija direttiva.

 Fuq lispejjeż

50      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 2(2) u l-Artikolu 12(a) u (ċ) tad-Direttiva 2008/94/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2008 dwar il-protezzjoni tal-impjegati fil-każ tal-insolvenza ta’ min iħaddimhom, kif emendata bid-Direttiva (UE) 2015/1794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Ottubru 2015, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu ġurisprudenza nazzjonali li tgħid li persuna li teżerċita, abbażi ta’ kuntratt ta’ xogħol validu fid-dawl tad-dritt nazzjonali, b’mod kumulattiv il-funzjonijiet ta’ direttur u ta’ membru tal-korp statutorju ta’ kumpannija kummerċjali ma tistax tiġi kklassifikata bħala impjegat, fis-sens ta’ din id-direttiva, u, għaldaqstant, ma tistax tibbenefika mill-garanziji previsti mill-imsemmija direttiva.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.