Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tal-5 ta’ Mejju 2022 (talba għal deċiżjoni preliminari tan-Nejvyšší správní soud - Ir-Repubblika Ċeka) – HJ vs Ministerstvo práce a sociálních věcí

(Kawża C-101/21) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 2008/94/KE – Protezzjoni tal-ħaddiema impjegati fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega – Artikolu 2(2) – Kunċett ta’ ‘impjegat’ – Artikolu 12(a) u (ċ) – Limiti għar-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet ta’ garanzija – Persuna li teżerċita, abbażi ta’ kuntratt ta’ xogħol konkluż ma’ kumpannija kummerċjali, il-funzjonijiet ta’ membru tal-bord tad-diretturi u ta’ direttur ta’ din il-kumpannija – Kumulu ta’ funzjonijiet – Ġurisprudenza nazzjonali li tirrifjuta lil din il-persuna l-benefiċċju tal-garanziji previsti minn din id-direttiva)

Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek

Qorti tar-rinviju

Nejvyšší správní soud

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: HJ

Konvenut: Ministerstvo práce a sociálních věcí

Dispożittiv

L-Artikolu 2(2) u l-Artikolu 12(a) u (ċ) tad-Direttiva 2008/94/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2008 dwar il-protezzjoni tal-impjegati fil-każ tal-insolvenza ta’ min iħaddimhom, kif emendata bid-Direttiva (UE) 2015/1794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Ottubru 2015, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu ġurisprudenza nazzjonali li tgħid li persuna li teżerċita, abbażi ta’ kuntratt ta’ xogħol validu fid-dawl tad-dritt nazzjonali, b’mod kumulattiv il-funzjonijiet ta’ direttur u ta’ membru tal-korp statutorju ta’ kumpannija kummerċjali ma tistax tiġi kklassifikata bħala impjegat, fis-sens ta’ din id-direttiva, u, għaldaqstant, ma tistax tibbenefika mill-garanziji previsti mill-imsemmija direttiva.

____________

1     ĠU C 148, 26.04.2021.