Language of document :

Appell ippreżentat fl-20 ta’ Frar 2023 minn PNB Banka AS mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla Estiża) fis-7 ta’ Diċembru 2022 fil-Kawża T-330/19, PNB Banka vs BĊE

(Kawża C-101/23 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: PNB Banka AS (rappreżentant: O. Behrends, Rechtsanwalt)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tiddikjara nulla d-deċiżjoni, innotifikata permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Marzu 2019, li permezz tagħha l-BĊE ddeċieda li jopponi t-tranżazzjoni li tikkonsisti fl-akkwist ta’ parteċipazzjonijiet kwalifikanti f’B;

tikkundanna lill-BĊE għall-ispejjeż tal-appellant u ta’ dan l-appell; u

sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex f’pożizzjoni li tiddeċiedi fuq il-mertu, tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell, l-appellant jinvoka aggravju wieħed, ibbażat fuq l-allegazzjoni li s-sentenza appellata hija vvizzjata proċeduralment għaliex il-Qorti Ġenerali ma ttrattatx b’mod xieraq il-kwistjoni tar-rappreżentanza tal-appellant fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

Il-Qorti Ġenerali żbaljat meta assumiet li kwistjoni fir-rigward tal-integrità tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali ma hijiex problema sakemm ikun jista’ jiġi argumentat li l-problema ma tkunx teżisti jekk, ipotetikament, il-Latvja tissodisfa l-obbligi tagħha. Għalhekk hija kisret il-prinċipju li l-protezzjoni legali ma għandhiex tkun sempliċement teoretika u illużorja u għalhekk kisret l-Artikolu 47 tal-Karta.

____________