Language of document : ECLI:EU:C:2023:396

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

11 ta’ Mejju 2023 (*)

“Appell – Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Artikolu 169 – Appell indirizzat kontra d-dispożittiv tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali – Kuntratti pubbliċi għal servizzi – Proċedura ta’ sejħa għal offerti – Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 – Artikolu 170(3) – Punt 23 tal-Anness I – Offerent eliminat li ressaq għall-għarfien tal-Kummissjoni Ewropea indizji dwar in-natura anormalment baxxa tal-offerta magħżula – Portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni li taqa’ fuq l-awtorità kontraenti”

Fil-Kawża C‑101/22 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fl-10 ta’ Frar 2022,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. André, M. Ilkova u O. Verheecke, bħala aġenti,

rikorrent,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Sopra Steria Benelux, stabbilita fi Brussell (il-Belġju),

Unisys Belgium, stabbilita fi Brussell,

irrappreżentati minn L. Masson u G. Tilman, avocats,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn M. Safjan, President tal-Awla, N. Piçarra u M. Gavalec (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez‑Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑1 ta’ Diċembru 2021, Sopra Steria Benelux u Unisys Belgium vs Il‑Kummissjoni (T‑546/20, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2021:846), li permezz tagħha din il-qorti annullat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat‑2 ta’ Lulju 2020 li tirrigwarda, minn naħa, iċ-ċaħda tal-offerta komuni sottomessa minn Sopra Steria Benelux u Unisys Belgium għal-lott A fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti bir-referenza TAXUD/2019/OP/0006 u intiża għal servizzi fid-dawl tal-ispeċifikazzjoni, tal-iżvilupp, tal-manutenzjoni u tal-assistenza tat-tielet livell tal-pjattaformi informatiċi tad-Direttorat Ġenerali “Tassazzjoni u Unjoni Doganali” u, min-naħa l-oħra, l-għoti tal-kuntratt relatat ma’ dan il-lott lill-konsorzju l-ieħor li ssottometta offerta (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Ir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja

2        Intitolat “Talbiet, aggravji u argumenti tal-appell”, l-Artikolu 169 tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdi:

“1.      It-talbiet tal-appell għandhom ikunu intiżi għall-annullament, totali jew parzjali, tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali kif din tkun tinsab fid-dispożittiv ta’ din id-deċiżjoni.

2.      L-aggravji u l-argumenti ta’ liġi invokati għandhom jidentifikaw bi preċiżjoni l-punti tar-raġunijiet tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li huma kkontestati.”

3        Intitolat “Talbiet fil-każ li jintlaqa’ l-appell”, l-Artikolu 170 ta’ dawn ir-Regoli tal-Proċedura jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Jekk l-appell jiġi ddikjarat fondat, it-talbiet tiegħu għandhom ikunu intiżi sabiex jintlaqgħu, kompletament jew parzjalment, it-talbiet imressqa fl-ewwel istanza, bl-esklużjoni ta’ kull talba ġdida. L-appell ma jistax jibdel is-suġġett tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali.”

 Ir-Regolament Finanzjarju

4        Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU 2018, L 193, p. 1, rettifika fil-ĠU 2019, L 60, p. 36, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Finanzjarju”) jipprovdi, fl-Artikolu 161 tiegħu, intitolat “Anness dwar l-akkwist u d-delega ta’ setgħat”:

“Regoli dettaljati dwar l-akkwist huma stabbiliti fl-Anness I għal dan ir-Regolament. Biex jiġi żgurat li meta l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jagħtu kuntratti minn jeddhom, huma japplikaw l-istess standards bħal dawk imposti fuq l-awtoritajiet kontraenti koperti mid-Direttivi 2014/23/UE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (ĠU 2014, L 94, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2015, L 114, p. 24, u ĠU 2018, L 82, p. 17)] u 2014/24/UE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65, u rettifika fil-ĠU 2015, L 275, p. 68)], il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 269 ta’ dan ir-Regolament biex jiġi emendat l-Anness I għal dan ir-Regolament, biex dak l-Anness jiġi allinjat mal-emendi għal dawk id-Direttivi u biex jiġu introdotti aġġustamenti tekniċi relatati.”

5        Intitolat “Deċiżjoni tal-għoti u informazzjoni lill-kandidati jew lill-offerenti”, l-Artikolu 170 ta’ dan ir-regolament jipprevedi, fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu:

“2.      L-awtorità kontraenti għandha tinnotifika lill-kandidati jew lill-offerenti kollha li t-talbiet għall-parteċipazzjoni jew l-offerti tagħhom huma miċħuda bir-raġunijiet li fuqhom tkun ittieħdet id-deċiżjoni, kif ukoll id-durata tal-perijodi ta’ sospensjoni msemmija fl-Artikoli 175(2) u 178(1).

[…]

3.      L-awtorità kontraenti għandha tinforma lil kull offerent li ma jkunx f’sitwazzjoni ta’ esklużjoni msemmija fl-Artikolu 136(1), li mhuwiex miċħud skont l-Artikolu 141, li l-offerta tiegħu tkun konformi mad-dokumenti tal-akkwisti u li jagħmel talba bil-miktub, dwar kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)      l-isem tal-offerent, jew l-offerenti fil-każ ta’ kuntratt qafas, li lilu jingħata l-kuntratt u, ħlief fil-każ ta’ kuntratt speċifiku skont kuntratt qafas bi ftuħ mill-ġdid tal-kompetizzjoni, il-karatteristiċi u l-vantaġġi relattivi tal-offerta magħżula, il-prezz imħallas jew il-valur tal-kuntratt, skont liema minnhom ikun xieraq;

[…]

Madankollu, l-awtorità kontraenti tista’ tiddeċiedi li żżomm ċerta informazzjoni fejn ir-rilaxx tagħha jkun jimpedixxi l-infurzar tal-liġi jew imur kontra l-interess pubbliku, jew ikun ta’ ħsara għall-interessi kummerċjali leġittimi ta’ atturi ekonomiċi, jew jista’ joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni ġusta bejniethom.”

6        Intitolat “Offerti baxxi wisq”, il-punt 23 tal-Anness I tal-imsemmi regolament huwa fformulat kif ġej:

“23.1.      Jekk, għal kuntratt partikolari, il-prezz jew il-kostijiet proposti f’offerta jidhru li huma baxxi wisq, l-awtorità kontraenti għandha titlob bil-miktub dettalji tal-elementi kostitwenti tal-prezz jew il-kostijiet li hija tqis rilevanti u għandha tagħti lill-offerent l-opportunità li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu.

L-awtorità kontraenti tista’, b’mod partikolari, tikkunsidra l-osservazzjonijiet dwar:

(a)      l-ekonomija tal-proċess ta’ manifattura, tal-forniment ta’ servizzi jew tal-metodu tal-kostruzzjoni;

(b)      is-soluzzjonijiet tekniċi magħżula jew il-kondizzjonijiet eċċezzjonalment favorevoli għall-offerent;

(c)      l-oriġinalità tal-offerta;

(d)      il-konformità tal-offerent ma’ kwalunkwe obbligu applikabbli fl-oqsma tal-liġi ambjentali, soċjali u tax-xogħol;

(e)      il-konformità tas-sottokuntratturi ma’ kwalunkwe obbligu applikabbli fl-oqsma tal-liġi ambjentali, soċjali u tax-xogħol;

(f)      il-possibbiltà li l-offerent jikseb għajnuna mill-Istat f’konformità mar-regoli applikabbli.

23.2.      L-awtorità kontraenti għandha tiċħad l-offerta biss fejn l-evidenza pprovduta ma tagħtix ġustifikazzjoni sodisfaċenti tal-livell baxx tal-prezz jew tal-kostijiet proposti.

L-awtorità kontraenti għandha tiċħad l-offerta, fejn ġie stabbilit li l-offerta hija baxxa wisq minħabba li ma tikkonformax mal-obbligi applikabbli fl-oqsma tal-liġi ambjentali, soċjali u tax-xogħol.

[…]”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

7        Il-fatti li wasslu għall-kawża huma spjegati kif ġej fil-punti 1 sa 8 tas-sentenza appellata:

“1      Fis‑6 ta’ Diċembru 2019, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat fis-Suppliment ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2019/S 236–577462) avviż ta’ kuntratt pubbliku dwar sejħa għal offerti bir-referenza TAXUD/2019/OP/0006 u intiż għal servizzi għall-ispeċifikazzjoni, l-iżvilupp, il-manutenzjoni u l-assistenza tat-tielet livell tal-pjattaformi informatiċi tad-Direttorat Ġenerali ‘Tassazzjoni u Unjoni Doganali’ tal-Kummissjoni. L-imsemmi kuntratt kien magħmul minn żewġ lottijiet, jiġifieri l-lott A, ‘Servizzi ta’ evoluzzjoni għall-pjattaforma CCN/CSI’, u l-lott B, ‘Servizzi ta’ evoluzzjoni għall-pjattaformi CCN2(ng), SPEED 2 (ng), CDCO/TAPSOAP u SSV’, u kellu bħala kriterju għall-għoti l-aħjar relazzjoni kwalità-prezz, filwaqt li l-kwalità teknika u l-prezz kienu jirrappreżentaw 70 % u 30 %, rispettivament, fl-evalwazzjoni tal-offerti. Għal kull wieħed minn dawn iż-żewġ lottijiet, il-Kummissjoni kellha tikkonkludi kuntratt qafas għal perijodu ta’ 36 xahar, li jista’ jiġġedded tliet darbiet għal perijodi suċċessivi ta’ 12-il xahar, mal-offerent li joffri l-aħjar relazzjoni kwalità-prezz, bil-kundizzjoni li jissodisfa ċerti kriterji minimi li jikkonċernaw l-eliġibbiltà, in-nuqqas ta’ esklużjoni, il-kapaċità u l-konformità tal-offerta.

2      Fis‑27 ta’ Frar 2020, [il-kumpanniji S2U] ippreżentaw offerta komuni fil-kuntest ta’ konsorzju mmexxi minn Sopra. L-unika offerta oħra ppreżentata għal-lott A fit-termini mogħtija kienet dik tal-konsorzju ARHS-IBM, iffurmat minn ARHS Developments SA u International Business Machines of Belgium SA.

3      Permezz ta’ ittra tat‑2 ta’ Lulju 2020, il-Kummissjoni informat [lill-kumpanniji S2U] biċ-ċaħda tal-offerta tagħhom għal-lott A, minħabba li din ma kinitx dik l-iktar vantaġġuża ekonomikament, kif ukoll bl-għoti tal-kuntratt lil offerent ieħor […]. Hija annettiet estratt mir-rapport ta’ evalwazzjoni tal-offerta tagħhom li jindika l-marki li kienu ġew attribwiti lilha, flimkien ma’ spjegazzjonijiet, u informathom li l-karatteristiċi u l-vantaġġi relattivi tal-offerta magħżula, il-valur tal-kuntratt kif ukoll l-isem tal-offerent rebbieħ setgħu jintbagħtulhom fuq talba bil-miktub. [Il-kumpanniji S2U] bagħtu tali talba fl-istess jum.

Mill-imsemmi estratt mir-rapport ta’ evalwazzjoni jirriżulta li l-offerta [tal-kumpanniji S2U] rċeviet marka totali ta’ 90.81 punt […]

[…]

5      Permezz ta’ ittra tat‑3 ta’ Lulju 2020, il-Kummissjoni informat [lill-kumpanniji S2U] li l-kuntratt kien ingħata lill-konsorzju ARHS-IBM u bagħtitilhom estratt mir-rapport ta’ evalwazzjoni tal-offerta tiegħu li jindika l-marki li kienu ġew attribwiti lilha, flimkien ma’ spjegazzjonijiet.

6      Minn dan l-estratt mir-rapport ta’ evalwazzjoni jirriżulta li l-offerta tal-offerent rebbieħ irċeviet marka totali ta’ 98.53 punt […]

[…]

7      Permezz ta’ ittra tal‑10 ta’ Lulju 2020 [(iktar ’il quddiem it-‘talba tal‑10 ta’ Lulju 2020’)], [il-kumpanniji S2U] kkontestaw ir-riżultat tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti u, fir-rigward tal-prezz indikat fl-offerta magħżula, huma esprimew dubji dwar il-fatt li prezz ħafna inqas minn dak li kienu offrew, li huma kienu jqisu raġonevoli u konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq, seta’ jkun vijabbli mingħajr riskju ta’ ‘dumping soċjali’. Għalhekk, huma talbu lill-awtorità kontraenti, b’mod partikolari, tikkonferma li hija kienet ivverifikat li l-offerta tal-offerent rebbieħ ma kienet tippreżenta ebda riskju f’dan is-sens.

8      Permezz ta’ ittra tal‑20 ta’ Lulju 2020 [(iktar ’il quddiem it-‘tweġiba tal‑20 ta’ Lulju 2020’)], il-Kummissjoni wieġbet, b’mod partikolari, li analiżi ddettaljata fuq il-livell finanzjarju tal-offerta magħżula kienet irrilevat li hija kienet konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq tal-pajjiżi li minnhom il-kontraenti u s-subappaltaturi tagħhom kienu ser jipprovdu s-servizzi mitluba.”

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

8        Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ Settembru 2020, il-kumpanniji S2U ppreżentaw rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

9        Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti invokaw żewġ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-punt 23 tal-Anness I tar-Regolament Finanzjarju u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni; it-tieni wieħed, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża dwar l-eventwali natura anormalment baxxa tal-offerta magħżula.

10      Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet it-tieni motiv, li hija kienet iddeċidiet li teżamina qabel kollox.

11      Fil-punti 38 sa 54 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ġabret fil-qosor ir-regoli dwar l-obbligu ta’ motivazzjoni tal-awtorità kontraenti fil-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi tal-Unjoni, kif jirriżultaw prinċipalment mill-Artikolu 170 tar-Regolament Finanzjarju u mill-punt 23 tal-Anness I tiegħu, kif ukoll mill-ġurisprudenza relatata miegħu.

12      B’mod iktar partikolari, mill-punti 47 sa 49 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-evalwazzjoni, mill-awtorità kontraenti, tal-eżistenza ta’ offerti anormalment baxxi għandha ssir f’żewġ partijiet. Inizjalment, l-awtorità kontraenti għandha tevalwa prima facie, u mhux billi tibbaża ruħha fuq analiżi ddettaljata tal-kompożizzjoni ta’ kull offerta, jekk il-prezz jew l-ispejjeż proposti fl-offerta “jidhrux” anormalment baxxi. Fl-assenza ta’ indizji ta’ natura li jqajmu s-suspett li din tista’ tkun anormalment baxxa, l-awtorità kontraenti tista’ tkompli bl-evalwazzjoni tagħha u bil-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt. Min-naħa l-oħra, fil-preżenza ta’ tali indizji, l-awtorità kontraenti għandha, sussegwentement, tivverifika f’iktar dettall il-kontenut ta’ din l-offerta sabiex tiżgura ruħha li din ma hijiex anormalment baxxa. Għal dan il-għan, hija għandha, qabel kollox, tagħti lill-offerent inkwistjoni l-possibbiltà li jesponi r-raġunijiet għalfejn huwa jqis li l-offerta tiegħu ma hijiex anormalment baxxa. Ulterjorment, l-awtorità kontraenti għandha tevalwa l-ispjegazzjonijiet ipprovduti u tiddetermina jekk l-offerta inkwistjoni hijiex ta’ natura anormalment baxxa, f’liema każ hija tkun obbligata tiċħadha.

13      Fil-punti 51 sa 53 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali fakkret li l-obbligu ta’ motivazzjoni tal-awtorità kontraenti, meta din tqis li l-offerta magħżula ma tidhirx li hija anormalment baxxa, għandu portata ristretta. B’mod partikolari, meta tagħżel offerta, hija ma għandhiex obbligu li tindika espliċitament, bi tweġiba għal kull talba ta’ motivazzjoni li ssirilha skont l-Artikolu 170(3) tar-Regolament Finanzjarju, ir-raġunijiet għalfejn din l-offerta ma tkunx dehritilha anormalment baxxa. Fil-fatt, il-fatt li tintgħażel offerta jixhed, impliċitament iżda neċessarjament, l-assenza ta’ indizji li juru li l-offerta kienet anormalment baxxa. Motivazzjoni espliċita għandha, min-naħa l-oħra, tinġieb għall-għarfien tal-offerent eliminat li jagħmel talba espressa għaliha, sabiex jiġi informat b’aspett importanti tal-karatteristiċi u tal-vantaġġi relatati mal-offerta magħżula, fis-sens tal-Artikolu 170(3) ta’ dan ir-regolament. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 54 tal-istess sentenza, li ma huwiex biżżejjed għall-awtorità kontraenti li tillimita ruħha li tikkonstata li l-offerta magħżula fil-kuntest tal-proċedura ta’ għoti ma hijiex anormalment baxxa.

14      Fil-punt 55 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni llimitat ruħha, inizjalment, konformement mal-Artikolu 170 tar-Regolament Finanzjarju u mal-punt 31 tal-Anness I ta’ dan ir-regolament, tinforma lill-kumpanniji S2U li l-offerta tagħhom kienet ġiet miċħuda, billi annettiet estratt mir-rapport tal-kumitat ta’ evalwazzjoni dwar l-offerta tagħhom. Sussegwentement, wara talba bil-miktub ta’ dawn tal-aħħar, il-Kummissjoni llimitat ruħha tikkomunikalhom l-isem tal-offerent magħżul, il-prezz tal-offerta magħżula, il-punteġġ finanzjarju tiegħu u r-relazzjoni tiegħu bejn il-kwalità u l-prezz kif espress mill-punteġġ finali tagħha. Għall-Qorti Ġenerali, id-dettalji kkomunikati b’ebda mod ma kienu jirrigwardaw l-eżami tal-prezz tal-offerta magħżula fid-dawl tal-eventwali natura anormalment baxxa tiegħu.

15      Fil-punt 59 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali fakkret li huwa minħabba d-differenza sinjifikattiva bejn il-prezzijiet proposti mill-kumpanniji S2U u mill-offerent magħżul li dan tal-aħħar rebaħ il-kuntratt. Huwa f’dan il-kuntest li l-kumpanniji S2U talbu lill-Kummissjoni, kif tfakkar fil-punt 56 tal-imsemmija sentenza, tikkonferma, b’mod partikolari, li hija kienet ivverifikat li, fir-rigward tal-prezz tagħha, l-offerta magħżula la kienet tinvolvi riskju ta’ “dumping soċjali” u lanqas riskji li jikkonċernaw l-eżekuzzjoni tal-kuntratt.

16      Fil-punti 57 u 66 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li, għalkemm il-kumpanniji S2U ma invokawx b’mod espliċitu l-kunċett ta’ “offerta anormalment baxxa”, huma kienu semmew b’mod ċar il-konsegwenzi potenzjali inerenti għall-preżentazzjoni ta’ tali offerta, jiġifieri riskju ta’ dumping soċjali u riskju għall-kontinwità tal-provvista tas-servizzi.

17      Fil-punt 58 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-Kummissjoni llimitat ruħha tallega, fit-tweġiba tagħha tal-20 ta’ Lulju 2020, li analiżi ddettaljata mill-perspettiva finanzjarja tal-offerta tal-offerent magħżul kienet uriet li din kienet konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq tal-pajjiżi li minnhom il-partijiet kontraenti u s-subappaltaturi tagħhom kienu ser jipprovdu s-servizzi mitluba.

18      Fil-punti 60 u 61 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali qieset li tali konstatazzjoni kienet insuffiċjenti, fid-dawl tal-fatt li żewġ offerti biss kienu ġew sottomessi għal-lott A u li għalhekk kien hemm biss terminu wieħed ta’ paragun li jippermetti li jiġi stabbilit jekk kienx jeżisti indizju li l-prezz tal-offerta magħżula seta’ jitqies bħala anormalment baxx. Fil-fatt, peress li l-kriterju tal-prezz kien determinanti fil-klassifikazzjoni tal-offerti u peress li l-prezz tal-offerta magħżula kien jikkostitwixxi l-uniku vantaġġ tiegħu, il-Kummissjoni kellha tipprovdi tal-inqas l-informazzjoni li tirrigwarda l-perċentwali li tikkorrispondi għas-sehem mis-suq li ser jiġi eżegwit b’subappalt kif ukoll il-pajjiżi li minnhom is-servizzi inkwistjoni ser jiġu eżegwiti.

19      Barra minn hekk, li kieku l-Kummissjoni kienet ikkomunikat din l-informazzjoni, hekk kif għamlet fir-risposta tagħha u waqt is-seduta li nżammet quddiem il-Qorti Ġenerali, il-kumpanniji S2U kienu jkunu jistgħu jifhmu aħjar ir-raġunijiet tad-differenza fil-prezz bejn iż-żewġ offerti. Tali informazzjoni kienet tippermettilhom ukoll li jkollhom biżżejjed elementi sabiex ikunu jafu r-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni kienet ikkunsidrat li l-offerta magħżula ma kinitx tidher anormalment baxxa u, għaldaqstant, li eventwalment jikkontestaw il-fondatezza ta’ din l-evalwazzjoni.

20      Fil-punt 68 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali qieset li ma jistax jiġi aċċettat li awtorità kontraenti sempliċement tinvoka l-punt 23.1 tal-Anness I tar-Regolament Finanzjarju u b’hekk tevita l-obbligu, previst fl-Artikolu 170(3) ta’ dan ir-regolament, li tikkomunika lill-offerent eliminat li jagħmel talba bil-miktub f’dan is-sens il-karatteristiċi u l-vantaġġi tal-offerta magħżula, b’mod partikolari r-raġunijiet għalfejn din l-offerta ma dehritx anormalment baxxa. Skont il-Qorti Ġenerali, għaldaqstant il-Kummissjoni ma setgħetx tillimita ruħha li tikkonstata li l-offerta magħżula kienet tidher anormalment baxxa, mingħajr ma tippreċiża lill-kumpanniji S2U, li kienu għamlu t-talba espressa f’dan is-sens, ir-raġunijiet li wassluha għal din il-konklużjoni.

21      Fl-aħħar nett, fil-punt 69 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset tardivi l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni fil-mori tal-kawża, li skonthom parti kbira mis-servizzi previsti mill-offerta magħżula huma subappaltati, essenzjalment fil-Greċja u fir-Rumanija, b’tali mod li d-differenzi fis-salarji marbuta mal-postijiet ta’ eżekuzzjoni tas-servizzi jispjegaw id-differenza fil-prezz, sostanzjali, bejn l-offerti sottomessi. Il-Qorti Ġenerali fakkret li tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni biss informazzjoni rċevuta mill-kumpanniji S2U qabel il-preżentata tar-rikors quddiemha, peress li l-motivazzjoni ma tistax, bħala prinċipju, tiġi spjegata għall-ewwel darba u a posteriori quddiem il-qorti.

22      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 70 u 71 ta’ din is-sentenza, li, wara li ttieħdet inkunsiderazzjoni l-informazzjoni li l-Kummissjoni kienet ipprovditilhom, il-kumpanniji S2U ma setgħux ikunu jafu bl-informazzjoni kollha dwar il-kompożizzjoni tal-offerta tal-offerent magħżul li ppermettew lill-Kummissjoni tikkunsidra li din ma kinitx tidher anormalment baxxa. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali laqgħet it-tieni motiv tal-kumpanniji S2U u annullat id-deċiżjoni kontenzjuża, mingħajr ma qieset neċessarju li teżamina l-ewwel motiv tar-rikors.

 It-talbiet tal-partijiet

23      Fl-appell tagħha, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tannulla l-punti 52 sa 57, 60, 61, 66, 68 u 69 tas-sentenza appellata;

–        tiċħad it-talba għal annullament, u

–        tikkundanna lill-kumpanniji S2U għall-ispejjeż ta’ din il-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali.

24      Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni titlob ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tiddikjara l-appell inammissibbli kollu kemm hu u

–        tannulla s-sentenza appellata.

25      Il-kumpanniji S2U jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–        prinċipalment, tiċħad għalkollox l-appell u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha tal-proċedura u,

–        sussidjarjament, fil-każ li l-appell jiġi ddikjarat fondat, terġa’ tibgħat il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali.

 Fuq l-appell

 Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-kumpanniji S2U

 L-argumenti tal-partijiet

26      Il-kumpanniji S2U jeċċepixxu l-inammissibbiltà tal-appell minħabba l-ksur mill-Kummissjoni tal-Artikoli 169 u 170 tar-Regoli tal-Proċedura. Fil-fatt, il-Kummissjoni titlob biss l-annullament tal-punti 52 sa 57, 60, 61, 66, 68 u 69 tas-sentenza appellata, mingħajr ma titlob, konsegwentement, l-annullament, totali jew parzjali, tad-deċiżjoni hekk kif tinsab fid-dispożittiv ta’ din is-sentenza, fis-sens tal-Artikolu 169(1) ta’ dan ir-regolament.

27      Il-Kummissjoni lanqas ma tikkontesta l-punti 70 u 71 tas-sentenza appellata u għalhekk għandha titqies li qablet magħhom. Issa, dawn jinkludu l-konklużjoni tar-raġunament li wassal, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali tikkonstata, minn naħa, li l-kumpanniji S2U ma kinux jafu bl-informazzjoni dwar il-kontenut tal-offerta tal-offerent rebbieħ li minnha l-Kummissjoni kkunsidrat li din l-offerta ma kinitx tidher anormalment baxxa u, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni kienet esponiet b’mod insuffiċjenti l-motivi li jiġġustifikaw din il-konklużjoni, b’tali mod li d-deċiżjoni kontenzjuża kellha tiġi annullata mingħajr il-ħtieġa li jiġi eżaminat l-ewwel motiv.

28      Il-kumpanniji S2U jitolbu wkoll l-inammissibbiltà tat-talba l-ġdida, ifformulata mill-Kummissjoni fir-replika tagħha, intiża, minn naħa, sabiex l-appell jiġi ddikjarat ammissibbli fl-intier tiegħu u, min-naħa l-oħra, għall-annullament ta’ din is-sentenza.

29      Il-Kummissjoni titlob li din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tiġi miċħuda.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

30      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat, kif issostni l-Kummissjoni fir-replika tagħha, li l-kumpanniji S2U ma kienu ressqu ebda argument li jippermetti li jiġi ssostanzjat ksur tal-Artikolu 170 tar-Regoli tal-Proċedura. Minn dan isegwi li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà għandha tiġi eżaminata biss fid-dawl tal-Artikolu 169 tiegħu.

31      F’dan ir-rigward, il-prinċipju fundamentali li skontu l-appell għandu jiġi indirizzat kontra d-dispożittiv tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, mingħajr ma jkun previst it-tibdil ta’ ċerti motivi ta’ din id-deċiżjoni, jirriżulta mill-paragrafu 1 ta’ din l-aħħar dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Novembru 2012, Al‑Aqsa vs Il‑Kunsill u Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Al‑Aqsa, C‑539/10 P u C‑550/10 P, EU:C:2012:711, punti 43 sa 45, kif ukoll tas‑16 ta’ Lulju 2020, Inclusion Alliance for Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑378/16 P, EU:C:2020:575, punt 57). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li formaliżmu eċċessiv fl-applikazzjoni ta’ din ir-regola jmur kontra din il-ġurisprudenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Inclusion Alliance for Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑378/16 P, EU:C:2020:575, punti 59 u 60).

32      F’dan il-każ, fil-parti tal-appell tagħha intitolat “Talbiet”, il-Kummissjoni talbet biss lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla l-punti 52 sa 57, 60, 61, 66, 68 u 69 tas-sentenza appellata, tiċħad ir-rikors għal annullament ippreżentat mill-kumpanniji S2U quddiem il-Qorti Ġenerali u tikkundanna lil lill-kumpanniji S2U għall-ispejjeż kollha.

33      Madankollu, mit-titolu prinċipali tal-appell ippreżentat mill-Kummissjoni jirriżulta b’mod ċar li din qiegħda titlob formalment l-annullament tas-sentenza appellata. Barra minn hekk, minkejja li din tal-aħħar ma talbitx espressament l-annullament ta’ din is-sentenza fil-paragrafu konklużiv tal-appell tagħha, hija, għall-finijiet tal-iżviluppi ddedikati għal kull wieħed mit-tliet aggravji mressqa insostenn tal-appell tagħha, identifikat il-punti ta’ din is-sentenza li kienu jidhrulha vvizzjati bi żball ta’ liġi u minn dan iddeduċiet espliċitament li l-punt 1 tad-dispożittiv tal-imsemmija sentenza kellu wkoll jiġi annullat sa fejn kien sostnut mill-punti inkwistjoni.

34      F’dawn iċ-ċirkustanzi, anki jekk it-talbiet stricto sensu tal-appell ma humiex intiżi espressament għall-annullament tal-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, dawn jistgħu jitqiesu biss li huma intiżi, essenzjalment, għall-istess riżultat. F’dan ir-rigward, huwa ovvju, mill-qari tar-risposti u tal-kontroreplika sottomessi mill-kumpanniji S2U, li dawn tal-aħħar fehmu perfettament ir-raġunament żviluppat mill-Kummissjoni fl-appell tagħha u l-implikazzjonijiet tiegħu fir-rigward tal-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata.

35      Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma kkontestatx il-punti 70 u 71 ta’ din is-sentenza, dan ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, dawn iż-żewġ punti għandhom biss natura konjittiva u sempliċement jisiltu l-konsegwenzi tal-punti li l-Kummissjoni kkontestat espressament. Għaldaqstant, anki jekk kien ikun preferibbli li l-Kummissjoni tqiegħedhom ukoll inkwistjoni, dan in-nuqqas ma jistax iwassal għal konsegwenzi.

36      Konsegwentement, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-kumpanniji S2U għandha tiġi miċħuda.

 Fuq il-mertu

37      Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tqajjem tliet aggravji. Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, hija tikkritika lill-Qorti Ġenerali billi ssostni li wettqet żball ta’ liġi meta kklassifikat it-talba tal-10 ta’ Lulju 2020 bħala “talba espressa” intiża biex jinkisbu r-raġunijiet li wasslu lill-awtorità kontraenti ma tikkunsidrax li l-offerta magħżula tidher li hija anormalment baxxa. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq żnaturament tal-kontenut tat-tweġiba tal-20 ta’ Lulju 2020. Permezz tat-tielet aggravju tagħha, il-Kummissjoni tallega ksur tal-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni li għandha l-awtorità kontraenti bis-saħħa tal-Artikolu 296 TFUE u tal-Artikolu 170(3) tar-Regolament Finanzjarju.

 Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali billi kklassifikat it-talba tal-10 ta’ Lulju 2020 bħala “talba espressa” intiża biex jinkisbu r-raġunijiet għalfejn l-awtorità kontraenti ma qisitx li l-offerta magħżula kienet anormalment baxxa

–       L-argumenti tal-partijiet

38      Fil-kuntest tal-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-punti 52 sa 57 tas-sentenza appellata huma vvizzjati b’kontradizzjoni li wasslet, fil-punti 66 u 68 tagħha, għal klassifikazzjoni ġuridika żbaljata tal-fatti mill-Qorti Ġenerali.

39      Fil-fatt, mis-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2017, European Dynamics Luxembourg et vs L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji (T‑392/15, EU:T:2017:462, punt 93) jirriżulta li huwa biss fil-preżenza ta’ talba espressa ta’ offerent, jiġifieri, talba li tinvoka espliċitament in-natura anormalment baxxa tal-offerta magħżula mill-awtorità kontraenti, li din tal-aħħar għandha tiġġustifika r-raġuni li għaliha hija tqis li l-offerta li hija għażlet ma kinitx tidhrilha li hija anormalment baxxa.

40      Issa, dan ir-rekwiżit ta’ talba espressa, li huwa enfasizzat fil-punti 52 u 63 sa 65 tas-sentenza appellata, ma huwiex issodisfat f’dan il-każ peress li l-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 57 ta’ din is-sentenza, li, fit-talba tal-10 ta’ Lulju 2020, “[il-kumpanniji S2U] ma invokawx espliċitament il-kunċett ta’ ‘offerta anormalment baxxa’”.

41      Għall-Kummissjoni, il-fatt li offerent isemmi waħda mill-konsegwenzi “potenzjali inerenti għall-preżentazzjoni ta’ offerta anormalment baxxa, jiġifieri riskju ta’ dumping soċjali […] u riskju għall-kontinwità tal-provvista tas-servizzi” ma jistax jiġi ekwiparat ma’ talba espressa u lanqas ma jista’ jkun suffiċjenti sabiex joħloq, fi ħdan l-awtorità kontraenti, l-obbligu ta’ motivazzjoni tar-raġunijiet li għalihom offerta ma dehritilhiex li hija anormalment baxxa. Fil-fatt, iż-żewġ riskji invokati la jistgħu jiġu ekwiparati u lanqas ma huma ekwivalenti għall-kunċett ta’ offerta anormalment baxxa.

42      F’dan ir-rigward, il-kunċett ta’ “dumping soċjali”, li ma huwiex iddefinit fid-dritt tal-Unjoni, ma huwiex imsemmi fil-punt 23.1 tal-Anness I tar-Regolament Finanzjarju li jelenka l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata n-natura anormalment baxxa ta’ offerta. Barra minn hekk, minkejja li l-kumpanniji S2U invokaw, fit-talba tagħhom tal‑10 ta’ Lulju 2020, ir-riskju ta’ kontinwità fir-rigward tal-provvista tas-servizzi, dan ir-riskju lanqas ma jissemma f’din id-dispożizzjoni. Għandu jingħad ukoll li l-kumpanniji S2U staqsew lill-awtorità kontraenti biss dwar l-eżistenza ta’ riskju ta’ dumping soċjali.

43      Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali tobbliga lill-awtorità kontraenti, anki meta ssirilha talba mhux espliċita, timpenja ruħha f’interpretazzjoni teleoloġika tal-mistoqsijiet magħmula mill-offerent minflok ma tillimita ruħha għal interpretazzjoni letterali ta’ dawn il-mistoqsijiet, hekk kif jirriżulta mis-sentenza tas‑26 ta’ April 2018, European Dynamics Luxembourg u Evropaïki Dynamiki vs Il‑Kummissjoni (T‑752/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:233, punti 78 sa 81). Din l-interpretazzjoni l-ġdida toħloq, barra minn hekk, inċertezza legali, peress li l-awtoritajiet kontraenti ma jafux jekk għandhomx jekwiparaw kull talba li tinvoka waħda mill-“konsegwenzi potenzjali ta’ offerta anormalment baxxa” ma’ talba espressa intiża sabiex isiru magħrufa r-raġunijiet li għalihom l-awtorità kontraenti ma kellhiex dubju f’dak li jirrigwarda n-natura anormalment baxxa tal-offerta magħżula.

44      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma aċċettatx il-klassifikazzjoni tat-talba tal-10 ta’ Lulju 2020 bħala talba espressa dwar in-natura anormalment baxxa ta’ offerta, kif tirriżulta mill-punti 66 u 68 tas-sentenza appellata.

45      Il-kumpanniji S2U jsostnu li l-ewwel aggravju huwa inammissibbli sa fejn jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tagħmel evalwazzjoni fattwali dwar il-kunċett ta’ “talba espressa”. Sussidjarjament, dan l-aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

46      Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, li huwa indirizzat kontra l-punti 52 sa 66, 57 u 68 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni tikkritika, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali billi ssostni li wettqet żball ta’ liġi meta fehmet it-talba tal-10 ta’ Lulju 2020 bħala talba intiża espressament sabiex l-awtorità kontraenti tintalab tesponi r-raġunijiet għalfejn l-offerta magħżula ma dehritilhiex li hija ta’ natura anormalment baxxa.

47      F’dan ir-rigward, sa fejn il-kumpanniji S2U jsostnu li l-ewwel aggravju huwa inammissibbli minħabba li jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja twettaq evalwazzjoni fattwali tal-kunċett ta’ “talba espressa”, għandu jitfakkar li l-klassifikazzjoni ġuridika ta’ fatt jew ta’ att, imwettqa mill-Qorti Ġenerali, hija kwistjoni ta’ liġi li tista’ titqajjem fil-kuntest ta’ appell (sentenzi tad‑19 ta’ Ottubru 1995, Rendo et vs Il‑Kummissjoni, C‑19/93 P, EU:C:1995:339, punt 26, kif ukoll tat‑12 ta’ Mejju 2022, Klein vs Il‑Kummissjoni, C‑430/20 P, EU:C:2022:377, punt 41). Isegwi li l-kwistjoni dwar jekk it-talba tal‑10 ta’ Lulju 2020 tikkostitwixxix talba “espliċita”, jiġifieri talba li tirrigwarda r-raġunijiet għalfejn l-awtorità kontraenti ma kkunsidratx l-offerta magħżula bħala anormalment baxxa, fis-sens tal-Artikolu 170(3) (a) tar-Regolament Finanzjarju, moqri flimkien mal-punt 23 tal-Anness I ta’ dan ir-regolament, hija kwistjoni ta’ liġi li tista’ tiġi eżaminata fl-istadju tal-appell. Għaldaqstant, dan l-aggravju huwa ammissibbli.

48      Fir-rigward tal-mertu, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 170(3)(a) tar-Regolament Finanzjarju jagħti l-possibbiltà lil kull offerent, li ma jinsabx f’sitwazzjoni ta’ esklużjoni, li ma ġiex eliminat u li l-offerta tiegħu tkun tqieset li hija konformi mad-dokumenti tal-kuntratt, jitlob bil-miktub lill-awtorità kontraenti informazzjoni bħall-isem tal-offerent li lilu ngħata l-kuntratt kif ukoll il-karatteristiċi u l-vantaġġi relattivi tal-offerta magħżula, il-prezz imħallas jew il-valur tal-kuntratt, skont kif xieraq.

49      Offerent eliminat jista’ għalhekk jużufruwixxi mill-fakultà miftuħa f’din id-dispożizzjoni sabiex jistieden lill-awtorità kontraenti tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha li ma tikkunsidrax l-offerta magħżula bħala offerta anormalment baxxa, fis-sens tal-punt 23 tal-Anness I ta’ dan ir-regolament. Tali stħarriġ jista’ jkun utli sa fejn, meta tintgħażel offerta, l-awtorità kontraenti titqies li kkunsidrat, tal-inqas impliċitament, li ma kienx hemm indizji li juru li din kienet anormalment baxxa.

50      Il-fakultà hekk miftuħa fl-Artikolu 170(3)(a) tar-Regolament Finanzjarju, moqri flimkien mal-punt 23 tal-Anness I ta’ dan ir-regolament, hija intiża li tipproteġi lil kull offerent eliminat, fl-aħħar stadju ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt, mil-liberu arbitriju tal-awtorità kontraenti u li tiggarantixxi kompetizzjoni b’saħħitha bejn l-offerenti (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑27 ta’ Novembru 2001, Lombardini u Mantovani, C‑285/99 u C‑286/99, EU:C:2001:640, punti 44 u 57).

51      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet, fil-punt 52 tas-sentenza appellata, li awtorità kontraenti hija obbligata tindika espliċitament ir-raġunijiet li għalihom l-offerta li tkun għażlet ma tkunx dehritilha anormalment baxxa biss jekk offerent eliminat ikun għamel talba espressa għaliha.

52      F’dan ir-rigward, għalkemm huwa preferibbli li tali offerent jirreferi letteralment għall-kunċett ta’ “offerta anormalment baxxa”, fis-sens tal-punt 23 tal-Anness I tar-Regolament Finanzjarju, meta jkollu l-intenzjoni li jistħarreġ lill-awtorità kontraenti dwar dan il-punt, madankollu ma jidhirx li huwa indispensabbli riferiment espress għal dan il-kunċett. Fil-fatt, minn naħa, “talba espressa”, għall-finijiet tal-Artikolu 170(3)(a) ta’ dan ir-regolament ma tistax tiġi konfuża mal-indikazzjoni espliċita tal-espressjoni “offerta anormalment baxxa”. Min-naħa l-oħra, peress li l-Artikolu 170(3)(a) tal-imsemmi regolament ma jużax din l-espressjoni direttament, iżda jirreferi għat-termini ġenerali ta’ “[karatteristiċi u vantaġġi] relattivi tal-offerta magħżula”, huwa biżżejjed li t-talba espressa tkun tirrigwarda bi preċiżjoni u b’ċarezza suffiċjenti tali karatteristiċi u vantaġġi mingħajr ma neċessarjament tirriproduċi t-terminoloġija eżatta ta’ dispożizzjonijiet oħra tal-istess regolament.

53      Madankollu, huwa kruċjali li t-talba tal-offerent eliminat tiġi fformulata b’tali mod li ma tħalli ebda dubju dwar l-intenzjoni tiegħu li jwassal lill-awtorità kontraenti tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha li ma tikkunsidrax l-offerta magħżula bħala anormalment baxxa. Dan huwa l-każ meta, bħal f’dan il-każ, offerent eliminat jindika lill-awtorità kontraenti żewġ konsegwenzi potenzjali magħrufa sew tal-għażla ta’ offerta anormalment baxxa, bħar-riskju ta’ dumping soċjali u r-riskju li tiġi pperikolata l-kontinwità tas-servizzi.

54      Ir-rabta bejn tali riskji u l-kunċett ta’ “offerta anormalment baxxa” tirriżulta b’mod ċar mill-punt 23.1 (a), (b), (d) u (e) tal-Anness I tar-Regolament Finanzjarju, li jipprevedi, f’dan ir-rigward, li l-awtorità kontraenti tista’, sabiex jiġi ddeterminat jekk offerta hijiex anormalment baxxa, b’mod partikolari tieħu inkunsiderazzjoni l-ekonomija tal-proċess ta’ manifattura, tal-provvista ta’ servizzi jew tal-proċess ta’ kostruzzjoni; is-soluzzjonijiet tekniċi adottati jew il-kundizzjonijiet eċċezzjonalment favorevoli għad-dispożizzjoni tal-offerent; kif ukoll l-osservanza, mill-offerent jew mis-subappaltaturi tiegħu, tal-obbligi applikabbli fl-oqsma tad-dritt ambjentali, soċjali u industrijali.

55      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkunsidrat, fil-punti 56 u 57 tas-sentenza appellata, li l-kumpanniji S2U kienu semmew b’mod ċar il-konsegwenzi potenzjali inerenti għall-preżentazzjoni ta’ offerta anormalment baxxa. Sabiex tasal għal tali konklużjoni, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-kumpanniji S2U kienu invokaw il-prezz realistiku u kompetittiv tal-offerta tagħhom stess, fid-dawl tal-kundizzjonijiet tal-kuntratt, tal-esperjenza tagħhom bħala parti kontraenti tal-Kummissjoni u tar-riskji relatati mal-eżekuzzjoni tal-kuntratt li tkun timplika offerta li l-prezz tagħha kien kunsiderevolment inqas minn dak li kienu qed jipproponu.

56      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li l-kumpanniji S2U kienu stiednu lill-Kummissjoni tikkonferma, b’mod partikolari, li hija kienet ivverifikat li, fir-rigward tal-prezz tagħha, l-offerta magħżula ma kinitx tinvolvi riskju ta’ “dumping soċjali”. Billi għamlet hekk, il-Qorti Ġenerali qieset, ġustament, li l-kumpanniji S2U kellhom l-intenzjoni li jenfasizzaw li seta jiġri li l-offerta magħżula ma tosservax il-leġiżlazzjoni tal-pajjiżi li fihom kellhom jiġu eżegwiti s-servizzi fil-qasam tar-remunerazzjoni tal-persunal, ta’ kontribuzzjoni għall-iskema ta’ sigurtà soċjali kif ukoll ta’ sigurtà u ta’ saħħa fuq il-post tax-xogħol, b’tali mod li din l-offerta setgħet ukoll tippreżenta riskju għall-kontinwità tal-provvista tas-servizzi.

57      Għaldaqstant, huwa mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali setgħet tikklassifika, fil-punti 66 u 68 tas-sentenza appellata, it-talba tal‑10 ta’ Lulju 2020 bħala “talba espressa” li tirrigwarda r-raġunijiet għalfejn l-awtorità kontraenti ma kinitx qieset l-offerta magħżula bħala anormalment baxxa.

58      Għaldaqstant, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq ksur tal-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni li għandha l-awtorità kontraenti bis-saħħa tal-Artikolu 296 TFUE u tal-Artikolu 170(3) tar-Regolament Finanzjarju

–       L-argumenti tal-partijiet

59      Permezz tat-tielet aggravju tagħha, il-Kummissjoni tilmenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi marret kontra l-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni li għandha l-awtorità kontraenti bis-saħħa tal-Artikolu 296 TFUE u tal-Artikolu 170(3) tar-Regolament Finanzjarju.

60      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ssostni li r-raġunament żviluppat mill-Qorti Ġenerali, minn naħa, fil-punti 51 u 52 ta’ din is-sentenza u, min-naħa l-oħra, fil-punti 53, 54, 60, 61 u 68 tagħha, fih kontradizzjonijiet fir-rigward tal-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni u jwassal sabiex tmur kontra l-evalwazzjoni f’żewġ stadji mill-awtorità kontraenti tal-offerti li jidhru anormalment baxxi, kif previst fil-punt 23 tal-Anness I tar-Regolament Finanzjarju. Barra minn hekk, billi stabbilixxiet obbligu ta’ motivazzjoni daqstant wiesa’, il-Qorti Ġenerali tmur lil hinn mill-indikazzjonijiet tal-Artikolu 170(3) ta’ dan ir-regolament, li ma jsemmix in-natura anormalment baxxa ta’ offerta bħala element tal-motivazzjoni.

61      Fil-punt 51 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali tikkonferma li, fl-ewwel stadju tal-analiżi, jiġifieri meta l-awtorità kontraenti kkunsidrat li offerta ma kinitx tidher anormalment baxxa, l-obbligu ta’ motivazzjoni għandu biss portata limitata. Li tingħata portata iktar kompleta lill-obbligu ta’ motivazzjoni, f’dan l-istadju tal-analiżi li tistrieħ fuq evalwazzjoni prima facie, ifisser li tiġi imposta prova djabolika fuq l-awtorità kontraenti.

62      Għalhekk huwa biss fil-preżenza ta’ dubju dwar in-natura anormalment baxxa tal-offerta li l-awtorità kontraenti tkun obbligata tikkonsulta l-offerent ikkonċernat, sabiex ikollha iktar elementi dwar il-kompożizzjoni tal-prezz u tal-ispejjeż. F’dan it-tieni stadju tal-analiżi, peress li l-awtorità kontraenti setgħet twettaq verifika ddettaljata tal-offerta, il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni hija kompleta, hekk kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali fis-sentenza tagħha tal‑4 ta’ Lulju 2017, European Dynamics Luxembourg et vs L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji (T‑392/15, EU:T:2017:462, punt 91).

63      Madankollu, b’kontradizzjoni mal-portata limitata tal-obbligu ta’ motivazzjoni, enfasizzata fil-punt 51 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fl-aħħar sentenza tal-punt 52 ta’ din is-sentenza, li, fil-każ fejn l-offerta ma tkunx tidher li hija anormalment baxxa, il-motivi li jiġġustifikaw tali assenza ta’ apparenza għandhom jiġu kkomunikati jekk talba espressa tiġi indirizzata lill-awtorità kontraenti u li dawn il-motivi, kif ukoll ir-raġunament sottostanti għalihom, jikkostitwixxu karatteristiċi u vantaġġi fis-sens tal-Artikolu 170(3) tar-Regolament Finanzjarju. Ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali huwa kontradittorju peress li jimplika li s-sempliċi talba espliċita ta’ offerent eliminat, dwar in-natura anormalment baxxa ta’ offerta, twassal sabiex titneħħa kull distinzjoni bejn il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni fl-ewwel stadju, li hija allegatament limitata, u fit-tieni stadju tal-analiżi, fejn għandhom jiġu pprovduti l-motivi u r-raġunament.

64      Din il-kontradizzjoni wasslet lill-Qorti Ġenerali biex tikkonkludi, b’mod żbaljat, fil-punti 60 u 61 tas-sentenza appellata, li l-motivazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni kienet insuffiċjenti u, għaldaqstant, li din tal-aħħar “kellha, sabiex twieġeb b’mod adegwat għall-mistoqsija [tal-kumpanniji S2U], tipprovdi tal-inqas l-informazzjoni relatata mal-perċentwali li jikkorrispondi għas-sehem tas-suq li kien ser jiġi pprovdut b’subappalt kif ukoll għall-pajjiżi li minnhom is-servizzi inkwistjoni kienu ser jiġu pprovduti”.

65      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tirrileva li, fil-punt 69 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tikkritikaha talli pprovdiet lill-kumpanniji S2U spjegazzjonijiet supplimentari dwar id-differenza fil-prezz sostanzjali bejn l-offerti biss fil-mori tal-kawża. Billi għamlet hekk, il-Qorti Ġenerali tikkonfondi l-obbligu ta’ motivazzjoni fil-fażi amministrattiva tal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt mal-obbligu tal-Kummissjoni, bħala konvenuta, li tipprovdi spjegazzjonijiet u informazzjoni fil-kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju, li jtaqqal, b’dan il-mod, mingħajr ebda bażi legali, l-obbligu ta’ motivazzjoni li għandha l-Kummissjoni.

66      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fis-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2020, Close u Cegelec vs Il‑Parlament (C‑447/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:826, punti 43 u 44), li, “fid-dawl tar-rwoli rispettivi tal-offerenti u tal-organi ta’ stħarriġ, ma jistax jiġi rikjest li jkun hemm identiċità perfetta bejn l-informazzjoni li awtorità kontraenti għandha tipprovdi lil offerent eliminat fuq il-bażi tal-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuqha u l-informazzjoni li din l-awtorità kontraenti għandha tipprovdi lill-organi ġudizzjarji fil-kuntest tal-istħarriġ minn dawn tal-aħħar tal-legalità tad-deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt. Barra minn hekk, il-fatt li d-dokumenti trażmessi lill-Qorti Ġenerali fil-kuntest ta’ miżura istruttorja huma, ulterjorment, trażmessi wkoll lir-rikorrent, jekk ikun il-każ f’verżjoni mhux kunfidenzjali, jaqa’ taħt il-prinċipju ta’ kontradittorju u ma jfissirx madankollu li l-awtorità kontraenti kellha tipprovdi dawn id-dokumenti diġà fil-kuntest tal-motivazzjoni taħt id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni”.

67      Il-kumpanniji S2U jsostnu li t-tielet aggravju ma huwiex fondat.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

68      Il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li huwa xieraq li jiġi eżaminat it-tielet aggravju qabel it-tieni wieħed.

69      Fl-ewwel lok, jeħtieġ li jiġi eżaminat l-argument tal-Kummissjoni li r-raġunament żviluppat mill-Qorti Ġenerali, minn naħa, fil-punti 51 u 52 tas-sentenza appellata u, min-naħa l-oħra, fil-punti 53, 54, 60, 61 u 68 tagħha, fih kontradizzjonijiet fir-rigward tal-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni u jwassal sabiex tmur kontra kemm l-Artikolu 170(3) tar-Regolament Finanzjarju kif ukoll il-punt 23 tal-Anness I tiegħu.

70      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, fil-punti 51 sa 54 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ġabret fil-qosor il-ġurisprudenza tagħha stess dwar l-obbligu tal-awtorità kontraenti li timmotiva d-deċiżjoni tagħha li ma tikkunsidrax l-offerta magħżula bħala anormalment baxxa.

71      Madankollu, dawn il-punti għandhom jinqraw fid-dawl tal-punti 47 sa 50 ta’ din is-sentenza li dawn sempliċement jikkonkretizzaw u li ma humiex ikkontestati mill-Kummissjoni. Fihom il-Qorti Ġenerali enfasizzat li l-evalwazzjoni, mill-awtorità kontraenti, tal-eżistenza ta’ offerti anormalment baxxi għandha ssir f’żewġ partijiet. Inizjalment, l-awtorità kontraenti tevalwa jekk il-prezz jew l-ispejjeż proposti fl-offerta “jidhru” anormalment baxxi. L-użu tal-verb “deher” fil-punt 23.1 tal-Anness I tar-Regolament Finanzjarju jimplika li l-awtorità kontraenti għandha twettaq evalwazzjoni prima facie tan-natura anormalment baxxa ta’ offerta, u mhux li twettaq, ex officio, analiżi ddettaljata tal-kontenut ta’ kull offerta sabiex tistabbilixxi li hija ma tikkostitwixxix offerta anormalment baxxa.

72      Għalhekk, f’din l-ewwel fażi, l-awtorità kontraenti għandha tiddetermina biss jekk l-offerti sottomessi jinkludux indizji li jistgħu jkunu anormalment baxxi. Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta l-prezz propost f’offerta jkun kunsiderevolment inqas minn dak tal-offerti l-oħra jew mill-prezz normali tas-suq. Jekk l-offerti sottomessi ma jkunux jinkludu tali indizji u għalhekk ma jkunux jidhru anormalment baxxi, l-awtorità kontraenti tista’ tkompli bl-evalwazzjoni ta’ din l-offerta u bil-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt.

73      Sussegwentement, jekk ikunu jeżistu indizji li offerta tista’ tkun anormalment baxxa, l-awtorità kontraenti għandha tipproċedi għall-verifika tal-kontenut ta’ din l-offerta sabiex tiżgura ruħha li din ma hijiex anormalment baxxa. Għal dan il-għan, hija għandha tippermetti lill-offerent ikkonċernat jesponi r-raġunijiet għalfejn huwa jqis li l-offerta tiegħu ma hijiex anormalment baxxa.

74      L-awtorità kontraenti għandha tevalwa l-ispjegazzjonijiet ipprovduti u tiddetermina jekk l-offerta inkwistjoni hijiex ta’ natura anormalment baxxa, f’liema każ hija tkun obbligata tiċħadha. Biex tipprovdi motivazzjoni suffiċjenti tal-fatt li, wara analiżi fil-fond, l-offerta magħżula ma hijiex anormalment baxxa, l-awtorità kontraenti għandha tesponi r-raġunament li fuq il-bażi tiegħu, minn naħa, hija kkonkludiet li, minħabba l-karatteristiċi, prinċipalment finanzjarji tagħha, tali offerta tosserva b’mod partikolari l-leġiżlazzjoni tal-pajjiż fejn is-servizzi għandhom jiġu eżegwiti fil-qasam ta’ remunerazzjoni tal-persunal, ta’ kontribuzzjoni għall-iskema ta’ sigurtà soċjali u ta’ osservanza tar-regoli ta’ sigurtà kif ukoll ta’ saħħa fuq il-post tax-xogħol, u, min-naħa l-oħra, hija vverifikat li l-prezz propost jintegra l-ispejjeż kollha maħluqa mill-aspetti tekniċi tal-imsemmija offerta.

75      Il-punt 51 tas-sentenza appellata jirrigwarda l-ewwel stadju tal-istħarriġ, kif imsemmi fil-punt 48 ta’ din is-sentenza. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li, sa fejn l-awtorità kontraenti teħtieġ biss stħarriġ prima facie, fi kliem ieħor, stħarriġ ibbażat fuq l-apparenzi, din tal-aħħar hija suġġetta biss għal obbligu ta’ motivazzjoni ta’ portata limitata, li jista’ jiġi ssodisfatt ukoll b’motivazzjoni impliċita. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 52 tal-imsemmija sentenza, is-sempliċi fatt li awtorità kontraenti tagħżel offerta jfisser, impliċitament iżda neċessarjament, skont il-Qorti Ġenerali, li ma kinux jeżistu indizji li jiżvelaw li din kienet anormalment baxxa.

76      Ċertament, l-aħħar sentenza ta’ dan il-punt 52 ma hijiex nieqsa minn ambigwità. Fil-fatt, fiha l-Qorti Ġenerali tafferma, essenzjalment, li l-awtorità kontraenti għandha tinforma lill-offerent eliminat li jkun għamel talba espressa għal dan l-għan ir-raġunijiet għalfejn l-offerta li għażlet ma tkunx dehritilhiex li hija anormalment baxxa. Issa, tali formulazzjoni ma tippreċiżax jekk dawn il-motivi jindikawx dawk li inkoraġixxew lill-awtorità kontraenti tikkunsidra l-offerta magħżula bħala li ma hijiex anormalment baxxa prima facie jew, għall-kuntrarju, wara li tkun saret analiżi ddettaljata.

77      Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi eżiġiet, fil-punti 60, 61 u 68 tas-sentenza appellata, li hija tipprovdi, sa mill-ewwel fażi tal-analiżi, motivazzjoni ddettaljata lill-offerent eliminat li kien talabha espressament ir-raġunijiet għalfejn hija ma kinitx ikkunsidrat li l-offerta magħżula kellha natura anormalment baxxa.

78      Din l-interpretazzjoni tal-aħħar sentenza tal-punt 52 tas-sentenza appellata għandha madankollu tiġi miċħuda.

79      Għalkemm huwa minnu, kif enfasizzat il-Qorti Ġenerali fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, li awtorità kontraenti tista’ twettaq sempliċi evalwazzjoni prima facie tan-natura anormalment baxxa ta’ offerta, dan l-istħarriġ sommarju huwa biss għal użu intern u ma jistax jiġi invokat kontra offerent eliminat li jkun qed jissostanzja d-dubji tiegħu fir-rigward ta’ din l-evalwazzjoni.

80      Minn dan isegwi li, meta offerent eliminat, li ma jinsabx f’sitwazzjoni ta’ esklużjoni u li jissodisfa l-kriterji ta’ għażla, jitlob, bil-miktub u b’mod motivat, lill-awtorità kontraenti tesponi r-raġunijiet għalfejn hija ma kkunsidratx li l-offerta magħżula kienet anormalment baxxa, din tal-aħħar hija obbligata tipprovdi tweġiba ddettaljata.

81      Fil-fatt, il-punt 23.1 tal-Anness I tar-Regolament Finanzjarju jipprovdi li, jekk, għal kuntratt partikolari, il-prezz jew l-ispejjeż proposti fl-offerta jidhru li huma anormalment baxxi, l-awtorità kontraenti għandha titlob, bil-miktub, il-preċiżazzjonijiet dwar il-kontenut tal-prezz u tal-ispejjeż li hija tqis rilevanti u għandha tagħti lill-offerent l-opportunità li jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu. Il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma teskludix li d-dubji dwar in-natura anormalment baxxa tal-offerta magħżula setgħu tqajmu minn offerent eliminat. Il-fatt li tali offerent juri, b’mod issostanzjat, l-eżistenza ta’ dubji dwar in-natura anormalment baxxa tal-offerta magħżula għandu għalhekk bħala konsegwenza li jqiegħed lill-awtorità kontraenti fit-tieni fażi tal-istħarriġ.

82      Minbarra l-ipoteżi li fiha l-argumenti mressqa mill-offerent eliminat ikunu irrilevanti jew immotivati, l-awtorità kontraenti hija għalhekk obbligata, minn naħa, li twettaq analiżi ddettaljata tal-offerta magħżula sabiex tistabbilixxi li din effettivament ma għandhiex natura anormalment baxxa u, min-naħa l-oħra, li minnha tikkomunika l-linji ġenerali lill-offerent eliminat li jkun staqsieha espressament dwar dan il-punt.

83      Kull interpretazzjoni oħra tkun tali li ċċaħħad lill-offerent eliminat mid-dritt tiegħu għal rimedju effettiv iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). Fil-fatt, ikun impossibbli li offerent jevalwa l-fondatezza tad-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti li skontha l-offerta magħżula ma hijiex ta’ natura anormalment baxxa, li kieku din l-awtorità kontraenti setgħet tillimita ruħha li tirrileva b’mod perentorju u mingħajr ma tissottometti l-iċken ġustifikazzjoni fis-sens li din l-offerta kienet tidhrilha li hija konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq tal-pajjiżi li minnhom is-servizzi inkwistjoni għandhom jiġu pprovduti mill-kontraenti u mis-subappaltaturi tagħhom jew ukoll li l-prezz tal-offerta magħżula ma kienx ta’ natura anormalment baxxa.

84      F’dan il-każ u kif irrilevat il-Qorti Ġenerali, fil-punt 60 tas-sentenza appellata, dan huwa iktar u iktar minnu peress li żewġ offerti biss kienu ġew sottomessi lill-awtorità kontraenti, li l-kriterju tal-prezz kien determinanti fil-klassifika tal-offerti u li l-prezz tal-offerta magħżula kien l-uniku vantaġġ relattiv li kkaratterizza din tal-aħħar. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 56 ta’ din is-sentenza, l-esperjenza tal-kumpanniji S2U bħala parti kontraenti tal-Kummissjoni kellha wkoll twassal lil din tal-aħħar biex tagħti kreditu lill-biżgħat espressi minnhom li l-offerta magħżula tinvolvi riskju ta’ “dumping soċjali”, kif ukoll tar-riskji li jikkonċernaw l-eżekuzzjoni tal-kuntratt sa fejn il-prezz propost mill-offerent magħżul kien kunsiderevolment inqas minn dak tal-offerta tagħhom.

85      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet, fil-punt 68 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx setgħet tissodisfa ruħha sempliċement billi tikkonstata li l-offerta magħżula ma dehritilhiex anormalment baxxa, mingħajr ma tippreċiża lill-kumpanniji S2U, li kienu għamlu talba espressa għaliha, il-motivi li wassluha għal din il-konklużjoni.

86      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tilmenta li l-Qorti Ġenerali ħawdet, fil-punti 60 u 69 tas-sentenza appellata, l-obbligu ta’ motivazzjoni li għandha l-awtorità kontraenti u l-prerogattiva ta’ din tal-aħħar, bħala konvenuta, li tinvoka d-drittijiet tad-difiża tagħha, kif stabbiliti fl-Artikolu 47(2) tal-Karta.

87      Tali argument huwa manifestament infondat.

88      Fil-fatt, iċ-ċirkustanza li l-Kummissjoni pprovdiet ir-raġunijiet tad-deċiżjoni kontenzjuża fil-mori tal-kawża ma jistax jikkumpensa l-insuffiċjenza tal-motivazzjoni inizjali ta’ din id-deċiżjoni. Issa, il-motivazzjoni ma tistax tiġi spjegata għall-ewwel darba u a posteriori quddiem il-qorti, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali li, fl-assenza ta’ urġenza, ma jeżistux f’dan il-każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Novembru 1981, Michel vs Il‑Parlament, 195/80, EU:C:1981:284, punt 22; tat‑28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punt 463, kif ukoll tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs Di Bernardo, C‑114/19 P, EU:C:2020:457, punt 51).

89      Li l-istituzzjoni mqiegħda inkwistjoni titħalla tiddevja mid-dmir tagħha li timmotiva d-deċiżjoni tagħha li tikkunsidra li l-offerta magħżula ma hijiex anormalment baxxa tkun taffettwa d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-offerenti eliminati, sa fejn dawn għandhom ikunu jafu l-motivazzjoni ta’ att, mhux biss biex jiddefendu d-drittijiet tagħhom taħt l-aqwa kundizzjonijiet possibbli, iżda wkoll sabiex ikunu jistgħu jiddeċiedu, b’għarfien sħiħ tal-fatti, jekk huwiex utli għalihom li jadixxu l-qorti kompetenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Ottubru 1987, Heylens et, 222/86, EU:C:1987:442, punt 15, kif ukoll tas‑7 ta’ Settembru 2021, Klaipėdos regiono atliekų tvarkymo centras, C‑927/19, EU:C:2021:700, punt 120).

90      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali b’ebda mod ma rrikjediet li l-Kummissjoni tiżgura identiċità perfetta bejn, minn naħa, l-informazzjoni li hija għandha tipprovdi, minn naħa, lil offerent eliminat u, min-naħa l-oħra, lill-qorti tal-Unjoni. Għaldaqstant, l-argument b’analoġija mislut mis-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2020, Close u Cegelec vs Il‑Parlament (C‑447/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:826, punt 43) huwa irrilevanti.

91      Għaldaqstant, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud kollu kemm hu bħala infondat.

 Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq żnaturament tal-fatti billi ġie evalwat b’mod żbaljat il-kontenut tat-tweġiba tal-Kummissjoni tal20 ta’ Lulju 2020

–       L-argumenti tal-partijiet

92      Permezz tat-tieni aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-kontenut tat-tweġiba tal‑20 ta’ Lulju 2020, li wassalha sabiex tikkunsidra b’mod żbaljat li hija kienet kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha bis-saħħa tal-Artikolu 170(3) tar-Regolament Finanzjarju. Wara li rrilevat, ġustament, fil-punt 8 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet iddikjarat, f’din it-tweġiba, “li analiżi ddettaljata fuq il-livell finanzjarju tal-offerta magħżula kienet irrilevat li hija kienet konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq tal-pajjiżi li minnhom il-kontraenti u s-subappaltaturi tagħhom kienu ser jipprovdu s-servizzi mitluba”, il-Qorti Ġenerali qieset, b’mod żbaljat, fil-punti 61 u 68 ta’ din is-sentenza, li, fl-imsemmija tweġiba, il-Kummissjoni sempliċement ikkonstatat jew iġġustifikat permezz ta’ sempliċi affermazzjoni li l-prezz tal-offerta magħżula ma kienx ta’ natura anormalment baxxa. B’dan il-mod, hija ma ppreċiżatx lill-kumpanniji S2U, li kienu għamlu talba espressa f’dan is-sens, il-motivi wassluha għal din il-konklużjoni.

93      Il-Kummissjoni ssostni li, fit-tweġiba tal‑20 ta’ Lulju 2020, hija ma ħaditx pożizzjoni fuq il-punt dwar jekk l-offerta magħżula kinitx ta’ natura anormalment baxxa jew le. Hija llimitat ruħha twieġeb il-mistoqsija magħmula mill-kumpanniji S2U dwar id-dumping soċjali, billi ddikjarat li analiżi ddettaljata tal-offerta finanzjarja li hija għażlet kienet żvelat li l-offerta rebbieħa hija konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq tal-pajjiżi li minnhom il-kontraenti u s-subappaltaturi tagħhom ser jeżegwixxu s-servizzi mitluba.

94      Dan l-iżnaturament tal-kontenut tat-tweġiba tal-20 ta’ Lulju 2020, flimkien mal-iżball imwettaq fil-klassifikazzjoni tat-talba tal‑10 ta’ Lulju 2020 wasslu lill-Qorti Ġenerali biex tikkonkludi b’mod żbaljat, fil-punt 68 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet naqset mid-dmir tagħha ta’ motivazzjoni.

95      Il-kumpanniji S2U jirribattu li dan l-aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

96      Permezz tat-tieni motiv aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li, peress li l-kumpanniji S2U ma kinux ressqu talba quddiemha intiża espressament sabiex jingħataw ir-raġunijiet għalfejn l-istess Kummissjoni kienet qieset li l-offerta magħżula ma kinitx ta’ natura anormalment baxxa, hija sempliċement wieġbet għat-talba tal-kumpanniji S2U fir-rigward tal-eżistenza ta’ riskju ta’ dumping soċjali. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali qieset, b’mod żbaljat, li t-tweġiba tal‑20 ta’ Lulju 2020 kienet tafferma li l-prezz tal-offerta magħżula ma kienx ta’ natura anormalment baxxa, u għalhekk żnaturat il-kontenut ta’ din it-tweġiba.

97      Issa, sa fejn mill-eżami tal-ewwel aggravju jirriżulta li l-kumpanniji S2U effettivament marru quddiem il-Kummissjoni b’“talba espressa” dwar in-natura anormalment baxxa tal-offerta magħżula, din l-istituzzjoni kellha tikkonforma ruħha mar-rekwiżiti partikolari ta’ motivazzjoni li jirriżultaw mill-Artikolu 170(3) u mill-punt 23 tal-Anness I tar-Regolament Finanzjarju. Għalhekk, sabiex jiġi ggarantit id-dritt għal rimedju effettiv iggarantit fl-Artikolu 47 tal-Karta lill-offerent eliminat, il-Kummissjoni, fil-kwalità tagħha ta’ awtorità kontraenti, ma setgħetx tillimita ruħha li ssostni, f’termini perentorji u mingħajr ma tressaq l-iċken ġustifikazzjoni f’dan is-sens, li l-offerta magħżula ma kinitx tippreżenta riskju ta’ dumping soċjali.

98      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-dritt għal rimedju effettiv iggarantit f’dan l-Artikolu 47 huwa suffiċjenti fih innifsu u li ma hemmx bżonn li dan jiġi ppreċiżat mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni sabiex l-individwi jingħataw dritt invokabbli bħala tali (sentenzi tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger, C‑414/16, EU:C:2018:257, punt 78, kif ukoll tal‑14 ta’ Lulju 2022, EPIC Financial Consulting, C‑274/21 u C‑275/21, EU:C:2022:565, punt 83).

99      F’dawn iċ-ċirkustanzi, anki jekk jitqies li l-Qorti Ġenerali, meta kkunsidrat li t-tweġiba tal‑20 ta’ Lulju 2020 kienet sempliċement tiddikjara li l-prezz tal-offerta magħżula ma kienx ta’ natura anormalment baxxa, żnaturat il-kontenut ta’ din it-tweġiba, tali żnaturament ma jistax iqiegħed inkwistjoni l-konstatazzjoni li tinsab fil-punt 97 ta’ din is-sentenza, li skontha l-Kummissjoni kellha tosserva r-rekwiżiti partikolari ta’ motivazzjoni li jirriżultaw mill-Artikolu 170(3) u mill-punt 23 tal-Anness I tar-Regolament Finanzjarju, u li hija ma setgħetx tillimita ruħha li tafferma, mingħajr l-iċken ġustifikazzjoni, li l-offerta magħżula ma kinitx tippreżenta riskju ta’ dumping soċjali.

100    Għaldaqstant, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

101    Peress li ebda wieħed mit-tliet aggravji mqajma mill-Kummissjoni insostenn tal-appell tagħha ma ntlaqa’, l-appell għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

102    Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

103    Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tal-imsemmija regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-kumpanniji S2U tilfu l-appell, hemm lok li jiġu kkundannati għall-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.