Language of document :

Rikors ippreżentat fit-2 ta’ April 2024 – Novis vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-179/24)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Novis Insurance Company, Novis Versicherungsgesellschaft, Novis Compagnia di Assicurazioni, Novis Poisťovňa a.s. (Bratislava, ls-Slovakkja) (rappreżentanti: A. Börner u S. Henrich, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitlobu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla l-opinjoni formali C(2022)6455 final meħuda mill-konvenuta bid-data tat-13 ta’ Settembru 2022 (iktar ’il quddiem l-“att ikkontestat”), u

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw sitt motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-allegat ksur tad-dritt għal smigħ tar-rikorrenti skont l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) peress li l-konvenuta kienet naqset milli tippermetti li r-rikorrenti jinstemgħu qabel ma hija tadotta l-att ikkontestat.

Peress li l-konvenuta żammet l-att ikkontestat u t-tfassil tiegħu sigriet mir-rikorrenti, ir-rikorrenti ma kinux informati u ma ngħatawx l-opportunità biex jiffamiljarizzaw ruħhom mal-fatti u l-informazzjoni sottostanti u għall-kuntrarju saru jafu dwar l-att ikkontestat adottat mill-konvenuta permezz tal-istqarrija tal-konvenuta tat-13 ta’ Settembru 2022, liema fatt jikkostitwixxi ksur tad-dritt għal smigħ tar-rikorrenti skont l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta.

It-tieni motiv ibbażat fuq l-allegat ksur tad-dritt tar-rikorrenti għall-aċċess għal fajls tal-konvenuta skont l-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta.

Peress li l-konvenuta żammet l-att ikkontestat u t-tfassil tiegħu sigriet mir-rikorrenti, il-konvenuta pprekludiet l-aċċess tar-rikorrenti għall-fajls li jikkonċernaw lir-rikorrenti, liema fatt jikkostitwixxi ksur tad-dritt fundamentali tar-rikorrenti għall-aċċess għal fajls kif iggarantit mill-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta.

It-tielet motiv ibbażat fuq allegat ksur tad-dritt għal proċedura amministrattiva ġusta tar-rikorrenti, inklużi drittijiet ta’ parteċipazzjoni tar-rikorrenti skont l-Artikolu 41(1) u (2) tal-Karta, u l-eżerċizzju ta’ setgħat diskrezzjonali.

Peress li l-konvenuta żammet l-att ikkontestat u t-tfassil tiegħu sigriet mir-rikorrenti, il-konvenuta naqset milli tosserva l-prinċipji bażiċi ta’ proċedura amministrattiva ġusta, inkluż id-drittijiet ta’ parteċipazzjoni tar-rikorrenti, u l-eżerċizzju ġust ta’ setgħat diskrezzjonali li jikkostitwixxu ksur tad-dritt għal trattament imparzjali, b’mod partikolari id-dmir ta’ premura fil-preparazzjoni tad-deċiżjonijiet amministrattivi, Artikolu 41(1) tal-Karta. Il-konvenuta ibbażat l-att ikkontestat esklussivament fuq l-informazzjoni pprovduta mill-awtorità nazzjonali kompetenti, Národná Banka Slovenska (iktar ’il quddiem “l-awtorità nazzjonali kompetenti”), u l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA). Il-verifika’ tal-informazzjoni miksuba mill-EIOPA u/jew l-awtorità nazzjonali kompetenti kienet tkun ta’ importanza partikolari fir-rigward tal-konsegwenzi eżistenzjali tal-att ikkontestat għar-rikorrenti.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq allegat ksur tad-dritt tar-rikorrenti għal rimedju effettiv u għal smigħ xieraq skont l-Artikolu 47(1) tal-Karta.

Peress li l-konvenuta żammet l-att ikkontestat u t-tfassil tiegħu sigriet mir-rikorrenti, il-konvenuta illegalment ippreġudikat l-għażliet tar-rikorrenti li jeżerċitaw id-drittijiet fundamentali tagħhom g u li jkollhom aċċess għal fajls kif stabbilit fl-Artikolu 41(2)(a) u (b) tal-Karta. Il-konvenuta fl-istess ħin tikser id-dritt fundamentali tar-rikorrenti għal rimedju effettiv u għal smigħ xieraq iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta.

Il-ħames motiv ibbażat fuq allegat ksur tal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 1049/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE 1 peress li l-konvenuta naqset milli tinvestiga, tistabbilixxi u tevalwa b’mod suffiċjenti l-fatti rilevanti li abbażi tagħhom ingħata l-att ikkontestat.

L-Artikolu 17(3), (4) u (7) tar-Regolament Nru 1094/2010 jipprovdi għal proċess indirett maqsum fi tliet livelli, fejn ir-responsabbiltajiet tal-EIOPA, il-konvenuta u l-awtorità nazzjonali kompetenti huma maqsuma, jakkumulaw u huma saħansitra dduplikati bejn it-tliet korpi. Minkejja l-indikazzjonijiet ċari ta’ riskju miżjud ta’ kommunikazzjoni ħażina u ta’ żbalji u konsegwenzi serji tal-att ikkontestat, il-konvenuta naqset milli tinvestiga kif suppost.

Is-sitt motiv ibbażat fuq allegazzjoni li l-att ikkontestat jikkostitwixxi użu ħażin ta’ poteri peress li jmur lil hinn mill-limiti intrinsiċi tal-poteri skont l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1094/2010.

Billi konxjament ħarġet deċiżjoni de facto b’istruzzjoni speċifika għall-awtorità nazzjonali kompetenti sabiex tirrevoka liċenzja ta’ impriża speċifika (minflok ma ipproċediet b’deċiżjoni tal-EIOPA skont l-Artikolu 17(6) tar-Regolament Nru 1094/2010 jew proċedura skont l-Artikolu 258 TFUE), l-konvenuta konxjament injorat li l-opinjonijiet formali mhux ser ikunu vinkolanti skont l-Artikolu 258TFUE u materjalment qabżet l-limiti intrinsiċi tas-setgħat tagħha skont l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1094/2010. Dan jikkostitwixxi użu ħażin ta’ poter skont id-dritt tal-Unjoni.

____________

1 ĠU 2010, L 331, p. 48.