Language of document :

Rikors ippreżentat fit-22 ta’ April 2024 – Apple u Apple Distribution International vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-214/24)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Apple Inc. (Cupertino, California, l-Istati Uniti), Apple Distribution International Ltd (Cork, l-Irlanda) (rappreżentanti: D. Beard, S. Love u J. Bourke, Barristers-at-Law, u W. Knibbeler, T. van Helfteren u M. Lawton, lawyers)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat-12 ta’ Frar 2024 u nnotifikata lil Apple fit-13 ta’ Frar 2024 bin-numru C(2024)785 finali, referenza DMA.100022, li tagħlaq l-investigazzjoni tas-suq miftuħa bid-Deċiżjoni C(2023)6077, skont l-Artikolu 17 ta’ Regolament (UE) 2022/1925 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1 safejn huwa bbażat ħażin fuq sejba li iMessage huwa servizz tal-komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri fis-sens tar-Regolament (UE) 2022/1925 u d-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2 ; u

tordna lill-Kummissjoni Ewropea tħallas l-ispejjeż tar-rikorrenti skont l-Artikolu 134 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, inklużi l-ispejjeż relatati ma’ kwalunkwe intervenjenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw motiv uniku bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata u applikazzjoni żbaljata  tar-Regolament (UE) 2022/1925, u fatti materjalment ineżatti, meta ġie konkluż li  iMessage huwa servizz tal-komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri.

____________

1 Regolament (UE) 2022/1925 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-14 ta’ Settembru 2022, dwar swieq kontestabbli u ġusti fis-settur diġitali u li jemenda d-Direttivi (UE) 2019/1937 u (E) 2020/1828 (l-Att dwar is-Swieq Diġitali) (ĠU 2022, L 265, p. 1).

1 Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ĠU 2018, L 321, p. 36, rettifiki fil-ĠU 2019, L 334, p. 164 u fil-ĠU 2020, L 419, p. 36.