Language of document :

Rikors ippreżentat fit-12 ta’ April 2024 – Novis vs EIOPA

(Kawża T-204/24)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Novis Insurance Company, Novis Versicherungsgesellschaft, Novis Compagnia di Assicurazioni, Novis Poisťovňa a.s. (Bratislava, ls-Slovakkja) (rappreżentanti: A. Börner, S. Förster u S. Henrich, avukati)

Konvenuta: L-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (iktar ’il quddiem l-EIOPA)

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla r-rakkomandazzjoni tal-EIOPA Nru° EIOPA-BoS-22-293 (Ref. Ares(2022)4118763) bid-data tas-16 (jew tas-17) ta’ Mejju 2022 (iktar ’il quddiem “l-att ikkontestat”) li jirrigwarda ksur tal-proċeduri tad-dritt tal-Unjoni, kontra l-awtorità nazzjonali kompetenti Národná Banka Slovenska (iktar ’il quddiem “l-awtorità nazzjonali kompetenti”); u

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw sitt motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq allegat ksur tad-dritt għal smigħ tar-rikorrenti skont l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittjiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

Peress li l-konvenuta żammet l-att ikkontestat, li minkejja l-klassifikazzjoni formali tiegħu bħala rakkomandazzjoni jammonta għal deċiżjoni de facto, u t-tfassil tiegħu sigriet mir-rikorrenti, ir-rikorrenti ma kinux informati u ma ngħatawx l-opportunità li jiffamiljarizzaw ruħhom mal-fatti u l-informazzjoni sottostanti u saru jafu dwar l-att ikkontestat ħafna iktar tard. Peress li l-att ikkontestat kien speċifikament intiż għar-revoka tal-liċenzja ta’ assigurazzjoni tagħhom, ir-rikorrenti għandhom jitqiesu bħala “destinatarju msemmi” skont it-tifsira tal-Artikolu 39(1) tar-Regolament (UE) Nru 1049/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE 1 . Fid-dawl tan-nuqqasijiet tal-konvenuta, id-deċiżjoni meħuda fl-att ikkontestat tikkostitwixxi ksur tal-Artikoli 17(3) u 39(1) ta-Regolament Nru 1094/2010 meta interpretat f’konformità mal-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta bħala dritt primarju tal-Unjoni, u d-dritt għal smigħ tar-rikorrenti stabbilit f’dak l-artikolu.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt tar-rikorrenti għal aċċess għal fajls tal-konvenuta skont l-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta.

Peress li l-konvenuta żammet l-att ikkontestat u t-tfassil tiegħu sigriet mir-rikorrenti, il-konvenuta pprekludiet l-aċċess tar-rikorrenti għal fajls li jikkonċernaw ir-rikorrenti. Peress li l-att ikkontestat huwa konsegwenza ta’ dan in-nuqqas, id-deċiżjoni meħuda permezz tal-att ikkontestat tikkostitwixxi ksur tad-dritt fundamentali tar-rikorrenti għal aċċess għal fajls kif stabbilit fl-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta.

It-tielet motiv ibbażat fuq allegat ksur tad-dritt tar-rikorrenti għal proċedura amministrattiva ġusta, inkluż id-drittijiet ta’ parteċipazzjoni tar-rikorrenti skont l-Artikolu 41(1) u (2) tal-Karta, u l-eżerċizzju ġust ta’ setgħat diskrezzjonali.

Il-konvenuta żammet l-att ikkontestat u t-tfassil tiegħu sigriet mir-rikorrenti, u, mingħajr ma ikkunsidrat l-konsegwenzi eżistenzjali tal-att ikkontestat għar-rikorrenti, ibbażat l-att ikkontestat tagħha esklussivament fuq l-informazzjoni pprovduta mill-awtorità nazzjonali kompetenti mingħajr ma wettqet verifika ulterjuri mar-rikorrenti. Dan jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 17(2) u (3) u tal-Artikolu 35(6) ta-Regolament Nru 1094/2010 meta interpretat f’konformità mal-Artikolu 41(1) u (2) tal-Karta bħala dritt primarju tal-Unjoni, kif ukoll bħala ksur tal-prinċipji bażiċi ta’ proċedura amministrattiva ġusta, inkluż id-drittijiet ta’ parteċipazzjoni tar-rikorrenti, u l-eżerċizzju ġust ta’ setgħat diskrezzjonali u tad-dritt għal trattament imparzjali stabbilit fl-imsemmija artikoli.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq allegat ksur tad-dritt għal rimedju effettiv tar-rikorrenti u għal smigħ xieraq skont l-Artikolu 47(1) tal-Karta.

Peress li l-konvenuta żammet l-att ikkontestat, il-preparazzjoni tiegħu u r-raġunijiet tiegħu sigrieti mir-rikorrenti, u peress li ppreġudika l-għażliet tar-rikorrenti li jeżerċitaw d-dritt fundamentali tagħhom għal smigħ u aċċess għal fajls kif stabbilit fl-Artikolu 41(2)(a) u (b) tal-Karta, l-att ikkontestat stess jikser id-dritt fundamentali tar-rikorrenti għal rimedju effettiv u għal smigħ xieraq stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta u l-Artikolu 39(1), (2) u (3) tar-Regolament Nru 1094/2010.

Il-ħames motiv ibbażat fuq allegat ksur tal-Artikolu 17 ta-Regolament Nru 1094/2010.

L-Artikolu 17(3), (4) u (7) tar-Regolament Nru 1094/2010 jipprovdi għal proċess indirett maqsum fi tliet livelli, fejn ir-responsabbiltajiet tal-konvenuta, l-Kummissjoni u l-awtorità nazzjonali kompetenti huma maqsuma, jakkumulaw u huma saħansitra dduplikati bejn it-tliet korpi. Minkejja l-indikazzjonijiet ċari ta’ riskju miżjud ta’ kommunikazzjoni ħażina u ta’ żbalji u konsegwenzi serji tal-att ikkontestat, il-konvenuta naqset milli tinvestiga b’mod suffiċjenti, tistabbilixxi u tevalwa fatti li abbażi tagħhom l-att ikkontestat ingħata.

Is-sitt motiv ibbażat fuq allegazzjoni li l-att ikkontestat jikkostitwixxi użu ħażin ta’ poter.

Billi konxjament ħarġet deċiżjoni de facto b’istruzzjoni speċifika għall-awtorità nazzjonali kompetenti sabiex tirrevoka il-liċenzja tar-rikorrenti, il-konvenuta konxjament injorat li r-rakkomandazzjonijiet mhux ser ikunu vinkolanti skont l-Artikolu 288(5) TFUE u materjalment qabżet l-limiti intrinsiċi tas-setgħat tagħha skont l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1094/2010. Dan jikkostitwixxi użu ħażin ta’ poter skont id-dritt tal-Unjoni.

____________

1 ĠU 2010, L 331, p. 48.