Language of document : ECLI:EU:T:2022:483

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla Manja)

27 ta’ Lulju 2022 (*)

[Test irrettifikat bid-digriet tal‑14 ta’ Ottubru 2022]

“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina – Projbizzjoni temporanja fuq ix-xandir u sospensjoni tal-awtorizzazzjonijiet għal xandir ta’ kontenut ta’ ċerta media – Inklużjoni fil-lista ta’ entitajiet li għalihom japplikaw miżuri restrittivi – Kompetenza tal-Kunsill – Drittijiet tad-difiża – Dritt għal smigħ – Libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni – Proporzjonalità – Libertà ta’ intrapriża – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità”

Fil-Kawża T‑125/22,

RT France, stabbilita fi Boulogne-Billancourt (Franza), irrappreżentata minn E. Piwnica u Nguyen Chanh, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn S. Lejeune, R. Meyer u S. Emmerechts, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn

Ir-Renju tal-Belġju, irrappreżentat minn C. Pochet, M. Van Regemorter u L. Van den Broeck, bħala aġenti,

minn

Ir-Repubblika tal-Estonja, irrappreżentata minn N. Grünberg u M. Kriisa, bħala aġenti,

minn

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn A.-L. Desjonquères, J.-L. Carré, W. Zemamta u T. Stéhelin, bħala aġenti,

minn

Ir-Repubblika tal-Latvja, irrappreżentata minn K. Pommere, J. Davidoviča, I. Hūna, D. Ciemiņa u V. Borodiņeca, bħala aġenti,

minn

Ir-Repubblika tal-Litwanja, irrappreżentata minn D. Karolis u V. Kazlauskaitė-Švenčionienė, bħala aġenti,

minn

Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn B. Majczyna u A. Miłkowska, bħala aġenti,

minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn D. Calleja Crespo, V. Di Bucci, J.-F. Brakeland u M. Carpus Carcea, bħala aġenti,

u minn

Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, irrappreżentat minn F. Hoffmeister, L. Havas u A. De Almeida Veiga, bħala aġenti,

intervenjenti,

IL-QORTI ĠENERALI (Awla Manja),

komposta minn S. Papasavvas, President, H. Kanninen, V. Tomljenović, S. Gervasoni, D. Spielmann, S. Frimodt Nielsen, J. Schwarcz, E. Buttigieg, U. Öberg, R. Mastroianni (Relatur), M. Brkan, I. Gâlea, I. Dimitrakopoulos, D. Kukovec u S. Kingston, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tal‑10 ta’ Ġunju 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l‑Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, RT France, titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/351 tal‑1 ta’ Marzu 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU 2022 L 65, p. 5, iktar ’il quddiem “id-deċiżjoni kkontestata”), u tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/350 tal‑1 ta’ Marzu 2022, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 833/2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU 2022 L 65, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“regolament ikkontestat”) (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, l-“atti kkontestati”), fis-sens li dawn l-atti jsemmuha.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

2        Ir-rikorrenti hija kumpannija ssimplifikata b’ishma konġunti b’azzjonist uniku, stabbilita fi Franza, li l-attività tagħha hija dik ta’ produttriċi ta’ kanali tematiċi. Il-kapital azzjonarju kollu tar-rikorrenti huwa miżmum mill-assoċjazzjoni ANO “TV Novosti” (iktar ’il quddiem “TV Novosti”), assoċjazzjoni awtonoma mingħajr skop ta’ lukru tal-Federazzjoni Russa, mingħajr kapital azzjonarju, li għandha s-sede tagħha f’Moska (ir-Russja), li hija kważi kompletament iffinanzjata mill-baġit tal-Istat Russu.

3        Fit‑2 ta’ Settembru 2015, ir-rikorrenti daħlet fi ftehim mal-Conseil Supérieur de l’Audiovisuel (il-Kunsill Superjuri għall-Awdjoviżjoni) (CSA, Franza), li issa saret l-Autorité de régulation de la communication audiovisuelle et numérique (l-Awtorità Regolatorja għall-Komunikazzjoni Awdjoviżiva u Diġitali) (Arcom, Franza), għax-xandir ta’ servizz tat-televiżjoni mhux terrestri msejjaħ RT Franza. Ilha topera fi Franza mill-2017 u l-kontenut tagħha jixxandar ukoll fil-pajjiżi kollha fejn huwa mitkellem il-Franċiż, permezz tas-satelliti jew tal-Internet.

4        F’Marzu 2014, il-Federazzjoni Russa annettiet illegalment ir-Repubblika Awtonoma tal-Crimea kif ukoll il-belt ta’ Sevastopol u minn dakinhar ilha twettaq azzjonijiet kontinwi ta’ destabilizzazzjoni fil-Lvant tal-Ukraina. Bi tweġiba, l-Unjoni Ewropea introduċiet miżuri restrittivi fir-rigward tal-azzjonijiet tal-Federazzjoni Russa, miżuri restrittivi fir-rigward tal-azzjonijiet li jikkompromettu jew li jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina kif ukoll miżuri restrittivi b’reazzjoni għall-annessjoni illegali tar-Repubblika Awtonoma tal-Crimea u tal-belt ta’ Sevastopol mill-Federazzjoni Russa.

5        Mir-rebbiegħa tal-2021, is-sitwazzjoni fuq il-fruntiera bejn ir-Russja u l-Ukraina kienet waħda ta’ tensjoni, bl-iskjerament tal-Federazzjoni Russa ta’ forzi armati sostanzjali qrib il-fruntiera tagħha mal-Ukraina.

6        Fil-konklużjonijiet tiegħu tal‑24 u tal‑25 ta’ Ġunju 2021, il-Kunsill Ewropew stieden lill-Federazzjoni Russa biex tassumi bis-sħiħ ir-responsabbiltà tagħha biex tiżgura l-implimentazzjoni integrali tal-“ftehimiet ta’ Minsk”, kundizzjoni essenzjali għal kwalunkwe modifika sostanzjali tal-pożizzjoni tal-Unjoni. Huwa enfasizza l-ħtieġa li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha “jirreaġixxu b’mod sod u kkoordinat għal kwalunkwe attività ġdida malizzjuża, illegali u destabbilizzanti mill-Federazzjoni Russa, billi jużaw mingħajr riżervi l-istrumenti kollha li għandha l-Unjoni [Ewropea] u billi jiżguraw il-koordinazzjoni mal-imsieħba” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għal dan il-għan, il-Kunsill Ewropew stieden ukoll lill-Kummissjoni Ewropea u lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (iktar ’il quddiem ir-“Rappreżentant Għoli”) biex jippreżentaw għażliet għall-impożizzjoni ta’ miżuri restrittivi addizzjonali, inklużi sanzjonijiet ekonomiċi.

7        Fil-konklużjonijiet adottati fil-laqgħa tas‑16 ta’ Diċembru 2021, il-Kunsill Ewropew enfasizza l-ħtieġa urġenti li l-Federazzjoni Russa ttaffi t-tensjonijiet ikkawżati mit-tisħiħ tal-preżenza militari tul il-fruntiera tagħha mal-Ukraina. Huwa afferma mill-ġdid l-appoġġ bla riżervi tiegħu għas-sovranità u għall-integrità territorjali tal-Ukraina. Filwaqt li ħeġġeġ l-isforzi diplomatiċi, il-Kunsill Ewropew indika li kwalunkwe aggressjoni militari ulterjuri kontra l-Ukraina jkollha konsegwenzi kbar u prezz iebes bħala reazzjoni għaliha, inklużi miżuri restrittivi kkoordinati mal-imsieħba.

8        Fl‑24 ta’ Jannar 2022, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea approva konklużjonijiet li fihom ikkundanna l-azzjonijiet aggressivi u t-theddid repetut tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukraina u appella lill-Federazzjoni Russa biex tikkalma s-sitwazzjoni, tirrispetta d-dritt internazzjonali u tipparteċipa b’mod kostruttiv fi djalogu fi ħdan il-qafas ta’ mekkaniżmi internazzjonali stabbiliti. Filwaqt li fakkar il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas‑16 ta’ Diċembru 2021, il-Kunsill afferma mill-ġdid li kwalunkwe aggressjoni militari ġdida jkollha konsegwenzi kbar u prezz iebes, inkluż permezz ta’ firxa wiesgħa ta’ miżuri restrittivi settorjali u individwali li jiġu adottati f’koordinazzjoni mal-imsieħba.

9        Fil‑15 ta’ Frar 2022, il-Gosudarstvennaya Duma Federal’nogo Sobrania Rossiskoï Federatsii (id-Duma tal-Istat tal-Assemblea Federali tal-Federazzjoni Russa) ivvotata favur li tintbagħat riżoluzzjoni li titlob lill-President Vladimir Putin biex jirrikonoxxi l-partijiet tal-Lvant tal-Ukraina mitluba minn separatisti bħala stati indipendenti.

10      Fil‑21 ta’ Frar 2022, il-President tal-Federazzjoni Russa ffirma digriet li jirrikonoxxi l-indipendenza u s-sovranità tar-“Repubblika Popolari ta’ Donetsk” u r-“Repubblika Popolari ta’ Luhansk” awtoproklamati, u ordna l-iskjerament tal-forzi armati Russi f’dawn iż-żoni.

11      Fit‑22 ta’ Frar 2022, ir-Rappreżentant Għoli ppubblika dikjarazzjoni f’isem l-Unjoni li tikkundanna dawn l-azzjonijiet, peress li kienu jikkostitwixxu ksur gravi tad-dritt internazzjonali. Huwa ħabbar li l-Unjoni se tirreaġixxi għal dan l-aħħar ksur mill-Federazzjoni Russa billi tadotta b’mod urġenti miżuri restrittivi addizzjonali.

12      Fit‑23 ta’ Frar 2022, il-Kunsill adotta l-ewwel sensiela ta’ miżuri restrittivi. Dawn kienu jikkonċernaw, l-ewwel, restrizzjonijiet applikabbli għar-relazzjonijiet ekonomiċi mar-reġjuni ta’ Donetsk u ta’ Luhansk mhux ikkontrollati mill-gvern, it-tieni, restrizzjonijiet fuq l-aċċess għas-suq tal-kapital, partikolarment il-projbizzjoni ta’ finanzjament tal-Federazzjoni Russa, tal-gvern tagħha u tal-bank ċentrali tagħha, u, it-tielet, iż-żieda ta’ membri tal-gvern, tal-banek, tan-negozjanti, ta’ ġenerali kif ukoll tat-336 membru tad-Duma tal-Istat tal-Assemblea Federali tal-Federazzjoni Russa fil-lista tal-persuni u tal-entitajiet suġġetti għal miżuri restrittivi.

13      Fl‑24 ta’ Frar 2022, il-President tal-Federazzjoni Russa ħabbar operazzjoni militari fl-Ukraina, u fl-istess jum, il-forzi armati Russi attakkaw lill-Ukraina f’diversi postijiet tal-pajjiż.

14      Fl-istess data, ir-Rappreżentant Għoli ppubblika dikjarazzjoni f’isem l-Unjoni li tikkundanna l-“invażjoni mhux ipprovokata” tal-Ukraina mill-forzi armati tal-Federazzjoni Russa u indika li r-rispons tal-Unjoni jinkludi miżuri restrittivi kemm settorjali kif ukoll individwali. Fil-konklużjonijiet tiegħu adottati fil-laqgħa straordinarja tiegħu tal-istess jum, il-Kunsill Ewropew ikkundanna bl-iktar mod qawwi din “l-aggressjoni mhux ipprovokata u inġustifikata”, billi qies li, permezz tal-azzjonijiet militari illegali tagħha, li għandha twieġeb għalihom, il-Federazzjoni Russa kienet qed tikser b’mod flagranti d-dritt internazzjonali u l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u ddgħajjef is-sigurtà u l-istabbiltà Ewropea u globali. B’mod partikolari, talab lill-Federazzjoni Russa biex twaqqaf il-kampanja ta’ diżinformazzjoni tagħha u qabel ma’ miżuri restrittivi ġodda li jikkonċernaw diversi setturi u li għandhom konsegwenzi tqal u kbar għall-Federazzjoni Russa.

15      Fil‑25 ta’ Frar 2022, il-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa ddeċieda li jissospendi lill-Federazzjoni Russa mid-drittijiet ta’ rappreżentanza tagħha fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa, konformement mal-Artikolu 8 tal-Istatut tal-Kunsill tal-Ewropa, iffirmat f’Londra fil‑5 ta’ Mejju 1949, u li jagħti lil din id-deċiżjoni effett immedjat fir-rigward tad-drittijiet ta’ rappreżentanza tal-Federazzjoni Russa fil-Kumitat tal-Ministri u fl-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa.

16      Fid-dikjarazzjoni tiegħu tal-istess jum, il-Prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) fakkar lill-partijiet kollha li jwettqu ostilitajiet fit-territorju tal-Ukraina li, bis-saħħa tad-dikjarazzjoni ppreżentata fit‑8 ta’ Settembru 2015 li tirrikonoxxi l-ġurisdizzjoni tal-imsemmija qorti, hija jkollha ġurisdizzjoni biex tinvestiga kwalunkwe att ta’ ġenoċidju, delitt kontra l-umanità u delitt tal-gwerra mwettqa fit-territorju tal-Ukraina mill‑20 ta’ Frar 2014.

17      Fl-istess data, il-Kunsill adotta t-tieni sensiela ta’ miżuri restrittivi. L-ewwel, dawn kienu miżuri individwali mmirati lejn il-politiċi u n-negozjanti involuti biex jikkawżaw dannu fit-territorju Ukrain kollu. It-tieni, dawn kienu miżuri restrittivi applikabbli fil-qasam tal-finanzi, tad-difiża, tal-enerġija, tas-settur tal-avjazzjoni u tal-industrija spazjali. It-tielet, dawn kienu miżuri li jissospendu l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-ftehim li jipprevedi miżuri intiżi biex jiffaċilitaw il-ħruġ ta’ viżi fir-rigward ta’ ċerti kategoriji ta’ ċittadini tal-Federazzjoni Russa li japplikaw għal viża għal soġġorn qasir.

18      Fit‑28 ta’ Frar 2022, il-Prosekutur tal-QKI ħabbar id-deċiżjoni tiegħu li jitlob awtorizzazzjoni biex tinfetaħ investigazzjoni dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina, abbażi tal-konklużjonijiet milħuqa mill-uffiċċju tiegħu wara eżami preliminari, u sab li kien hemm biżżejjed elementi li jissuġġerixxu li l-allegati delitti tal-gwerra u d-delitti kontra l-umanità kienu tabilħaqq twettqu fl-Ukraina fil-kuntest tal-avvenimenti li kienu diġà tqiesu waqt l-eżami preliminari.

19      Bejn it‑28 ta’ Frar u l‑1 ta’ Marzu 2022, il-Kunsill adotta t-tielet sensiela ta’ miżuri restrittivi. Dawn kienu miżuri individwali u ekonomiċi relatati, b’mod partikolari, mal-għeluq tal-ispazju tal-ajru tal-Unjoni għall-ajruplani Russi, mas-sistema ta’ messaġġi finanzjarji SWIFT u mar-riżorsi tal-Bank Ċentrali Russu.

20      Fl‑1 ta’ Marzu 2022, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni dwar l-aggressjoni Russa kontra l-Ukraina [2022/2564(RSP)], li fiha b’mod partikolari, ikkundanna bl-iktar mod qawwi possibbli l-“aggressjoni militari illegali, mhux ipprovokata u inġustifikata” tal-Ukraina u l- invażjoni tagħha mill-Federazzjoni Russa; eżiġa li din tal-aħħar ittemm minnufih l-attivitajiet militari kollha fl-Ukraina, tirtira mingħajr kundizzjoni l-forzi militari u paramilitari tagħha u t-tagħmir militari tagħha mit-territorju Ukrain kollu rikonoxxut internazzjonalment u li tirrispetta bis-sħiħ l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina fi ħdan il-fruntieri tagħha rrikonoxxuti internazzjonalment; enfasizza li din l-aggressjoni u din l-invażjoni militari kienu jikkostitwixxu ksur gravi tad-dritt internazzjonali u talab biex jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tas-sanzjonijiet u enfasizza wkoll li s-sanzjonijiet kienu mmirati biex idgħajfu strateġikament l-ekonomija u l-bażi industrijali Russa, b’mod partikolari l-kumpless militari-industrijali, u, għalhekk, il-kapaċità tal-Federazzjoni Russa li thedded is-sigurtà internazzjonali fil-ġejjieni. Fil-punt 31 tar-riżoluzzjoni msemmija, il-Parlament ikkundanna wkoll il-gwerra tal-informazzjoni mmexxija mill-awtoritajiet Russi, il-media statali u l-alleati tal-Federazzjoni Russa, li biha din tal-aħħar ippruvat tiċħad b’mod kredibbli l-“atroċitajiet” tagħha billi xxandar kontenut b’tmaqdir u b’informazzjoni ħażina dwar l-Unjoni, l-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NATO) u l-Ukraina u għalhekk talab lill-Istati Membri kollha biex jissospendu immedjatament il-liċenzji ta’ xandir u t-trażmissjoni mill-ġdid tal-media pubblika Russa kollha.

21      F’dan il-kuntest, fl‑1 ta’ Marzu 2022, il-Kunsill adotta, abbażi tal-Artikolu 29 TUE, id-deċiżjoni kkontestata u, fuq il-bażi tal-Artikolu 215 TFUE, ir-regolament ikkontestat, sabiex jipprojbixxi azzjonijiet ta’ kampanji ta’ propaganda kontinwi u miftiehma, b’appoġġ għall-aggressjoni militari tal-Ukraina mill-Federazzjoni Russa, immirata lejn is-soċjetà ċivili fl-Unjoni u fil-pajjiżi ġirien, imwettqa permezz ta’ ċerta media taħt il-kontroll permanenti, dirett jew indirett, tal-mexxejja tal-Federazzjoni Russa, b’tali azzjonijiet jikkostitwixxu theddida għall-ordni pubbliku u għas-sigurtà pubblika tal-Unjoni.

22      Il-premessi 1 sa 11 tal-atti kkontestati jistabbilixxu ċ-ċirkustanzi ta’ qabel l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi previsti minnhom (iktar ’il quddiem il-“miżuri restrittivi inkwistjoni”). B’mod iktar speċifiku, il-premessi 5 sa 11 tad-deċiżjoni kkontestata huma fformulati f’dawn it-termini:

“(5)      Fil-konklużjonijiet tiegħu tal‑10 ta’ Mejju 2021, il-Kunsill issottolinja l-ħtieġa li tissaħħaħ aktar ir-reżiljenza tal-Unjoni u tal-Istati Membri kif ukoll il-kapaċità tagħhom li jiġġieldu t-theddid ibridu, inkluż id-diżinformazzjoni, filwaqt li jiġi żgurat l-użu koordinat u integrat ta’ għodod eżistenti u dawk ġodda possibbli għall-ġlieda kontra t-theddid ibridu fil-livell tal-Unjoni u tal-Istati Membri, u reazzjonijiet possibbli fil-qasam tat-theddid ibridu inkluż, fost l-oħrajn, għal indħil barrani u operazzjonijiet ta’ influwenza, li jistgħu jkopru miżuri preventivi kif ukoll l-impożizzjoni ta’ spejjeż fuq atturi statali u mhux statali ostili.

(6)      Il-Federazzjoni Russa impenjat ruħha f’kampanja sistematika u internazzjonali ta’ manipulazzjoni tal-media u distorsjoni tal-fatti sabiex issaħħaħ l-istrateġija tagħha ta’ destabbilizzazzjoni tal-pajjiżi ġirien tagħha u tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha. B’mod partikolari, il-propaganda mmirat ripetutament u konsistentement lill-partiti politiċi Ewropej, speċjalment matul il-perijodi elettorali, kif ukoll immirat lis-soċjetà ċivili, dawk il-persuni li jfittxu l-ażil, il-minoranzi etniċi Russi, il-minoranzi tal-ġeneru u l-funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi fl-Unjoni u fl-Istati Membri tagħha.

(7)      Sabiex tiġġustifika u tappoġġa l-aggressjoni tagħha kontra l-Ukraina, il-Federazzjoni Russa impenjat ruħha f’azzjonijiet ta’ propaganda kontinwi u miftiehma mmirati lejn is-soċjeta’ ċivili fl-Unjoni u l-pajjiżi ġirien, filwaqt li fixklet u mmanipulat il-fatti b’mod gravi.

(8)      Dawk l-azzjonijiet ta’ propaganda saru permezz ta’ għadd ta’ mezzi tal-media taħt il-kontroll permanenti dirett jew indirett tat-tmexxija tal-Federazzjoni Russa. Tali azzjonijiet jikkostitwixxu theddida sinifikanti u diretta għall-ordni pubbliku u s-sigurtà tal-Unjoni.

(9)      Dawk il-mezzi tal-media huma essenzjali u strumentali biex imexxu ’l quddiem u jappoġġaw l-aggressjoni kontra l-Ukraina, u għad-destabbilizzazzjoni tal-pajjiżi ġirien tagħha.

(10)      Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni, u b’reazzjoni għall-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina, huwa meħtieġ, b’mod konsistenti mad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, b’mod partikolari mad-dritt għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni kif rikonoxxut fl-Artikolu 11 tagħha, li jiġu introdotti aktar miżuri restrittivi biex jiġu sospiżi b’mod urġenti l-attivitajiet tax-xandir ta’ tali mezzi tal-media fl-Unjoni jew diretti lejn l-Unjoni. Dawn il-miżuri jenħtieġ li jinżammu sakemm tintemm l-aggressjoni kontra l-Ukrajna, u sakemm il-Federazzjoni Russa, u l-mezzi tal-media assoċjati tagħha, jieqfu jwettqu azzjonijiet ta’ propaganda kontra l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha.

(11)      B’mod konsistenti mad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, b’mod partikolari mad-dritt għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, il-libertà ta’ intrapriża u d-dritt għall-proprjetà kif rikonoxxut fl-Artikoli 11, 16 u 17 tagħha, dawn il-miżuri ma jżommux lil dawk il-mezzi tal-midja u l-persunal tagħhom milli jwettqu attivitajiet oħra fl-Unjoni minbarra x-xandir, bħar-riċerka u l-intervisti. B’mod partikolari, dawn il-miżuri ma jimmodifikawx l-obbligu li jiġu rrispettati d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji msemmija fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, inkluż fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, u fil-kostituzzjonijiet tal-Istati Membri, fl-oqsma ta’ applikazzjoni rispettivi tagħhom.”

23      L-Artikolu 4g tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK tal‑31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014 L 229, p. 13, rettifika fil-ĠU 2014, L 263, p. 35), kif emendata bid-deċiżjoni kkontestata, jaqra hekk ġej:

“1. Għandu jkun ipprojbit għall-operaturi li jxandru, jew li jippermettu, jiffaċilitaw jew jikkontribwixxu b’xi mod ieħor għax-xandir ta’, kwalunkwe kontenut mill-persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness IX, inkluż permezz ta’ trażmissjoni jew distribuzzjoni bi kwalunkwe mezz bħal kejbil, satellita, IP-TV, fornituri ta’ servizzi tal-internet, pjattaformi jew applikazzjonijiet ta’ video-sharing tal-internet, kemm jekk ġodda kif ukoll jekk installati minn qabel.

2. Kwalunkwe liċenzja jew awtorizzazzjoni għax-xandir, trażmissjoni u arranġament ta’ distribuzzjoni mal-persuni ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi elenkati fl-Anness IX għandhom jiġu sospiżi.”

24      L-isem tar-rikorrenti ddaħħal fl-Anness IX tad-Deċiżjoni 2014/512, kif emendata bid-deċiżjoni kkontestata.

25      L-Artikolu 2f tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 tal‑31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014 L 229, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2014, L 246, p. 59 u fil-ĠU 2022, L 114, p. 214), kif emendat bir-regolament ikkontestat, jaqra kif ġej:

“1. Għandu jkun ipprojbit għall-operaturi li jxandru jew jgħinu, jiffaċilitaw jew inkella li jagħtu kontribut biex jixxandar kwalunkwe kontenut mill-persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness XV, inkluż permezz tat-trażmissjoni jew id-distribuzzjoni bi kwalunkwe mezz bħal cable, satellita, IP-TV, fornituri ta’ servizzi tal-internet, pjattaformi jew applikazzjonijiet ta’ video-sharing tal-internet, kemm jekk ġodda kif ukoll jekk installati minn qabel.

2. Kwalunkwe liċenzja jew awtorizzazzjoni tax-xandir, trażmissjoni u arranġament ta’ distribuzzjoni mal-persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness XV għandhom jiġu sospiżi.”

26      L-isem tar-rikorrenti ddaħħal fl-Anness XV tar-Regolament Nru 833/2014, kif emendat bir-regolament ikkontestat.

27      Skont dawn id-dispożizzjonijiet, it-tixrid b’kull mezz ta’ kontenut li joriġina, b’mod partikolari, mir-rikorrenti kien ipprojbit temporanjament fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.

28      Skont l-Artikolu 9 tagħha, id-Deċiżjoni 2014/512, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/327 tal‑25 ta’ Frar 2022 (ĠU 2022, L 48, p. 1), hija applikabbli sal‑31 ta’ Lulju 2022 u tiġi segwita kontinwament. Din tiġġedded jew tiġi emendata, skont il-każ, jekk il-Kunsill iqis li l-għanijiet tagħha ma jkunux intlaħqu.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

29      B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑8 ta’ Marzu 2022, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

30      B’att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess jum, ir-rikorrenti ppreżentat talba għal miżuri provviżorji. Din it-talba ġiet miċħuda b’digriet tat‑30 ta’ Marzu 2022, RT France vs Il‑Kunsill (T‑125/22 R, mhux ippubblikat, EU:T:2022:199), għar-raġuni li l-kundizzjoni dwar l-urġenza ma kinitx issodisfatta u li l-bilanċ tal-interessi involuti xaqilbu favur il-Kunsill, u l-ispejjeż ġew irriżervati.

31      B’deċiżjoni tat‑22 ta’ Marzu 2022, il-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) ddeċidiet, ex officio, wara li semgħet lill-partijiet, li tagħti deċiżjoni skont proċedura mħaffa, taħt l-Artikolu 151(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

32      Fuq proposta tal-President tal-Qorti Ġenerali, dan tal-aħħar iddeċieda, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura, li jirrinvija l-kawża quddiem l-Awla Manja.

33      Peress li tliet membri tal-Awla Manja kienu preklużi milli jipparteċipaw, il-President tal-Qorti Ġenerali nnomina tliet imħallfin oħra biex jikkompletaw l-Awla.

34      Fit-3 ta’ Mejju 2022, il-Kunsill ippreżenta r-risposta tiegħu.

35      Permezz ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89(3) tar-Regoli tal-Proċedura, innotifikati lir-rikorrenti u lill-Kunsill, rispettivament, fis‑6 u fit‑18 ta’ Mejju 2022, huma ġew awtorizzati, skont l-Artikolu 154(3) tar-Regoli tal-Proċedura, biex jippreżentaw replika u kontroreplika limitata għal ċerti punti speċifiċi.

36      Ir-rikorrenti ppreżentat ir-replika fis‑16 ta’ Mejju 2022 u l-Kunsill ippreżenta l-kontroreplika fil‑25 ta’ Mejju 2022.

37      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, rispettivament, fl‑14, fit-18 u fit-30 ta’ Marzu kif ukoll fit‑13 ta’ April, fl‑10 u fit‑13 ta’ Mejju 2022, il-Kummissjoni, ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Rappreżentant Għoli, ir-Repubblika tal-Litwanja u r-Repubblika tal-Latvja talbu li jintervjenu f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kunsill. Il-President tal-Awla Manja ammetta, permezz ta’ deċiżjonijiet tal‑4, tal‑20 u tal‑24 ta’ Mejju 2022, l-interventi tal-Kummissjoni, tar-Renju tal-Belġju, tar-Repubblika Franċiża, tar-Repubblika tal-Polonja, tar-Repubblika tal-Estonja, tar-Repubblika tal-Litwanja, Repubblika tal-Latvja, u, b’digriet tal‑11 ta’ Mejju 2022, l-intervent tar-Rappreżentant Għoli.

38      Fil‑25 ta’ Mejju 2022, il-fażi bil-miktub tal-proċedura ngħalqet.

39      Permezz ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-partijiet ġew mistiedna jwieġbu waqt is-seduta għal ċerti mistoqsijiet li sarulhom.

40      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Awla Manja) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u li tiġi organizzata, ex officio, seduta għas-sottomissjonijiet orali.

41      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal‑10 ta’ Ġunju 2022.

42      Ir-rikorrenti titlob, essenzjalment li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-atti kkontestati sa fejn jirreferu għaliha;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

43      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

44      Ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Polonja, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli talbu waqt is-seduta li r-rikors jiġi miċħud.

 Fid-dritt

45      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi, ibbażati fuq il-ksur, rispettivament, tad-drittijiet tad-difiża, tal-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni, tal-libertà ta’ intrapriża u tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità. Fil-kuntest tat-tieni motiv, hija tpoġġi wkoll fid-dubju, inċidentalment, il-kompetenza tal-Kunsill li jadotta l-atti kkontestati. F’dan ir-rigward, huwa importanti li jitfakkar li l-inkompetenza tal-awtur ta’ att li jippreġudika lir-rikorrenti hija raġuni ta’ ordni pubbliku li hija, fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali li għandha teżamina ex officio (ara, f’dan s-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2016, SV Capital vs EBA, C‑577/15 P, EU:C:2016:947, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-Qorti Ġenerali tqis li huwa xieraq li teżamina, fl-ewwel lok, il-kwistjoni dwar jekk il-Kunsill kienx kompetenti jadotta l-atti kkontestati.

 Fuq il-kompetenza tal-Kunsill biex jadotta l-atti kkontestati

46      Ir-rikorrenti essenzjalment issostni li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali biss, f’dan il-każ Arcom, jistgħu jintervjenu biex jissanzjonaw media awdjoviżiva għal kontenut editorjali mhux xieraq.

47      Il-Kunsill, sostnut mir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Polonja, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli, jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

48      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 3(5) TUE jipprovdi dan li ġej:

“Fir-relazzjonijiet tagħha mal-bqija tad-dinja, l-Unjoni għandha tafferma u tippromwovi l-valuri u l-interessi tagħha u tikkontribwixxi għall-protezzjoni taċ-ċittadini tagħha. Hija għandha tikkontribwixxi għall-paċi, is-sigurtà […] kif ukoll għar-rispett sħiħ u għall-iżvilupp tad-dritt internazzjonali, partikolarment ir-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.”

49      Fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi rrilevat li din hija bbażata fuq l-Artikolu 29 TUE. Din id-dispożizzjoni, imdaħħla fil-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat UE dwar “Dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-politika estera u ta’ sigurtà komuni” tagħti lill-Kunsill is-setgħa li “jadotta deċiżjonijiet li jiddefinixxu l-atteġġament ta’ l-Unjoni lejn materja partikolari ta’ natura ġeografika jew tematika”. Skont l-Artikolu 23 TUE, l-azzjoni tal-Unjoni fix-xena internazzjonali, taħt l-istess kapitolu, hija bbażata fuq il-prinċipji, issegwi l-għanijiet u titwettaq skont id-dispożizzjonijiet ġenerali msemmija fil-Kapitolu 1, inkluż, skont l-Artikolu 21(1) TUE, id-demokrazija, l-Istat tad-dritt, l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem, ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, ir-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u tad-dritt internazzjonali. L-Artikolu 24(1) TUE jispeċifika li “[i]l-kompetenza ta’ l-Unjoni f’materji ta’ politika estera u ta’ sigurtà komuni għandha tkopri l-oqsma kollha tal-politika estera u l-kwistjonijiet kollha li għandhom x’jaqsmu mas-sigurtà ta’ l-Unjoni […]”

50      Skont il-ġurisprudenza, jirriżulta mid-dispożizzjonijiet magħquda, minn naħa, tal-Artikoli 21, 23, tal-Artikolu 24(1), tal-Artikolu 25 u tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 28(1) TUE u, min-naħa l-oħra tal-Artikolu 29 TUE, li jikkostitwixxu “pożizzjonijiet tal-Unjoni”, fis-sens ta’ dan l-aħħar artikolu, id-deċiżjonijiet li, l-ewwel, jaqgħu fil-qafas tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni, kif iddefinita fl-Artikolu 24(1) TUE, it-tieni, għandhom x’jaqsmu ma’ “materja partikolari ta’ natura ġeografika jew tematika” u, it-tielet, ma għandhomx il-karattru ta’ “azzjonijiet operattivi” fis-sens tal-Artikolu 28 TUE, jiġifieri azzjonijiet li jinvolvu operazzjonijiet ċivili jew militari, imwettqa minn wieħed jew iktar Stati Membri barra l-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Ezz et vs Il‑Kunsill, T‑256/11, EU:T:2014:93, punti 41 u 46).

51      Il-kunċett ta’ “atteġġament ta’ l-Unjoni” fis-sens tal-Artikolu 29 TUE għalhekk jippresta ruħu għal interpretazzjoni wiesgħa, b’tali mod li, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 50 iktar ’il fuq ikunu ssodisfatti, jistgħu b’mod partikolari jiġu adottati, fuq il-bażi ta’ dan l-artikolu, mhux biss atti ta’ natura programmatika jew sempliċi dikjarazzjonijiet ta’ intenzjoni, iżda wkoll deċiżjonijiet li jipprovdu għal miżuri li jistgħu jimmodifikaw direttament is-sitwazzjoni legali tal-individwi. Fuq kollox dan huwa kkonfermat mill-kliem tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE (sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Ezz et vs Il-Kunsill, T‑256/11, EU:T:2014:93, punt 42).

52      Wara li kkunsidra l-portata wiesgħa tal-għanijiet u tal-iskopijiet tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni, kif espressi fl-Artikolu 3(5) TUE u fl-Artikolu 21 TUE, kif ukoll id-dispożizzjonijiet speċifiċi relatati magħha, b’mod partikolari l-Artikoli 23 u 24 TUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2015, Ezz et vs Il‑Kunsill, C‑220/14 P, EU:C:2015:147, punt 46), il-Kunsill għandu marġni wiesa’ sabiex jiddefinixxi l-għan tal-miżuri restrittivi li l-Unjoni tadotta fil-qasam tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 88). Għalhekk, il-Kunsill ma jistax jiġi kkritikat talli kkunsidra li, quddiem il-kriżi internazzjonali kkawżata mill-aggressjoni kontra l-Ukraina mill-Federazzjoni Russa, fost il-miżuri utli biex jirreaġixxi għat-theddida serja kontra l-paċi fil-fruntieri tal-Unjoni u l-ksur tad-dritt internazzjonali, jista’ jinkludi wkoll il-projbizzjoni temporanja fuq ix-xandir ta’ kontenut minn ċerti media, li tappartjeni, b’mod partikolari, lill-grupp ta’ kanali RT (iktar ’il quddiem il-“grupp RT”), iffinanzjat mill-baġit tal-Istat Russu, għar-raġuni li huma kienu jappoġġjaw din l-aggressjoni permezz ta’ azzjonijiet bħal dawk imsemmija fil-premessa 7 tad-deċiżjoni kkontestata.

53      Fil-fatt, mill-premessa 8 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, fl-evalwazzjoni tal-Kunsill, tali azzjonijiet kienu jikkostitwixxu theddida sinjifikattiva u diretta għall-ordni pubbliku u għas-sigurtà pubblika tal-Unjoni, li ġġustifikat l-intervent tiegħu fil-qafas tal-kompetenzi li l-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jagħtih.

54      Dan l-intervent, kif ippreċiża l-Kunsill waqt is-seduta, huwa għalhekk direttament marbut mal-iskopijiet tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni msemmija fl-Artikolu 21(2)(a) u (c) TUE, peress li huwa intiż, minn naħa, biex jissalvagwardja l-valuri tal-Unjoni, l-interessi fundamentali tagħha, is-sigurtà tagħha, l-indipendenza tagħha u l-integrità tagħha u, min-naħa l-oħra, biex tinżamm il-paċi, jiġu pprevenuti l-kunflitti u tissaħħaħ is-sigurtà internazzjonali (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punti 115 u 116).

55      Fir-rigward tal-għanijiet imfittxija mill-Kunsill, il-premessi 4 sa 10 tal-atti kkontestati jirreferu għall-ħtieġa li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jiġu protetti minn kampanji ta’ diżinformazzjoni u ta’ destabilizzazzjoni li jitwettqu mill-media mqiegħda taħt il-kontroll tal-mexxejja tal-Federazzjoni Russa u li jheddu l-ordni pubbliku u s-sigurtà pubblika tal-Unjoni, f’kuntest ikkaratterizzat minn aggressjoni militari tal-Ukraina. Dawn huma għalhekk interessi pubbliċi li għandhom l-għan li jipproteġu s-soċjetà Ewropea u jifformaw parti minn strateġija globali (ara l-punti 11, 12, 14, 17 u 19 iktar ’il fuq), li għandha l-għan li ttemm, kemm jista’ jkun malajr, l-aggressjoni mġarrba mill-Ukraina.

56      Peress li l-propaganda u l-kampanji ta’ diżinformazzjoni jistgħu jpoġġu f’dubju l-pedamenti tas-soċjetajiet demokratiċi u jifformaw parti integrali mill-armamenti tal-gwerra moderna, il-miżuri restrittivi inkwistjoni jifformaw ukoll parti mill-kuntest tat-twettiq mill-Unjoni tal-għanijiet li l-Artikolu 3(1) u (5) TUE jassenjalha.

57      Bl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill għalhekk eżerċita l-kompetenza mogħtija lill-Unjoni mit-Trattati taħt dispożizzjonijiet relatati mal-politika estera u ta’ sigurtà komuni. Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-fatt, invokat mir-rikorrenti, li skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali Franċiża, is-setgħa li jiġi ssanzjonat organu ta’ xandir televiżiv għal kontenut editorjali mhux xieraq taqa’ taħt il-kompetenza ta’ Arcom. Fil-fatt, minn naħa, il-kompetenzi tal-Unjoni, inklużi dawk relatati mal-politika estera u ta’ sigurtà komuni, ma jistgħux jiġu esklużi u lanqas ikkundizzjonati mill-eżistenza jew mill-eżerċizzju ta’ setgħat attribwiti mid-dritt nazzjonali lil awtorità amministrattiva. B’hekk, il-fatt li awtorità amministrattiva nazzjonali għandha kompetenza li tadotta sanzjonijiet ma jipprekludix il-kompetenza rrikonoxxuta tal-Kunsill li jadotta miżuri restrittivi intiżi li jipprojbixxu b’mod temporanju u riversibbli x-xandir tal-kontenut tar-rikorrenti.

58      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li l-kompetenza mogħtija lill-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali mil-leġiżlazzjonijiet domestiċi ma ssegwix l-istess għanijiet, ma hijiex ibbażata fuq l-istess suppożizzjonijiet jew fuq l-istess valuri u ma tistax tiggarantixxi l-istess riżultati bħal intervent uniformi u immedjat fit-territorju kollu tal-Unjoni, bħal dak li jista’ jsir taħt il-politika estera u ta’ sigurtà komuni. Għandu jiġi rrilevat ukoll li, fid-dispożittiv tagħha, id-deċiżjoni kkontestata hija indirizzata lill-operaturi li jxandru l-kontenut tar-rikorrenti u tal-organi l-oħra tax-xandir televiżiv elenkati fl-Anness IX tagħha, billi tipprojbixxihom milli jxandru l-kontenut imsemmi, bi kwalunkwe mezz, inklużi bil-cable, bis-satellita u bl-IPTV (ara l-punt 23 iktar ’il fuq). Sa fejn tali projbizzjoni tapplika indipendentement mill-Istat Membru li fih huma stabbiliti dawn l-operaturi u indipendentement mill-mod ta’ distribuzzjoni tal-kontenut tar-rikorrenti, isegwi li r-riżultat imfittex mid-deċiżjoni kkontestata ma setax jintlaħaq permezz ta’ awtoritajiet regolatorji nazzjonali, li l-kompetenza tagħhom hija limitata għat-territorju tal-Istat Membru li jappartjenu għalih.

59      Barra minn hekk, għalkemm ir-rikorrenti ma rreferietx għat-tqassim tal-kompetenzi interni tal-Unjoni, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni mill-Kunsill taħt l-Artikolu 29 TUE ma tistax titqiegħed fid-dubju mill-possibbiltà li l-Unjoni tintervjeni, fil-qasam tas-servizzi awdjoviżivi, fuq il-bażi ta’ kategoriji oħra ta’ kompetenzi rregolati mit-Trattat FUE, b’mod partikolari l-kompetenzi attribwiti lill-Unjoni għar-regolazzjoni tas-suq intern, taħt l-Artikolu 4(2) TFUE.

60      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 TUE, l-implimentazzjoni tal-politiki msemmija fl-Artikoli 3 sa 6 TFUE ma għandhiex taffettwa l-applikazzjoni tal-proċeduri u l-portata rispettiva tal-kompetenzi tal-istituzzjonijiet previsti mit-Trattati għall-eżerċizzju tal-kompetenzi tal-Unjoni taħt il-politika estera u ta’ sigurtà komuni.

61      Minn dan isegwi li l-kompetenzi tal-Unjoni taħt il-politika estera u ta’ sigurtà komuni u taħt dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat FUE li jaqgħu taħt it-Tielet Parti tiegħu, dwar il-politiki u l-azzjonijiet interni tal-Unjoni, ma jeskludux lil xulxin reċiprokament, iżda jikkomplimentaw lil xulxin, kull waħda minnhom ikollha l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha stess u li għandha l-iskop li tilħaq għanijiet differenti (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2012, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑130/10, EU:C:2012:472, punt 66).

62      Fir-rigward tal-kompetenza tal-Kunsill li jadotta r-regolament ikkontestat, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 215(2) TFUE, meta deċiżjoni, adottata skont il-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat UE hekk tipprevedi, il-Kunsill jista’ jadotta miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi, gruppi jew entitajiet mhux Statali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, CW vs Il‑Kunsill, T‑224/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:375, punt 68).

63      F’dan il-każ, sa fejn il-Kunsill seta’ jadotta validament id-deċiżjoni kkontestata skont l-Artikolu 29 TUE, jirriżulta li l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat fuq il-bażi tal-Artikolu 215(2) TFUE kienet neċessarja, peress li dan jirriżulta mill-premessa 12 tiegħu, biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni uniformi tagħha fit-territorju tal-Unjoni. Fil-fatt, peress li l-miżuri restrittivi inkwistjoni jistgħu jiġu implimentati biss billi tiġi imposta fuq operaturi ekonomiċi l-projbizzjoni temporanja tax-xandir tal-kontenut awdjoviżiv tar-rikorrenti, huwa ċar li, kif ġie enfasizzat minn ċerti intervenjenti, l-implimentazzjoni uniformi tal-projbizzjoni temporanja dwar ix-xandir tal-kontenut tar-rikorrenti fit-territorju kollu tal-Unjoni setgħet tintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni milli fil-livell nazzjonali. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat ukoll li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-miżuri adottati mill-Kunsill f’dan il-każ ma jistgħux jitqiesu bħala interruzzjoni totali tar-relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji ma’ pajjiż terz, taħt l-Artikolu 215(1) TFUE, filwaqt li, kif intqal iktar ’il fuq, ir-regolament ikkontestat ġie adottat skont l-Artikolu 215(2) TFUE.

64      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ilment ibbażat fuq l-inkompetenza tal-Kunsill għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża

65      Ir-rikorrenti tikkritika lill-Kunsill li adotta l-atti kkontestati bi ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha u tal-prinċipju ta’ kontradittorju li huwa inerenti fihom. Minn naħa, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża tagħha, iggarantit mill-Artikoli 41 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), kien jeħtieġ li tinstema’ minn qabel jew, tal-inqas, li tkun tista’ tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha, wara li jkollha aċċess għall-fajl. Min-naħa l-oħra, ir-rispett tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta, kien jeħtieġ li r-rikorrenti setgħet tkun taf ir-raġunijiet li fuqhom il-Kunsill ried jibbaża d-deċiżjoni li jinkludi isimha fil-listi inkwistjoni qabel l-adozzjoni tagħha.

66      Skont ir-rikorrenti, l-atti kkontestati bla dubju jagħmlu ħsara serja u irriversibbli lill-interessi tagħha, li jwassal għal konsegwenzi kemm ekonomiċi, finanzjarji u umani drammatiċi, peress li ma tkunx tista’ tkompli teżerċita l-attività tagħha. Hija tallega wkoll li l-atti kkontestati jagħmlu ħsara serja lir-reputazzjoni tagħha, peress li hemmhekk hija ppreżentata bħala media taħt il-kontroll permanenti u esklużiv tal-awtoritajiet Russi, li jiskreditha fl-eżerċizzju tal-attività tagħha.

67      Fin-nuqqas ta’ notifika individwali minn qabel tal-miżuri restrittivi inkwistjoni, ir-rikorrenti kienet iċċaħħdet mid-drittijiet tagħha. Barra minn hekk, l-ebda kuntatt uffiċjali, jew saħansitra informali, minn rappreżentanti politiċi jew istituzzjonali, kemm fuq livell Ewropew kif ukoll nazzjonali, ma seħħ qabel l-adozzjoni tal-atti kkontestati.

68      Fir-replika, ir-rikorrenti essenzjalment issostni li l-motivazzjoni tal-atti kkontestati hija ċirkulari u tawtoloġika kif ukoll insuffiċjenti fid-dawl tar-rekwiżiti tal-ġurisprudenza tal-qorti tal-Unjoni. Barra minn hekk, fir-risposta, il-Kunsill jillimita ruħu biex jagħmel parafrażi, jew saħansitra jittraskrivi, il-premessi tal-imsemmija atti, li ma jippermettux, skont ir-rikorrenti, li l-attività ta’ propaganda li hija akkużata biha tiġi kkonfermata jew iġġustifikata. Barra minn hekk, il-fatt li hija setgħet tippreżenta dan ir-rikors, akkumpanjat minn talba għal miżuri provviżorji, ma jistax juri li hija kienet infurmata biżżejjed bir-raġunijiet tal-projbizzjoni temporanja tax-xandir inkwistjoni.

69      Jingħad ukoll li r-rikorrenti tqis li l-kuntest ta’ urġenza estrema marbut ma’ li faqqgħet aggressjoni militari kontra l-Ukraina, invokat mill-Kunsill, ma huwiex biżżejjed, fih innifsu, biex jiġġustifika l-ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha u tad-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

70      Skont ir-rikorrenti, il-projbizzjoni ġenerali u assoluta ta’ xandir li għaliha hija suġġetta hija purament simbolika u ma tistax titqies bħala rispons biex jinġiebu l-paċi u l-istabbiltà fil-kontinent Ewropew. Tali projbizzjoni bl-ebda mod ma hija neċessarja sabiex jintlaħaq l-għan li hija tallega li ssegwi u jkollha l-attributi ta’ miżura restrittiva mmirata li kellha tittieħed b’rispett tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti. Il-fatt li hija tibbenefika minn stħarriġ ġudizzjarju effettiv, quddiem qorti imparzjali, lanqas ma jippermetti li tiġi rrimedjata l-irregolarità li taffettwa l-proċedura ta’ adozzjoni tal-atti kkontestati.

71      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argumenti li setgħet tressaq li kieku kienet instemgħet jew li kieku kienet taf bir-raġunijiet qabel l-adozzjoni tal-atti kkontestati, ir-rikorrenti tallega li setgħet turi, minn naħa, il-bilanċ li kienet osservat fl-għażla tal-kelliema u fil-kummenti mxandra fuq il-media tagħha u, min-naħa l-oħra, il-veraċità tat-termini użati. Barra minn hekk, il-fatt li hija qatt ma ġiet issanzjonata mill-Arcom huwa prova tanġibbli li l-kontenut imxandar ma kienx jikkostitwixxi propaganda. Fid-dawl ta’ dawn l-argumenti, il-proċedura setgħet wasslet għal riżultat differenti.

72      Il-Kunsill, sostnut mir-Renju tal-Belġju, mir-Repubblika tal-Estonja, mir-Repubblika Franċiża, mir-Repubblika tal-Latvja, mir-Repubblika tal-Litwanja, mir-Repubblika tal-Polonja, mill-Kummissjoni u mir-Rappreżentant Għoli, jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

73      Wara d-dettalji mogħtija fir-replika, l-ewwel motiv għandu jiġi kkunsidrat li jinqasam, essenzjalment, f’żewġ partijiet, ibbażati fuq, l-ewwel waħda, insuffiċjenza tar-raġunijiet li jiġġustifikaw l-adozzjoni tal-atti kkontestati fir-rigward tar-rikorrenti u, it-tieni waħda, fuq in-nuqqas ta’ rispett tad-dritt għal smigħ tagħha qabel l-adozzjoni tal-atti kkontestati.

74      Għandha tiġi eżaminata, l-ewwel nett, it-tieni parti tal-ewwel motiv.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata, essenzjalment fuq in-nuqqas ta’ rispett tad-dritt għal smigħ tar-rikorrenti

75      Id-dritt għal smigħ fi kwalunkwe proċedura, previst fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta, li jifforma parti integrali mir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, jiggarantixxi lil kull persuna l-possibbiltà li tgħarraf, b’mod utli u b’mod effettiv, il-fehma tagħha waqt proċedura amministrattiva u qabel ma tittieħed deċiżjoni fir-rigward tagħha li tista’ taffettwa ħażin l-interessi tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Diċembru 2014, Boudjlida, C‑249/13, EU:C:2014:2431, punti 34 u 36, u tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs RQ, C‑831/18 P, EU:C:2020:481, punti 65 u 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

76      Fil-kuntest ta’ proċedura relatata mal-adozzjoni tad-deċiżjoni li jiġi inkluż l-isem ta’ persuna f’lista li tidher fl-anness ta’ att li jimponi miżuri restrittivi, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jeħtieġ li l-awtorità kompetenti tal-Unjoni tikkomunika lill-persuna kkonċernata r-raġunijiet u l-provi kontriha li fuqhom din l-awtorità biħsiebha tibbaża d-deċiżjoni tagħha. Matul din il-komunikazzjoni, l-awtorità kompetenti tal-Unjoni għandha tippermetti lil din il-persuna li turi effettivament il-fehma tagħha fir-rigward tar-raġunijiet adottati fir-rigward tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punti 111 u 112).

77      L-Artikolu 52(1) tal-Karta, madankollu, jippermetti limitazzjonijiet għall-eżerċizzju tad-drittijiet sanċiti minnha, sa fejn il-limitazzjoni kkonċernata tirrispetta l-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali inkwistjoni u li, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, hija neċessarja u tilħaq b’mod effettiv għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10P, EU:C:2013:518, punt 101 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja f’diversi okkażjonijiet iddeċidiet li d-drittijiet tad-difiża setgħu jkunu suġġetti għal limitazzjonijiet jew għal derogi, u dan kemm fil-qasam tal-miżuri restrittivi adottati fil-kuntest tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Franza vs People’s Mojahedin Organisation of Iran, C‑27/09 P, EU:C:2011:853, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata) kif ukoll f’oqsma oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Ġunju 2006, Dokter et, C‑28/05, EU:C:2006:408, punti 75 u 76, u tal‑10 ta’ Settembru 2013, G. u R., C‑383/13 PPU, EU:C:2013:533, punt 33).

78      Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża għandha tiġi evalwata skont ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ, b’mod partikolari n-natura tal-att inkwistjoni, tal-kuntest li fih ġie adottat u r-regoli ġuridiċi li jirregolaw il-kwistjoni kkonċernata (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 102 u l-ġurisprudenza ċċitata).

79      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest ta’ din il-parti, ir-rikorrenti tiċċita, f’silta tar-rikors, l-Artikolu 48 tal-Karta, intitolat “Il-preżunzjoni ta’ innoċenza u dritt għad-difiża”, mingħajr madankollu ma żżid miegħu argumenti speċifiċi. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti naqset milli tispjega f’liema kapaċità hija setgħet tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 48(2) tal-Karta jew tieħu minnu protezzjoni differenti minn dik li setgħet tikseb mill-applikazzjoni tal-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta, jew iktar importanti minn din il-protezzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx bżonn li jiġi eżaminat ilment allegat ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 48 tal-Karta b’mod awtonomu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2015, First Islamic Investment Bank vs Il-Kunsill, T‑161/13, EU:T:2015:667, punt 68).

80      Fir-rigward tar-rispett tad-dritt għal smigħ, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, fir-rigward tad-deċiżjoni inizjali li jiddaħħal l-isem ta’ persuna jew ta’ entità f’lista ta’ persuni u ta’ entitajiet li l-fondi tagħhom huma ffriżati, il-Kunsill ma huwiex meħtieġ li jikkomunika bil-quddiem lill-persuna jew lill-entità kkonċernata r-raġunijiet li fuqhom ikun beħsiebu jibbaża din l-inklużjoni. Fil-fatt, tali miżura, sabiex ma tikkompromettix l-effettività tagħha, għandha, min-natura tagħha stess, tkun tista’ tibbenefika minn effett ta’ sorpriża u tiġi applikata immedjatament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran, C‑27/09 P, EU:C:2011:853, punt 61). Fuq talba mressqa lill-Kunsill, il-persuna jew l-entità kkonċernata għandha wkoll id-dritt li ssemma’ l-fehma tagħha dwar dawn l-elementi ladarba l-att ikun ġie adottat (sentenza tal‑20 ta’ Frar 2013, Melli Bank vs Il-Kunsill, T‑492/10, EU:T:2013:80, punt 72).

81      Deroga bħal din mid-dritt fundamentali għal smigħ matul proċedura li tippreċedi l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi hija ġġustifikata mill-ħtieġa li tiġi żgurata l-effettività tal-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi u, fl-aħħar mill-aħħar, minn kunsiderazzjonijiet imperattivi li jaffettwaw is-sigurtà jew l-aġir tar-relazzjonijiet internazzjonali tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Franza vs People’s Mojahedin Organisation of Iran, C‑27/09 P, EU:C:2011:853, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

82      F’dan il-każ, fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-Kunsill kellu jinnotifikaha individwalment l-atti kkontestati, sa fejn dawn jipprevedu miżuri restrittivi fir-rigward tagħha, għandu jiġi rrilevat li l-assenza ta’ komunikazzjoni individwali tagħhom, għalkemm jista’ jkollha impatt fuq il-mument li fih beda jiddekorri t-terminu ta’ rikors, ma tiġġustifikax, fiha nnifisha, l-annullament tal-atti kkontestati. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma tressaq ebda argument li jista’ juri li, f’dan il-każ, l-assenza ta’ notifika individwali ta’ dawn l-atti rriżultat fi ksur tad-drittijiet tagħha li jiġġustifika l-annullament tagħhom sa fejn jikkonċernawha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, DenizBank vs Il-Kunsill, T‑798/14, EU:T:2018:546, punt 92 u l-ġurisprudenza ċċitata).

83      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-assenza ta’ komunikazzjoni mill-Kunsill tar-raġunijiet u tal-provi li jsostnu l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi fir-rigward tar-rikorrenti qabel l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi inkwistjoni u l-allegat ksur tad-dritt għal smigħ tagħha, għandu jkun irrilevat li dawn il-miżuri jikkonsistu fi projbizzjoni temporanja fuq ix-xandir u mhux f’iffriżar tal-fondi individwali.

84      Issa, jekk deroga mid-dritt fundamentali għar-rispett tad-dritt għal smigħ ġiet aċċettata mill-ġurisprudenza fil-każ ta’ deċiżjoni inizjali ta’ ffriżar ta’ fondi, li għandha, min-natura tagħha stess, tkun tista’ tibbenefika minn effett ta’ sorpriża u tapplika immedjatament, sabiex, essenzjalment, ma tiġix kompromessa l-effettività tagħha (ara l-punt 80 iktar ’il fuq), ma hemm xejn li jipprevjeni li tali deroga tkun permessa wkoll meta, b’kunsiderazzjoni ta’ ċirkustanzi speċifiċi ta’ każ, ikkaratterizzati bil-ħtieġa ta’ intervent b’urġenza estrema, l-implimentazzjoni immedjata ta’ miżura tkun essenzjali biex tiġi żgurata l-effettività tagħha fir-rigward tal-għanijiet li ssegwi u b’mod partikolari biex jiġi evitat li tiġi mċaħħda mill-portata u mill-effett utli.

85      F’dan il-każ, għandu jiġi vverifikat jekk, fid-dawl tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 3(1) u (5) TUE u mill-Artikolu 21(1) u (2)(a) u (c) TUE, li jirrigwardaw, b’mod partikolari, is-salvagwardja tal-valuri tal-Unjoni u s-sigurtà tagħha u l-preservazzjoni tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali fl-osservanza tad-dritt internazzjonali, b’mod partikolari prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, il-fatt li r-rikorrenti ma kinitx ġiet informata minn qabel bid-deċiżjoni tal-Kunsill li tipprojbixxiha temporanjament minn kwalunkwe forma ta’ xandir ta’ kontenut kien jikkostitwixxi ksur tad-dritt għal smigħ tagħha.

86      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-miżuri restrittivi inkwistjoni seħħew f’kuntest straordinarju u estremament urġenti (ara l-punti 9 sa 18 iktar ’il fuq), li huwa msemmi fil-premessi 10 u 11 tal-atti kkontestati, li bihom il-Kunsill jibbilanċja wkoll id-diversi interessi involuti, filwaqt li jqis, b’mod partikolari, ir-rispett għad-drittijiet u għal-libertajiet fundamentali rrikonoxxuti fil-Karta. Fit-tieni lok, f’dak il-kuntest, il-miżuri restrittivi inkwistjoni jifformaw parti integrali minn sensiela ta’ miżuri ta’ portata bla preċedent adottati mill-Kunsill bejn l-aħħar ġimgħa ta’ Frar, li matulha seħħ l-ewwel ksur tal-integrità territorjali tal-Ukraina fil‑21 ta’ Frar 2022, meta l-President Russu rrikonoxxa l-indipendenza u s-sovranità tar-reġjuni ta’ Donetsk u Lugansk u ordna lill-forzi armati tiegħu jidħlu f’dawn iż-żoni (ara l-punti 10 sa 12 iktar ’il fuq), u l-bidu ta’ Marzu 2022. Kif irrimarka ġustament il-Kunsill, id-deterjorament rapidu tas-sitwazzjoni u l-gravità tal-ksur imwettaq għamluha diffiċli għal kwalunkwe forma ta’ modulazzjoni tal-miżuri restrittivi mmirati biex jipprevjenu t-tixrid tal-kunflitt. F’dan il-kuntest, l-Unjoni għalhekk irreaġixxiet malajr għal ksur ta’ obbligi erga omnes imposti mid-dritt internazzjonali sabiex tfixkel, bil-miżuri kollha li ma jinvolvux l-użu tal-forza għad-dispożizzjoni tagħha, l-aggressjoni militari fuq l-Ukraina mill-Federazzjoni Russa.

87      Barra minn hekk, l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi inkwistjoni immedjatament wara l-bidu tal-aggressjoni militari, sabiex jiġi ggarantit l-effett utli sħiħ tagħhom, issodisfat ukoll ir-rekwiżit li jiġu stabbiliti diversi forom ta’ reazzjoni rapida għal din l-aggressjoni, speċjalment fid-dawl tal-fatt, enfasizzat mill-Kunsill u mir-Rappreżentant Għoli waqt is-seduta, li dak iż-żmien l-aggressjoni kienet ipperċepita bħala maħsuba li tkun għal żmien qasir. F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li, kif sostna l-Kunsill waqt is-seduta, fid-dawl ta’ dan ir-rekwiżit, kien ikun impossibbli li r-rikorrenti verament tingħata żmien biżżejjed li jippermettilha tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha qabel l-adozzjoni tal-atti kkontestati, mingħajr ma tiġi kompromessa l-effettività tal-miżuri restrittivi inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2020, Ocean Capital Administration et vs Il-Kunsill, T‑332/15, mhux ippubblikat, EU:T:2020:308, punt 191). Għalhekk, fil-qafas tal-istrateġija globali tal-Unjoni mmirata lejn rispons rapidu, unifikat, iggradwat u kkoordinat, l-imperattivi ta’ urġenza u effettività tal-miżuri restrittivi adottati kollha ġġustifikaw il-limitazzjoni, skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta (ara l-punt 77 iktar ’il fuq), l-applikazzjoni tal-Artikolu 41(2)(a) tiegħu, sa fejn dawn jirrispondu effettivament għal għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni, bħalma huma, kif indikat fil-premessa 8 tal-atti kkontestati, is-salvagwardja tal-ordni u tas-sigurtà pubbliċi fl-Unjoni.

88      Min-naħa l-oħra, kif jindika ġustament il-Kunsill, fi strateġija għall-ġlieda kontra l-hekk imsejjaħ theddid ibridu, diġà msemmija minnu fil-konklużjonijiet tiegħu tal‑10 ta’ Mejju 2021 (ara l-premessa 5 tal-atti kkontestati), ir-rekwiżit li jiġu adottati miżuri restrittivi mmirati lejn il-media, bħar-rikorrenti, iffinanzjata mill-baġit tal-Istat Russu u kkontrollata, direttament jew indirettament, mill-mexxejja ta’ dak il-pajjiż, li huwa l-pajjiż aggressur, sa fejn kienet ikkunsidrata li kienet fl-oriġini ta’ attività kontinwa u miftiehma ta’ diżinformazzjoni u ta’ manipulazzjoni tal-fatti, sar, wara li faqqa’ l-kunflitt armat, imperattiv u urġenti, sabiex tiġi ppreservata l-integrità tad-dibattitu demokratiku fi ħdan is-soċjetà Ewropea.

89      Fil-fatt, bħall-Kunsill, bħar-Rappreżentant Għoli u intervenjenti oħra, għandu jiġi rrilevat li l-kopertura intensiva tal-media tal-ewwel jiem tal-aggressjoni militari tal-Ukraina, kif toħroġ mid-diversi elementi, meħuda minn sorsi pubbliċi, miżjuda fil-proċess tal-kawża mill-Kunsill, seħħet f’mument kritiku meta l-azzjonijiet ta’ mezz tal-media, bħar-rikorrenti, x’aktarx kellhom effett ta’ ħsara sinjifikattiva fuq l-opinjoni pubblika, u joħolqu wkoll theddida potenzjali għall-ordni pubbliku u għas-sigurtà pubblika fl-Unjoni.

90      F’dan ir-rigward, għandu jittieħed ukoll inkunsiderazzjoni l-fatt li l-media awdjoviżiva, li tista’, b’mod partikolari, tissuġġerixxi, permezz tal-mod ta’ kif tippreżenta l-informazzjoni, kif id-destinatarji għandhom jevalwawha, għandha effetti ferm iktar immedjati u qawwija milli l-istampa bil-miktub, peress li, permezz ta’ xbihat, tista’ tittrażmetti messaġġi li l-kelma miktuba ma hijiex adattata biex twassal (ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, tal‑5 ta’ April 2022, NIT S.R.L. vs Ir‑Repubblika tal-Moldova, CE:ECHR:2022:0405JUD002847012, punti 181 u 182 u l-ġurisprudenza ċċitata).

91      Barra minn hekk, fiċ-ċirkustanzi speċifiċi ħafna tal-kawża, imfakkra fil-punti 86 sa 90 iktar ’il fuq, huwa ġust li l-Kunsill, fuq proposta tar-Rappreżentant Għoli u tal-Kummissjoni, iddeċieda li jintervjeni b’ħeffa kbira, sa mill-ewwel jiem li faqqgħet il-gwerra, biex jiġi evitat ir-riskju li l-effettività tal-miżuri restrittivi inkwistjoni titnaqqas ħafna jew saħansitra, essenzjalment, tiġi annullata, billi jiġi pprojbit, b’mod partikolari, ix-xandir ta’ kontenut, partikolarment, tar-rikorrenti, bil-għan li tiġi sospiża temporanjament l-attività ta’ tali vettura ta’ propaganda, favur l-aggressjoni militari fl-Ukraina, fit-territorju tal-Unjoni.

92      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, meta wieħed iqis il-kuntest pjuttost eċċezzjonali li fih ġew adottati l-atti kkontestati, jiġifieri dak li faqqgħet gwerra fil-fruntieri tal-Unjoni Ewropea, l-għan li huma jfittxu u l-effettività tal-miżuri restrittivi previsti minnhom, għandu jiġi konkluż li l-awtoritajiet tal-Unjoni ma kinux obbligati jisimgħu lir-rikorrenti qabel l-inklużjoni inizjali ta’ isimha fil-listi inkwistjoni u, għalhekk, li ma kienx hemm ksur tad-dritt għal smigħ tagħha.

93      Fi kwalunkwe każ, skont ġurisprudenza stabbilita, ksur tad-drittijiet tad-difiża, b’mod partikolari tad-dritt għal smigħ, jimplika l-annullament tal-att inkwistjoni biss jekk, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, fejn jiġi preżunt li ġiet stabbilita, il-proċedura amministrattiva ta’ qabel l-adozzjoni ta’ dan l-att setgħet wasslet għal riżultat differenti, u hija l-persuna li tibbaża fuq tali ksur li għandha turi dan (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Settembru 2013, G. u R., C‑383/13 PPU, EU:C:2013:533, punt 38; tal‑25 ta’ Ġunju 2020, Vnesheconombank vs Il-Kunsill, C‑731/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:500, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑13 ta’ Settembru 2018, Sberbank of Russia vs Il-Kunsill, T‑732/14, EU:T:2018:541, punt 125 u l-ġurisprudenza ċċitata).

94      Hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tivverifika, meta tiltaqa’ ma’ irregolarità allegata li taffettwa d-dritt għal smigħ, li, skont iċ-ċirkustanzi fattwali u legali speċifiċi tal-kawża, il-proċedura inkwistjoni setgħet wasslet għal riżultat differenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Settembru 2013, G. u R., C‑383/13 PPU, EU:C:2013:533, punt 40, u tat‑12 ta’ Frar 2020, Kibelisa Ngambasai vs Il-Kunsill, T‑169/18, mhux ippubblikata, EU:T:2020:58, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

95      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li r-raġunijiet adottati mill-Kunsill għall-impożizzjoni tal-miżuri restrittivi inkwistjoni, li huma esposti fil-premessi tal-atti kkontestati, jikkonsistu, essenzjalment, fil-fatt li r-rikorrenti hija media ffinanzjata mill-baġit tal-Federazzjoni Russa u mqiegħda taħt il-kontroll permanenti tal-mexxejja tagħha. Barra minn hekk, il-Kunsill ikkunsidra li r-rikorrenti kienet qed twettaq, mal-entitajiet l-oħra li isimhom deher fl-annessi tal-atti kkontestati, azzjonijiet ta’ propaganda, b’mod partikolari, insostenn tal-aggressjoni militari tal-Ukraina. Insostenn ta’ dawn ir-raġunijiet, il-Kunsill daħħal fil-proċess tal-kawża, bħala annessi mar-risposta tiegħu, diversi provi li jikkonċernaw kemm il-kontroll permanenti tar-rikorrenti kif ukoll l-attività ta’ propaganda tagħha.

96      Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-provi inkwistjoni jikkonsistu f’xandiriet televiżivi mir-rikorrenti u fl-artikoli ppubblikati fis-sit internet tagħha, li xxandru lill-pubbliku, b’mod partikolari, fil-perijodu li fih faqqgħet il-gwerra u fil-jiem immedjatament ta’ wara. Fid-dawl ta’ dawn il-provi, il-Kunsill ġustament qies li l-kontenut imxandar mir-rikorrenti kien jinvolvi attività favur l-aggressjoni militari tal-Ukraina (ara l-punti 172 sa 188 iktar ’il quddiem). Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li, anki li kieku r-rikorrenti setgħet tinstema’, l-osservazzjonijiet tagħha ma kinux iqiegħdu fid-dubju l-fatt li dawn ix-xandiriet kienu saru, li dawn l-artikoli kienu ġew ippubblikati u, fl-aħħar mill-aħħar, li dan il-kontenut kien ixxandar lill-pubbliku fi ħdan l-Unjoni.

97      Barra minn hekk, fir-replika u, waqt is-seduta, bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti sostniet li l-argumenti li setgħet tressaq u l-provi li setgħet tipproduċi kieku kienet instemgħet jew kieku kienet taf bir-raġunijiet qabel l-adozzjoni tal-atti kkontestati kienu l-istess bħal dawk invokati fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha u li kellhom l-għan li juru, minn naħa, il-bilanċ li hija osservat fl-għażla tal-intervenjenti u fil-kummenti mxandra fuq il-media tagħha u, fuq min-naħa l-oħra, il-veraċità tat-termini użati. Issa, kif enfasizza l-Kunsill fil-kontroreplika, għalkemm l-elementi invokati mir-rikorrenti juru l-eżistenza ta’ sekwenzi li jippreżentaw opinjonijiet oħra dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina, dawn ma jistgħux juru li, b’mod ġenerali, il-kopertura mill-media tar-rikorrenti tal-aggressjoni żammet bilanċ fir-rigward tal-għażla tal-kelliema, tal-kontenut, tax-xbihat u tal-kummenti kkomunikati f’dawn is-sekwenzi (ara l-punti 189 u 190 iktar ’il quddiem).

98      Fl-aħħar nett, il-fatt li r-rikorrenti qatt ma ġiet issanzjonata mill-Arcom huwa irrilevanti u, fi kwalunkwe każ, ma huwiex tali li jistabbilixxi li x-xandiriet li jinsabu fil-videos inklużi fil-proċess tal-kawża mill-Kunsill ma kinux jikkostitwixxu azzjonijiet ta’ propaganda favur l-aggressjoni militari tal-Ukraina.

99      Minn dan isegwi li, meta jitqiesu ċ-ċirkustanzi tal-kawża u l-provi kollha prodotti mir-rikorrenti u mill-Kunsill, ebda argument imressaq mir-rikorrenti ma juri li l-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti li kieku kienet instemgħet qabel l-adozzjoni tal-miżuri inkwistjoni jew kieku r-raġunijiet għall-applikazzjoni tagħhom kienu ġew ikkomunikati lilha minn qabel.

100    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, it-tieni parti tal-ewwel motiv, ibbażata essenzjalment fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, għandha tiġi miċħuda.

 Fuq ewwel parti, ibbażata fuq l-insuffiċjenza tal-motivazzjoni tal-atti kkontestati fir-rigward tar-rikorrenti

101    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest ta’ din il-parti, ir-rikorrenti sempliċement tirreferi għad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, mingħajr madankollu ma ssostnih b’argumenti speċifiċi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li jiġi eżaminat b’mod awtonomu ilment allegat ibbażat fuq ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara l-punt 79 iktar ’il fuq).

102    Fir-rigward tal-allegata insuffiċjenza tal-motivazzjoni tal-atti kkontestati, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ att li jikkawża preġudizzju, li jikkostitwixxi l-korollarju tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, għandu l-għan, minn naħa, li jipprovdi lill-persuna kkonċernata b’informazzjoni suffiċjenti biex tkun taf jekk l-att huwiex fondat jew jekk possibbilment huwiex ivvizzjat b’difett li jippermetti li l-validità tiegħu tiġi kkontestata quddiem il-qrati tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li tippermetti lil dawn tal-aħħar jeżerċitaw l-istħarriġ tagħhom fuq il-legalità ta’ dan l-att (ara s-sentenza tal‑14 ta’ April 2021, Al-Tarazi vs Il-Kunsill, T‑260/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:187, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

103    Għandu jitfakkar ukoll li l-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE u mill-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għall-kuntest li fih ġie adottat. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tar-raġunijiet invokati u l-interess li d-destinatarji jew persuni oħra direttament u individwalment ikkonċernati mill-att jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet. Il-motivazzjoni ma hijiex meħtieġa li tispeċifika l-elementi fattwali u legali rilevanti kollha, sa fejn is-suffiċjenza ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-kliem tagħha, iżda wkoll fir-rigward tal-kuntest tagħha kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-kwistjoni kkonċernata (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2020, Rosneft et vs Il-Kunsill, C‑732/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:727, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).

104    B’hekk, minn naħa, att li jikkawża preġudizzju lil rikorrent huwa suffiċjentement immotivat meta jseħħ f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata, li jippermettilha tifhem il-portata tal-miżura meħuda kontriha (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2020, Rosneft et vs Il‑Kunsill, C‑732/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:727, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata). Min-naħa l-oħra, il-grad ta’ preċiżjoni tal-motivazzjoni ta’ att għandu jkun proporzjonat mal-possibbiltajiet materjali u mal-kundizzjonijiet tekniċi jew ta’ terminu ta’ żmien li fihom għandu jseħħ (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Sberbank of Russia vs Il-Kunsill, T‑732/14, EU:T:2018:541, punt 93 u l-ġurisprudenza ċċitata).

105    Barra minn hekk, il-ġurisprudenza ċċarat li l-motivazzjoni ta’ att tal-Kunsill li jimponi miżura restrittiva ma kellhiex biss tidentifika l-bażi legali ta’ din il-miżura, iżda wkoll ir-raġunijiet speċifiċi u konkreti li għalihom il-Kunsill ikkunsidra, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali ta’ evalwazzjoni tiegħu, li l-persuna kkonċernata kellha tkun is-suġġett ta’ tali miżura (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Sberbank of Russia vs Il-Kunsill, T‑732/14, EU:T:2018:541, punt 97 u l-ġurisprudenza ċċitata).

106    F’dan il-każ, l-ewwel, għandu jitfakkar li l-miżuri restrittivi inkwistjoni għandhom fil-mira l-kontenut imxandar minn ċerti mezzi awdjoviżivi li għandhom rabtiet ta’ dipendenza mal-Federazzjoni Russa, fosthom ir-rikorrenti, u għalhekk jagħmlu parti minn kuntest magħruf tagħha (ara l-punti 9 sa 20 iktar ’il fuq).

107    Barra minn hekk, kif jirrileva ġustament il-Kunsill, minn naħa, il-premessa 4 tal-atti kkontestati tirreferi għall-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, tal‑24 ta’ Frar 2022 (ara l-punt 14 iktar ’il fuq), li permezz tagħhom dan tal-aħħar ikkundanna bl-iktar mod qawwi l-“aggressjoni militari mhux provokata u mhux ġustifikata” kontra l-Ukraina mill-Federazzjoni Russa, appella għall-iżvilupp u għall-adozzjoni urġenti ta’ sensiela ġdida ta’ sanzjonijiet individwali u ekonomiċi u sejjaħ, b’mod partikolari, lill-Federazzjoni Russa biex twaqqaf il-kampanja ta’ diżinformazzjoni tagħha. Min-naħa l-oħra, il-premessa 5 tal-atti kkontestati tirreferi għall-konklużjonijiet tal-Kunsill tal‑10 ta’ Mejju 2021 li permezz tagħhom dan tal-aħħar enfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ iktar ir-reżiljenza tal-Unjoni u tal-Istati Membri, kif ukoll il-kapaċità tagħhom li jiġġieldu theddid ibridu, inkluża d-diżinformazzjoni, speċjalment fil-konfront ta’ interferenzi u ta’ operazzjonijiet ta’ influwenza barranija.

108    Barra minn hekk, il-premessi 6 sa 9 tal-atti kkontestati jippreċiżaw ir-raġunijiet għall-indikazzjoni tal-persuni ġuridiċi, l-entitajiet u l-organi li jidhru fil-listi inkwistjoni. B’mod iktar speċifiku, il-premessa 7 tirreferi għall-azzjonijiet ta’ propaganda kontinwi u miftiehma tal-Federazzjoni Russa mmirati, b’mod partikolari, għas-soċjetà ċivili fl-Unjoni biex tiġġustifika u tappoġġja l-aggressjoni tagħha kontra l-Ukraina. Il-premessi 8 u 9 tal-atti kkontestati jispeċifikaw li l-media koperta mill-miżura li tipprojbixxi temporanjament attivitajiet ta’ xandir hija dik li permezz tagħha twettqu l-imsemmija azzjonijiet ta’ propaganda u li hija mqiegħda taħt il-kontroll permanenti, dirett jew indirett, tal-mexxejja tal-Federazzjoni Russa. Finalment, dawn l-aħħar premessi jispeċifikaw ukoll ir-raġunijiet sottostanti għall-adozzjoni tal-miżuri restrittivi inkwistjoni, jiġifieri, minn naħa, il-fatt li tali azzjonijiet jikkostitwixxu theddida sinjifikattiva u diretta għall-ordni pubbliku u għas-sigurtà pubblika tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li l-imsemmija media hija essenzjali u indispensabbli għall-avvanz u għall-appoġġ tal-aggressjoni tal-Ukraina u għad-destabilizzazzjoni tal-pajjiżi ġirien.

109    Mill-kliem ta’ dawn il-premessi, b’mod partikolari fil-kuntest, magħruf mir-rikorrenti, li fih ġew adottati l-atti kkontestati, jirriżulta li r-raġunijiet esposti ma jikkostitwixxux kummenti ġenerali u astratti, iżda raġunijiet li jirrigwardaw direttament lir-rikorrenti u l-attivitajiet tagħha u li jesponu b’mod speċifiku biżżejjed ir-raġunijiet li għalihom il-miżuri restrittivi inkwistjoni ġew adottati fir-rigward tagħha.

110    Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li d-dispożittiv tal-atti kkontestati, kif imsemmi fil-punti 23 sa 26 iktar ’il fuq, jipprovdi għall-projbizzjoni, għall-operaturi tal-Unjoni, li jxandru kontenut, li jawtorizzaw jew jiffaċilitaw ix-xandir ta’ kontenut, jew li jikkontribwixxu għalih permezz tal-persuni ġuridiċi, entitajiet jew organi elenkati fl-Anness IX tad-deċiżjoni kkontestata u fl-Anness XV tar-regolament ikkontestat, inkluż permezz ta’ trażmissjoni jew distribuzzjoni bi kwalunkwe mezz bħall-cable, bis-satellita, l-IPTV, il-fornituri ta’ servizzi tal-internet, il-pjattaformi jew applikazzjonijiet ta’ kondiviżjoni ta’ videos fuq l-internet, kemm jekk ġodda jew installati minn qabel. Għandu jiġi kkonstatat li l-annessi tal-atti kkontestati imsemmija qabel, min-naħa tagħhom, ma fihom ebda motivazzjoni speċifika dwar kull waħda mill-entitajiet elenkati fihom, li x-xandir tal-kontenut tagħhom huwa temporanjament ipprojbit.

111    Għandu jiġi kkunsidrat, madankollu, li r-“raġunijiet speċifiċi u konkreti” li għalihom il-Kunsill ikkunsidra, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu ta’ evalwazzjoni, li r-rikorrenti kellha tkun suġġetta għall-miżuri restrittivi inkwistjoni, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 105 iktar ’il fuq, jikkorrispondu f’dan il-każ mal-kriterji li huma stabbiliti fil-premessi 6 sa 9 tal-atti kkontestati.

112    Fil-fatt, ir-rikorrenti kienet milquta unikament għar-raġuni li hija kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet speċifiċi u konkreti previsti fil-premessi 6 sa 9 tal-atti kkontestati, jiġifieri li hija media mqiegħda taħt il-kontroll permanenti, dirett jew indirett, tal-mexxejja tal-Federazzjoni Russa, li wettqet azzjonijiet ta’ propaganda mmirati, b’mod partikolari, biex jiġġustifikaw u jappoġġjaw l-aggressjoni militari tal-Ukraina mill-Federazzjoni Russa.

113    Din il-motivazzjoni hija komprensibbli u suffiċjentement preċiża, fid-dawl tal-kuntest speċifiku u tal-kundizzjonijiet partikolarment gravi u urġenti li fihom ġew adottati l-atti kkontestati, sabiex jippermetti, minn naħa, lir-rikorrenti tkun taf ir-raġunijiet li wasslu lill-Kunsill biex jikkunsidra li l-inklużjoni ta’ isimha fil-listi inkwistjoni kienet iġġustifikata fir-rigward tal-kriterji legali applikabbli f’dan il-każ u li tikkontesta l-legalità ta’ dan quddiem il-qorti tal-Unjoni Ewropea u, min-naħa l-oħra, sabiex tippermetti lil din tal-aħħar teżerċita l-istħarriġ tagħha.

114    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti setgħet validament issir taf bir-raġunijiet speċifiċi u konkreti li jiġġustifikaw l-adozzjoni tal-atti kkontestati, b’tali mod li ma hijiex iġġustifikata li tallega nuqqas ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward.

115    Il-parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq motivi insuffiċjenti li jiġġustifikaw l-adozzjoni tal-atti kkontestati fir-rigward tar-rikorrenti, għandha għalhekk tiġi miċħuda bħala infondata u l-ewwel motiv għandu għalhekk jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni

116    Ir-rikorrenti ssostni li l-atti kkontestati jiksru l-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni ggarantita mill-Artikolu 11 tal-Karta, li jikkorrispondi mal-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950. (iktar ’il quddiem il-“KEDB”).

117    Ir-rikorrenti tfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”), il-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni tikkostitwixxi wieħed mill-pedamenti essenzjali ta’ soċjetà demokratika u waħda mill-kundizzjonijiet bażiċi tal-progress tagħha u għall-iżvilupp ta’ kulħadd, sabiex l-indħil tal-Istat ma jkunx meħtieġ f’soċjetà bħal din jekk ikollu l-effett li jiddisswadi lill-istampa milli tikkontribwixxi għal dibattitu miftuħ dwar kwistjonijiet ta’ interess pubbliku. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB jirriżulta wkoll li, fil-qasam tax-xandir awdjoviżiv, l-Istat huwa meħtieġ, minn naħa, li jiggarantixxi aċċess tal-pubbliku, permezz tat-televiżjoni u tar-radju, għal pluralità ta’ opinjonijiet u ta’ kummenti li jirriflettu b’mod partikolari d-diversità tal-opinjonijiet politiċi fil-pajjiż u, min-naħa l-oħra, li jiggarantixxi l-protezzjoni tal-ġurnalisti u professjonisti oħra tal-media awdjoviżiva kontra l-ostakli għall-komunikazzjoni ta’ din l-informazzjoni u ta’ dawn il-kummenti. Għalhekk, l-awtoritajiet pubbliċi għandhom joqogħdu lura milli jillimitaw il-mezzi ta’ informazzjoni ta’ kwalunkwe tip. Bħall-KEDB, il-Karta bħala prinċipju topponi kwalunkwe projbizzjoni fuq il-pubblikazzjoni u x-xandir.

118    Fir-replika, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-miżuri restrittivi inkwistjoni ma humiex xierqa sabiex jintlaħaq l-għan doppju ta’ interess ġenerali invokat mill-Kunsill, jiġifieri, minn naħa, għan difensiv kontra theddida ibrida mill-Federazzjoni Russa u, min-naħa l-oħra, għan li tiġi ppreservata l-paċi u li tissaħħaħ is-sigurtà internazzjonali. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tallega li ma wettqet l-ebda att li jilleġittima l-impożizzjoni tal-miżuri restrittivi inkwistjoni u li dawn jirrigwardaw biss “simbolu politiku”.

119    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-miżura li hija suġġetta għaliha tikkostitwixxi indħil eċċessiv fil-libertà ta’ espressjoni u tal-informazzjoni. Minn naħa, is-sustanza stess ta’ din il-libertà tkun affettwata sa fejn il-projbizzjoni temporanja ġenerali u assoluta tax-xandir tagħmel servizz ta’ informazzjoni inaċċessibbli fit-territorju kollu tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, tali projbizzjoni ma tkunx proporzjonata, billi ċ-ċensura ta’ servizz ta’ informazzjoni ma tikkostitwixxix mezz effettiv biex jintlaħqu l-għanijiet segwiti mill-atti kkontestati.

120    Barra minn hekk, il-miżuri restrittivi inkwistjoni ma huma akkumpanjati minn ebda terminu ċar u oġġettiv, billi t-tneħħija tagħhom hija suġġetta għal evalwazzjoni aleatorja, anki arbitrarja, mill-Kunsill. L-iskadenza tal-projbizzjoni temporanja tax-xandir, stabbilita għall‑31 ta’ Lulju 2022, hi sempliċement enfasizzata, b’mod purament artifiċjali, għall-bżonnijiet tad-difiża, peress li tista’ tkun is-suġġett ta’ estensjoni.

121    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kunsill, minn naħa, li ma ssostanzjax l-allegazzjonijiet fl-atti kkontestati li hija kienet qed tagħmel propaganda u, min-naħa l-oħra, li bbaża l-miżuri restrittivi inkwistjoni fuq il-metodu ta’ finanzjament tagħha, li ma nbidilx mill-2017. Hija tgħid li l-azzjonijiet allegati ta’ propaganda li hija akkużata bihom u r-raġunijiet li jiġġustifikaw li tkun tista’ tkompli parti mill-attività tagħha bl-ebda mod ma huma ssostanzjati.

122    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li hija qatt ma riedet taħbi l-metodu ta’ finanzjament tagħha, li, barra minn hekk, fih innifsu ma huwiex reprimibbli u li dejjem kien pubbliku. Barra minn hekk, ikun ta’ riskju li wieħed jasal għal kwalunkwe konklużjoni dwar ix-xogħol editorjali ta’ media mill-fatt biss li hija tibbenefika minn finanzjament mill-Istat, bħalma hu l-każ, pereżempju, ta’ France 24.

123    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-allegazzjonijiet li jirrigwardaw strettament il-propaganda, ir-rikorrenti tafferma l-indipendenza tagħha mill-Istat Russu u l-kontroll sħiħ tal-linja editorjali tagħha. Hija tfakkar, barra minn hekk, li hija qatt ma ġiet issanzjonata, la miċ-CSA u lanqas mill-Arcom, kemm ilha li ġiet awtorizzata xxandar il-kontenut tagħha, bil-ftehim li jorbotha ma’ din tal-aħħar kien ġie mġedded mingħajr diffikultà fl-2020. Il-kontenut imxandar mir-rikorrenti ma jistax għalhekk, għal dan is-sempliċi fatt, jitqies bħala oġġezzjonabbli fir-rigward tal-obbligi li jorbtuha.

124    Barra minn hekk, il-Kunsill ma jistax iħallat il-media u l-ipproċessar tal-informazzjoni tar-rikorrenti ma’ dawk ta’ stazzjonijiet oħra tal-grupp RT li huma differenti minnha, li kienu s-suġġett ta’ deċiżjonijiet meħuda minn ċerti awtoritajiet regolatorji nazzjonali u, b’mod partikolari, mill-awtorità regolatorja tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq.

125    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-provi prodotti mill-Kunsill dwar l-allegata attività ta’ diżinformazzjoni jew ta’ manipulazzjoni ta’ informazzjoni magħmula mir-rikorrenti, fir-replika, din tal-aħħar tqis li l-Kunsill ma weriex li hija kienet organu ta’ influwenza għall-Istat Russu u tal-propaganda fis-servizz tiegħu. Ix-xogħol ta’ riċerkatur Franċiż, li fuqu l-Kunsill straħ diversi drabi u li barra minn hekk huwa s-suġġett ta’ proċeduri għal malafama, ma jiġġustifikax miżura ta’ projbizzjoni bħal din inkwistjoni. L-istess japplika għar-rapport tas-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti, prodott mill-Kunsill, li ma jirreferi għall-ebda aġir speċifiku tar-rikorrenti.

126    Skont ir-rikorrenti, il-provi mankanti prodotti mill-Kunsill ma jurux it-trattament li allegatament hija tat lill-operazzjonijiet militari Russi fit-territorju Ukrain. Fuq il-bażi ta’ numru ta’ provi prodotti mill-Kunsill, ir-rikorrenti pproduċiet dokument ta’ tweġiba għal dawn id-diversi provi. Konsultazzjoni bir-reqqa tal-provi inklużi fil-proċess anness mar-replika tkun biżżejjed biex dak li jkun jikkonvinċi ruħu min-natura speċjuża tal-argumenti tal-Kunsill, li jipprova jiġġustifika l-atti kkontestati a posteriori. Ir-rikorrenti tqis li hija ttrattat opinjonijiet differenti dwar is-suġġett tal-kunflitt fl-Ukraina, li ġie deskritt f’diversi interventi bħala aggressjoni militari li tipperikola l-paċi fl-Ewropa u mhux biss bħala azzjoni difensiva u preventiva tal-Federazzjoni Russa. Bl-istess mod, il-ġurnalisti tar-rikorrenti ħadu ħsieb li jikkontradixxu l-kummenti magħmula minn ċerti kelliema u li jiżguraw bilanċ tal-opinjonijiet. Barra minn hekk, ix-xandir tal-opinjoni tal-Federazzjoni Russa ma huwiex, bħala tali, kundannabbli, ħlief jekk jitqies li l-opinjoni tal-maġġoranza biss tista’ tixxandar.

127    Barra minn hekk, ikun żbaljat li jiġi affermat, sabiex tiġi ġġustifikata l-proporzjonalità tal-projbizzjoni inkwistjoni, li tali miżuri ma jipprekludux lir-rikorrenti u lill-persunal tagħha milli jeżerċitaw attivitajiet fl-Unjoni għajr ix-xandir, bħal stħarriġ u intervisti. Dan huwa kkonfermat, b’mod partikolari, mir-rifjut ta’ akkreditazzjoni mill-Kummissjoni tal-karta tal-identità ta’ ġurnalisti professjonali (CCIJP, Franza) reċentement fil-konfront tal-ġurnalisti tar-rikorrenti. Skont din il-projbizzjoni, għalhekk ikun ostakolu għall-eżerċizzju effettiv tas-sengħa ta’ ġurnalist tal-ġurnalisti professjonali kollha li jaħdmu għar-rikorrenti. Bl-istess mod, il-fornituri tas-servizzi minn issa ’l quddiem jirrifjutaw li jissokktaw ir-relazzjonijiet kuntrattwali tagħhom mar-rikorrenti. Għalhekk, il-projbizzjoni temporanja fuq ix-xandir tammonta għal tfixkil tal-attività kollha tagħha, b’mod partikolari l-kapaċità tagħha li tixxandar mal-pubbliku Franċiż u ma hijiex proporzjonata.

128    Fl-aħħar mill-aħħar, tkun xi tkun il-linja editorjali ta’ media, jew l-udjenza tagħha, projbizzjoni ġenerali u assoluta tax-xandir tikkostitwixxi att reali ta’ ċensura u ma tistax titqies bħala neċessarja jew proporzjonata sabiex jintlaħqu b’mod effettiv l-għanijiet invokati mill-Kunsill.

129    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tikkontesta n-natura riversibbli tal-miżura inkwistjoni. Fil-fatt, mingħajr il-possibbiltà li teżerċita l-attività tagħha, hija setgħet tispiċċa biss li titqiegħed fi stralċ.

130    Il-Kunsill, sostnut mir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Polonja, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli, jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Fuq il-prinċipji ġurisprudenzjali applikabbli għal-libertà ta’ espressjoni

131    Huwa importanti li jitfakkar li r-rispett tad-drittijiet fundamentali huwa essenzjali għal kull azzjoni tal-Unjoni, inkluż fil-qasam tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni, kif jirriżulta mid-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 21 u 23 TUE (ara s-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2018, Ezz et vs Il-Kunsill, T‑288/15, EU:T:2018:619, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata). Peress li l-libertà ta’ espressjoni hija ggarantita mill-Artikolu 11 tal-Karta, li jikkorrispondi mal-Artikolu 10 tal-KEDB, huwa meħtieġ li jiġi mistħarreġ jekk l-atti kkontestati jirrispettawx dan id-dritt.

132    Skont l-Artikolu 11(1) tal-Karta, kulħadd għandu d-dritt għal-libertà ta’ espressjoni, li jinkludi l-libertà ta’ opinjoni u l-libertà li wieħed jirċievi jew jagħti informazzjoni jew ideat mingħajr ma jkun hemm indħil mill-awtoritajiet pubbliċi u indipendentement mill-fruntieri. Skont l-Artikolu 11(2) tal-Karta, il-libertà u l-pluraliżmu tal-media għandhom jiġu osservati. Hekk kif jirriżulta mill-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17) u skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, id-drittijiet garantiti fl-Artikolu 11 tagħha għandhom l-istess tifsira u l-istess portata bħal dawk iggarantiti fl-Artikolu 10 tal-KEDB (sentenza tas‑26 ta’ April 2022, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑401/19, EU:C:2022:297, punt 44 ara wkoll is-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2021), Cabello Rondón vs Il‑Kunsill, T‑248/18, EU:T:2021:450, punt 101 u l-ġurisprudenza ċċitata).

133    Il-Qorti EDB diġà ddeċidiet li l-libertà ta’ espressjoni tikkostitwixxi wieħed mill-pedamenti essenzjali ta’ soċjetà demokratika u li l-Artikolu 10 tal-KEDB ma jagħmilx distinzjoni skont in-natura tal-għan imfittex, u lanqas skont ir-rwol li persuni fiżiċi jew ġuridiċi kellhom fl-eżerċizzju ta’ din il-libertà (Qorti EDB, tat-28 ta’ Settembru 1999, Öztürk vs It-Turkija, CE:ECHR:1999:0928JUD002247993, punt 49). Bla ħsara għall-Artikolu 10(2) tal-KEDB, din il-libertà hija applikabbli mhux biss għal “informazzjoni” jew “ideat” li huma milqugħa b’mod favorevoli jew meqjusa li ma jagħmlux ħsara jew indifferenti, iżda wkoll għal dawk li joffendu, jixxokkjaw jew jinkwetaw, skont ir-rekwiżiti tal-pluraliżmu, tat-tolleranza u tal-ispirtu ta’ ftuħ li mingħajrhom ma jkunx hemm “soċjetà demokratika” (Qorti EDB, tas‑7 ta’ Diċembru 1976, Handyside vs Ir-Renju Unit, CE:ECHR:1976:1207JUD000549372, punt 49; ara wkoll il-Qorti EDB, tal‑5 ta’ April 2022, NIT S.R.L. vs Ir‑Repubblika tal-Moldova, CE:ECHR:2022:0405JUD002847012, punt 177 u l-ġurisprudenza ċċitata).

134    F’dan ir-rigward, il-Qorti EDB speċifikat ukoll li t-tolleranza u r-rispett għad-dinjità ugwali tal-bnedmin kollha kienu jikkostitwixxu l-pedament ta’ soċjetà demokratika u pluralista. Minn dan isegwi li, bħala prinċipju, jista’ jitqies meħtieġ, f’soċjetajiet demokratiċi, li tiġi ssanzjonata jew saħansitra prekluża kull forma ta’ espressjoni li xxerred, tinċita, tippromwovi jew tiġġustifika mibegħda bbażata fuq l-intolleranza, l-użu u l-apoloġija tal-vjolenza, sakemm jiġi żgurat li l-“formalitajiet”, il-“kundizzjonijiet”, ir-“restrizzjonijiet” jew is-“sanzjonijiet” imposti jkunu proporzjonati mal-għan leġittimu segwit (ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, tas‑6 ta’ Lulju 2006, Erbakan vs It-Turkija, CE:ECHR:2006:0706JUD005940500, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑23 ta’ Ġunju 2022, Rouillan vs Franza, CE:ECHR:2022:0623JUD002800019, punt 66).

135    Jirriżulta mit-test stess tal-Artikolu 10 tal-KEDB li d-dritt għal-libertà ta’ espressjoni ma jikkostitwixxix prerogattiva assoluta u jista’, għalhekk, ikun suġġett għal limitazzjonijiet. F’dan ir-rigward, jistgħu jiġu identifikati diversi prinċipji fil-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, li skont dawn, minn naħa, jeħtieġ li tiġi eżerċitata l-ikbar kawtela meta l-miżuri meħuda jew is-sanzjonijiet imposti mill-awtoritajiet ikunu ta’ natura li jiddisswadu lill-istampa li tipparteċipa fid-diskussjoni ta’ kwistjonijiet ta’ interess ġenerali leġittimu u, min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni ma tiggarantixxix, madankollu, il-libertà ta’ espressjoni bla restrizzjonijiet, anki fejn jidħol ir-rappurtar fl-istampa ta’ kwistjonijiet serji ta’ interess ġenerali (ara l-Qorti EDB, tal‑5 ta’ April 2022, NIT S.R.L. vs Repubblika tal-Moldova, CE:ECHR:2022:0405JUD002847012, punti 178 u 179 u l-ġurisprudenza ċċitata).

136    Id-dritt tal-media u, b’mod iktar partikolari, tal-ġurnalisti li jikkomunikaw informazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ interess ġenerali huwa protett sakemm dawn jaġixxu bil-bona fide, fuq il-bażi ta’ fatti preċiżi, u jipprovdu informazzjoni “affidabbli u preċiża” fl-osservanza tal-etika ġurnalistika jew, fi kliem ieħor, fl-osservanza tal-prinċipji ta’ ġurnaliżmu responsabbli (ara l-Qorti EDB, tal‑5 ta’ April 2022, NIT S.R.L. vs Ir-Repubblika tal-Moldova, CE:ECHR:2022: 0405JUD002847012, punt 180 u l-ġurisprudenza ċċitata).

137    Dawn il-kunsiderazzjonijiet illum għandhom rwol partikolarment importanti, fir-rigward tas-setgħa eżerċitata mill-media fis-soċjetà moderna, għaliex mhux biss tinforma, iżda tista’ fl-istess ħin tissuġġerixxi, bil-mod ta’ preżentazzjoni tal-informazzjoni, kif id-destinatarji għandhom jevalwawha. F’dinja fejn l-individwu jiffaċċja fluss immens ta’ informazzjoni, li tiċċirkola fuq mezzi tradizzjonali jew elettroniċi u li tinvolvi numru dejjem jikber ta’ awturi, il-kontroll tal-konformità mad-deontoloġija ġurnalistika tikseb importanza ikbar (ara l-Qorti EDB, tal-5 ta’ April 2022, NIT S.R.L. vs Ir‑Repubblika tal-Moldova, CE:ECHR:2022:0405JUD002847012, punt 181 u l-ġurisprudenza ċċitata).

138    Fl-aħħar nett, fir-rigward tad-“dmirijiet u r-responsabbiltajiet” li jinvolvi l-eżerċizzju tal-libertà ta’ espressjoni, l-impatt potenzjali tal-mezzi ta’ espressjoni kkonċernati għandu jittieħed inkunsiderazzjoni meta tiġi eżaminata l-proporzjonalità tal-indħil. F’dan il-kuntest, għandu jitqies li l-media awdjoviżiva għandha effetti ferm iktar immedjati u qawwija mill-istampa bil-miktub. Fil-fatt, permezz ta’ xbihat, il-media awdjoviżiva tista’ tittrażmetti messaġġi li l-kelma miktuba ma hijiex adattata biex twassal (ara l-punt 90 iktar ’il fuq). Il-funzjoni tat-televiżjoni u tar-radju, sorsi familjari ta’ divertiment fil-qalba tal-intimità tat-telespettatur jew tas-semmiegħ, tkompli ssaħħaħ l-impatt tagħhom (ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, tal‑5 ta’ April 2022, NIT S.R.L. vs Ir-Repubblika tal-Moldova, CE:ECHR:2022:0405JUD002847012, punt 182 u l-ġurisprudenza ċċitata).

139    Skont din il-ġurisprudenza, bħala prinċipju, għall-kuntrarju tal-kummenti relatati ma’ kwistjonijiet ta’ interess pubbliku li jitolbu protezzjoni b’saħħitha, dawk li jiddefendu jew jiġġustifikaw il-vjolenza, il-mibegħda, il-ksenofobija jew forom oħra ta’ intolleranza ma humiex normalment protetti (ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, tat‑8 ta’ Lulju 1999, Sürek vs It-Turkija (Nru 1), CE:ECHR:1999:0708JUD002668295, punti 61 u 62, u l‑15 ta’ Ottubru 2015, Perinçek vs L‑Isvizzera, CE:ECHR:2015:1015JUD002751008, punti 197 u 230).

140    Skont il-Qorti EDB, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kummenti magħmula kollha kemm huma jistgħux jitqiesu bħala ġustifikazzjoni ta’ vjolenza, jeħtieġ li tingħata attenzjoni għat-termini użati, il-mod kif il- kummenti ġew ifformulati u l-kuntest li fih ixxandru (ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, tas‑6 ta’ Lulju 2010, Gözel u Özer vs It-Turkija, CE:ECHR:2010:0706JUD004345304, punt 52, u tal‑15 ta’ Ottubru 2015, Perinçek vs L-Isvizzera CE:ECHR:2015:1015JUD002751008, punti 205 u 206).

141    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji u l-kunsiderazzjonijiet kollha li għandu jiġi evalwat dan il-motiv.

 Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni fuq il-libertà ta’ espressjoni

142    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-premessi 7 u 8 tal-atti kkontestati, ir-rikorrenti kienet is-suġġett ta’ projbizzjoni temporanja fuq ix-xandir ta’ kontenut bħala media mqiegħda taħt il-kontroll permanenti, direttament jew indirettament, tat-tmexxija tal-Federazzjoni Russa, għat-twettiq ta’ azzjonijiet ta’ propaganda mmirati, b’mod partikolari, li jiġġustifikaw u jappoġġjaw l-aggressjoni militari tal-Ukraina mill-Federazzjoni Russa.

143    Din il-projbizzjoni temporanja ta’ xandir tikkostitwixxi indħil fl-eżerċizzju mir-rikorrenti tad-dritt tagħha għal-libertà ta’ espressjoni fis-sens tal-Artikolu 11(1) tal-Karta, kif jirriżulta, barra minn hekk, mill-premessi 10 u 11 tal-atti kkontestati.

144    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, kif intqal fil-punt 135 iktar ’il fuq, li d-dritt għal-libertà ta’ espressjoni invokat mir-rikorrenti, kif protett mill-Artikolu 11 tal-Karta, jista’ jkun suġġett għal limitazzjonijiet, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 52(1) tal-Karta, li skont dan, minn naħa waħda, “[k]ull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti minn din il-Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet” u, min-naħa l-oħra, “[b]la ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn”.

145    Għalhekk, sabiex ikun hemm konformità mad-dritt tal-Unjoni, ksur tal-libertà ta’ espressjoni għandu jissodisfa erba’ kundizzjonijiet. L-ewwel, il-limitazzjoni inkwistjoni għandha tkun “prevista mil-liġi”, fis-sens li l-istituzzjoni tal-Unjoni li tadotta miżuri li jistgħu jillimitaw il-libertà ta’ espressjoni ta’ persuna fiżika jew ġuridika għandu jkollha bażi legali għal dan il-għan. It-tieni, il-limitazzjoni inkwistjoni għandha tosserva l-kontenut essenzjali tal-libertà ta’ espressjoni. It-tielet, għandha fil-fatt tilħaq għan ta’ interess ġenerali, irrikonoxxut bħala tali mill-Unjoni. Ir-raba’, il-limitazzjoni inkwistjoni għandha tkun proporzjonata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Ġunju 2017, Kiselev vs Il‑Kunsill, T‑262/15, EU:T:2017:392, punti 69 u 84 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑13 ta’ Settembru 2018, VTB Bank vs Il‑Kunsill, T‑734/14, mhux ippubblikata, EU:T:2018:542, punt 140 u l-ġurisprudenza ċċitata).

146    Dawn il-kundizzjonijiet jikkorrispondu, essenzjalment, ma’ dawk previsti mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, fejn sabiex jiġi ġġustifikat taħt l-Artikolu 10(2) KEDB, indħil fl-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà ta’ espressjoni irid ikun “[preskritt] mil-liġi”, isegwi għanijiet leġittimi wieħed jew iktar u dan ikun meħtieġ “f’soċjetà demokratika” biex jintlaħqu (ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB tas‑7 ta’ Ġunju 2012, Centro Europa 7 S.r.l. u Di Stefano vs Di Stefano vs L-Italja, CE:ECHR:2012:0607JUD003843309, punt 135).

147    Minn dan isegwi li l-Kunsill seta’ jadotta miżuri restrittivi li jistgħu jillimitaw il-libertà ta’ espressjoni tar-rikorrenti, bil-kundizzjoni li dawn il-limitazzjonijiet jikkonformaw mal-kundizzjonijiet, imfakkra iktar ’il fuq, li kellhom jiġu ssodisfatti sabiex din il-libertà tkun leġittimament ristretta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2017, Kiselev vs Il-Kunsill, T‑262/15, EU:T:2017:392, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

148    Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk il-miżuri restrittivi inkwistjoni humiex previsti mil-liġi, jirrispettawx il-kontenut essenzjali tal-libertà ta’ espressjoni, isegwux għan ta’ interess ġenerali u ma humiex sproporzjonati, filwaqt li jiġi ppreċiżat, madankollu, li, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, ir-rikorrenti ffokat l-argumenti tagħha fuq din l-aħħar kundizzjoni.

 Fuq il-kundizzjoni li kull restrizzjoni tal-libertà ta’ espressjoni trid tiġi prevista mil-liġi

149    Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-miżuri restrittivi inkwistjoni kinux previsti mil-liġi, għandu jiġi rrilevat li huma stabbiliti f’atti li għandhom, b’mod partikolari, portata ġenerali u li għandhom bażijiet legali ċari fid-dritt tal-Unjoni, jiġifieri l-Artikolu 29 TUE, fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata, u l-Artikolu 215 TFUE, fir-rigward tar-regolament ikkontestat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Ġunju 2017, Kiselev vs Il‑Kunsill, T‑262/15, EU:T:2017:392, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑14 ta’ Lulju 2021, Cabello Rondón vs Il‑Kunsill, T‑248/18, EU:T:2021:450, punt 121). Dawn id-dispożizzjonijiet tat-Trattati huma prevedibbli biżżejjed għall-partijiet ikkonċernati fir-rigward tal-vokazzjoni tagħhom li jservu bħala bażijiet legali għall-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi li jistgħu jiksru jew jillimitaw il-libertà ta’ espressjoni (ara l-punti 49 sa 52 u 62 iktar ’il fuq).

150    Fir-rigward tar-rekwiżit tal-prevedibbiltà, il-Qorti EDB iċċarat f’ħafna okkażjonijiet li “liġi” fis-sens tal-Artikolu 10(2) KEDB setgħet titqies biss bħala regola ddikjarata bi preċiżjoni biżżejjed biex tippermetti lill-parti f’kawża tirregola l-imġiba tagħha. Billi tfittex parir infurmat fejn meħtieġ, hija għandha tkun tista’ tipprevedi, sa grad raġonevoli fiċ-ċirkustanzi tal-kawża, il-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw minn att partikolari. Dawn il-konsegwenzi mhux bilfors iridu jkunu prevedibbli b’ċertezza assoluta. B’hekk, ir-rekwiżit ta’ prevedibbiltà ma jkunx injorat fih innifsu minn liġi li, filwaqt li tagħti setgħa diskrezzjonali, tispeċifika l-portata u l-metodi ta’ eżerċizzju b’ċarezza suffiċjenti, b’kunsiderazzjoni tal-għan leġittimu mfittex, biex tipprovdi lill-individwu bi protezzjoni adegwata kontra l-arbitrarjetà (ara l-Qorti EDB, tal-5 ta’ April 2022, NIT S.R.L. vs Ir-Repubblika tal-Moldova, CE:ECHR:2022:0405JUD002847012, punt 159 u l-ġurisprudenza ċċitata).

151    F’dan il-każ, fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel u tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li jgawdi l-Kunsill fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi (ara l-punt 52 iktar ’il fuq), kien prevedibbli li, meta titqies l-importanza tar-rwol li l-media, speċjalment dik li taqa’ taħt is-settur awdjoviżiv, għandha fis-soċjetà kontemporanja, appoġġ estensiv tal-media favur l-aggressjoni militari tal-Ukraina mill-Federazzjoni Russa, ipprovdut waqt programmi mxandra fuq it-televiżjoni u fuq l-Internet minn media ffinanzjata kompletament mill-baġit tal-Istat Russu, jista’ jintlaqat minn miżuri restrittivi li jikkonsistu fil-projbizzjoni tax-xandir ta’ attivitajiet ta’ propaganda favur tali aggressjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2017, Kiselev vs Il-Kunsill, T‑262/15, EU:T:2017:392, punt 76).

152    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-kundizzjoni li l-limitazzjonijiet tal-libertà ta’ espressjoni għandhom jiġu previsti mil-liġi hija ssodisfatta f’dan il-każ.

 Fuq l-osservanza tal-kontenut essenzjali tal-libertà ta’ espressjoni

153    Għandu jiġi vverifikat jekk in-natura jew il-portata tal-projbizzjoni temporanja fuq ix-xandir tal-kontenut tar-rikorrenti tikkostitwixxix ksur tal-kontenut essenzjali tal-libertà ta’ espressjoni.

154    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-miżuri restrittivi inkwistjoni huma temporanji u reversibbli. Fil-fatt, mill-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni 2014/512, kif emendata, jirriżulta li din tapplika sal‑31 ta’ Lulju 2022 u li hija suġġetta għal segwitu kostanti (ara l-punt 28 iktar ’il fuq). Iż-żamma tal-miżuri restrittivi inkwistjoni wara l‑31 ta’ Lulju 2022 tkun teħtieġ l-adozzjoni mill-Kunsill ta’ deċiżjoni ġdida u ta’ regolament ġdid.

155    Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, jirriżulta mill-kliem tal-aħħar parti tal-premessa 10 tal-atti kkontestati, moqrija u interpretata fid-dawl tar-rekwiżit li jiġi limitat kemm jista’ jkun l-indħil fil-libertà ta’ espressjoni tar-rikorrenti, li ż-żamma tal-miżuri restrittivi inkwistjoni wara l‑31 ta’ Lulju 2022 hija suġġetta għall-eżistenza ta’ żewġ kundizzjonijiet kumulattivi. Fil-fatt, dawn il-miżuri jistgħu jinżammu, minn naħa, sakemm l-aggressjoni tal-Ukraina tiġi fi tmiemha u, min-naħa l-oħra, sakemm il-Federazzjoni Russa u l-media assoċjata tagħha ma jibqgħux iwettqu azzjonijiet ta’ propaganda kontra l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha. Peress li dawn huma żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, jekk waħda mit-tnejn ma tibqax tiġi ssodisfatta, ma jkunx hemm iktar lok li jinżammu l-miżuri inkwistjoni. Ir-rikorrenti għalhekk ma tistax tallega li dawn huma intiżi li japplikaw mingħajr limitu ta’ żmien iddefinit minn qabel mill-Kunsill.

156    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-atti kkontestati ma jipprekludu ebda attività inerenti għal-libertà ta’ informazzjoni u ta’ espressjoni. Fil-fatt, hekk kif intqal fil-premessa 11 tal-atti kkontestati, il-projbizzjoni temporanja ta’ xandir imposta fuq ir-rikorrenti ma tipprekludihiex milli teżerċita attivitajiet oħra fl-Unjoni għajr ix-xandir, bħal stħarriġ u intervisti. Huwa għalhekk possibbli li jiġi affermat, bħal ma jagħmel il-Kunsill, li r-rikorrenti u l-ġurnalisti tagħha jibqgħu awtorizzati li jeżerċitaw ċerti attivitajiet li huma marbuta mal-libertà tal-informazzjoni u ta’ espressjoni u li, bħala prinċipju, din il-projbizzjoni ma tistax tfixkel l-eżerċizzju mir-rikorrenti ta’ attivitajiet oħra li potenzjalment jiġġeneraw dħul.

157    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat, bħall-Kunsill, li l-atti kkontestati ma jipprojbixxux lir-rikorrenti milli xxandar il-kontenut tagħha barra mill-Unjoni Ewropea, inkluż fil-pajjiżi tal-lingwa Franċiża, b’tali mod li l-miżuri restrittivi inkwistjoni ma jiksrux id-dritt tagħha li teżerċita l-libertà ta’ espressjoni tagħha barra mill-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2017, Kiselev vs Il-Kunsill, T‑262/15, EU:T:2017:392, punt 123 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fl-aħħar mill-aħħar, ir-rikorrenti ma ġietx imċaħħda la milli tipproduċi programmi u kontenut editorjali u lanqas milli tbiegħhom lil entitajiet mhux ikkonċernati mill-miżuri inkwistjoni, inklużi TV Novosti u l-media l-oħra tal-grupp RT stabbiliti f’pajjiżi terzi, li għalhekk jistgħu jxandru tali kontenut barra l-Unjoni.

158    Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq id-deċiżjoni taċ-CCIJP li tiċħad kull applikazzjoni ġdida għall-kard tal-istampa ppreżentata mill-ġurnalisti li jaħdmu għar-rikorrenti, għandu jiġi rrilevat li dan ir-rifjut jirriżulta direttament minn deċiżjoni unilaterali tal-kummissjoni msemmija, fejn l-adozzjoni tagħha ma tirriżultax mill-atti kkontestati, li barra minn hekk hija s-suġġett ta’ appell bħalissa pendenti quddiem il-qrati kompetenti Franċiżi. Għaldaqstant, ir-rikorrenti hija żbaljata meta ssostni li l-impossibbiltà għall-ġurnalisti tagħha li jeżerċitaw il-professjoni tagħhom fit-territorju Franċiż hija l-konsegwenza tal-adozzjoni tal-atti kkontestati.

159    Għal dawn ir-raġunijiet, għandu jiġi konkluż li n-natura u l-portata tal-projbizzjoni temporanja inkwistjoni tosserva l-kontenut essenzjali tal-libertà ta’ espressjoni u ma tpoġġix fid-dubju din il-libertà bħala tali.

 Fuq it-twettiq ta’ għan ta’ interess ġenerali, irrikonoxxut bħala tali mill-Unjoni

160    Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar it-twettiq ta’ għan ta’ interess ġenerali, irrikonoxxut bħala tali mill-Unjoni, għandu jiġi osservat, bħall-Kunsill, li, kif jirriżulta mill-premessi 1 sa 10 tal-atti kkontestati, permezz tal-miżuri restrittivi inkwistjoni l-Kunsill ifittex li jsegwi għan doppju.

161    Minn naħa, il-Kunsill irid, kif ġie indikat fil-premessi 6 sa 8 tal-atti kkontestati, jipproteġi l-ordni pubbliku u s-sigurtà pubblika fl-Unjoni, mhedda mill-kampanja ta’ propaganda internazzjonali sistematika mwettqa mill-Federazzjoni Russa, permezz ta’ media kkontrollata, direttament jew indirettament, mill-mexxejja tagħha, sabiex tiddestabilizza l-pajjiżi ġirien, l-Unjoni kif ukoll l-Istati Membri tagħha u biex tappoġġja l-aggressjoni militari tal-Ukraina, li jikkorrispondi ma’ wieħed mill-għanijiet tal-politika barranija u ta’ sigurtà komuni. Fil-fatt, l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi fir-rigward tal-medja, li l-missjoni tagħha hija tali azzjoni ta’ propaganda, tilħaq l-għan imsemmi fl-Artikolu 21(2)(a) TUE, li jiġu salvagwardjati l-valuri tal-Unjoni, l-interessi fundamentali tagħha, is-sigurtà tagħha u l-integrità tagħha.

162    Barra minn hekk, kif diġà ġie rrilevat fil-punt 56 iktar ’il fuq, peress li l-propaganda u l-kampanji ta’ diżinformazzjoni jistgħu jpoġġu f’dubju l-pedamenti tas-soċjetajiet demokratiċi u jifformaw parti integrali mill-armament tal-gwerra moderna, il-miżuri restrittivi inkwistjoni jagħmlu wkoll parti mit-twettiq mill-Unjoni tal-għanijiet, b’mod partikolari paċifiċi, li ngħatawlha fl-Artikolu 3(1) u (5) TUE.

163    Min-naħa l-oħra, kif jirrileva l-Kunsill, il-miżuri restrittivi inkwistjoni jifformaw parti mill-għanijiet segwiti mill-istrateġija globali għal rispons rapidu, unifikat, iggradwat u kkoordinat, stabbilit mill-Unjoni, permezz tal-adozzjoni ta’ sensiela ta’ miżuri restrittivi (ara l-punti 12, 17 u 19 iktar ’il fuq), bl-għan aħħari li jeżerċitaw pressjoni massima fuq l-awtoritajiet Russi, sabiex dawn itemmu l-azzjonijiet tagħhom u l-politiki tagħhom li jiddestabbilizzaw lill-Ukraina kif ukoll l-aggressjoni militari kontra dan il-pajjiż. Minn din il-perspettiva, il-miżuri restrittivi inkwistjoni huma konformi mal-għan imsemmi fl-Artikolu 21(2)(c) TUE tal-preservazzjoni tal-paċi, il-prevenzjoni tal-kunflitti u t-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali, skont l-għanijiet u l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2017, Kiselev vs Il-Kunsill, T‑262/15, EU:T:2017:392, punt 81).

164    Bħal ċerti intervenjenti, għandu jiġi osservat li l-miżuri restrittivi inkwistjoni jistgħu jinftiehmu bħala r-reazzjoni, bil-mezzi paċifiċi għad-dispożizzjoni tal-Unjoni u bil-għan li jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(5) TUE, ta’ suġġett tad-dritt internazzjonali quddiem aggressjoni bi ksur tal-Artikolu 2(4) tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u, konsegwentement, ksur tal-obbligi erga omnes imposti mid-dritt internazzjonali.

165    L-eżistenza ta’ tali ksur kienet, barra minn hekk, ikkonfermata mir-Riżoluzzjoni tat-2 ta’ Marzu 2022, intitolata “Aggressjoni kontra l-Ukraina” (A/ES-11/L.1), tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti. Fiha, b’riferiment għar-Riżoluzzjoni tagħha 377 A(V) tat‑3 ta’ Novembru 1950, intitolata “L-unjoni għaż-żamma tal-paċi”, u minħabba l-fatt li l-assenza ta’ unanimità fost il-membri permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà kienet żammet lil dan tal-aħħar milli jwettaq ir-responsabbiltà primarja tiegħu għaż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali, l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, b’mod partikolari, iddeplorat bl-iktar mod qawwi l-aggressjoni fuq l-Ukraina mwettqa mill-Federazzjoni Russa bi ksur tal-Artikolu 2(4) tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, eżiġiet li l-Federazzjoni Russa tieqaf immedjatament mill-użu tal-forza kontra l-Ukraina u tirtira immedjatament, kompletament u mingħajr kundizzjonijiet il-forzi militari kollha tagħha mit-territorju Ukrain fi ħdan il-fruntieri rrikonoxxuti internazzjonalment tal-pajjiż. Hija fakkret ukoll fl-obbligu li kellhom l-Istati kollha, taħt l-Artikolu 2 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, li jżommu lura, fir-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom, milli jirrikorru għat-theddida jew l-użu tal-forza, jew kontra l-integrità territorjali jew l-indipendenza politika ta’ kwalunkwe Stat, jew b’xi mod ieħor inkompatibbli mal-għanijiet tan-Nazzjonijiet Uniti, u biex isolvu t-tilwim internazzjonali tagħhom b’mezzi paċifiċi. Filwaqt li nnutat li l-operazzjonijiet militari Russi mwettqa ġewwa t-territorju sovran tal-Ukraina kienu fuq skala li qatt ma dehru fl-Ewropa, għal għexieren ta’ snin, hija kkunsidrat li kellhom jittieħdu miżuri b’urġenza biex il-ġenerazzjoni attwali tiġi salvata mill-flaġell tal-gwerra. Hija ħeġġet lill-Federazzjoni Russa biex tieqaf immedjatament milli tuża l-forza kontra l-Ukraina u biex toqgħod lura minn kwalunkwe użu illegali tat-theddida jew tal-użu tal-forza kontra kwalunkwe Stat Membru. Fil-parti operattiva ta’ din ir-riżoluzzjoni, l-Assemblea Ġenerali, fost l-oħrajn, affermat mill-ġdid l-isforzi li s-Segretarju Ġenerali, l-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet internazzjonali kienu għamlu biex jikkalmaw is-sitwazzjoni attwali u jiffaċċjaw il-kriżi umanitarja kif ukoll il-kriżi tar-refuġjati kkawżati mill-aggressjoni tal-Ukraina mill-Federazzjoni Russa.

166    Kif ifakkar ġustament il-Kunsill, li jitwaqqaf l-istat ta’ gwerra u l-ksur tad-dritt internazzjonali umanitarju li l-gwerra tista’ toħloq, jissodisfa wkoll għan ta’ interess ġenerali essenzjali għall-komunità internazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Lulju 1996, Bosphorus, C‑84/95, EU:C:1996:312, punt 26).

167    Għaldaqstant, il-kundizzjoni dwar it-twettiq ta’ għan ta’ interess ġenerali hija ssodisfatta f’dan il-każ.

 Fuq in-natura proporzjonata tal-miżuri restrittivi inkwistjoni

168    Fir-rigward tan-natura proporzjonata tal-limitazzjonijiet inkwistjoni, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jeħtieġ li l-limitazzjonijiet li jistgħu jiġu imposti minn atti tad-dritt tal-Unjoni fuq id-drittijiet u l-libertajiet sanċiti fil-Karta ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għas-sodisfazzjon tal-għanijiet leġittimi mfittxija jew tal-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ ħaddieħor, billi meta tiġi offruta għażla bejn diversi miżuri xierqa, wieħed għandu jirrikorri għal dik l-inqas vinkolanti u l-iżvantaġġi kkawżati minnha ma għandhomx ikunu sproporzjonati fid-dawl tal-għanijiet segwiti (ara s-sentenza tas‑26 ta’ April 2022, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑401/19, EU:C:2022:297, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2017, Kiselev vs Il‑Kunsill, T‑262/15, EU:T:2017:392, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata).

169    B’hekk, sabiex tiġi eżaminata n-natura proporzjonata tal-miżuri restrittivi inkwistjoni, għandu jiġi vverifikat, fl-ewwel lok, jekk il-provi prodotti mill-Kunsill jistgħux jiġġustifikaw il-konklużjoni li huwa silet fir-rigward, essenzjalment, tal-kontroll tar-rikorrenti u s-sinjifikat tal-kontenut imxandar minnha u, imbagħad, jekk il-miżuri restrittivi inkwistjoni humiex xierqa u neċessarji sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ interess ġenerali segwiti mill-Unjoni.

–       Fuq ir-rilevanza u s-suffiċjenza tal-provi prodotti mill-Kunsill

170    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fl-istħarriġ tal-legalità tar-raġunijiet li fuqhom id-deċiżjoni li jiġi inkluż jew jinżamm l-isem ta’ persuna partikolari fuq lista ta’ persuni suġġetti għal miżuri restrittivi, il-qrati tal-Unjoni għandhom jiżguraw li din id-deċiżjoni, li għandha portata individwali għal din il-persuna, tistrieħ fuq bażi fattwali soda biżżejjed. Dan jimplika verifika tal-fatti allegati fil-motivazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni, b’mod li l-istħarriġ ġudizzjarju ma jkunx limitat għall-evalwazzjoni tal-plawżibbiltà astratta tal-motivi invokati, iżda jirrigwarda l-kwistjoni ta’ jekk dawn il-motivi, jew tal-inqas wieħed minnhom meqjus bħala suffiċjenti fih innifsu biex issostni din l-istess deċiżjoni, humiex issostanzjati b’mod suffiċjentement preċiż u konkret (sentenzi tal‑21 ta’ April 2015, Anbouba vs Il-Kunsill, C‑605/13 P, EU:C:2015:248, punt 45, u tal‑15 ta’ Ġunju 2017, Kiselev vs Il-Kunsill, T‑262/15, EU:T:2017:392, punt 62).

171    Fl-ewwel lok, għandu jiġi stabbilit jekk il-Kunsill setax ġustament jikkunsidra lir-rikorrenti bħala media mqiegħda taħt il-kontroll permanenti, dirett jew indirett, tal-mexxejja tal-Federazzjoni Russa.

172    Fl-ewwel lok, mill-proċess jirriżulta, u dan ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti, li l-kapital azzjonarju tagħha, bħall-kanali l-oħra tal-grupp RT, jappartjeni lill-assoċjazzjoni rregolata mid-dritt Russu TV Novosti, li hija, essenzjalment, iffinanzjata kompletament mill-baġit tal-Istat Russu (ara l-punt 2 iktar ’il fuq), li ġie kkonfermat mir-rikorrenti stess waqt is-seduta. Mill-proċess jirriżulta wkoll li din l-assoċjazzjoni nħolqot fl-2005 minn RIA Novosti, aġenzija tal-aħbarijiet tal-Istat li ġiet xolta fl-2013 b’deċiżjoni li stabbilixxiet li l-assi tagħha kellhom jiġu ttrasferiti lill-aġenzija tal-aħbarijiet tal-Istat internazzjonali l-ġdida Rossiya Segodnya. Sussegwentement, kif irrileva l-Kunsill, jirriżulta, essenzjalment, mid-dikjarazzjonijiet li saru f’diversi okkażjonijiet mill-editriċi-kap dinji tal-grupp RT, ippreżentata bħala tali fis-sit internet tar-rikorrenti, li l-grupp RT huwa organu ta’ informazzjoni tal-Istat Russu, “kanal internazzjonali li jirrappreżenta lill-pajjiż”, li l-missjoni tiegħu hija, b’mod partikolari, li jibni udjenza sinjifikattiva li tibda mill-pajjiżi fejn il-kanali tiegħu huma operattivi u li għandhom ikunu użati, f’mumenti kritiċi, pereżempju waqt gwerra, bħala “arma ta’ informazzjoni” kontra d-dinja tal-Punent. F’dan il-kuntest, il-funzjoni tal-grupp RT tqabblet, essenzjalment, ma’ dik tal-Ministeru għad-Difiża Russu. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat ukoll li, għalkemm l-editriċi-kap dinjija tal-grupp RT formalment ma tmexxix hi lir-rikorrenti, jirriżulta minn diversi dikjarazzjonijiet li hija għamlet, li tpoġġew fil-proċess tal-kawża mill-Kunsill, li hija sistematikament tirreferi għall-ġurnalisti tar-rikorrenti bħala l-ġurnalisti “tagħha”. Barra minn hekk, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali waqt is-seduta, ir-rikorrenti sostniet li TV Novosti xtrat, indipendentement mill-kontenut tagħhom, il-prodotti editorjali tagħha u pprovditilha wkoll materjal awdjoviżiv, bħal dokumentarji u rapporti, li huma prodotti għall-kanali kollha tal-grupp RT.  Fl-aħħar nett, mill-proċess tal-kawża jirriżulta li l-President tal-Federazzjoni Russa ddikjara, minn naħa, li “RT ma setgħetx tonqos milli tirrifletti l-pożizzjonijiet tas-setgħa uffiċjali dwar dak li qed jiġri f’pajjiżhom u barra mill-pajjiż” u, min-naħa l-oħra, billi kkunsidrat żjara fil-bini tar-rikorrenti, li “kieku kien hemm tali biża’ li din il-media tinfluwenza l-imħuħ, dan kien ifisser li [kienu] r-rebbieħa ta’ din il-kompetizzjoni”.

173    Fir-replika, ir-rikorrenti llimitat ruħha sabiex ttenni li, anki jekk id-diversi kanali RT kienu jappartjenu għall-istess grupp u jaqsmu ċertu numru ta’ valuri, hija kienet kompletament indipendenti u sid tal-linja editorjali tagħha. Madankollu, hija ma ppreżentat l-ebda informazzjoni dwar il-qafas regolatorju u istituzzjonali li jirregola l-attivitajiet tal-entitajiet Russi Rossiya Segodnya u TV Novosti li tista’ turi l-eżistenza tal-indipendenza editorjali tagħha u l-awtonomija istituzzjonali tagħha fir-rigward ta’ dawk l-entitajiet. Mistoqsija espliċitament f’dan ir-rigward matul is-seduta, hija ma setgħetx tispjega jekk l-indipendenza editorjali tagħha u l-awtonomija istituzzjonali tagħha fir-rigward tal-grupp RT setgħux jiġu dedotti mil-liġijiet jew, fi kwalunkwe każ, minn atti pubbliċi.

174    Isegwi li l-Kunsill ipprovda korp ta’ indizji konkreti, preċiżi u konsistenti biżżejjed, li juru li r-rikorrenti tqiegħdet taħt il-kontroll permanenti, dirett jew indirett, tal-mexxejja tal-Federazzjoni Russa.

175    Fit-tieni lok, għandu jiġi stabbilit jekk il-Kunsill kellux raġun meta kkunsidra li r-rikorrenti kienet nediet azzjonijiet ta’ propaganda kontinwi u miftiehma mmirati lejn is-soċjetà ċivili fl-Unjoni u fil-pajjiżi ġirien intiżi, b’mod partikolari, biex jiġġustifikaw u jsostnu l-aggressjoni fuq l-Ukraina mill-Federazzjoni Russa.

176    F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-Kunsill ipproduċa, insostenn tal-atti kkontestati, ċertu numru ta’ provi, li kollha huma preċedenti għal dawn l-atti u li huma aċċessibbli għall-pubbliku.

177    L-ewwel, minn dawn l-elementi jirriżulta li r-rikorrenti wettqet attivitajiet insostenn tal-azzjonijiet u tal-politiki tal-Gvern Russu li jiddestabbilizzaw l-Ukraina, matul il-perijodu ta’ qabel l-aggressjoni militari ta’ din tal-aħħar, permezz ta’ artikoli ppubblikati fis-sit Internet tagħha u ta’ intervisti li kellhom tendenza, b’mod partikolari, li jippreżentaw l-iskjerament tal-forzi armati Russi bħala azzjoni preventiva mmirata biex tiddefendi r-repubbliki awtoproklamati ta’ Donetsk u ta’ Lugansk. F’artikolu tal‑21 ta’ Frar 2022, li jirrepeti l-kummenti tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin Russu li akkuża lill-“Punent” “li ħoloq konfrontazzjoni insormontabbli bejn ir-Russja u n-NATO”, huwa indikat ukoll, minn naħa, li “l-Amerikani l-ħin kollu jirrepetu […] li r-Russja ‘dalwaqt se’ tinvadi l-Ukraina[,] ipoteżi miċħuda bis-sħiħ minn Moska, li takkuża lill-Punent li qed jipprova jaggrava s-sitwazzjoni” u, min-naħa l-oħra, li “s-sitwazzjoni ddeterjorat serjament fil-Lvant tal-Ukraina f’dawn l-aħħar jiem[,] balla ta’ kanun ta’ mudell mhux magħruf sparata mit-territorju Ukrain [li] qerdet għal kollox post ta’ gwardja tal-fruntieri tal-FSB tal-Federazzjoni Russa”. Ftit ġimgħat qabel, fl‑1 ta’ Diċembru 2021, ir-rikorrenti ppubblikat video fuq Youtube li fih il-kummenti tal-kap tad-diplomazija Russa li jgħid “ir-Russja ma teskludix li l-Ukraina, bl-appoġġ mill-Punent, tiddeċiedi li tidħol f’avventura militari”. F’artikolu tal‑24 ta’ Jannar 2022, li jirrapporta dwar “tindif etniku” li sar mill-Ukraini fid-Donbass, jingħad: “Dawn ir-reġjuni ma ninsewx, Donetsk u Lugansk huma reġjuni tar-Russja mogħtija lill-Ukraina minn Lenin u mill-Bolxeviki.” Artikolu mit‑12 ta’ Frar 2022 fih filmat ta’ kelliem, ippreżentat bħala professur viżitatur fl-Università tal-Istat ta’ Moska, li sostna li ħafna gruppi ġiħadisti kienu niżlu fuq il-linja tal-front fuq in-naħa tal-Ukraina u li l-provokazzjonijiet kienu tal-biża’. F’artikolu tal‑21 ta’ Frar 2022, huwa allegat li “atroċitajiet imminenti” mill-armata Ukraina heddew lill-popolazzjoni ta’ Donbass li titkellem bir-Russu. F’intervista tat‑22 ta’ Frar 2022, analista politiku jsostni li l-Istati Uniti twettaq propaganda “li tiffabbrika mill-bidu nett gwerra immaġinarja” u li teżerċita “influwenza ta’ ħsara li thedded is-sigurtà tar-Russja fil-fruntieri tagħha stess, filwaqt li tidher qisha qed itir biex tgħin nazzjon imsejkna żgħira”.

178    It-tieni, mill-programmi mxandra fl‑24 ta’ Frar 2022, il-jum tal-aggressjoni militari kontra l-Ukraina, sas‑27 ta’ Frar 2022 fuq l-istazzjon televiżiv tar-rikorrenti, jirriżulta li, ladarba l-aggressjoni militari kienet bdiet, ir-rikorrenti kompliet tirrepeti l-pożizzjonijiet uffiċjali tal-awtoritajiet tal-Federazzjoni Russa skont liema l-offensiva, b’mod konformi mal-indirizz tal-President Russu tal-24 ta’ Frar 2022, kienet tikkostitwixxi “operazzjoni speċjali”, azzjoni preventiva, difensiva u limitata, ikkawżata mill-pajjiżi tal-Punent u mill-attitudni aggressiva tan-NATO kif ukoll minn provokazzjonijiet Ukraini, immirata biex tiddefendi r-repubbliki awtoproklamati ta’ Donetsk u ta’ Luhansk.

179    F’dan ir-rigward, għandha tingħata attenzjoni partikolari lit-termini użati f’dawn ix-xandiriet, il-mod ta’ kif ġew ifformulati l-kummenti u l-kuntest li fih ixxandru l-imsemmija xandiriet, jiġifieri dak ta’ gwerra għaddejja.

180    Matul l-għodwa tal‑24 ta’ Frar 2022, l-ewwel jum tal-offensiva Russa, l-operazzjonijiet militari li għaddejjin ġew ippreżentati minn xi kelliema waqt dawn ix-xandiriet televiżivi bħala “azzjoni difensiva” tal-Federazzjoni Russa. B’mod partikolari, mistieden, ippreżentat bħala xjenzat politiku, ripetutament afferma li r-reazzjoni Russa kienet “difensiva” u “limitata” u li l-gwerra f’Donbass kienet ir-riżultat ta’ manipulazzjoni minn “nies tal-Punent”, u żied jgħid: “Ejja naraw min hu verament responsabbli, oġġettivament, huma biss dawk tan-NATO u pupazzi Ukraini tagħha”. Dan il-mistieden sostna wkoll li t-territorji ta’ Donbass għandhom jinħelsu malajr mill-“ħakma tar-reġim militari ta’ Kiev” u li l-operazzjonijiet militari li huma għaddejjin kienu maħsuba biss biex jirkupraw iż-żewġ repubbliki separatisti ta’ Donbass u jerġgħu jġibu l-kalma fil-fruntieri Russi. Barra minn hekk, qal: “Ir-Russja ma għandha l-ebda intenzjoni li tagħmel gwerra kontra l-Ukraina u tannettiha kuntrarjament għal dak li l-propaganda tal-Punent tridna nemmnu.” Waqt l-istess programm, mistieden ieħor, f’duplex, sostna: “Ovvjament din ma hijiex invażjoni, kif l-aġenziji ta’ komunikazzjoni Anglo-Sassoni, tal-Unjoni Ewropea u tan-NATO, qed jippruvaw juruha, din hija kwistjoni għas-sigurtà tar-Repubbliki ta’ Donbass u, dan se narawh, […] mill-ħelsien taċ-ċittadini ta’ Donbass, se naraw liċ-ċittadini ta’ Donbass jilqgħu lit-truppi Russi bil-ferħ, għax id-Donbass ilu taħt il-bumbardamenti Ukraini mill-2014.” Skont dan il-mistieden, din mhix “gwerra ta’ aggressjoni, hija gwerra difensiva biex tpoġġi f’sigurtà it-territorju tagħha u tal-madwar”. Dan il-mistieden żied jgħid: “[I]l-periklu hu n-‘NATOizzazzjoni’ tal-Ukraina, għaliex din il-kampanja ta’ komunikazzjoni biex turi li r-Russja hija l-aggressur tagħmilha possibbli li jiġu evitati n-negozjati […] u li jitwasslu l-armi lill-Ukraina b’mod permanenti u għalhekk il-periklu ta’ eskalazzjoni u attakk tal-Ukraina fit-territorju ta’ Donbass jiżdied […] Ir-repubbliki indipendenti talbu għall-għajnuna mir-Russja.” Mistieden ieħor, ippreżentat bħala analista politiku, li tkellem ukoll dakinhar filgħodu, indika li, “minkejja l-proposti għal taħditiet mibgħuta minn Moska […] minkejja d-diplomazija, wara tmien snin, […] l-unika soluzzjoni li Moska sabet illum hija l-gwerra.” Kif jindika l-Kunsill, jidher minn dawn ix-xandiriet li l-kelliema fuq is-sett irrappurtaw dwar il-provokazzjonijiet li l-Federazzjoni Russa kienet vittma tagħhom għal żmien twil, ħaġa li tilleġittimizza l-attakk militari, u l-fatt li t-tfaqqigħ tal-kunflitt kellu jkun marbut mal-azzjonijiet tal-pajjiżi tal-Punent kif ukoll mal-allegati provokazzjonijiet Ukraini.

181    Matul il-wara nofsinhar tal‑24 ta’ Frar 2022, diversi mistednin komplew jippreżentaw l-offensiva Russa bħala azzjoni difensiva u preventiva mill-Federazzjoni Russa. Ġie osservat ukoll li t-tfaqqigħ tal-kunflitt reġa’ ġie imputat għall-azzjonijiet tal-pajjiżi tal-Punent kif ukoll għall-provokazzjonijiet Ukraini. Ġurnalist, ippreżentat bħala konsulent fl-intelliġenza strateġika, sostna li “l-Ukraina [kienet] ħolqien tar-Russja”. Skont il-kummenti ta’ kelliem, ippreżentat bħala xjenzat politiku li jispeċjalizza fuq l-Istati Uniti: “[H]emm ħafna problemi territorjali fl-Ukraina, huwa pajjiż li kellu ħafna diffikultajiet tassew biex jingħaqad, li jsir federazzjoni, huwa l-każ li ngħiduha, u anki llum, jekk insemmu t-Transnistrija, jekk insemmu d-Donbass, jew saħansitra l-Crimea, dawn huma territorji li jaspiraw li jsiru parti mill-Federazzjoni Russa, kemm jekk dan jogħġobna jew le, u dan il-proċess għandu jitqies biex wieħed jifhem il-proċessi kollha li qegħdin taħt kollox, inkluża l-interferenza militari Russa.” Skont il-kummenti ta’ analista ieħor: “[H]ija ċara ħafna l-kwistjoni li r-repubbliki awtoproklamati ta’ Donbass jingħataw kenn u l-istat Ukrain ma jitħalliex isegwi fil-futur il-politika […] fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ entitajiet li tikkonsisti fil-bumbardament bla waqfien tagħhom għal tmien snin, hija għalhekk kwistjoni, fil-fatt, li tiġi nnewtralizzata l-kapaċità ta’ ħsara tar-reġim attwali Ukrain.” Skont dan l-analista, “il-kenn li jingħata lil Donbass huwa importanti ħafna, u [kif] qal il-President Putin, hija n-newtralizzazzjoni tal-Ukraina, li ilha pperċepita f’Moska mill-2014 bħala entità ostili”. Huwa jżid, minn naħa waħda, li “hemm ir-rieda li tiġi solvuta tilwima li ma setgħetx tiġi solvuta permezz ta’ negozjati, fil-biċċa l-kbira tort tal-Ukraina u l-isponsors tagħha tal-Punent. […] u r-Russja għalhekk iddeċidiet li tieħu azzjoni u li tuża l-istat ta’ forza” u, min-naħa l-oħra, li “għar-Russja hija kwistjoni li tiġi rrikostitwita forma ta’ konfigurazzjoni territorjali li tqis il-preżenza ta’ minoranza sinjifikattiva li titkellem ir-Russu”. Skont mistieden ieħor, introdott bħala konsulent fl-intelliġenza strateġika: “[Ħafna] nies jaraw dak li qed jiġri bħala aggressjoni, min-naħa tiegħi pjuttost naraha difiża […] skont il-ftehimiet tal-1991, l-Istati Uniti impenjaw ruħhom li ma jkunx hemm estensjoni tan-NATO lejn il-Lvant, iżda b’dak li qed jiġri llum, b’mod partikolari, ix-xewqa tal-Ukraina li tissieħeb fin-NATO, qed nassistu għall-kuntrarju.” Skont dan il-mistieden: “[J]ekk ikollna tendenzi separatisti li jistgħu jgħinu lir-Russja tieħu biċċa żgħira ta’ territorju, illum, hija qiegħda f’tip ta’ prevenzjoni, biex tipproteġi lilha nnifisha, li tiġġustifika xi ftit dak kollu li naraw.”

182    Matul l-għodwa tal-25 ta’ Frar 2022, mistieden f’duplex, ippreżentat bħala editur kap ta’ rivista Serba, sostna li kien hemm paralleliżmu bejn is-sitwazzjoni fl-Ukraina u dik fis-Serbja 30 sena ilu. Huwa jirreferi għat-“tkeċċija ta’ 250,000 Serb mill-Kroazja”, għall-fatt li l-“president tagħhom dak iż-żmien, Milosevic, kien iddikjarat bħala Hitler ġdid” u jitkellem dwar il-“ġenoċidju li […] kien ippreparat mill-gvern ta’ Kiev bl-appoġġ tal-Istati Uniti u anki ta’ Brussell”.  Dejjem matul din l-għodwa, kelliema, ippreżentata bħala professoressa viżitatriċi fl-Università Statali ta’ Moska, reġgħet ippreżentat l-offensiva Russa fl-Ukraina bħala azzjoni difensiva u preventiva. Skont hi: “[L-għan ta’ din l-offensiva huwa] id-demilitarizzazzjoni tal-Ukraina, peress li l-Ukraina ġiet ‘immilitarilizzata żżejjed’ dan l-aħħar mill-pajjiżi tan-NATO, minkejja li ma hijiex membru, u d-denażifikazzjoni tagħha, peress li l-istrutturi kollha, mill-‘Maidan’ tal-2014 huma infiltrati minn gruppi neo-Nażisti […] pajjiż li jinsab f’livell ta’ korruzzjoni bla preċedent, li huwa mmexxi minn barra, isir assolutament perikoluż li tħallih f’dak l-istat, għall-popolazzjoni tiegħu, għall-Ewropa, mhux għar-Russja biss […] għalhekk l-għan dirett huwa li l-pajjiż jiġi ddemilitarizzat u nħallu lill-popolazzjonijiet, kif intqal, jiddeterminaw it-triq li [huma] jridu jsegwu u mhux dak li ġie impost fuqhom mill-“Maidan(ijiet)” suċċessivi mill-2004.” Skont din il-mistiedna: “[H]emm il-problema b’mod ġenerali tal-governanza u tal-ideoloġija tal-orjentazzjoni tal-gvern uffiċjali tal-Ukraina […] huma għarfu bħala eroj tal-gwerra lin-nies li kienu fuq in-naħa tan-Nażisti […] meta niġu għall-glorifikazzjoni tal-eroj Nażisti li mmassakraw popolazzjonijiet ċivili u li dak iż-żmien kienu integrati fl-armata Ġermaniża, madankollu hemm problema serja ħafna ta’ sigurtà internazzjonali li tqum peress li l-Ukraina hija madankollu fuq l-għatba tal-U[njoni].” Hija ssostni wkoll: “[I]mportanti li ssir distinzjoni bejn in-naħa politika minn dik legali; politikament huwa dejjem dubjuż peress li fil-qafas politiku aħna qegħdin fid-dritt tal-iktar b’saħħtu, il-komunità internazzjonali ssibha ħaġa kompletament leġittima li tmur tibbumbardja l-ex Jugoslavja […], min-naħa l-oħra […] il-fatt li r-Russja trid tillibera l-popolazzjonijiet li huma taħt il-madmad ta’ gvern estremista, din ħarbitilha […] lill-komunità internazzjonali filwaqt li tagħżel li tiddefendi r-reġim Nażista fuq l-għatba tagħha, din hija l-għażla tagħha, amorali, inumana […]; mil-lat ġuridiku, il-kwistjoni hija sa liema punt ir-reġjuni ta’ Donetsk għandhom id-dritt li jingħataw l-indipendenza[;] għal dan jeħtieġ li wieħed jifhem li, tabilħaqq, minn naħa hemm id-dritt tal-Istat li jiddefendi lilu nnifsu u jipproteġi l-integrità territorjali tiegħu, iżda għal dan, l-Istat irid jeżisti; iżda l-Istat jeżisti legalment meta l-leġiżlazzjoni tiegħu tkun […] globalment u ġeneralment applikata u effettiva fit-territorju kollu […]; nistgħu verament ngħidu li l-istat Ukrain jeżisti? Jekk inqisu l-Istat tad-dritt demokratiku, kif, fi kwalunkwe każ, il-komunità internazzjonali, għall-inqas teoretikament, tirrikonoxxih u timponih, f’dan il-każ l-istat Ukrain ma jeżistix. Minn hemm, huwa kompletament normali li Donetsk u Lugansk jitolbu protezzjoni […] huwa normali li r-Russja tintervjeni ġuridikament sabiex tippermetti lil dawn il-popolazzjonijiet ġustament jistabbilixxu mill-ġdid l-Istat.” Hija żżid tgħid “[W]ieħed ma jistax ikollu integrità territorjali ħlief fejn ikun hemm Stat, u meta ma jkunx hemm Stat, ikun hemm id-dritt tal-popli għall-awtodeterminazzjoni, jew waħda jew l-oħra; l-Istat Ukrain inqered l-ewwel darba, imminat fl-2004 […] imbagħad tlesta fl-2014 […]; għalhekk ma hemmx Stat, minn dan il-mument ma jistax ikun hemm integrità territorjali.”

183    Matul il-wara nofsinhar tal‑25 ta’ Frar 2022, mistieden, ippreżentat bħala xjenzat ġeopolitiku u lettur fl-Università ta’ Genève (l-Isvizzera), iddikjara: “Hija operazzjoni ta’ pulizija […] u allura r-Russi kienu qegħdin, b’ċertu mod, inaddfu, u huwa f’dan is-sens li hija differenti ħafna minn invażjoni bħala tali [… Hemm bżonn nirriflettu] fuq id-definizzjoni mill-ġdid tal-fruntieri, li għamilna mill-waqgħa tal-USSR.”. Dawn id-dikjarazzjonijiet ma kienu s-suġġett għal ebda kumment jew reazzjoni, b’mod partikolari mill-ġurnalista li ppreżentat il-ġurnal. Mistieden ieħor, ippreżentat bħala espert fil-ġeostrateġija, iddikjara b’mod partikolari: “[L]-istrateġija Amerikana għandha l-għan li ddawwar lir-Russja u li eventwalment tisparixxiha. Kważi rnexxielha tagħmel hemmhekk fis-snin ta’ Yeltsin u mbagħad ir-Russja rkuprat.” Temm jgħid li, għar-Russja, l-Ukraina hija “pajjiż strateġiku li fl-ebda każ m’għandu jidħol fin-NATO, jiġifieri f’organizzazzjoni ostili [, u li għalhekk dan li qed jiġri huwa normali, l-istqarrijiet tal-kelliem tal-Kremlin huma kompletament leġittimi.”

184    Matul il-wara nofsinhar tas-26 ta’ Frar 2022, ġurnalist mistieden afferma l-eżistenza ta’ klima “Russofobika” fi Franza u ppreżenta lill-Federazzjoni Russa bħala attriċi miftuħa għan-negozjati, u semma id estiża mill-Federazzjoni Russa, għal diversi snin, dwar diskussjonijiet għat-twaqqif ta’ żona ta’ lqugħ demilitarizzata fl-Ukraina. Il-mistednin fuq is-sett saħqu fuq il-pożizzjonament tal-pajjiżi Ewropej u fuq is-sitwazzjoni ta’ Donbass biex jispjegaw l-aggressjoni militari mmexxija mill-Federazzjoni Russa.

185    Fl-aħħar nett, nhar il-Ħadd, is‑27 ta’ Frar 2022, diversi mistednin komplew jippreżentaw l-aggressjoni militari bħala intervent leġittimu bil-għan li jipproteġi r-repubbliki awtoproklamati ta’ Donbass u jwieġbu għal theddida tal-Punent, billi invokaw b’mod partikolari manipulazzjoni tal-Istati Uniti, inkluż fir-rigward tas-sanzjonijiet meħuda kontra l-Federazzjoni Russa. B’mod iktar speċifiku, matul filgħodu, mibgħut speċjali fid-Donbass (l-istrixxun fuq il-lemin tax-xbieha tiegħu kien fiha l-kliem “Donetsk. Ir-Repubblika ta’ Donetsk”) indika, b’mod partikolari, li “l-awtoritajiet lokali jibżgħu li l-forzi Ukraini għandhom fil-mira l-ħażniet taż-żejt kif [kien] il-każ fir-reġjun ta’ Lugansk”. Matul il-wara nofsinhar, ġurnalist mistieden, ippreżentat bħala konsulent fl-intelliġenza strateġika, preżenti fuq is-sett, mistoqsi mill-ġurnalista, qal dan li ġej: “[Ma] hemm l-ebda alternattiva oħra għad-djalogu, speċjalment peress li, jekk hija pperċepita bħala aggressjoni, bħala att illegali, din l-invażjoni tar-Russja fl-Ukraina, min-naħa l-oħra tista’ wkoll tkun koperta b’ċerta forma ta’ leġittimità, peress li r-Russja tista’ tiġġustifika dan l-involviment billi tappella lill-popolazzjonijiet li jgħixu f’Donbass li jitkellmu r-Russu”. F’dan il-wara nofsinhar stess ixxandar rapport inekwivoku dwar is-sitwazzjoni f’Donbass, prodott qabel l-aggressjoni tal-Ukraina, li jixhed, essenzjalment, l-uniku sentiment favur ir-Russja tar-repubbliki awtoproklamati ta’ Donbass. L-Ukraina hija ppreżentata hemmhekk kważi esklużivament bħala Stat aggressur, responsabbli unikament għall-bumbardamenti ta’ Donbass, kemm jekk mix-xhieda tal-popolazzjoni mistoqsija jew fix-xhieda tal-unika ġurnalista li tintervjeni fir-rapportaġġ. L-opinjoni tal-awtoritajiet Ukraini ma tissemma mkien, u lanqas il-kontroversji internazzjonali dwar l-identità tal-poteri responsabbli għall-bumbardamenti f’Donbass.

186    Għalhekk, fuq il-bażi tal-provi eżaminati fil-punti 180 sa 185 iktar ’il fuq, il-Kunsill seta’ jikkunsidra validament li r-rikorrenti kienet qiegħda xxandar programmi li fihom interpretazzjoni tal-avvenimenti relatati mal-aggressjoni militari tal-Ukraina favur din l-aggressjoni kif ukoll in-narrattiva mogħtija mill-mexxejja politiċi tal-Federazzjoni Russa, inkluż fir-rigward tal-eżistenza ta’ theddid imminenti ta’ aggressjonijiet mill-Ukraina u min-NATO (ara l-punti 180 sa 182 iktar ’il fuq), u bl-użu ta’ kliem simili, jekk mhux identiku, għal dak użat mill-korpi governattivi Russi, bħar-referenza għal “operazzjoni militari speċjali”, “operazzjoni ta’ pulizija” jew “azzjoni difensiva u preventiva tal-Federazzjoni Russa”, iktar milli “għal gwerra” (ara l-punti 178, 180 u 181 iktar ’il fuq).

187    B’mod iktar speċifiku, mill-punti 180 sa 185 iktar ’il fuq jirriżulta li, fix-xandiriet tar-rikorrenti, ingħata spazju kbir lill-kummentaturi esterni, mistiedna mill-persunal editorjali tal-istazzjon li kien jaf l-orjentazzjoni tagħhom, li kellhom it-tendenza li jiġġustifikaw l-aggressjoni militari mill-Ukraina u li l-affermazzjonijiet tagħhom ma kinux ġew segwiti, ħlief b’eċċezzjonijiet rari, minn reazzjonijiet mill-preżentaturi fuq is-sett. Jekk, xi drabi, l-opinjonijiet tagħhom kienu ġew kontrobbilanċjati minn opinjonijiet oħra espressi minn kelliema differenti, dan ma kienx madankollu biżżejjed biex jiġu bbilanċjati mill-ġdid kummenti li jesprimu narrattiva fil-biċċa l-kbira favur l-aggressjoni militari fl-Ukraina. F’dan ir-rigward, ta’ min ifakkar ukoll li, skont il-Qorti EDB, sa fejn l-editur għandu s-setgħa li jiffissa l-linja editorjali, huwa indirettament jaqsam id-“dmirijiet u r-responsabbiltajiet” li jassumu l-edituri u l-ġurnalisti meta jiġbru u jxandru l-informazzjoni lill-pubbliku, rwol li jieħu importanza addizzjonali f’sitwazzjoni ta’ kunflitt u ta’ tensjoni (ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, tat‑8 ta’ Lulju 1999, Sürek vs It-Turkija (Nru 1), CE:ECHR:1999:0708JUD002668295, punt 63).

188    Għalhekk, il-Kunsill ġustament seta’ jikkunsidra li d-diversi provi msemmija iktar ’il fuq kienu jikkostitwixxu korp ta’ indizji suffiċjentement konkreti, preċiżi u konsistenti li jistgħu juru, minn naħa, li r-rikorrenti appoġġjat b’mod attiv, qabel l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi inkwistjoni, il-politika destabilizzanti u aggressiva mwettqa mill-Federazzjoni Russa fir-rigward tal-Ukraina, li finalment wasslet għal offensiva militari fuq skala kbira, u, min-naħa l-oħra, li r-rikorrenti kienet, b’mod partikolari, xandret informazzjoni li tiġġustifika l-aggressjoni militari fl-Ukraina, li x’aktarx tikkostitwixxi theddida sinjifikattiva u diretta għall-ordni pubbliku u għas-sigurtà pubblika fl-Unjoni.

189    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mid-dokumenti u l-fajls tal-video li r-rikorrenti daħlet fil-proċess tal-kawża. Mingħajr ma jkun meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ dawn l-elementi, ikkontestati mill-Kunsill, għar-raġuni ta’ ksur tal-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, fis-sens li r-rikorrenti allegatament għamlet, kull darba, riferiment ġenerali għall-annessi tar-replika, ta’ min jinnota li dawn huma ta’ spiss sekwenzi maqtugħin, li rari ħafna biss jirriflettu r-realtà ta’ kunflitt armat, li mhux bilfors tqiegħdu fil-kuntest tagħhom jew li xi drabi jkunu mxandra f’intervalli ta’ ħin differenti minn dawk li fihom il-kummenti mfakkra fil-punti 180 sa 185 iktar ’il fuq kienu mxandra. Tali sekwenzi ma humiex kapaċi, bħala tali, li jikkonfermaw trattament globalment ibbilanċjat min-naħa tar-rikorrenti ta’ informazzjoni dwar il-gwerra li għaddejja (ara l-punt 187 iktar ’il fuq), b’osservanza mal-prinċipji ta’ “dmirijiet u responsabbiltajiet” tal-media awdjoviżiva kif stabbiliti fil-ġurisprudenza tal-Qorti EDB imfakkra fil-punti 136 sa 140 iktar ’il fuq. Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li hija ttrattat ċerta informazzjoni u użat ċerti termini bl-istess mod kif għamlu media oħrajn, il-provi prodotti insostenn ta’ din l-allegazzjoni ma jistabbilixxux li l-media li hija ssemmi kienet xandret b’mod sistematiku kontenut bħal dak espost fil-punti 180 sa 185 iktar ’il fuq.

190    Barra minn hekk, minn uħud minn dawn il-videos jirriżulta li, meta ġew imxandra x-xbihat relatati mar-reġjuni ta’ Donetsk u ta’ Lugansk, matul il-perijodu mill‑24 sas‑27 ta’ Frar 2022, l-istrixxuni ta’ informazzjoni kienu juru “Donetsk. Repubblika ta’ Donetsk” u “Lugansk. Repubblika ta’ Lugansk”. Issa, huwa biżżejjed li wieħed jinnota li l-indikazzjoni ta’ dawn it-territorji, li jifformaw parti mill-Ukraina, bħala “repubbliki” indipendenti tintuża mill-Federazzjoni Russa, li, barra minn hekk, irrikonoxxiet is-sovranità u l-indipendenza tagħhom (ara l-punt 10 iktar ’il fuq), li jixhed in-natura ppreġudikata tal-informazzjoni mmirata biex tirrifletti l-propaganda li toħroġ mill-Federazzjoni Russa.

191    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, ir-rikorrenti ma stabbilixxietx li l-Kunsill wettaq żball ta’ evalwazzjoni tal-fatti meta kkunsidra li kienet media mqiegħda, essenzjalment, taħt il-kontroll permanenti tal-mexxejja tal-Federazzjoni Russa u li xandret permezz tal-programmi tagħha kummenti kontinwi u miftiehma mmirati lejn is-soċjetà ċivili fl-Unjoni bil-għan li jiġġustifikaw u jappoġġjaw l-aggressjoni tal-Ukraina mill-Federazzjoni Russa, imwettqa bi ksur tad-dritt internazzjonali u tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti. Hija lanqas ma stabbilixxiet li l-Kunsill wettaq żball ta’ evalwazzjoni meta kkwalifika dawn il-kummenti bħala azzjonijiet ta’ propaganda favur din l-aggressjoni, kif jirriżulta mill-premessa 7 tal-atti kkontestati.

–       Fuq in-natura xierqa tal-limitazzjonijiet

192    Għandu jiġi vverifikat jekk il-miżuri restrittivi inkwistjoni humiex xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ interess ġenerali segwiti mill-Unjoni Ewropea.

193    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li kellu l-Kunsill f’dan il-każ (ara l-punt 52 iktar ’il fuq), dan tal-aħħar seta’ validament iqis li l-miżuri restrittivi inkwistjoni, li kienu mmirati lejn mezzi ta’ komunikazzjoni kkontrollati mill-Federazzjoni Russa impenjati f’azzjonijiet ta’ propaganda favur l-invażjoni militari tal-Federazzjoni Russa tal-Ukraina, setgħu jipproteġu l-ordni pubbliku u s-sigurtà pubblika fl-Unjoni u jippreservaw l-integrità tad-dibattitu demokratiku fi ħdan is-soċjetà Ewropea, il-paċi u s-sigurtà internazzjonali.

194    F’dan il-każ, huwa importanti li jiġi rrilevat li l-projbizzjoni temporanja tax-xandir tal-kontenut tar-rikorrenti, bħala miżura li tifforma parti minn rispons rapidu, unifikat, iggradwat u kkoordinat, ġiet implimentata taħt sensiela ta’ miżuri restrittivi, hija wkoll miżura xierqa biex jintlaħaq l-għan li tiġi eżerċitata pressjoni massima fuq l-awtoritajiet Russi, sabiex dawn itemmu l-azzjonijiet u l-politiki tagħhom li jiddestabbilizzaw lill-Ukraina kif ukoll l-aggressjoni militari fuq dan il-pajjiż (ara l-punt 163 iktar ’il fuq).

195    Minn dan isegwi li l-miżuri restrittivi inkwistjoni huma xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ interess ġenerali segwiti mill-Unjoni.

–       Fuq in-natura neċessarja tal-limitazzjonijiet

196    Għandu jiġi vverifikat jekk miżuri oħra inqas restrittivi kinux jippermettu li jintlaħqu l-għanijiet ta’ interess ġenerali segwiti mill-Unjoni.

197    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, minħabba n-natura tal-kanal tal-aħbarijiet bla waqfien tar-rikorrenti, miżuri restrittivi oħrajn u inqas vinkolanti, bħall-projbizzjoni ta’ xandir f’ċerti pajjiżi tal-Unjoni jew projbizzjoni limitata għal ċerti metodi ta’ xandir ta’ programmi kif ukoll il-limitazzjoni għal ċertu tip ta’ kontenut, jew saħansitra l-obbligu li jintwera strixxun jew saħansitra twissija, ma jippermettux li jintlaħqu b’mod daqstant effettiv l-għanijiet segwiti mill-atti kkontestati, jiġifieri li jitwaqqaf it-theddid dirett lejn l-ordni pubbliku u s-sigurtà pubblika tal-Unjoni u li tiġi eżerċitata pressjoni massima fuq l-awtoritajiet Russi sabiex itemmu l-aggressjoni militari fuq Ukraina (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2017, Kiselev vs Il-Kunsill, T‑262/15, EU:T:2017:392, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata). Kif osservaw ġustament il-Kunsill u ċerti intervenjenti, miżuri oħra ma kinux jiksbu l-istess riżultat, peress li wħud minnhom, bħall-projbizzjoni ta’ xandir ta’ ċertu kontenut, fil-każ ta’ informazzjoni kontinwa ta’ stazzjon televiżiv, kienu jkunu prattikament impossibbli li jiġu implimentati, filwaqt li oħrajn, bħall-obbligu li jitqiegħed strixxun jew saħansitra twissija, kienu jkunu ta’ effikaċja limitata.

198    B’mod partikolari, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-miżuri restrittivi inkwistjoni seħħew f’kuntest straordinarju u estremament urġenti (ara l-punti 9 sa 18 iktar ’il fuq), iddeterminat, b’mod partikolari, mill-intensifikazzjoni tal-aggressjoni militari fl-Ukraina, u, min-naħa l-oħra, li jifformaw parti integrali minn sensiela ta’ miżuri ta’ skala bla preċedent, adottati mill-Kunsill bejn l-aħħar ġimgħa ta’ Frar u l-bidu ta’ Marzu 2022, sabiex ifixklu, bl-istrumenti paċifiċi għad-dispożizzjoni tal-Unjoni, l-aggressjoni militari kontra l-Ukraina mill-Federazzjoni Russa, biex jiddisswadu lil din tal-aħħar milli tkompli din l-aggressjoni u b’hekk jitħarsu l-fruntieri tal-Unjoni. Fil-qafas tal-istrateġija ġenerali ta’ rispons rapidu, unifikat, iggradwat u kkoordinat implimentata mill-Unjoni, l-adozzjoni ta’ tali miżuri, sa fejn dawn jilħqu effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni (ara l-punti 160 sa 165 iktar ’il fuq), jistgħu jitqiesu neċessarji.

199    Barra minn hekk, bħall-Kunsill  u ċerti intervenjenti, għandu jiġi osservat li l-kopertura intensiva tal-ewwel jiem tal-aggressjoni militari tal-Ukraina kienet bla dubju mument kruċjali meta l-azzjonijiet ta’ media, bħar-rikorrenti, x’aktarx li jintensifikaw u jkollhom influwenza ta’ ħsara sinjifikattiva fuq l-opinjoni pubblika tal-Unjoni, permezz tal-operazzjonijiet ta’ manipulazzjoni tagħha u influwenza ostili, fid-dawl tal-kontenut tax-xandiriet magħmula mir-rikorrenti, imsemmija iktar ’il fuq, immirati biex jiġġustifikaw u jappoġġjaw l-aggressjoni tal-Ukraina mill-Federazzjoni Russa. F’tali kuntest, il-Kunsill seta’, ġustament, jikkunsidra li kien essenzjali li l-Unjoni tintervjeni sa mill-ewwel jiem li faqqgħet din l-aggressjoni, billi tipprojbixxi, b’mod partikolari, ix-xandir tal-kontenut tar-rikorrenti bil-għan li tissospendi temporanjament tali vettura ta’ propaganda favur aggressjoni militari mill-Ukraina fit-territorju tal-Unjoni.

200    Minn dan isegwi li l-Kunsill ma wettaqx żball ta’ evalwazzjoni meta kkunsidra li miżuri inqas vinkolanti ma kinux jippermettu li jintlaħqu l-għanijiet imfittxija.

–       Fuq il-bilanċ tal-interessi

201    Fir-rigward tan-natura strettament proporzjonata tal-miżuri restrittivi inkwistjoni, l-ibbilanċjar tal-interessi inkwistjoni juri li l-iżvantaġġi li jirriżultaw mill-projbizzjoni temporanja fuq it-tixrid tal-kontenut ma humiex sproporzjonati fir-rigward tal-għanijiet imfittxija, li jikkorrispondu, min-naħa tagħhom, mal-għanijiet ta’ interess ġenerali (ara l-punti 160 sa 165 iktar ’il fuq).

202    Fil-fatt l-importanza tal-għanijiet segwiti mill-atti kkontestati, jiġifieri, minn naħa, il-waqfien ta’ attività ta’ propaganda kontinwa u miftiehma favur l-aggressjoni militari fuq l-Ukraina indirizzata lis-soċjetà ċivili fl-Unjoni u fil-pajjiżi ġirien, li jaqa’ taħt l-għan li jiġu ssalvagwardjati l-valuri tal-Unjoni, l-interessi fundamentali tagħha, is-sigurtà tagħha, l-integrità tagħha u l-ordni pubbliku tagħha, u, min-naħa l-oħra, il-protezzjoni tal-integrità territorjali, tas-sovranità u tal-indipendenza tal-Ukraina u l-promozzjoni ta’ riżoluzzjoni paċifika tal-kriżi f’dan il-pajjiż, li huma parti mill-għanijiet usa’ taż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali, skont l-għanijiet tal-azzjoni esterna tal-Unjoni stabbiliti fl-Artikolu 21(2)(a) u (c) TUE, tkun tali li tegħleb il-konsegwenzi negattivi, anki kunsiderevoli, ta’ dawn il-miżuri għal ċerti operaturi (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punti 149 u 150 u l-ġurisprudenza ċċitata).

203    Kif isostni l-Kunsill, l-importanza tal-għan li tinżamm il-paċi u s-sigurtà internazzjonali hija, barra minn hekk, ikkonfermata mill-fatt li istituzzjonijiet Ewropej oħra u organi internazzjonali multilaterali oħra adottaw, sa mill‑24 ta’ Frar 2022, il-jum li faqqgħet l-aggressjoni militari fl-Ukraina, diversi dikjarazzjonijiet, deċiżjonijiet, pożizzjonijiet u miżuri mmirati lejn l-istess għanijiet bħal dawk tal-Unjoni (ara l-punti 15, 16, 18 u 20 iktar ’il fuq).

204    Din l-importanza ġiet, barra minn hekk, ikkonfermata wara l-adozzjoni tal-atti kkontestati minn tali organi. Dan kien il-każ, b’mod partikolari, tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, kif dan jirriżulta mill-punt 165 iktar ’il fuq, kif ukoll tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (QIJ). Fil-fatt, b’digriet tas‑16 ta’ Marzu 2022, fil-kawża intitolata “Allegazzjonijiet ta’ Ġenoċidju taħt il-Konvenzjoni dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta’ Ġenoċidju (L-Ukraina vs Il-Federazzjoni Russa)”, il-QIJ qieset li l-Ukraina kellha dritt plawżibbli li ma tkunx is-suġġett ta’ operazzjonijiet militari mill-Federazzjoni Russa għall-iskop tal-prevenzjoni u l-kastig ta’ allegat ġenoċidju fit-territorju Ukrain u ddeċidiet, bħala miżuri provviżorji, inter alia, li l-Federazzjoni Russa kellha tissospendi immedjatament l-operazzjonijiet militari li kienet bdiet fl-24 ta’ Frar 2022 fit-territorju tal-Ukraina u li kellha tiżgura li l-ebda waħda mill-unitajiet militari jew unitajiet armati irregolari li setgħu jaġixxu taħt id-direzzjoni tagħha jew jibbenefikaw mill-appoġġ tagħha, u lanqas ebda organizzazzjoni jew persuna li tista’ tkun taħt il-kontroll tagħha jew id-direzzjoni tagħha, ma jwettqu atti li jwasslu biex jitkomplew l-operazzjonijiet militari msemmija iktar ’il fuq.

205    Fir-rigward tas-salvagwardja tal-valuri tal-Unjoni, tal-interessi fundamentali tagħha, tas-sigurtà tagħha u tal-integrità tagħha, kien essenzjali wkoll għall-Unjoni li tissospendi temporanjament l-attività ta’ propaganda tar-rikorrenti b’appoġġ għall-aggressjoni militari tal-Ukraina mill-ewwel jiem meta bdiet din l-aggressjoni.

206    Għal dawn ir-raġunijiet, fid-dawl tal-fatt li l-eżerċizzju tal-libertà ta’ espressjoni jimplika dmirijiet u responsabbiltajiet, li huma iktar u iktar importanti fir-rigward tal-media awdjoviżiva (ara l-punti 136 sa 138 iktar ’il fuq), bħar-rikorrenti, ma jistax jintqal li l-ipproċessar tal-informazzjoni inkwistjoni, li jinvolvi attivitajiet ta’ propaganda biex tiġi ġġustifikata u appoġġjata l-aggressjoni militari illegali, mhux ipprovokata u inġustifikata tal-Ukraina mill-Federazzjoni Russa tar-Russja, kien tali li jitlob il-protezzjoni msaħħa li l-Artikolu 11 tal-Karta jikkonferixxi fuq il-libertà tal-istampa (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, il-Qorti EDB, tal-5 ta’ April 2022, NIT S.R.L. vs Ir-Repubblika tal-Moldova, CE:ECHR:2022:0405JUD002847012, punt 215), speċjalment meta tali protezzjoni tiġi invokata minn korp ta’ informazzjoni mpoġġi, essenzjalment, taħt il-kontroll, dirett jew indirett, tal-Istat aggressur, kif inhu l-każ preżenti (ara l-punti 172 sa 174 iktar ’il fuq).

207    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, fir-rigward tad-drittijiet fundamentali, li jifformaw parti integrali mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li hija tiżgura r-rispett tagħhom, il-qorti tal-Unjoni kkunsidrat, b’mod partikolari, li l-istrumenti internazzjonali dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem li għalihom l-Istati Membri kienu kkooperaw jew aderixxew magħhom, setgħu jipprovdu wkoll indikazzjonijiet li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-qafas tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑14 ta’ Mejju 1974, Nold vs Il-Kummissjoni, 4/73, EU:C:1974:51, punt 13), b’mod partikolari, għall-finijiet tal-interpretazzjoni u tal-applikazzjoni tal-Artikolu 11 tal-Karta.

208    F’din il-perspettiva, kif enfasizza ġustament il-Kunsill, ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Polonja, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli fis-seduta, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, adottat fis‑16 ta’ Diċembru 1966 mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, li tiegħu mhux biss l-Istati Membri huma partijiet, iżda wkoll il-Federazzjoni Russa, li huwa wieħed mill-istrumenti internazzjonali dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem meħuda inkunsiderazzjoni mill-qorti tal-Unjoni Ewropea meta tapplika l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2006, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑540/03, EU:C:2006:429, punt 37 u ġurisprudenza ċċitata).

209    Issa, l-Artikolu 20(1) ta’ dan il-patt jipprovdi li “l-propaganda kollha favur il-gwerra hija pprojbita mil-liġi” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-fatt li l-projbizzjoni ta’ “propaganda […] favur il-gwerra” hija sanċita f’paragrafu separat mill-projbizzjoni ta’ “[k]ull promozzjoni ta’ mibegħda nazzjonal, ta’ razza jew ta’ reliġjon li tikkostitwixxi inċitament għad-diskriminazzjoni, għall-ostilità jew għall-vjolenza”, li hija sanċita fil-paragrafu 2 ta’ dan l-istess artikolu, għandu jiġi interpretat bħala li għandu l-għan li jattribwixxi lill-“propaganda favur il-gwerra” gravità assoluta.

210    F’dan il-każ, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li l-attività ta’ propaganda stabbilita mir-rikorrenti sseħħ fil-kuntest ta’ gwerra li għaddejja, ipprovokata minn att ta’ Stat imsejjaħ ta’ “aggressjoni” mill-komunità internazzjonali (ara, b’mod partikolari, il-punti 15, 165 u 204 iktar ’il fuq), bi ksur tal-projbizzjoni tal-użu tal-forza prevista fl-Artikolu 2(4) tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti. F’dan ir-rigward, ta’ min ifakkar li, bir-Riżoluzzjoni 110 (II), affermata mill-ġdid bir-Riżoluzzjoni 381 (V), l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti kkundannat “kull propaganda, li ssir fi kwalunkwe pajjiż, li hija maħsuba jew li x’aktarx tipprovoka jew tinkoraġġixxi kwalunkwe theddida għall-paċi, ksur tal-paċi jew kwalunkwe att ta’ aggressjoni”. Min-naħa l-oħra, huwa importanti li wieħed jinnota li l-portata tal-projbizzjoni imposta mill-Artikolu 20(1) ta’ dan il-patt, li jirreferi għall-propaganda tal-gwerra “kollha” tinkludi mhux biss tixwix għal gwerra futura, iżda wkoll kummenti magħmula kontinwament, ripetutament u miftiehma favur gwerra li għaddejja, kuntrarji għad-dritt internazzjonali, b’mod partikolari jekk dawn il-kummenti jiġu minn media kkontrollata, direttament jew indirettament, mill-Istat aggressur.

211    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fil-kuntest tal-attività tagħha matul il-perijodu ta’ qabel l-aggressjoni militari kontra l-Ukraina mill-Federazzjoni Russa u, fuq kollox, matul il-jiem li segwew din l-aggressjoni, ir-rikorrenti wettqet azzjoni sistematika ta’ tixrid ta’ informazzjoni “magħżula”, inkluża informazzjoni manifestament falza jew qarrieqa, li żvelat żbilanċ manifest fil-preżentazzjoni tad-diversi punti ta’ fehmiet opposti, bil-għan preċiż li tiġġustifika u tappoġġja l- aggressjoni msemmija.

212    F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Kunsill qies ġustament li kien meħtieġ li jipprevjeni, b’rispett lejn l-Artikolu 11 tal-Karta, forom ta’ espressjoni intiżi sabiex jiġġustifikaw u jsostnu att ta’ aggressjoni militari, imwettaq bi ksur tad-dritt internazzjonali u tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.

213    Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti huma biżżejjed, meta jitqiesu ċ-ċirkustanzi kollha msemmija iktar ’il fuq u, b’mod partikolari, il-kuntest straordinarju tal-każ, sabiex jiġi stabbilit li l-limitazzjonijiet għal-libertà ta’ espressjoni tar-rikorrenti li l-miżuri restrittivi inkwistjoni jistgħu jinkludu huma proporzjonati, fis-sens li huma xierqa u neċessarji, għall-għanijiet segwiti.

214    Fir-rigward tal-argument li r-rikorrenti tislet, inċidentalment, mil-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni fis-sens tal-Artikolu 11 tal-Karta, meqjusa mill-aspett passiv, jiġifieri d-dritt tal-pubbliku li jirċievi informazzjoni, indipendentement minn kull kwistjoni li tikkonċerna l-interess tar-rikorrenti li tinvokaha, huwa biżżejjed li wieħed jinnota li, jekk l-indħil fid-dritt ta’ xandir ta’ programmi li jinvolvi l-appoġġ ta’ att ta’ aggressjoni jkun iġġustifikat u proporzjonat (ara l-punti 149 sa 191 iktar ’il fuq), l-istess jgħodd a fortiori għal-limitazzjoni tad-dritt tal-pubbliku li jirċievi tali programmi.

215    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-libertà ta’ intrapriża

216    Skont ir-rikorrenti, l-atti kkontestati jiksru l-libertà ta’ intrapriża, protetta mill-Artikolu 16 tal-Karta. Fil-fatt, kwalunkwe restrizzjoni fuq il-libertà tal-media taffettwa, b’mod mekkaniku, din il-libertà. Dan huwa partikolarment minnu, f’dan il-każ, peress li l-projbizzjoni ġenerali u assoluta tax-xandir imposta mill-miżuri restrittivi inkwistjoni essenzjalment tipprevjeni lill-ġurnalisti u lill-impjegati tar-rikorrenti milli jkomplu bl-attivitajiet tagħhom, bir-riskju konkret li hija titqiegħed, fi żmien qasir, fi stralċ.

217    Il-Kunsill, sostnut mir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Polonja, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli, jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

218    Skont l-Artikolu 16 tal-Karta, “[i]l-libertà ta’ l-intrapriża skond il-liġi ta’ l-Unjoni u l-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali hija rikonoxxuta”.

219    F’dan il-każ, ma hemmx dubju li l-miżuri restrittivi li jinsabu fl-atti kkontestati jinvolvu limitazzjonijiet fl-eżerċizzju mir-rikorrenti tad-dritt tagħha għal-libertà ta’ intrapriża.

220    Madankollu, tali libertà, bħal drittijiet fundamentali oħrajn, ma tikkostitwixxix prerogattiva assoluta u l-eżerċizzju tagħha jista’ jkun suġġett għal restrizzjonijiet iġġustifikati minn għanijiet ta’ interess ġenerali segwiti mill-Unjoni, sakemm tali restrizzjonijiet effettivament jilħqu l-imsemmija għanijiet ta’ interess ġenerali u ma jikkostitwixxux, fir-rigward tal-għan imfittex, intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika s-sustanza stess tad-drittijiet hekk iggarantiti (ara s-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 148 u l-ġurisprudenza ċċitata).

221    Barra minn hekk, il-miżuri restrittivi għandhom, bħala definizzjoni, effetti li jaffettwaw, b’mod partikolari, l-eżerċizzju liberu ta’ attivitajiet professjonali, u b’hekk jikkawżaw dannu lill-partijiet li ma għandhomx responsabbiltà għas-sitwazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tas-sanzjonijiet. Dan huwa a fortiori l-effett ta’ miżuri restrittivi mmirati għall-entitajiet intiżi minnhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 149 u l-ġurisprudenza ċċitata).

222    Kif imfakkar fil-punt 145 iktar ’il fuq, sabiex ikun hemm konformità mad-dritt tal-Unjoni, ksur tal-libertà ta’ intrapriża għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin: ikun previst mil-liġi, jirrispetta l-kontenut essenzjali ta’ din il-libertà, isegwi għan ta’ interess ġenerali, irrikonoxxut bħala tali mill-Unjoni, u ma jkunx sproporzjonat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, VTB Bank vs Il‑Kunsill, T‑734/14, mhux ippubblikata, EU:T:2018:542, punt 140 u l-ġurisprudenza ċċitata).

223    Issa, għandu jiġi kkonstatat li dawn il-kundizzjonijiet huma ssodisfatti f’dan il-każ.

224    Fl-ewwel lok, il-miżuri restrittivi inkwistjoni huma “previsti mil-liġi”, peress li huma stabbiliti f’atti li għandhom, b’mod partikolari, portata ġenerali u li għandhom bażi legali ċara fid-dritt tal-Unjoni u prevedibbiltà suffiċjenti (ara l-punt 149 iktar ’il fuq).

225    Fit-tieni lok, peress li dawn il-miżuri huma temporanji u riversibbli, għandu jiġi kkonstatat li ma jaffettwawx b’mod negattiv il-kontenut essenzjali tal-libertà ta’ intrapriża (ara l-punti 154 u 155 iktar ’il fuq), u li iktar u iktar peress li r-rikorrenti ma pproduċiet l-ebda prova li tista tpoġġi din il-konklużjoni f’dubju.

226    Fit-tielet lok, kif diġà ġie rrilevat fil-punt 202 iktar ’il fuq, l-importanza tal-għanijiet segwiti mill-atti kkontestati, li jikkonsistu, b’mod partikolari, minn naħa, fil-ħarsien tal-valuri tal-Unjoni, tal-interessi fundamentali tagħha, tas-sigurtà tagħha, tal-integrità tagħha u tal-ordni pubbliku tagħha u, min-naħa l-oħra, biex jiġu ppreservati l-paċi u t-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali, u li jaqgħu taħt, hekk kif jirriżulta mill-elementi msemmija fil-punti 160 sa 166 iktar ’il fuq, l-għanijiet segwiti mill-istrateġija ġenerali stabbilita mill-Unjoni, permezz tal-adozzjoni rapida ta’ sensiela ta’ miżuri restrittivi, bl-għan aħħari li teżerċita pressjoni massima fuq il-Federazzjoni Russa sabiex din ittemm l-aggressjoni militari tagħha kontra l-Ukraina, imwettqa bi ksur tad-dritt internazzjonali u tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, skont l-għanijiet tal-azzjoni esterna tal-Unjoni stabbiliti fl-Artikolu 21 TUE, hija ta’ natura li tiġġustifika konsegwenzi negattivi, anki kunsiderevoli, għal xi operaturi.

227    Fir-raba’ lok, fir-rigward tan-natura xierqa, neċessarja u proporzjonata tal-miżuri restrittivi inkwistjoni, għandu jsir riferiment għall-punti 193 sa 213 iktar ’il fuq.

228    F’dan il-każ, huwa minnu li r-rikorrenti ġiet temporanjament impedita milli teżerċita l-attività tagħha ta’ xandir fl-Unjoni jew lejn l-Unjoni mill-implimentazzjoni tal-miżuri restrittivi inkwistjoni. Madankollu, tali projbizzjoni, ta’ natura tranżitorja, tidher kompletament iġġustifikata mill-għanijiet ta’ interess ġenerali segwiti minn dawn il-miżuri (ara l-punti 161 sa 166 iktar ’il fuq). F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-atti kkontestati jipperikolaw is-sostenibbiltà tal-impjiegi tal-impjegati kollha tagħha, b’mod partikolari l-impjiegi inerenti għall-attività ta’ xandir, kif ukoll il-vijabbiltà finanzjarja tagħha, li jwasslu, fi żmien qasir, għat-tqegħid fi stralċ tagħha. Madankollu, hija ma tipproduċi ebda evidenza li tippermetti li jiġi konkluż li jeżisti tali riskju imminenti għall-vijabbiltà finanzjarja tagħha, filwaqt li jitqies, minn naħa, il-fatt li l-atti kkontestati ma jipprekludux milli tkompli teżerċita ċerti attivitajiet (ara l-punti 156 u 157 iktar ’il fuq), u, min-naħa l-oħra, il-fatt li tappartjeni għal assoċjazzjoni li hija sostanzjalment iffinanzjata kompletament mill-baġit tal-Istat Russu (ara l-punt 172 iktar ’il fuq).

229    B’hekk, il-Kunsill ġustament ikkunsidra li l-fatt li jiġi pprojbit temporanjament, sal‑31 ta’ Lulju 2022, ix-xandir tar-rikorrenti fl-Unjoni Ewropea u lejn l-Unjoni Ewropea seta’ jikkontribwixxi b’mod effettiv l-għanijiet tal-atti kkontestati mfakkra fil-punt 226 iktar ’il fuq.

230    Għandu jiġi konkluż li l-miżuri restrittivi inkwistjoni ma kkawżax indħil sproporzjonat fil-libertà ta’ intrapriża tar-rikorrenti u li l-argument tagħha f’dan ir-rigward għandu jiġi miċħud bħala infondat.

231    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità

232    Skont ir-rikorrenti, l-atti kkontestati jiksru l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, irrikonoxxut mill-Artikolu 21 tal-Karta, sa fejn huma bbażati biss fuq l-oriġini tal-finanzjamenti tagħha u, b’mod iktar partikolari, fuq ir-rabta eżistenti bejnha u l-Federazzjoni Russa, u mhux fuq l-aġir individwali tagħha. Issa, kwalunkwe projbizzjoni fuq media għar-raġuni biss tan-nazzjonalità tal-azzjonisti tagħha, statali jew privati, tkun kuntrarja għall-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

233    Il-Kunsill, sostnut mir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Polonja, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli, jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

234    Bis-saħħa tal-Artikolu 21(1) tal-Karta, “[k]ull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, ilkaratteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew xi opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età, jew l-orjentazzjoni sesswali għandha tkun projbita”. Skont il-paragrafu 2 tal-istess artikolu, fil-qasam tal-applikazzjoni tat-trattati u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċifiċi tagħhom, kull diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità hija wkoll ipprojbita.

235    Fir-rigward tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità, għandu jitfakkar li, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE u l-Artikolu 52(7) tal-Karta, l-ispjegazzjonijiet relatati magħha għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni tagħha.

236    Skont dawn l-ispjegazzjonijiet, l-Artikolu 21(2) tal-Karta “jikkorrispondi għall-Artikolu 18(1) [TFUE] u għandu jiġi applikat b’mod konformi ma’ dak l-Artikolu”. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 52(2) tal-Karta, id-drittijiet li hija tirrikonoxxi u li huma s-suġġett ta’ dispożizzjonijiet fit-Trattati għandhom jiġu eżerċitati taħt il-kundizzjonijiet u fil-limiti ddefiniti minn dawn tal-aħħar. Minn dan isegwi li l-Artikolu 21(2) tal-Karta għandu jinqara bħala li għandu l-istess kamp ta’ applikazzjoni bħal dak tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE (ara s-sentenza tat‑30 ta’ April 2019, Wattiau vs Il-Parlament, T‑737/17, EU:T:2019:273, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

237    L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE jipprovdi li “[f]il-kamp ta’ l-applikazzjoni tat-Trattati, u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċjali inklużi hemm kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza għandha tiġi projbita”. Dan jidher fit-tieni parti tat-Trattat FUE, intitolat “Non-diskriminazzjoni u ċittadinanza ta’ l-Unjoni”. Din id-dispożizzjoni tikkonċerna s-sitwazzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li fihom ċittadin ta’ Stat Membru huwa suġġett għal trattament diskriminatorju meta mqabbel maċ-ċittadini ta’ Stat Membru ieħor fuq il-bażi unika tan-nazzjonalità tiegħu (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Novembru 2017, Petrov et vs Il‑Parlament, T‑452/15, EU:T:2017:822, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

238    Fir-rigward tad-diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità invokata mir-rikorrenti, jiġifieri l-fatt li, essenzjalment, hija tkun iddiskriminata mill-miżuri restrittivi inkwistjoni minħabba l-parteċipazzjoni azzjonarja tagħha Russa u li għalhekk ġiet ittrattata għal din ir-raġuni b’mod inqas favorevoli mill-media awdjoviżiva Franċiża l-oħra li ma hijiex suġġetta għall-istess tip ta’ kontroll minn entità minn pajjiż terz, għandu jiġi nnutat li, anki jekk wieħed jassumi li persuna ġuridika tista’ tippretendi b’mod utli l-benefiċċju tal-Artikolu 21(2) tal-Karta, jibqa’ l-fatt li tali tip ta’ disparità fit-trattament ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, kif dan huwa indikat fil-punt 237 iktar ’il fuq.

239    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat, kif isostni l-Kunsill, li r-rikorrenti kienet suġġetta għall-miżuri restrittivi inkwistjoni wara evalwazzjoni tal-provi konkreti dwar ir-rwol tagħha fl-azzjonijiet ta’ propaganda favur l-aggressjoni militari tal-Ukraina mill-Federazzjoni Russa. Fil-fatt, ir-raġunijiet li fuqhom ibbaża l-Kunsill meta adotta atti kkontestati huma bbażati fuq ir-rwol tar-rikorrenti bħala arma ta’ informazzjoni strateġika u ta’ propaganda mqiegħda taħt il-kontroll permanenti, dirett jew indirett, tal-mexxejja tal-Federazzjoni Russa. Ċertament, il-fatt li l-kapital azzjonarju tagħha jappartjeni għal assoċjazzjoni stabbilita fir-Russja, iffinanzjata kompletament mill-baġit tal-Istat Russu, ma kienx fattur sekondarju fl-evalwazzjoni tal-attività ta’ propaganda tagħha. Madankollu, mill-atti kkontestati jirriżulta li t-trattament differenti tar-rikorrenti meta mqabbel ma’ mezzi awdjoviżivi oħra huwa bbażat fuq żewġ kriterji, wieħed relatat mal-kontroll tagħha mill-Gvern tal-Federazzjoni Russa u l-ieħor mal-atti ta’ propaganda tagħha favur l-aggressjoni militari tal-Ukraina. Għalhekk, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, l-istruttura tal-kapital tagħha jew l-oriġini tal-finanzjament tagħha ma hijiex l-unika raġuni li wasslet lill-Kunsill biex jadotta l-atti kkontestati.

240    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tidentifika ebda kategorija oħra ta’ persuni li kienu jiġu suġġetti għal trattament iktar favorevoli meta kienu f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ tagħha, jiġifieri li jkunu taħt il-kontroll dirett jew indirett tal-mexxejja tal-Federazzjoni Russa.

241    Ir-rikorrenti għalhekk naqset milli tistabbilixxi kif kienet ġiet suġġetta għal kwalunkwe diskriminazzjoni pprojbita mill-Artikolu 21 tal-Karta.

242    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud u, konsegwentement, ir-rikors kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

243    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tħallas l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kunsill, skont it-talbiet ta’ dan tal-aħħar, inklużi dawk relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji.

244    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Għaldaqstant, ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Polonja u l-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

245    Skont l-Artikolu 138(3) tal-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li parti intervenjenti, minbarra dawk imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 tal-istess artikolu, għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. F’dan il-każ, għandu jiġi deċiż li r-Rappreżentant Għoli għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Awla Manja)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      RT France għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, inklużi dawk relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji.

3)      Ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Polonja, il-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Papasavvas

Kanninen

Tomljenović

Gervasoni

Spielmann

Frimodt Nielsen

Schwarcz

Buttigieg

Öberg

Mastroianni

Brkan

Gâlea

Dimitrakopoulos

Kukovec

Kingston

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-27 ta’ Lulju 2022.

Firem

Werrej



*      Lingwa tal-proċedura: il-Franċiż.