Language of document :

Digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Diċembru 2023 – Mazepin vs Il-Kunsill

(Kawża T-743/22 R IV )

(“Miżuri provviżorji – Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda meħuda fir-rigward tal-azzjonijiet tar-Russja li jikkompromettu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina – Iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi – Talba għal miżuri proviżorji – Inammissibbiltà parzjali– Fumus boni juris – Urġenza – Ibbilanċjar tal-interessi”)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Nikita Dmitrievich Mazepin (Moska, ir-Russja) (rappreżentanti: D. Rovetta, M. Campa, M. Moretto, V. Villante, T. Marembert u A. Bass, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (rappreżentanti: J. Rurarz u P. Mahnič, aġenti)

Intervenjent insostenn tar-rikorrent: Ir-Repubblika tal-Estonja (rappreżentanti: J. Davidoviča u K. Pommere, aġenti)

Suġġett

Permezz tat-talba tiegħu bbażata fuq l-Artikoli 278 u 279 TFUE, ir-rikorrent jitlob, b’mod partikolari, taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk previsti fid-digriet tad-19 ta’ Lulju 2023, Mazepin vs Il-Kunsill (T-743/22 R II, mhux ippubblikat, EU:T:2023:406), essenzjalment, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1767 tat-13 ta’ Settembru 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2023, L 226, p. 104), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1765 tat-13 ta’ Settembru 2023 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2023, L 226, p. 3) sa fejn jikkonċernawh, kif ukoll id-deċiżjoni, li tinsab fl-ittra tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tal-15 ta’ Settembru 2023, li ismu jinżamm fil-lista tal-persuni entitajiet u korpi suġġetti għal miżuri restrittivi.

Dispożittiv

Hija sospiża l-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1767 tat-13 ta’ Settembru 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1765 tat-13 ta’ Settembru 2023 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna sa fejn Nikita Dmitrievich Mazepin inżamm fil-lista ta’ persuni, entitajiet u korpi suġġetti għal miżuri restrittivi u biss sa fejn dan ikun meħtieġ sabiex ikun jista’ jinnegozja r-reklutaġġ tiegħu bħala sewwieq professjonali tal-Formula 1 jew bħala sewwieq f’kampjonati oħra tal-isport tal-karozzi li jsiru wkoll jew biss fit-territorju tal-Unjoni, kif ukoll biex jieħu sehem fil-Grand Prix, provi, taħriġ u sessjonijiet liberi tal-Formula 1 u fil-kampjonati l-oħra, tlielaq, taħriġ u sessjonijiet liberi tal-isport tal-karozzi li jseħħu fit-territorju tal-Unjoni. Għal dan il-għan N. Mazepin huwa permess biss li, l-ewwel, jidħol fit-territorju tal-Unjoni sabiex jinnegozja u jikkonkludi ftehimiet ma’ tim tat-tlielaq jew ma’ sponsors li ma humiex relatati mal-attivitajiet ta’ N. Dmitry Arkadievich Mazepin jew relatati ma’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi li isimhom jidher fil-listi inklużi fl-anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/571 tat-13 ta’ Marzu 2023 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddul-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna, it-tieni, li jidħol fit-territorju tal-Unjoni sabiex jipparteċipa bħala sewwieq titulari jew ta’ riżerva fil-kampjonati tal-Formula 1 tal-Federazzjoni Internazzjonali tal-Karozzi (FIA) jew f’kampjonati oħra, f’taħriġ, provi, jew sessjonijiet liberi, anki bil-għan li jikseb it-tiġdid tas-Super Liċenzja tiegħu, it-tielet, jidħol fit-territorju tal-Unjoni sabiex jgħaddi mill-eżamijiet mediċi imposti mill-FIA jew mit-tim tat-tlielaq tiegħu, ir-raba’, jidħol fit-territorju tal-Unjoni sabiex jattendi għall-programmi ta’ kontroll mediku u taħriġ (inkluż fuq is-simulatur), il-ħames, jidħol fit-territorju tal-Unjoni sabiex jieħu sehem f’attivitajiet ta’ tlielaq, sponsorizzazzjoni u promozzjonali fuq talba tat-tim tat-tlielaq tiegħu jew tal-isponsors tiegħu, is-sitt, jiftaħ kont bankarju li fih jistgħu jitħallsu lilu salarju, bonuses, benefiċċji tat-tim tat-tlielaq tiegħu u kontribuzzjonijiet finanzjarji minn sponsors aċċettati mit-tim tiegħu u, is-seba’, juża l-kont bankarju u karta ta’ kreditu biss sabiex ikopri l-ispejjeż li jippermettu lil sewwieq professjonali jivvjaġġa fit-territorju tal-Unjoni, jinnegozja u jikkonkludi ftehimiet ma’ tim tat-tlielaq jew ma’ sponsors u jipparteċipa f’kampjonati, Grand Prix, tlielaq, taħriġ, provi jew sessjonijiet liberi fl-Istati Membri tal-Unjoni u sabiex jattendi programm ta’ kontroll mediku u taħriġ.

F’każ ta’ reklutaġġ bħala sewwieq tal-Formula 1 jew bħala sewwieq għal kampjonati oħra tal-isport tal-karozzi li jseħħu wkoll jew biss fit-territorju tal-Unjoni, N. Mazepin għandu jobbliga ruħu li jtellaq taħt bandiera newtrali u li jiffirma l-impenn tas-sewwieqa mitlub mill-FIA għal dan il-għan

Il-kumplament tat-talba għal miżuri provviżorji hija miċħuda.

Id-digriet tat-3 ta’ Ottubru 2023, Mazepin vs Il-Kunsill (T-743/22 R III u T-743/22 R IV), huwa rrevokat.

L-ispejjeż huma rriżervati.

____________