Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Bulgarija) fit-8 ta’ Marzu 2022 – Proċeduri kriminali kontra BK

(Kawża C-175/22)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Spetsializiran nakazatelen sad

Partijiet fil-kawża prinċipali

BK

Domandi preliminari

Interpretazzjoni fil-ġurisprudenza tal-leġiżlazzjoni nazzjonali – il-punt 2 tal-Artikolu 301(1) flimkien mal-Artikolu 287(1) tan-Nakazatelen protsesualen kodeks (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali) – fis-sens li tippermetti lill-qorti, permezz tal-kundanna tagħha, tagħmel klassifikazzjoni legali tal-fatti li tkun differenti minn dik speċifikata fl-att tal-akkuża meta dan ma jwassalx għal reat kriminali iktar gravi hija prekluża mill-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali 1 għar-raġuni li, qabel il-kundanna tiegħu, l-akkużat ma kienx ġie informat b’mod korrett dwar il-klassifikazzjoni legali differenti ġdida u ma setax jiddefendi ruħu kontriha?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv: L-Artikolu 47(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jipprekludi lill-qorti milli tinforma lill-akkużat dwar il-possibbiltà li jiġi adottat att ibbażat essenzjalment fuq klassifikazzjoni legali differenti tal-fatti u milli b’hekk tagħtih il-possibbiltà jipprepara d-difiża tiegħu kontra dan, f’sitwazzjoni fejn l-inizjattiva għal din il-klassifikazzjoni legali differenti ma tkunx ġietx min-naħa tal-prosekutur?

____________

1     ĠU 2012, L 142, p. 1.