Language of document : ECLI:EU:T:2015:238

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

29 ta’ April 2015 (*)

“Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Trattament mill-Ombudsman ta’ lment dwar il-ġestjoni ta’ lista ta’ kandidati xierqa għal kompetizzjoni ġenerali – Setgħat ta’ investigazzjoni – Dmir ta’ diliġenza – Telf ta’ opportunità – Dannu morali”

Fil-Kawża T‑217/11,

Claire Staelen, residenti fi Bridel (il-Lussemburgu), inizjalment irrappreżentata minn L. Levi, M. Vandenbussche u A. Blot, sussegwentement minn F. Wies u A. Hertzog u finalment minn V. Olona, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Ombudsman Ewropew, irrappreżentat minn G. Grill, bħala aġent, assistit minn D. Waelbroeck u A. Duron, avukati,

konvenut,

li għandha bħala suġġett rikors intiż sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu allegatament subit mir-rikorrenti b’konsegwenza tat-trattament mill-Ombudsman Ewropew tal-ilment tagħha dwar il-ġestjoni ħażina tal-lista ta’ kandidati xierqa li rriżultat mill-Kompetizzjoni ġenerali EUR/A/151/98, li fiha r-rikorrenti tidher bħala kandidat li għadda,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. Prek, President tal-Awla, I. Labucka u V. Kreuschitz (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ April 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

I –  Fuq il-fatti preċedenti għall-ilment quddiem l-Ombudsman

1        Fit-2 ta’ Marzu 1999, ġie ppubblikat avviż ta’ kompetizzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU C 60 A, p. 10) li kien b’mod partikolari jirrigwarda l-organizzazzjoni ta’ kompetizzjoni ġenerali bbażata fuq eżamijiet għall-istabbiliment ta’ lista ta’ kandidati xierqa sabiex jiġu rreklutati amministraturi fil-lingwa Franċiża (EUR/A/151/98) (iktar ’il quddiem il-“Kompetizzjoni EUR/A/151/98”). L-imsemmija kompetizzjoni ġiet organizzata mill-Parlament u mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Ir-rikorrenti kienet kandidata għal din il-kompetizzjoni.

2        Ir-rikorrenti, C. Staelen, daħlet fis-servizz tal-Parlament Ewropew fil-11 ta’ Novembru 1999 bħala membru tal-persunal awżiljarju fil-kategorija A sas-27 ta’ Novembru 2000. Minn din id-data hija kisbet kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju u ġiet ikklassifikata fil-Grad A 7, Skala 3, u sussegwentement fl-istess grad, Skala 4. Il-kuntratt tagħha mal-Parlament intemm fis-26 ta’ Novembru 2003. Minn din id-data hija tinsab mingħajr impjieg.

3        Fit-8 u fid-9 ta’ Ġunju 2000, ir-rikorrenti pparteċipat fl-eżamijiet bil-miktub fil-Kompetizzjoni EUR/A/151/98.

4        Fis-26 ta’ Ottubru 2000, il-President tal-Bord tal-Għażla tal-Kompetizzjoni EUR/A/151/98 informa lir-rikorrenti li, peress li kisbet biss sbatax il-punt fl-eżamijiet bil-miktub, filwaqt li l-minimu meħtieġ għal dawn l-eżamijiet kien ta’ għoxrin punt, hija ma kinitx ser tiġi ammessa għall-eżamijiet sussegwenti tal-imsemmija kompetizzjoni. Fit-12 ta’ Jannar 2001, ġiet stabbilita l-lista ta’ kandidati xierqa għal din il-kompetizzjoni.

5        Fit-30 ta’ Jannar 2001, wara li l-ilment tagħha ġie miċħud, ir-rikorrenti ppreżentat rikors quddiem il-Qorti Ġenerali kontra d-deċiżjoni tas-26 ta’ Ottubru 2000.

6        Fil-5 ta’ Marzu 2003, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal-Kompetizzjoni EUR/A/151/98 tas-26 ta’ Ottubru 2000 li rrifjutat li tammetti lir-rikorrenti għall-eżamijiet ta’ wara l-eżamijiet bil-miktub (sentenza tal-5 ta’ Marzu 2003, Staelen vs Il-Parlament, T‑24/01, ĠabraSP, EUT:2003:52).

7        Fit-22 ta’ Marzu 2004, il-Parlament, b’eżekuzzjoni tas-sentenza Staelen vs Il‑Parlament, punt 6 iktar ’il fuq (EUT:2003:52), organizza eżamijiet orali fejn ir-rikorrenti kienet l-unika kandidata.

8        Fit-22 ta’ Lulju 2004, ir-rikorrenti ressqet ilment sabiex tiġi mgħarrfa bir-riżultati tal-parteċipazzjoni tagħha fil-Kompetizzjoni EUR/A/151/98.

9        Fit-18 ta’ Awwissu 2004, il-Parlament informa lir-rikorrenti li isimha ma kienx tniżżel fil-lista ta’ kandidati xierqa għar-raġuni li n-numru totali ta’ punti li hija kienet kisbet kien inqas min-numru ta’ punti miksuba mill-kandidat li kien jinsab fl-aħħar pożizzjoni fil-lista ta’ kandidati xierqa.

10      Fid-19 ta’ Jannar 2005, wara ċ-ċaħda tal-ilment tagħha, ir-rikorrenti ppreżentat rikors għal annullament u għad-danni quddiem il-Qorti Ġenerali kontra d-deċiżjoni tat-18 ta’ Awwissu 2004.

11      Fid-19 ta’ Mejju 2005, il-Parlament informa lir-rikorrenti li kien iddeċieda li jniżżel isimha fil-lista ta’ kandidati xierqa li rriżultat mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98 u li l-imsemmija lista kienet valida sal-1 ta’ Ġunju 2007.

12      B’digriet tat-18 ta’ Ottubru 2006, Staelen vs Il-Parlament (T‑32/05, EU:T:2006:328), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ma kienx għad hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors għal annullament ippreżentat fid-19 ta’ Jannar 2005 u ċaħdet ir-rikors għad-danni.

13      Peress li ma rċevietx proposti ta’ pożizzjoni, ir-rikorrenti kitbet lil diversi istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari lill-Parlament u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, bil-għan li ssib impjieg. It-talbiet kollha tagħha ġew miċħuda.

II –  Fuq l-ilment imressaq quddiem l-Ombudsman

14      Fl-14 ta’ Novembru 2006, ir-rikorrenti ressqet ilment quddiem l-Ombudsman fir-rigward ta’ amministrazzjoni ħażina mill-Parlament tal-ġestjoni tal-lista ta’ kandidati xierqa tal-Kompetizzjoni EUR/A/151/98 (iktar ’il quddiem l-“ilment”).

15      Fit-30 ta’ Jannar 2007, l-Ombudsman informa lir-rikorrenti li l-ilment tagħha kien ser jiġi eżaminat u li l-Parlament kien intalab jagħti l-opinjoni tiegħu dwar, minn naħa, il-ġestjoni tiegħu tal-fajl tar-rikorrenti wara l-inklużjoni ta’ isimha fil-lista ta’ kandidati xierqa li rriżultat mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98 u, min-naħa l-oħra, dwar it-talba tar-rikorrenti li tiġi ttrattata b’mod ġust meta jkunu qed jimtlew pożizzjonijiet vakanti fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

16      Fl-20 ta’ Marzu 2007, il-Parlament bagħat l-opinjoni mitluba lill-Ombudsman.

17      Fit-3 ta’ Mejju 2007, l-Ombudsman informa lill-Parlament li kien iqis li huwa neċessarju li jeżamina l-fajls tiegħu, b’mod partikolari, sabiex jiċċara jekk u kif l-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni kienu ġew informati bid-deċiżjoni tal-Parlament li isem ir-rikorrenti jitniżżel fil-lista ta’ kandidati xierqa li rriżultat mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98.

18      Fil-11 ta’ Mejju 2007, ir-rikorrenti ppreżentat lill-Ombudsman l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-opinjoni tal-Parlament fir-rigward tal-ilment.

19      Fil-15 ta’ Mejju 2007, ir-rikorrenti talbet lill-Parlament jestendi l-validità tal-lista ta’ kandidati xierqa li rriżultat mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98. Kopja ta’ din it-talba ntbagħtet lill-Ombudsman fl-istess ġurnata. Fl-istess data, id-dipartimenti tal-Ombudsman spezzjonaw il-fajls tal-Parlament. Dawn il-fajls kienu jinkludu tmien dokumenti kunfidenzjali.

20      Fis-16 ta’ Mejju 2007, l-Ombudsman stabbilixxa “rapport fuq l-ispezzjoni tal-fajls mill-Ombudsman Ewropew” (iktar ’il quddiem ir-“rapport ta’ spezzjoni”). L-imsemmi rapport kien jindika li r-rappreżentanti tal-Ombudsman kienu rċevew kopja ta’ tmien dokumenti kunfidenzjali, li wieħed minnhom kien deskritt kif ġej: “Dokument imsejjaħ ta’ ‘pooling’, imxandar mill-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO), li kien jindika n-numru ta’ kandidati li kien għad fadal fuq il-listi ta’ kandidati xierqa tal-kompetizzjonijiet kollha organizzati mid-diversi istituzzjonijiet tal-[Unjoni]”.

21      Fl-24 ta’ Mejju 2007, l-Ombudsman ikkomunika r-rapport ta’ spezzjoni lir-rikorrenti u lill-Parlament.

22      Permezz ta’ ittra tal-24 ta’ Mejju 2007, li kopja tagħha ntbagħtet fl-istess data lir-rikorrenti, l-Ombudsman ippropona li l-Parlament jestendi l-validità tal-lista ta’ kandidati xierqa li rriżultat mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98 sabiex tiġi pprovduta l-possibbiltà ta’ ftehim bonarju fil-każ fejn jiġi deċiż li kien hemm amministrazzjoni ħażina. Fil-31 ta’ Mejju 2007, il-Parlament informa lill-Ombudsman li kien estenda l-validità tal-imsemmija lista sal-31 ta’ Awwissu 2007. Fis-6 ta’ Ġunju 2007, ir-rikorrenti ġiet informata bil-fatt li s-Segretarju Ġenerali tal-Parlament kien talab li tinbeda l-proċedura sabiex il-validità ta’ din il-lista tiġi estiża sal-31 ta’ Awwissu 2007. Fis-17 ta’ Lulju 2007, il-Parlament informa lir-rikorrenti bil-fatt li kien iddeċieda li jestendi l-validità tal-istess lista sal-31 ta’ Awwissu 2007.

23      Fit-28 ta’ Awwissu 2007, ir-rikorrenti bagħtet posta elettronika lill-Ombudsman fejn indikat li l-validità tal-lista ta’ kandidati xierqa li rriżultat mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98 u li fuqha kien hemm imniżżel isimha kienet ġiet estiża biss bi tliet xhur, filwaqt li l-perijodu ta’ validità tal-imsemmija lista ta’ kandidati xierqa għall-kandidati li għaddew inizjali kien itwal. L-Ombudsman wieġeb għall-posta elettronika tar-rikorrenti permezz ta’ posta elettronika tad-29 ta’ Awwissu 2007.

24      Fil-15 ta’ Ottubru 2007, il-Parlament indika lir-rikorrenti li, jekk kienet tixtieq, il-fajl ta’ kandidatura tagħha kellu jinżamm għal perijodu ta’ sentejn u nofs wara li tiskadi l-validità tal-lista ta’ kandidati xierqa li rriżultat mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98. Fid-19 ta’ Ottubru 2007, ir-rikorrenti rrispondiet li l-fatt li l-validità tal-imsemmija lista kienet ġiet estiża biss bi tliet xhur kien jikkonferma li hija kienet il-vittma ta’ diskriminazzjoni.

25      Fit-22 ta’ Ottubru 2007, l-Ombudsman bagħat lir-rikorrenti d-deċiżjoni tiegħu dwar l-ilment tagħha (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2007”). F’din id-deċiżjoni, l-Ombudsman iddeċieda li ma kienx hemm amministrazzjoni ħażina min-naħa tal-Parlament. Insostenn ta’ din id-deċiżjoni, huwa indika b’mod partikolari li l-ispezzjoni tal-fajls tal-Parlament imwettqa fil-15 ta’ Mejju 2007 kienet ippermettiet li jintwera li, minn Mejju 2005, il-Parlament kien impjega biss amministraturi fil-lingwa Franċiża speċjalizzati f’oqsma speċifiċi. Huwa indika wkoll li mill-imsemmija spezzjoni kien irriżulta li l-kandidatura tar-rikorrenti kienet tqiegħdet għad-dispożizzjoni tad-Direttorati Ġenerali (DĠ) kollha tal-Parlament (ara l-punt 2.4 tal-imsemmija deċiżjoni). Huwa sussegwentement speċifika dan li ġej: “l-ispezzjoni [kienet] ikkonfermat dak li l-Parlament kien diġà indika fl-opinjoni tiegħu, jiġifieri li l-lista ta’ kandidati xierqa [li rriżultat mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98] li kienet tindika d-disponibbiltà tar-[rikorrenti] kienet tqiegħedet għad-dispożizzjoni ta’ istituzzjonijiet oħra [tal-Unjoni]” u li “[l-]ispezzjoni [kienet] ukoll ikkonfermat li l-curriculum vitae tagħha kien intbgħat lid-dipartiment li kien talab informazzjoni fir-rigward tagħha, jiġifieri l-Kunsill” (ara l-punt 2.5 tal-imsemmija deċiżjoni). Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda l-estensjoni tal-validità tal-imsemmija lista, huwa nnota li dan kien element li jaqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni kompetenti u faħħar lill-Parlament talli wera ruħu disponibbli li jestendi l-validità ta’ din il-lista (ara l-punt 2.6 tal-istess deċiżjoni).

III –  Fuq l-investigazzjoni ex officio tal-Ombudsman

26      Wara d-deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2007, ir-rikorrenti bagħtet diversi ittri lill-Ombudsman li fihom semmiet żbalji li dan tal-aħħar wettaq fir-rigward tal-għeluq tal-investigazzjoni tiegħu dwar il-lista ta’ kandidati xierqa li rriżultat mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98 u dwar l-assenza ta’ pubblikazzjoni uffiċjali u ta’ xandir interistituzzjonali ta’ din il-lista (ara, b’mod partikolari, l-ittri tal-24 ta’ Jannar, tal-14 ta’ Lulju u tal-1 ta’ Awwissu 2008). Fuq il-bażi ta’ dawn il-fatti, ir-rikorrenti talbet lill-Ombudsman jerġa’ jiftaħ l-investigazzjoni tiegħu. L-Ombudsman, fit-tweġibiet tiegħu tal-1 u tal-21 ta’ Lulju kif ukoll tal-1 ta’ Ottubru 2008, ikkonferma l-konklużjonijiet li kien wasal għalihom fid-deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2007. Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Ottubru 2008, ir-rikorrenti temmet dan l-iskambju ta’ posta elettronika billi pprojbiet lill-Ombudsman milli jerġa jiktbilha.

27      Fil-5 ta’ Novembru 2009, P., membru tal-Parlament, ikkuntattjat lill-Ombudsman, fuq talba tar-rikorrenti, sabiex titolbu jirrevedi d-deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2007. P. bagħtet ittra ta’ tfakkir lill-Ombudsman fl-4 ta’ Marzu 2010.

28      Fl-10 ta’ Marzu 2010, l-Ombudsman wieġeb l-ittri ta’ P. billi skuża ruħu għat-tweġiba tardiva u billi kkonferma l-konklużjoni tiegħu li tgħid li ma kienx hemm amministrazzjoni ħażina min-naħa tal-Parlament fil-kuntest tat-trattament tal-ilment. B’mod partikolari, huwa reġa’ kkonferma li l-ispezzjoni tiegħu kienet ikkonfermat li l-lista ta’ kandidati xierqa inkwistjoni kienet tqiegħdet għad-dispożizzjoni ta’ istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni u li d-deċiżjoni ta’ Awtorità tal-Ħatra (iktar ’il quddiem l-“Awtorità tal-Ħatra”) dwar id-data ta’ skadenza tal-validità ta’ lista ta’ kandidati xierqa kienet taqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali ta’ din tal-aħħar.

29      Fl-14 ta’ April 2010, P. ikkuntattjat lill-Ombudsman u talbitu jesponi l-osservazzjonijiet tiegħu dwar il-kontenut ta’ ittra tas-17 ta’ Marzu 2010 li W., uffiċjal tal-Parlament bil-pensjoni u ex kollega tar-rikorrenti, kien bagħtilha u li tagħha hija kienet qed tehmeż kopja. L-imsemmija ittra kien fiha mistoqsijiet dwar l-investigazzjoni tal-Ombudsman kif ukoll diversi akkużi fir-rigward ta’ dan tal-aħħar.

30      F’ittra tal-1 ta’ Ġunju 2010, P. akkużat lill-Ombudsman li kien wettaq ċerti żbalji fosthom, b’mod partikolari, li kien żnatura l-fatti billi ddikjara li l-lista ta’ kandidati xierqa li rriżultat mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98 u li fuqha kien hemm isem ir-rikorrenti kienet tqiegħdet għad-dispożizzjoni ta’ istituzzjonijiet oħra. Hija enfasizzat ukoll li r-rikorrenti kienet ġarrbet dannu gravi minħabba l-aġir tal-Ombudsman u li għal din ir-raġuni kienet qed tistenna li jagħmel proposti konkreti sabiex jagħmel tajjeb għal dan id-dannu.

31      Fil-11 ta’ Ġunju 2010, l-Ombudsman wieġeb l-ittra ta’ P. billi skuża ruħu għat-tweġiba tardiva u billi osserva li l-kontenut tal-posta elettronika tal-14 ta’ April u tal-1 ta’ Ġunju 2010 kienu ser ikunu bilġiri s-suġġett ta’ eżami bir-reqqa, li l-kwistjoni kienet ingħaddiet lil ġestjonarju ieħor u li kienet ser tinżamm informata bil-konklużjonijiet ta’ dan l-eżami qabel tmiem ix-xahar ta’ Ġunju 2010.

32      Fid-29 ta’ Ġunju 2010, l-Ombudsman informa lill-P. bil-konklużjonijiet tal-eżami tiegħu tal-posta elettronika ta’ din tal-aħħar tal-14 ta’ April u tal-1 ta’ Ġunju 2010. L-ewwel nett, huwa ammetta li l-ewwel sentenza tal-punt 2.5 tad-deċiżjoni tiegħu kien fiha żball sa fejn din kienet tindika li “l-Parlament kien diġà indika fl-opinjoni tiegħu” li l-lista ta’ kandidati xierqa li rriżultat mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98 u li fuqha kien hemm isem ir-rikorrenti kienet tqiegħdet għad-dispożizzjoni ta’ istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni. Huwa skuża ruħu f’dan ir-rigward kemm mar-rikorrenti kif ukoll ma P. It-tieni nett, huwa spjega li l-konklużjoni tiegħu li tgħid li l-imsemmija lista, li kienet tindika d-disponibbiltà tar-rikorrenti, kienet ġiet ikkomunikata lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni kienet ibbażata fuq dokument imsejjaħ ta’ “pooling”. Huwa indika s-sogħba tiegħu li ma kienx enfasizza biżżejjed dan il-fatt preċedentement. Barra minn hekk, huwa ammetta li dan id-dokument ma kienx jispeċifika d-data ta’ meta l-Parlament kien bagħat l-informazzjoni kkonċernata lill-EPSO jew lill-istituzzjonijiet l-oħra, minkejja li l-kronoloġija tal-fatti kienet fundamentali fir-rigward tal-iskadenza tal-validità ta’ din il-lista ta’ kandidati xierqa fl-1 ta’ Ġunju 2007. Huwa indika li, fid-dawl ta’ dan, kien iddeċieda li jiftaħ investigazzjoni ex officio sabiex jivverifika jekk kienx hemm każ ta’ amministrazzjoni ħażina min-naħa tal-Parlament.

33      Permezz ta’ ittra tal-istess ġurnata, l-Ombudsman informa lill-Parlament bl-iżball li jinsab fil-punt 2.5 tad-deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2007, bir-rettifika tiegħu u bid-deċiżjoni tiegħu li jiftaħ investigazzjoni ex officio bil-għan li jivverifika jekk kienx hemm każ ta’ amministrazzjoni ħażina min-naħa ta’ dan tal-aħħar fil-kuntest tal-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni tar-rikorrenti. F’dan il-kuntest, huwa talab lill-Parlament jipprovdilu opinjoni u informazzjoni addizzjonali dwar diversi punti. Għalhekk, huwa talab lill-Parlament jispeċifika l-mezzi li kien uża biex jinforma lill-EPSO, lill-Kunsill u lill-istituzzjonijiet u l-korpi l-oħra tal-Unjoni bil-fatt li isem ir-rikorrenti kien tniżżel fil-lista ta’ kandidati xierqa li rriżultat mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98, jispjega r-raġunijiet li għalihom huwa ma kienx wieġeb għat-talba tar-rikorrenti tal-15 ta’ Mejju 2007 sabiex il-validità tal-imsemmija lista tiġi estiża, jispeċifika jekk kienx ikkonsulta lill-Kunsill qabel ma ddeċieda li kien hemm lok li l-validità ta’ din il-lista tiġi estiża, u fin-nuqqas ta dan, jindika għal liema raġuni ma għamilx dan, kif ukoll li jesprimi l-opinjoni tiegħu dwar il-fatt li isem ir-rikorrenti tniżżel fuq l-istess lista biss għal sentejn u tliet xhur filwaqt li l-ismijiet tal-kandidati l-oħra kienu tniżżlu fiha għal perijodu ta’ madwar sitt snin u nofs.

34      Fil-5 ta’ Lulju 2010, l-Ombudsman iltaqa ma P. Matul din il-laqgħa, P. għaddietlu kopja ta’ ittra li W. kien bagħtilha fit-30 ta’ Ġunju 2010 u li fiha dan tal-aħħar kien osserva li r-rikorrenti kienet tilfet kull fiduċja fil-kapaċità tal-Ombudsman li jmexxi proċedura oġġettiva u li huwa kellu, f’dawn iċ-ċirkustanzi, jagħlaq immedjatament l-investigazzjoni tiegħu. Fl-istess jum, nżammet laqgħa bejn il-ġestjonarju tal-Ombudsman inkarigat mill-fajl u W. li matulha dan tal-aħħar ikkonferma li r-rikorrenti kienet tissuspetta li kien hemm kollużjoni bejn l-Ombudsman u l-Parlament.

35      Fit-12 ta’ Lulju 2010, W. informa lill-Ombudsman li r-rikorrenti kienet kontra l-investigazzjoni l-ġdida minħabba suspetti ta’ kollużjoni bejnu u l-Parlament. Kopja ta’ dokument li kien fih il-ħsibijiet fid-dettall tar-rikorrenti fir-rigward tal-investigazzjoni l-ġdida ġiet ippreżentata lill-Ombudsman. Fl-imsemmi dokument, ir-rikorrenti indikat li l-eventwali kunsens tagħha għal din l-investigazzjoni kien jiddependi fuq ir-risposti tal-Ombudsman għas-suspetti tagħha.

36      Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Lulju 2010 indirizzata lil W., l-Ombudsman wieġeb għall-kwistjonijiet imqajma fid-dokument li kien fih il-ħsibijiet fid-dettall tar-rikorrenti fir-rigward ta’ investigazzjoni ġdida. Huwa żguraha li ma kien hemm ebda kollużjoni u li jkun kuntent ħafna jekk ir-rikorrenti tagħti l-kunsens tagħha għat-tkomplija tal-investigazzjoni ex officio.

37      Fis-26 ta’ Lulju 2010, W. wieġeb li huwa u r-rikorrenti kienu qed jirrepetu u jestendu l-akkużi magħmula preċedentement. Huwa speċifika li r-rikorrenti kienet qed tikkonferma l-oġġezzjonijiet tagħha kontra l-investigazzjoni l-ġdida tal-Ombudsman.

38      Fit-8 ta’ Settembru 2010, l-Ombudsman wieġeb għall-ittra ta’ W. tas-26 ta’ Lulju 2010 billi indika, b’mod partikolari, li ma kienx utli li tingħata tweġiba għall-kull wieħed mill-argumenti esposti minn W. u mir-rikorrenti, peress li dawn tal-aħħar donnhom kienu determinati li jissottomettu l-ilmenti tagħhom lil korpi oħra.

39      Fil-15 ta’ Novembru 2010, il-Parlament ta opinjoni bi tweġiba għall-mistoqsijiet magħmula lilu mill-Ombudsman fl-ittra tiegħu tad-29 ta’ Ġunju 2010. Fl-opinjoni tiegħu, huwa indika li, skont il-politika applikabbli f’dan il-qasam, l-informazzjoni kollha dwar ir-rikorrenti kienet inqerdet sentejn u nofs wara l-iskadenza tal-validità tal-lista ta’ kandidati xierqa li rriżultat mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98, jiġifieri f’Marzu 2010. Għalhekk, huwa ma kienx f’pożizzjoni li jiddokumenta r-risposti tiegħu kif huwa normalment jagħmel u kellu jibbaża ruħu fuq il-memorja tal-uffiċjali tiegħu li dak iż-żmien kienu inkarigati mill-kwistjoni. Bi tweġiba għall-mistoqsijiet tal-Ombudsman, huwa b’mod partikolari kkonferma li l-EPSO, il-Kunsill u l-istituzzjonijiet u l-korpi l-oħra tal-Unjoni kienu ġew informati, fi żmien xieraq, bil-fatt li isem ir-rikorrenti kien tniżżel fl-imsemmija lista, li l-Kunsill kien ġie kkonsultat qabel l-estensjoni tal-validità ta’ din il-lista u li t-terminu li l-istituzzjonijiet potenzjalment ikkonċernati kellhom biex jikkuntattjaw lir-rikorrenti kien potenzjalment itwal minn dak tal-kandidati l-oħra mniżżla fuq l-istess lista.

40      Fit-22 ta’ Novembru 2010, l-Ombudsman għamel mistoqsijiet ġodda lill-Parlament u informa b’dan lil P. permezz ta’ ittra tal-istess ġurnata, li kopja tagħha ntbagħtet lir-rikorrenti. F’din l-ittra, huwa indika wkoll li, jekk ir-rikorrenti żżomm l-oppożizzjoni tagħha għall-investigazzjoni ex officio, huwa kien ser jillimita l-analiżi tiegħu għall-informazzjoni li huwa diġà kellu kif ukoll għal dik li l-Parlament kellu jipprovdilu.

41      Fit-tweġiba tiegħu tal-24 ta’ Jannar 2011 għall-mistoqsijiet il-ġodda tal-Ombudsman, il-Parlament iddikjara li l-fajl tar-rikorrenti kien inqered kompletament u li għalhekk ma kellux iktar l-ittri jew il-posta elettronika li permezz tagħhom huwa kien informa lill-istituzzjonijiet u lill-korpi l-oħra tal-Unjoni bil-fatt li isem ir-rikorrenti kien tniżżel fil-lista ta’ kandidati xierqa li rriżultat mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98.

42      Fil-31 ta’ Marzu 2011, l-Ombudsman ta d-deċiżjoni li ttemm l-investigazzjoni ex officio tiegħu (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-31 ta’ Marzu 2011”). F’din id-deċiżjoni, huwa kkonkluda li ma kienx hemm amministrazzjoni ħażina min-naħa tal-Parlament fir-rigward tat-trattament tal-ittra tar-rikorrenti tal-15 ta’ Mejju 2007 u tal-perijodu ta’ iskrizzjoni ta’ isem ir-rikorrenti fil-lista ta’ kandidati xierqa li rriżultat mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98. Huwa ddeċieda wkoll li, fid-dawl tal-oppożizzjoni tar-rikorrenti u tal-assenza ta’ interess pubbliku kbir, ma kienx hemm lok li jkompli l-investigazzjonijiet li kienu għaddejjin.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

43      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-20 ta’ April 2011, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors għad-danni.

44      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tikkundanna lill-Ombudsman iħallasha l-ammont ta’ EUR 559 382.13 bħala kumpens għad-dannu materjali subit fl-imgħoddi, flimkien mal-interessi moratorji, ikkalkolati bir-rata tal-Bank Ċentrali Ewropew, miżjuda b’żewġ punti;

–        tikkundanna lill-Ombudsman iħallas lill-fond għall-pensjonijiet tal-irtirar Komunitarju l-kontribuzzjonijiet tal-irtirar favur ir-rikorrenti li jikkorrispondu għas-salarji bażiċi kkalkolati għall-perijodu bejn Ġunju 2005 u April 2011, jiġifieri fuq il-bażi ta’ ammont totali ta’ EUR 482 225.97;

–        tikkundanna lill-Ombudsman iħallasha kull xahar mix-xahar ta’ Mejju 2011 sax-xahar ta’ Marzu 2026 l-ammonti netti li jikkorrispondu għas-salarji ffissati għall-uffiċjali tal-funzjoni AD mill-Grad AD 9 skala 2, it-tieni sena, b’teħid inkunsiderazzjoni ta’ karriera normali ta’ uffiċjal tal-istess grad, flimkien mal-kontribuzzjonijiet korrispondenti għall-fond għall-pensjonijiet tal-irtirar favur ir-rikorrenti kif ukoll mal-kontribuzzjonijiet lill-fond tal-assigurazzjoni għall-mard;

–        tikkundanna lill-Ombudsman jħallasha s-somma ta’ EUR 50 000 bħala kumpens għad-dannu morali subit;

–        tikkundanna lill-Ombudsman għall-ispejjeż.

45      L-Ombudsman jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

46      Fir-replika, ir-rikorrenti talbet lill-Qorti Ġenerali, bħala miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u istruttorji, tordna

–        lill-Ombudsman jipproduċi d-dokumenti li jinsabu fil-fajl tal-investigazzjoni kif ukoll il-posta elettronika tal-24 ta’ Mejju u tal-31 ta’ Mejju 2007 dwar l-estensjoni tal-validità tal-lista ta’ kandidati xierqa li rriżultat mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98 u li fuqha kien tniżżel isem ir-rikorrenti;

–        li N. Diamandouros, li kien l-Ombudsman Ewropew meta ġie ppreżentat ir-rikors, jissejjaħ sabiex jixhed;

–        is-smigħ ta’ A. u B. tad-dipartimenti tal-Ombudsman u ta’ C., P., H. u S. tad-dipartimenti tal-Parlament sabiex jiġi ċċarat il-kontenut tal-fajls ippreżentati mill-aġenti tal-Parlament lir-rappreżentanti tal-Ombudsman fil-kuntest tal-ispezzjoni tal-15 ta’ Mejju 2007.

47      Permezz ta’ ittra tal-25 ta’ April 2012, ir-rikorrenti talbet lill-Qorti Ġenerali tawtorizzaha tippreżenta f’din il-kawża dokumenti miksuba fil-kuntest tal-kawża F‑9/12, Staelen vs Il‑Parlament, pendenti quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku bħala provi ġodda. Din it-talba ntlaqgħat permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Ewwel Awla tat-23 ta’ Mejju 2012. Permezz ta’ deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar tad-19 ta’ Ġunju 2012, id-dokumenti kkonċernati minn din it-talba u l-ittra tas-6 ta’ Ġunju 2012 li ntbagħtet magħhom ġew inklużi fil-proċess, ħlief għar-risposta tal-Parlament fil-Kawża F‑9/12.

48      Fit-23 ta’ Ottubru 2012, ir-rikorrenti talbet lill-Qorti Ġenerali tistieden lill-Parlament u lill-Ombudsman jipproduċu żewġ ittri elettroniċi dwar it-trażmissjoni mill-ġdid lill-Parlament ta’ kopji ta’ ċerti dokumenti li l-Ombudsman kellu sa mill-ispezzjoni ta’ Mejju 2007. Bi tweġiba għal din it-talba, l-Ombudsman ippreżenta ż-żewġ ittri elettroniċi inkwistjoni fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali. Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Ewwel Awla tal-21 ta’ Novembru 2012, dawn iż-żewġ ittri elettroniċi ġew inklużi fil-proċess.

49      Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Diċembru 2012, ir-rikorrenti ppreżentat provi ġodda fir-Reġistru u ressqet talba għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura billi għamlet riferiment għall-iżviluppi reċenti fil-Kawża F‑9/12. Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Ewwel Awla tal-24 ta’ Jannar 2013, din l-ittra u l-annessi tagħha ġew inklużi fil-proċess.

50      Fil-11 ta’ Lulju 2013, it-Tribunal għas-Servizz pubbliku ta s-sentenza tiegħu fil-Kawża F‑9/12, fejn ikkundanna lill-Parlament, minn naħa, iħallas dannu materjali evalwat ex aequo et bono għal EUR 10 000 għat-telf tal-benefiċċju mogħti lir-rikorrenti mit-tniżżil ta’ isimha fil-lista ta’ kandidati xierqa minħabba l-imġiba tal-Parlament u, min-naħa l-oħra, jikkumpensa d-dannu morali sostnut mir-rikorrenti ffissat ex aequo et bono għal EUR 5 000 (sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, CC vs Il-Parlament, F‑9/12, ĠabraSP, EU:F:2013:116, punti 124 u 128).

51      Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Settembru 2013 (ĠU C 313, p. 2), l-Imħallef Relatur ġie assenjat lir-Raba’ Awla, u konsegwentement, din il-kawża ġiet assenjata lil dik l-Awla.

52      Fit-28 ta’ Awwissu 2013, ir-rikorrenti appellat mis-sentenza CC vs Il‑Parlament, punt 50 iktar ’il fuq (EU:F:2013:116) (ara l-Kawża T‑457/13 P).

53      Fis-6 ta’ Novembru 2013, ir-rikorrenti talbet, bħala miżura istruttorja, li E. O’Reilly, li ħadet il-kariga ta’ Ombudsman Ewropew wara N. Diamandouros, tissejjaħ sabiex tixhed minħabba li kien importanti li ssir magħrufa l-pożizzjoni tagħha fir-rigward tal-iżbalji mwettqa mil-predeċessur tagħha u sa liema punt hija kienet qed tassumihom jew tirrifjutahom.

54      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) iddeċidiet li tistieden lill-partijiet iwieġbu ċerti mistoqsijiet bil-miktub u ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. Il-partijiet wieġbu l-imsemmija mistoqsijiet bil-miktub fit-terminu mogħti. Barra minn hekk, is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tad-9 ta’ April 2014.

 Id-dritt

I –  Fuq l-ammissibbiltà

55      Preliminarjament, il-Qorti Ġenerali tfakkar li hija għandha l-kompetenza, skont l-Artikolu 268 TFUE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, tieħu konjizzjoni ta’ rikors għad-danni ppreżentat kontra l-Ombudsman (sentenzi tat-23 ta’ Marzu 2004, L-Ombudsman vs Lamberts, C‑234/02 P, Ġabra, EU:C:2004:174; tal-10 ta’ April 2002, Lamberts vs L-Ombudsman, T‑209/00, Ġabra, EU:T:2002:94, punt 52, u tal-24 ta’ Settembru 2008, M vs L-Ombudsman, T‑412/05, EU:T:2008:397, punt 39).

56      L-Ombudsman madankollu jesprimi dubji dwar l-interess ġuridiku tar-rikorrenti minħabba li, f’dan ir-rikors, hija tikkuntesta l-portata insuffiċjenti tal-investigazzjoni ex officio tal-Ombudsman filwaqt li hija kienet opponietha bis-sħiħ. Barra minn hekk, l-Ombudsman josserva li ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni definittiva fir-rigward tal-kwistjoni li jsir magħruf meta u kif il-Parlament informa lill-istituzzjonijiet, lill-korpi u lill-organi l-oħra bil-fatt li isem ir-rikorrenti kien tniżżel fil-lista ta’ kandidati xierqa li rriżultat mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98. Huwa jqis li dejjem jista’ jerġa’ jiftaħ l-investigazzjoni tiegħu f’dan ir-rigward. Konsegwentement, fl-opinjoni tiegħu dan ir-rikors huwa prematur.

57      Ir-rikorrenti tqis li hija għandha interess ġuridiku fid-dawl tal-fatt li żewġ investigazzjonijiet immexxija mill-Ombudsman ingħalqu permezz ta’ deċiżjonijiet li jikkonstataw l-assenza ta’ amministrazzjoni ħażina min-naħa tal-Parlament.

58      Il-Qorti Ġenerali tqis li l-fatt li r-rikorrenti opponiet l-investigazzjoni ex officio tal-Ombudsman ma jippermettix li jiġi kkontestat l-interess ġuridiku tagħha f’din il-kawża. Anki jekk l-imsemmija investigazzjoni tmexxiet mingħajr il-kunsens u s-sostenn tar-rikorrenti, din tal-aħħar għandha interess ġuridiku li tfittex kumpens għad-dannu li hija allegatament ġarrbet b’konsegwenza jew fil-kuntest ta’ din l-investigazzjoni, sa fejn il-kwistjoni tal-aġir tar-rikorrenti fir-rigward tal-istess investigazzjoni ma jistax, f’dan il-każ, jkollha effett fuq l-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà tar-rikors.

59      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li r-rikors għad-danni ġie stabbilit mit-Trattat FUE u huwa rimedju awtonomu, li għandu l-funzjoni partikolari tiegħu fis-sistema ta’ rimedji u huwa suġġett għal kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju kkonċepiti fid-dawl tal-għan speċifiku tiegħu (sentenza tat-28 ta’ April 1971, Lütticke vs Il-Kummissjoni, 4/69, Ġabra, EU:C:1971:40, punt 6, u digriet tal-21 ta’ Ġunju 1993, Van Parijs et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑257/93, Ġabra, EU:C:1993:249, punt 14). Filwaqt li r-rikors għal annullament u rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni għandhom l-għan li tiġi ssanzjonata l-illegalità ta’ att legalment vinkolanti jew l-assenza ta’ tali att, l-għan tar-rikors għad-danni huwa t-talba għal kumpens ta’ dannu li jirriżulta minn att, irrispettivament minn jekk ikunx legalment vinkolanti jew le, jew minn aġir imputabbli lil istituzzjoni jew lil korp Komunitarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Lulju 1985, CMC et vs Il-Kummissjoni, 118/83, Ġabra, EU:C:1985:308, punti 29 sa 31; tal-15 ta’ Settembru 1994, KYDEP vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑146/91, Ġabra, EU:C:1994:329, punt 26, u tal-15 ta’ Ġunju 1999, Ismeri Europa vs Il-Qorti tal-Awdituri, T‑277/97, Ġabra, EU:T:1999:124, punt 61).

60      L-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors għad-danni ma tistax, għalhekk, tkun affettwata mill-fatt li l-Ombudsman għadu ma ddeċidiex b’mod definittiv f’dak li jirrigwarda ċerti punti li kienu s-suġġett tal-investigazzjoni ex officio tiegħu.

61      Għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi ddikjarat ammissibbli.

II –  Fuq il-mertu

A –  Introduzzjoni

62      Ir-rikorrenti ssostni li r-rekwiżiti meħtieġa sabiex jinstab li hemm responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni huma ssodisfatti f’din il-kawża. F’dak li jirrigwarda l-illegalità tal-aġir tal-Ombudsman, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi insostenn tar-rikors tagħha.

63      Permezz tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti tikkritika lill-Ombudsman talli kiser l-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew 94/262/KEFA, KE, Euratom, tad-9 ta’ Marzu 1994, rigward ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tal-obbligi tal-Ombudsman (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 283), u l-Artikoli 5 u 9.2 tad-dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni adottati mill-Ombudsman skont l-Artikolu 14 tad-Deċiżjoni 94/262 (iktar ’il quddiem id-“dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni”) sa fejn huwa naqas milli jwettaq, wara l-ilment u fl-investigazzjoni ex officio tiegħu, l-investigazzjonijiet kollha meħtieġa sabiex jistabbilixxi l-eżistenza ta’ amministrazzjoni ħażina min-naħa tal-Parlament fil-ġestjoni tal-fajl tagħha.

64      Permezz tat-tieni motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Ombudsman wettaq diversi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni b’tali mod li kkawżalha dannu kemm fil-kuntest tal-eżami tal-mertu tal-ilment u anki wara tali eżami.

65      Permezz tat-tielet motiv, ir-rikorrenti tqis li l-Ombudsman ma kienx imparzjali, kien in mala fides, naqas milli jkun oġġettiv u indipendenti u wettaq użu ħażin ta’ poter kemm fil-kuntest tal-eżami tal-mertu tal-ilment u anki wara tali eżami.

66      Permezz tar-raba’ motiv, ir-rikorrenti ssostni li, fil-kuntest tal-investigazzjonijiet li huwa beda fuq l-ilment, l-Ombudsman kiser il-prinċipji ta’ premura u ta’ amministrazzjoni tajba, l-osservanza ta’ terminu raġonevoli, l-Artikoli 14 u 17 tal-Kodiċi Ewropew ta’ mġiba amministrattiva tajba adottat fuq ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew, tas-6 ta’ Settembru 2001 (ĠU C 72, p. 331, iktar ’il quddiem il-“kodiċi ta’ mġiba tajba”) kif ukoll l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

67      L-Ombudsman jikkontesta kull wieħed minn dawn l-erba’ motivi u jqis li r-rikors tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud għaliex infondat.

B –  Fuq il-ġurisprudenza fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni

68      Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, għal aġir illegali tal-korpi tagħha hija suġġetta għall-eżistenza ta’ numru ta’ rekwiżiti, jiġifieri l-illegalità tal-aġir li hija akkużata bih l-istituzzjoni, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ Settembru 1982, Oleifici Mediterranei vs KEE, 26/81, Ġabra, EU:C:1982:318, punt 16; tad-9 ta’ Novembru 2006, Agraz et vs Il-Kummissjoni, C‑243/05 P, Ġabra, EU:C:2006:708, punt 26, u tat-2 ta’ Marzu 2010, Arcelor vs Il-Parlament u Il-Kunsill, T‑16/04, Ġabra, EU:T:2010:54, punt 139 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69      Minħabba n-natura kumulattiva ta’ dawn ir-rekwiżiti, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu meta wieħed biss minn dawn ir-rekwiżiti ma jkunx issodisfatt (ara s-sentenza Arcelor vs Il-Parlament u Il-Kunsill, punt 68 iktar ’il fuq, EU:T:2010:54, punt 140 u l-ġurisprudenza ċċitata).

70      Fir-rigward tar-rekwiżit dwar l-aġir illegali ta’ istituzzjoni, huwa meħtieġ li jiġi stabbilit ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li l-għan tagħha huwa li tagħti drittijiet lill-individwi (sentenzi tal-4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, C‑352/98 P, Ġabra, EU:C:2000:361, punti 42 u 43, u tad-9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑120/06 P u C‑121/06 P, Ġabra, EU:C:2008:476, punt 173). Għalhekk, huwa biss nuqqas ta’ istituzzjoni li jwassal għal tali ksur suffiċjentement serju li jista’ jagħti lok għar-responsabbiltà tal-Unjoni.

71      Fir-rigward tar-rekwiżit li l-ksur ta’ dispożizzjoni legali għandu jkun suffiċjentement serju, il-kriterju deċiżiv li jippermetti li jiġi kkunsidrat li dan ir-rekwiżit huwa ssodisfatt huwa dak tan-nuqqas ta’ osservanza manifesta u gravi, mill-istituzzjoni kkonċernata, tal-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tagħha. Meta din l-istituzzjoni jkollha biss marġni ta’ diskrezzjoni kunsiderevolment imnaqqas, jew saħansitra ineżistenti, is-sempliċi ksur tad-dritt tal-Unjoni jista’ jkun biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju (ara s-sentenzi tal-10 ta’ Diċembru 2002, Il-Kummissjoni vs Camar u Tico, C‑312/00 P, Ġabra, EU:C:2002:736, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata, u Arcelor vs Il-Parlament u Il-Kunsill, punt 68 iktar ’il fuq, EU:T:2010:54, punt 141 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l-istituzzjoni inkwistjoni, għandu rwol determinanti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tali ksur suffiċjentement serju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs CEVA u Pfizer, C‑198/03 P, Ġabra, EU:C:2005:445, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72      Għalhekk, meta l-Ombudsman ikollu marġni ta’ diskrezzjoni, huwa biss ksur manifest u serju tal-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu li jista’ jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni li jista’ jagħti lok għar-responsabbiltà tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, meta, fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu, l-Ombudsman jkollu biss marġni ta’ diskrezzjoni kunsiderevolment imnaqqas, jekk mhux saħansitra ineżistenti, is-sempliċi ksur tad-dritt tal-Unjoni jista’ jkun biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tali ksur suffiċjentement serju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza M vs L-Ombudsman, punt 55 iktar ’il fuq, EU:T:2008:397, punt 143).

73      Fir-rigward tar-rekwiżit li jgħid li l-għan tad-dispożizzjoni legali għandu jkun li tagħti drittijiet lill-individwi, mill-ġurisprudenza jirriżulta li dan ir-rekwiżit ikun issodisfatt meta l-imsemmija dispożizzjoni tinvolvi vantaġġ li jista’ jiġi kklassifikat bħala dritt kweżit, meta l-funzjoni tagħha tkun li tipproteġi l-interessi tal-individwi u meta din tattribwixxi drittijiet lill-individwi li l-kontenut tagħhom jista’ jiġi faċilment identifikat (ara s-sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2005, Cofradía de pescadores “San Pedro de Bermeo” et vs Il-Kunsill, T‑415/03, Ġabra, EU:T:2005:365, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata). Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li dan ir-rekwiżit huwa ssodisfatt ladarba d-dispożizzjoni legali miksura, filwaqt li essenzjalment tikkonċerna interessi ta’ natura ġenerali, tiżgura wkoll il-protezzjoni tal-interessi individwali tal-persuni kkonċernati (ara s-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2013, Gap granen & producten vs Il-Kummissjoni, T‑437/10, EU:T:2013:248, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

74      F’dan il-każ, għandu għalhekk jiġi vverifikat jekk l-Ombudsman wettaqx l-illegalitajiet allegati waqt it-trattament tal-ilment tar-rikorrenti u waqt l-investigazzjoni ex officio suċċessiva. Fil-każ fejn l-Ombudsman ikun wettaq illegalitajiet, għandu jiġi vverifikat jekk dawn wasslux għal ksur suffiċjentement serju tad-dispożizzjonijiet legali li għandhom l-għan li jagħtu drittijiet lill-individwi.

C –  Fuq l-illegalitajiet allegati

1.     Fuq l-illegalitajiet li jirriżultaw mill-ksur tal-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni 94/262, tal-Artikoli 5 u 9.2 tad-dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni u tal-prinċipji ta’ premura u ta’ amministrazzjoni tajba

a)     Osservazzjonijiet preliminari

75      Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Ombudsman kiser l-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni 94/292 u l-Artikoli 5 u 9.2 tad-dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni sa fejn, fil-kuntest tat-trattament tal-ilment u tal-investigazzjoni ex officio tiegħu, ma wettaqx l-investigazzjonijiet kollha neċessarji sabiex jiżvela u jiċċara l-każijiet ta’ amministrazzjoni ħażina li hija kienet iddenunzjat. Fil-kuntest tal-ewwel ilment tar-raba’ motiv, hija tallega ksur tal-prinċipji ta’ premura u ta’ amministrazzjoni tajba għall-istess raġunijiet. Dawn l-ilmenti għandhom jiġu trattati flimkien.

76      L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li, kif diġà ġie deċiż, l-Ombudsman għandu marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fir-rigward tal-fondatezza tal-ilmenti u tas-segwitu li għandhom jingħataw u li ma għandu, f’dan il-kuntest, l-ebda obbligu li jikseb riżultat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi L-Ombudsman vs Lamberts, punt 55 iktar ’il fuq, EU:C:2004:174, punti 50 u 52, u M vs L-Ombudsman, punt 55 iktar ’il fuq, EU:T:2008:397, punt 143). Għaldaqstant, huwa biss ksur manifest u serju tal-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu fir-rigward tal-fondatezza tal-ilmenti u tas-segwitu li għandhom jingħataw li jista’ jikkostitwixxi ksur tad-dritt tal-Unjoni suffiċjentement serju li jista’ jagħti lok għar-responsabbiltà tal-Unjoni. Dan jgħodd ukoll meta l-Ombudsman jevalwa l-eżistenza ta’ każ ta’ amministrazzjoni ħażina li fir-rigward tiegħu jkun investiga ex officio.

77      Barra minn hekk, fir-rigward tal-eżistenza tas-setgħat ta’ investigazzjoni tal-Ombudsman, għandu jitfakkar li mill-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni 94/262 jirriżulta li l-Ombudsman għandu, fuq ilment jew ex officio, iwettaq kull investigazzjonijiet “li tidhirlu ġustifikabbli” sabiex jiċċara kull każ eventwali ta’ amministrazzjoni ħażina fl-aġir tal-istituzzjonijiet u tal-Korpi tal-Unjoni. L-Artikolu 4.1 tad-dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni jipprevedi li l-Ombudsman jiddeċiedi jekk jeżistux elementi suffiċjenti li jiġġustifikaw li tinfetaħ investigazzjoni fir-rigward ta’ lment ammissibbli. Barra minn hekk, l-Artikolu 5 tal-imsemmija dispożizzjonijiet jiddefinixxi s-setgħat ta’ investigazzjoni tal-Ombudsman billi jindika li l-Ombudsman “jista’”, b’mod partikolari, jitlob lill-istituzzjonijiet u lill-korpi tal-Unjoni jipprovdu informazzjoni jew jispezzjona l-fajl tal-istituzzjoni jew tal-korp ikkonċernat. Skont l-Artikolu 9.2 ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, l-Ombudsman għandu l-istess setgħat ta’ investigazzjoni fir-rigward tal-investigazzjonijiet ex officio.

78      Għalhekk, skont l-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni 94/262 u l-Artikoli 4.1, 5 u 9.2 tad-dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni, l-Ombudsman għandu wkoll marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-bidu u tal-portata tal-investigazzjonijiet li għandhom jitwettqu kif ukoll fir-rigward tal-mezzi ta’ investigazzjoni li għandhom jintużaw waqt it-trattament ta’ lment jew fil-kuntest ta’ investigazzjoni ex officio.

79      Minn dan isegwi, fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 70 et seq iktar ’il fuq, li huwa biss ksur manifest u serju tal-limiti tas-setgħa ta’ investigazzjoni mogħtija lilu mill-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni 94/262 u mill-Artikoli 4.1, 5 u 9.2 tad-dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni li jista’ jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju li jista’ jagħti lok għar-responsabbiltà tal-Unjoni.

80      Madankollu, l-Ombudsman għandu jeżerċita s-setgħa diskrezzjonali tiegħu fil-qasam ta’ investigazzjoni fl-osservanza tar-regoli superjuri tad-dritt tal-Unjoni.

81      Issa, l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li jissanċixxi dritt għal amministrazzjoni tajba jipprevedi li kull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni. L-Artikolu 41(2) tal-imsemmija karta jispeċifika li l-imsemmi dritt jinkludi b’mod partikolari d-dritt ta’ kull persuna li tinstema’, qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura individwali li taffettwaha negattivament, id-dritt ta’ kull persuna li jkollha aċċess għall-fajl li jikkonċernaha, filwaqt li jiġu rrispettati l-interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità u tas-segretezza professjonali u tan-negozju, kif ukoll l-obbligu għall-amministrazzjoni li tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħha.

82      Il-kliem “jinkludi [b’mod partikolari]” f’din id-dispożizzjoni jindika li d-dritt għal amministrazzjoni tajba ma huwiex limitat għat-tliet garanziji ċċitati iktar ’il fuq. Dan jirriżulta wkoll mill-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17) li jispeċifikaw li l-Artikolu 41 huwa bbażat fuq l-eżistenza tal-Unjoni bħala komunità bbażata fuq l-istat tad-dritt li l-karatteristiċi tiegħu ġew żviluppati fil-ġurisprudenza li stabbilixxiet, b’mod partikolari, l-amministrazzjoni tajba bħala prinċipju ġenerali tad-dritt.

83      L-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jagħmlu b’mod partikolari riferiment għall-ġurisprudenza li tgħid li fil-każijiet fejn istituzzjoni tal-Unjoni jkollha setgħa diskrezzjonali wiesgħa, l-istħarriġ tal-osservanza tal-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi huwa ta’ importanza fundamentali. Fost dawn il-garanziji hemm b’mod partikolari l-osservanza tal-prinċipju ta’ diliġenza, jiġifieri, l-obbligu li l-istituzzjoni kompetenti teżamina, b’reqqa u b’imparzjalità, l-elementi kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, Ġabra, EU:C:1991:438, punt 14; tas-6 ta’ Novembru 2008, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, C‑405/07 P, Ġabra, EU:C:2008:613, punt 56, u tad-9 ta’ Settembru 2011, Dow AgroSciences et vs Il-Kummissjoni, T‑475/07, Ġabra, EU:T:2011:445, punt 154).

84      F’dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat li l-osservanza tad-dmir tal-istituzzjoni inkwistjoni li tiġbor, b’mod diliġenti, l-elementi fattwali indispensabbli għall-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħha, kif ukoll l-istħarriġ f’dan ir-rigward mill-qorti tal-Unjoni huma iktar u iktar importanti meta l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali jkun suġġett biss għal stħarriġ ġudizzjarju limitat fir-rigward tal-mertu, stħarriġ li jkopri biss l-eżistenza ta’ żball manifest. Għalhekk, l-obbligu li l-istituzzjoni kompetenti teżamina b’reqqa u b’imparzjalità l-elementi rilevanti kollha tal-każ ineżami jikkostitwixxi kundizzjoni preliminari indispensabbli sabiex il-qorti tal-Unjoni tkun tista’ tivverifika jekk il-punti ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom jiddependi l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa kinux issodisfatti [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Ottubru 2009, Enviro Tech (Europe), C‑425/08, Ġabra, EU:C:2009:635, punti 47 u 62; tal-11 ta’ Settembru 2002, Pfizer Animal Health vs Il-Kunsill, T‑13/99, Ġabra, EU:T:2002:209, punti 166 u 171, u tas-16 ta’ Settembru 2013, ATC et vs Il-Kummissjoni, T‑333/10, Ġabra, EU:T:2013:451, punt 84].

85      Għaldaqstant, il-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lill-Ombudsman mid-Deċiżjoni 94/262 u mid-dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni fir-rigward tal-miżuri ta’ investigazzjoni li għandhom jiġu adottati għat-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu ma jeżentahx mill-obbligu ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ diliġenza. Minn dan isegwi li, għalkemm l-Ombudsman jista’ jiddeċiedi liberament li jibda investigazzjoni u għalkemm, jekk jiddeċiedi li jagħmel dan, huwa jista’ jadotta l-miżuri ta’ investigazzjoni kollha li jqis iġġustifikati, madankollu huwa għandu jiżgura ruħu li, wara dawn il-miżuri ta’ investigazzjoni, huwa jkun f’pożizzjoni li jeżamina, bir-reqqa u b’imparzjalità, l-elementi kollha rilevanti sabiex jiddeċiedi dwar il-fondatezza ta’ allegazzjoni dwar każ ta’ amministrazzjoni ħażina u dwar l-eventwali segwitu li għandu jingħata lil dawn l-allegazzjonijiet (ara, b’analoġija mad-dmir ta’ investigazzjoni ta’ ilment mill-Kummissjoni, is-sentenza tas-17 ta’ Mejju 2001, IECC vs Il-Kummissjoni, C‑450/98 P, Ġabra, EU:C:2001:276, punt 57). L-osservanza tal-prinċipju ta’ diliġenza mill-Ombudsman fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu huwa iktar u iktar importanti peress li huwa ngħata speċifikatament, abbażi tal-Artikolu 228(1) TFUE, u tal-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni 94/262, il-kompitu li jiżvela u li jipprova jelimina każijiet ta’ amministrazzjoni ħażina fl-interess ġenerali u fl-interess taċ-ċittadin ikkonċernat.

86      Għalhekk, l-Ombudsman ma għandux marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-osservanza, f’każ partikolari, tal-prinċipju ta’ diliġenza. Konsegwentement, sempliċi ksur tal-prinċipju ta’ diliġenza huwa suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 70 iktar ’il fuq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2007, Schneider Electric vs Il-Kummissjoni, T‑351/03, Ġabra, EU:T:2007:212, punti 117 u 118).

87      Madankollu, għandu jiġi enfasizzat ukoll li kull irregolarità mwettqa mill-Ombudsman ma tikkostitwixxix ksur tal-prinċipju ta’ diliġenza kif iddefinit fil-punt 83 iktar ’il fuq. Hija biss irregolarità mwettqa mill-Ombudsman fl-eżerċizzju tas-setgħat ta’ investigazzjoni tiegħu li l-konsegwenza tagħha tkun li huwa ma setax jeżamina, b’reqqa u imparzjalità, l-elementi kollha rilevanti sabiex jiddeċiedi dwar il-fondatezza ta’ allegazzjoni dwar każ ta’ amministrazzjoni ħażina min-naħa ta’ istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni u dwar l-eventwali segwitu li għandu jingħata lil din l-allegazzjoni li tista’ tagħti lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni minħabba ksur tal-prinċipju ta’ diliġenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2001, Comafrica u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, T‑198/95, T‑171/96, T‑230/97, T‑174/98 u T‑225/99, Ġabra, EU:T:2001:184, punt 144).

88      It-tieni nett, fir-rigward tar-rekwiżit li jgħid li d-dispożizzjoni legali li tagħha qed jiġi allegat il-ksur għandu jkollha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi, għandu jitfakkar li l-ġurisprudenza speċifikat li r-rekwiżit dwar in-natura protettriċi jkun issodisfatt ladarba d-dispożizzjoni legali miksura, filwaqt li essenzjalment tikkonċerna interessi ta’ natura ġenerali, kienet tiżgura wkoll il-protezzjoni tal-interessi individwali tal-persuni kkonċernati (ara l-punt 71 iktar ’il fuq). Issa, fir-rigward tal-prinċipju ta’ diliġenza jew tad-dritt għal amministrazzjoni tajba, dan il-prinċipju u dan id-dritt huma evidentement ta’ natura protettriċi fir-rigward tal-individwi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Settembru 1995, Nöllevs Il‑Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑167/94, Ġabra, EU:T:1995:169, punt 76, u tad-9 ta’ Lulju 1999, New Europe Consulting u Brown vs Il-Kummissjoni, T‑231/97, Ġabra, EU:T:1999:146, punt 39). Dan jgħodd ukoll fir-rigward tar-regoli li jirregolaw l-investigazzjonijiet tal-Ombudsman, dawn ir-regoli jippermettu li individwu jressaq l-ilmenti dwar każijiet ta’ amministrazzjoni ħażina u li jkun informat bir-riżultati tal-investigazzjonijiet mwettqa f’dan ir-rigward mill-Ombudsman (ara, f’dan is-sens, is-sentenza L-Ombudsman vs Lamberts, punt 55 iktar ’il fuq, EU:C:2004:174, punt 56).

b)     Fuq l-illegalitajiet li jirriżultaw mill-ksur tal-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni 94/262, tal-Artikoli 5 u 9.2 tad-dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni u tal-prinċipji ta’ premura u ta’ amministrazzjoni tajba fil-kuntest tal-investigazzjonijiet dwar id-deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2007

–       Introduzzjoni

89      Fl-ewwel parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti tikkritika lill-Ombudsman talli wettaq illegalitajiet fil-kuntest tal-eżami tal-ilment li wassal għad-deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2007.

 Fuq l-eżistenza ta’ illegalitajiet

90      L-ewwel nett, ir-rikorrenti tikkritika lill-Ombudsman talli ma insistiex mal-Parlament biex jikseb ċerti dokumenti li l-Parlament kellu u li huwa ma kienx irċieva. Għall-evalwazzjoni ta’ dan l-ilment għandhom jitfakkru l-fatti li ġejjin.

91      Fit-30 ta’ Ġunju 2007, wara l-ilment, l-Ombudsman iddeċieda li jinvestiga l-allegazzjonijiet u t-talbiet li ġejjin: “[i]l-Parlament ma trattax b’mod korrett l-applikazzjoni tar-[rikorrenti] wara li isimha ġie inkluż fil-[lista ta’ kandidati xierqa li rriżultat mill-Kompetizzjoni ġenerali EUR/A/151/98]” u “[i]r-[rikorrenti] għandha tiġi trattata b’mod ġust meta tkun qed timtela pożizzjoni fi ħdan l-istituzzjonijiet Komunitarji”.

92      Fil-kuntest ta’ din l-investigazzjoni, l-Ombudsman iddeċieda li jispezzjona l-fajls tal-Parlament f’dak li jirrigwarda l-punti li ġejjin:

“1)      insir naf jekk, wara li isem ir-[rikorrenti] ġie miżjud fil-lista [ta’ kandidati xierqa li rriżultat mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98] (fis-17 ta’ Mejju 2005), il-Parlament impjegax amministraturi fil-lingwa Franċiża bl-istatus ta’ uffiċjali jew ta’ membri tal-persunal temporanju li isimhom jidher fuq listi oħra [ta’ kandidati xierqa];

2)      fil-każ ta’ risposta pożittiva, insir naf jekk il-fajl tar-[rikorrenti] itteħidx inkunsiderazzjoni (u kif); f’dan ir-rigward, nixtieq li jkolli aċċess, b’mod partikolari, għad-deċiżjonijiet immotivati rilevanti relatati mas-selezzjoni (inklużi n-noti komparattivi tal-klassifikazzjoni u tal-merti tal-kandidati);

3)      insir naf jekk l-istituzzjonijiet Komunitarji l-oħra ġewx informati bid-deċiżjoni tal-Parlament li isem ir-[rikorrenti] jiġi inkluż fil-lista [ta’ kandidati xierqa li rriżultat mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98] wara li din ġiet eżawrita (wara r-reklutaġġ tal-kandidati kollha tal-lista) u b’liema mod ġew informati;

4)      il-Parlament donnu jsostni li l-lista [ta’ kandidati xierqa] li fuqa żdied isem ir-[rikorrenti] (ta’ Mejju 2005) intbgħatet lid-DĠ kollha u li din tidher ukoll fil-ġabra tal-listi fis-seħħ mibgħuta kull sena lid-DĠ”.

93      Mir-rapport ta’ spezzjoni jirriżulta li r-rappreżentanti tal-Parlament għamlu osservazzjonijiet fuq kull wieħed mid-dokumenti li jinsabu fil-“fajls” ippreparati għall-ispezzjoni. L-imsemmija osservazzjonijiet madankollu ma humiex riprodotti fir-rapport. Barra minn hekk il-“fajls” inkwistjoni kienu jinkludu d-dokumenti li ġejjin:

“1)      lista ta’ persuni rreklutati bħala amministratur mill-Parlament […] mill-1 ta’ Mejju 2005;

2)      dokument intitolat “pooling” iddistribwit mill-EPSO, li jindika n-numru ta’ kandidati li għad fadal fuq il-listi [ta’ kandidati xierqa] li rriżultaw mill-kompetizzjonijiet kollha organizzati mid-diversi istituzzjonijiet tal-Unjoni […];

3)      posta elettronika indirizzata mill-Parlament lill‑Kunsill, li magħha kienu mehmuża l-curriculum vitae u l-kandidatura tar-[rikorrenti];

4)      lista tar-reklutaġġi kollha mwettqa mill-Parlament minn Mejju 2005 (livell AD 5);

5)      lista tar-reklutaġġi kollha mwettqa mill-Parlament minn Mejju 2005 (livell ikkonfermat);

6)      lista tar-reklutaġġi kollha ta’ persuni li jitkellmu bil-Franċiż mwettqa mill-Parlament minn Mejju 2005 (livell AD 5);

7)      dokument intitolat ‘Sitwazzjoni tal-listi [ta’ kandidati xierqa] tal-kompetizzjonijiet tal-PE’;

8)      lista ta’ membri tal-persunal temporanju li jokkupaw pożizzjonijiet permanenti mal-Parlament.”

94      Dawn id-dokumenti kollha ġew ikkunsidrati kunfidenzjali matul il-proċedura amministrattiva. Madankollu, fil-kontroreplika, l-Ombudsman hemeż kopja tad-dokument tal-EPSO tal-14 ta’ Mejju 2007 intitolat “Pooling irriżervat għall-kandidati li għaddew mill-kompetizzjoni” (id-dokument “pooling” tal-14 ta’ Mejju 2007) li ċerti partijiet kunfidenzjali tiegħu ġew imħassra. F’dan id-dokument, hemm indikat, fir-rigward tal-Kompetizzjoni EUR/A/151/98, għall-qasam intitolat “Amministratur FR” li lista ta’ kandidati xierqa kienet inħolqot fit-12 ta’ Jannar 2000 u li kien għad fadal biss persuna waħda mniżżla fuq l-imsemmija lista. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-9/12, ir-rikorrenti rċeviet komunikazzjoni mill-Parlament tad-dokumenti kollha li jinsabu fl-imsemmija “fajls”. Fis-6 ta’ Ġunju 2012, ir-rikorrenti pproduċiet dawn id-dokumenti f’din il-kawża.

95      Ir-rikorrenti tosserva li, wara t-talba magħmula fil-kuntest tal-ewwel tliet mistoqsijiet tiegħu riprodotti fil-punt 92 iktar ’il fuq, l-Ombudsman ma kisibx l-ittri ta’ informazzjoni dwar it-tniżżil ta’ isimha fil-lista ta’ kandidati xierqa li rriżultat mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98. Hija tikkritika lill-Ombudsman talli ma insistiex mal-Parlament sabiex jiksibhom.

96      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Ombudsman ma talabx espliċitament biex jingħata aċċess għall-ittri ta’ informazzjoni inkwistjoni. Huwa staqsa jekk “l-istituzzjonijiet Komunitarji l-oħra ġewx informati bid-deċiżjoni tal-Parlament li isem ir-[rikorrenti] jiġi inkluż fil-lista [ta’ kandidati xierqa li rriżultat mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98] wara li din ġiet eżawrita (wara r-reklutaġġ tal-kandidati kollha tal-lista) u b’liema mod ġew informati” Għalhekk, il-Parlament seta’ juri b’kull mezz possibbli li huwa kien informa lill-istituzzjonijiet l-oħra bid-deċiżjoni tiegħu li jinkludi isem ir-rikorrenti fl-imsemmija lista ta’ kandidati xierqa. Għaldaqstant, l-Ombudsman ma jistax jiġi kkritikat talli ma insistiex sabiex jikseb speċifikament dawn l-ittri ta’ informazzjoni. Għaldaqstant, dan l-ilment tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud għaliex infondat.

97      Ir-rikorrenti tikkritika wkoll lill-Ombudsman talli ma kellux in-noti komparattivi tal-klassifikazzjoni u tal-merti tal-kandidati li huwa kien talab lill-Parlament.

98      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, fil-punt 2 tal-miżuri ta’ investigazzjoni adottati mill-Ombudsman fit-30 ta’ Ġunju 2007 (ara l-punt 92 iktar ’il fuq), l-Ombudsman indika li kien biss jekk il-Parlament kien impjega amministraturi fil-lingwa Franċiża bl-istatus ta’ uffiċjali jew membri tal-persunal temporanju li isimhom kien imniżżel fuq listi oħra ta’ kandidati xierqa wara ż-żieda ta’ isem ir-rikorrenti fil-lista ta’ kandidati xierqa li rriżultat mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98, li huwa kien interessat li jkollu aċċess għad-deċiżjonijiet immotivati rilevanti relatati mas-selezzjoni, inklużi n-noti komparattivi tal-klassifikazzjoni u tal-merti tal-kandidati. Minn dan isegwi li, fl-assenza ta’ reklutaġġ mill-Parlament ta’ amministraturi fil-lingwa Franċiża bħar-rikorrenti, it-tieni miżura ta’ investigazzjoni ma għadx għandha skop.

99      Issa, huwa paċifiku li, waqt l-ispezzjoni, il-Parlament ipprovda lill-Ombudsman il-listi, l-ewwel nett, tal-persuni rreklutati bħala amministratur mill-Parlament Ewropew mill-1 ta’ Mejju 2005, it-tieni nett, tar-reklutaġġi kollha mwettqa mill-Parlament minn Mejju 2005 (livell AD 5), it-tielet nett, tar-reklutaġġi kollha mwettqa mill-Parlament minn Mejju 2005 (livell ikkonfermat), u, ir-raba’ nett, tar-reklutaġġi kollha ta’ persuni li jitkellmu bil-Franċiż mwettqa mill-Parlament minn Mejju 2005 (livell AD 5). Dawn il-listi ġew prodotti mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ din il-kawża fis-6 ta’ Ġunju 2012. Abbażi ta’ dawn il-listi, l-Ombudsman ikkonkluda, fid-deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2007, li, minn Mejju 2005, il-Parlament kien irrekluta biss amministraturi fil-lingwa Franċiża speċjalizzati f’oqsma speċifiċi. Ir-rikorrenti la allegat u lanqas ma pprovat, wara l-komunikazzjoni ta’ dawn il-listi li din l-evalwazzjoni tal-Ombudsman kienet żbaljata. Konsegwentement, l-Ombudsman ma jistax jiġi kkritikat talli ma nsistiex li jkollu f’idejh l-imsemmija noti komparattivi tal-klassifikazzjoni u tal-merti tal-kandidati.

100    It-tieni nett, ir-rikorrenti tqis li l-evalwazzjoni li tinsab fil-punt 2.5 tad-deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2007 tirriżulta minn investigazzjoni magħluqa mingħajr ma saru l-verifiki meħtieġa u hija żbaljata.

101    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, fil-punt 2.5 tad-deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2007, l-Ombudsman qies dan li ġej:

“Barra minn hekk, l-ispezzjoni kkonfermat dak li l-Parlament kien diġà indika fl-opinjoni tiegħu, jiġifieri li l-lista ta’ kandidati xierqa li kienet tindika d-disponibbiltà tar-[rikorrenti] kienet tqiegħdet għad-dispożizzjoni ta’ istituzzjonijiet Komunitarji oħra. L-ispezzjoni kkonfermat ukoll li l-curriculum vitae tagħha kien intbagħat lid-dipartiment li kien talab informazzjoni fir-rigward tagħha, jiġifieri l-Kunsill […]”.

102    Qabel kollox, ir-rikorrenti tikkritika lill-Ombudsman talli b’mod żbaljat iddikjara li fl-opinjoni tiegħu tat-22 ta’ Marzu 2007 l-Parlament kien indika li l-lista ta’ kandidati xierqa li fuqha kien hemm imniżżel isimha kienet tqiegħdet għad-dispożizzjoni ta’ istituzzjonijiet oħra. Din l-akkuża hija fondata. Fil-fatt, fl-imsemmija opinjoni l-Parlament ma indikax li l-imsemmija lista ta’ kandidati xierqa kienet tqiegħdet għad-dispożizzjoni ta’ istituzzjonijiet oħra. L-Ombudsman jammetti li dan kien il-każ u li wettaq żball f’dan ir-rigward. L-imsemmi żball ikkonsista fi żnaturament tal-kontenut ta’ dokument, u dan jikkostitwixxi nuqqas ta’ diliġenza fl-istruttorja tal-fajl u, b’mod partikolari, fit-teħid inkunsiderazzjoni ta’ fatt li l-Ombudsman innifsu qies rilevanti.

103    Sussegwentement, ir-rikorrenti tikkritika lill-Ombudsman talli għalaq l-investigazzjoni minkejja l-fatt li l-fajl ta’ spezzjoni ma kien fih l-ebda prova li l-lista ta’ kandidati xierqa inkwistjoni kienet tqiegħdet għad-dispożizzjoni ta’ istituzzjonijiet, korpi u organi oħra tal-Unjoni. Skont ir-rikorrenti, id-dokument “pooling” tal-14 ta’ Mejju 2007 invokat mill-Ombudsman ma kienx jippermetti li jiġi pprovat it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-lista ta’ kandidati xierqa lill-istituzzjonijiet l-oħra qabel din id-data.

104    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Ombudsman kien iddeċieda li jispezzjona l-fajls tal-Parlament sabiex, b’mod partikolari, “[isir jaf] jekk l-istituzzjonijiet Komunitarji l-oħra [kinux ġew] informati bid-deċiżjoni tal-Parlament li isem ir-[rikorrenti] jiġi inkluż fil-lista [ta’ kandidati xierqa li rriżultat mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98] wara li din [kienet] ġiet eżawrita (wara r-reklutaġġ tal-kandidati kollha tal-lista) u b’liema mod ġew informati” (ara l-punt 92 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, waqt is-seduta l-partijiet ikkonfermaw li isem ir-rikorrenti ġie miżjud fl-imsemmija lista fis-17 ta’ Mejju 2005. F’din id-data, kif issostni r-rikorrenti fl-ilment, il-kandidati l-oħra kollha li kienu għaddew mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98 kienu ġew irreklutati. Għalhekk, l-Ombudsman staqsa jekk l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi l-oħra tal-Unjoni kinux ġew informati bid-deċiżjoni tal-Parlament tas-17 ta’ Mejju 2005 li isem ir-rikorrenti jiġi inkluż fl-istess lista u b’liema mod ġew informati.

105    Bi tweġiba għal din il-mistoqsija, il-Parlament ipprovda lill-Ombudsman lista li tinsab fid-dokument “pooling” tal-14 ta’ Mejju 2007. Minn din il-lista jirriżulta li, fl-14 ta’ Mejju 2007, fil-lista ta’ kandidati xierqa li rriżultat mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98 kien għad fadal biss l-isem ta’ kandidat wieħed. Peress li l-kandidati l-oħra kollha li għaddew mill-imsemmija kompetizzjoni kienu ġew irreklutati qabel is-17 ta’ Mejju 2005, l-Ombudsman kellu jiddeduċi minn dan id-dokument li, fl-14 ta’ Mejju 2007, ir-rikorrenti kienet dak l-uniku kandidat li ismu kien għadu mniżżel fuq l-imsemmija lista. Fil-fatt, peress li d-dokument “pooling” tal-14 ta’ Mejju 2007 seta’ jiġi kkonsultat mill-istituzzjonijiet, mill-korpi u mill-organi l-oħra tal-Unjoni, dawn tal-aħħar kienu f’pożizzjoni li jkunu jafu, minn tal-inqas fl-14 ta’ Mejju 2007, li r-rikorrenti kienet l-aħħar kandidat li għadda li ismu kien imniżżel fuq din il-lista ta’ kandidati xierqa.

106    Madankollu, hekk kif jammetti l-Ombudsman fir-risposta, id-dokument “pooling” tal-14 ta’ Mejju 2007 ma jippermettix li jsir magħruf meta u b’liema mod il-Parlament ikkomunika t-tniżżil ta’ isem ir-rikorrenti fil-lista ta’ kandidati xierqa li rriżultat mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98 lill-istituzzjonijiet, lill-korpi u lill-organi l-oħra tal-Unjoni.

107    Issa, fid-deċiżjoni ta’ spezzjoni, l-Ombudsman indika b’mod espliċitu li kien spezzjona l-fajl tal-Parlament sabiex isir jaf jekk l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi l-oħra tal-Unjoni kinux ġew informati bid-deċiżjoni tal-Parlament li isem ir-rikorrenti jiġi inkluż fil-lista ta’ kandidati xierqa li rriżultat mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98 wara li din ġiet eżawrita u b’liema mod ġew informati.

108    Barra minn hekk, it-tweġiba għall-mistoqsija dwar meta u kif l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni ġew informati bit-tniżżil ta’ isem ir-rikorrenti fil-lista ta’ kandidati xierqa li rriżultat mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98 hija wieħed mill-elementi rilevanti li jifformaw parti mis-suġġett tal-investigazzjoni tal-Ombudsman dwar il-kwistjoni ta’ jekk il-Parlament, fit-trattament tal-fajl tar-rikorrenti wara tali tniżżil, kienx responsabbli għal każ ta’ amministrazzjoni ħażina. Fil-fatt, peress li l-validità tal-imsemmija lista kienet inizjalment tiskadi fl-1 ta’ Ġunju 2007 u peress li l-komunikazzjoni ta’ din il-lista mill-Parlament lill-istituzzjonijiet, lill-korpi u lill-organi l-oħra tal-Unjoni setgħet tikkontribwixxi għat-titjib tal-opportunità li r-rikorrenti tiġi rreklutata, l-assenza ta’ komunikazzjoni mill-Parlament tal-imsemmija lista lill-istituzzjonijiet, lill-korpi u lill-organi l-oħra tal-Unjoni fl-iqsar żmien possibbli wara t-tniżżil, fis-17 ta’ Mejju 2005, ta’ isem ir-rikorrenti f’din il-lista setgħet tikkostitwixxi każ ta’ amministrazzjoni ħażina, u dan indipendentement mill-eżistenza ta’ dispożizzjoni espliċità fil-kuntest leġiżlattiv applikabbli li jimponi tali komunikazzjoni.

109    Konsegwentement, billi naqas, fil-kuntest tal-investigazzjoni tiegħu, milli jinvestiga l-kwistjoni ta’ meta u b’liema mod il-Parlament kien ikkomunika t-tniżżil ta’ isem ir-rikorrenti fil-lista ta’ kandidati xierqa li rriżultat mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98 lill-istituzzjonijiet, lill-korpi u lill-organi l-oħra tal-Unjoni, l-Ombudsman naqas mid-dmir tiegħu ta’ diliġenza fl-eżami tal-kwistjoni ta’ jekk u b’liema mod l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni kienu ġew informati bit-tniżżil ta’ isem ir-rikorrenti fl-imsemmija lista bejn is-17 ta’ Mejju 2005 u l-14 ta’ Mejju 2007, jiġifieri matul parti kbira mill-perijodu ta’ validità ta’ din il-lista.

110    Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkonfutata mid-diversi argumenti tal-Ombudsman.

111    Fir-rigward tal-argument li jgħid li r-rapport ta’ spezzjoni mhux neċessarjament jinkludi lista eżawrjenti tad-dokumenti kollha li jinsabu fil-fajl, iżda jelenka biss id-dokumenti li tagħhom ir-rappreżentanti tal-Ombudsman kienu rċevew kopja, għandu jiġi kkonstatat li, fid-deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2007, l-Ombudsman la jindika li kien talab dawn id-dokumenti l-oħra, u lanqas ma jsemmihom. Barra minn dan, l-Ombudsman ma pproduċiex dawn id-dokumenti matul is-seduta minkejja li għandu l-oneru tal-prova peress li jinvokahom biex jiġġustifika l-imsemmija deċiżjoni. Fl-aħħar nett, l-Ombudsman jammetti li l-imsemmi fajl ma kienx jinkludi dokumenti oħra, sa fejn fir-risposta jqis li “[l]-assenza, fil-fajl tal-Parlament, ta’ ittri jew ta’ posta elettronika li jinformaw lill-istituzzjonijiet l-oħra setgħet tiġi spjegata mill-fatt li din l-informazzjoni kienet ġiet ikkomunikata b’mod orali”. Konsegwentement, l-argument tal-Ombudsman ma jistax jikkonfuta l-konstatazzjoni li tgħid li, wara l-investigazzjoni tiegħu, huwa ma kellux l-elementi rilevanti kollha meħtieġa sabiex ikun jista’ jevalwa debitament l-eżistenza ta’ amministrazzjoni ħażina.

112    Fir-rigward tal-argument li jgħid li, f’ittra tas-26 ta’ April 2007, l-EPSO kien indika lir-rikorrenti, li, “matul il-laqgħat li huwa [kien] regolarment ikollu mal-persuni responsabbli mir-reklutaġġ fid-diversi istituzzjonijiet, huma [kienu] sistematikament jiskambjaw informazzjoni dwar l-istat tal-listi tagħhom ta’ kandidati xierqa u [kienu] ta’ spiss iqiegħdu kandidati għad-dispożizzjoni tal-oħrajn”, għandu jiġi osservat li, fid-deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2007, l-Ombudsman ma semmiex din il-prattika. Barra minn dan, minn din id-dikjarazzjoni ma jistax jiġi dedott li l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi l-oħra tal-Unjoni kienu ġew informati bit-tniżżil ta’ isem ir-rikorrenti fil-lista ta’ kandidati xierqa li rriżultat mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98. Għaldaqstant, għalkemm din il-prattika ta’ komunikazzjoni orali hija tabilħaqq minnha, xorta jibqa’ l-fatt li l-Ombudsman ma setax jillimita ruħu għal dan il-fatt biex jikkonkludi li, f’dan il-każ, il-Parlament kien informa fi żmien xieraq lill-istituzzjonijiet, lill-korpi u lill-organi l-oħra tal-Unjoni bid-disponibbiltà tar-rikorrenti.

113    Fl-aħħar nett, abbażi tad-diversi dokumenti msejħa ta’ “pooling“ li l-Ombudsman hemeż mat-tweġiba tiegħu għall-mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, għandu jiġi osservat li l-informazzjoni dwar t-tniżżil ta’ isem il-kandidati li għaddew mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98 fil-lista ta’ kandidati xierqa li rriżultat mill-imsemmija kompetizzjoni ikkomunikata fid-dokumenti msejħa ta’ “pooling” stabbiliti mill-EPSO ma hijiex kompletament affidabbli. Għalhekk, huwa paċifiku li isem ir-rikorrenti tniżżel fl-imsemmija lista fis-17 ta’ Mejju 2005 u mid-dokumenti tal-Parlament prodotti matul is-seduta mill-Ombudsman jirriżulta li t-22 kandidat inizjali li għaddew minn din il-kompetizzjoni kollha ġew irreklutati qabel il-31 ta’ Diċembru 2002, ħlief għal kandidat wieħed li ġie rreklutat fl-1 ta’ Ġunju 2003. Issa, minkejja l-fatt li fi Frar 2003 kien hemm biss kandidat wieħed li għadda minn din il-kompetizzjoni li ismu kien għadu mniżżel fuq din il-lista, id-dokument tal-EPSO tat-3 ta’ Frar 2003 jindika li l-ismijiet ta’ sitt kandidati li għaddew kienu għadhom inklużi fl-istess lista f’din id-data. Bl-istess mod, f’Jannar 2005, l-ebda isem ta’ kandidat li għadda mill-kompetizzjoni inkwistjoni ma kellu jkun għadu jidher fuq il-lista inkwistjoni. Għaldaqstant, skont id-dokument tal-EPSO tas-26 ta’ Jannar 2005, f’dik id-data, kien għad fadal żewġ ismijiet ta’ kandidati li għaddew imniżżla fl-imsemmija lista. Fl-aħħar nett, wara s-17 ta’ Mejju 2005, isem ir-rikorrenti biss kellu jkun għadu jidher fuq il-lista inkwistjoni. Madankollu, id-dokument tal-EPSO tat-12 ta’ Diċembru 2005 jindika li fil-lista kkonċernata kien għad fadal żewġ ismijiet ta’ kandidati li għaddew.

114    It-tielet nett, ir-rikorrenti tikkontesta l-evalwazzjoni riprodotta fil-punt 1.1 tad-deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2007 li tagħlaq l-investigazzjoni mibdija b’konsegwenza tal-ilment. Ir-rikorrenti tqis li l-Ombudsman, żbaljatament, naqas milli jinvestiga l-atitudni kontradittorja tal-Parlament li, minn naħa, ċaħad il-kandidatura spontanja tagħha u, min-naħa l-oħra, indika li hija kienet libera li tibgħat kandidaturi spontanji lill-istituzzjonijiet kollha.

115    Fir-rigward ta’ dan l-ilment, għandhom jitfakkru l-elementi li ġejjin.

116    Skont l-Artikolu 2(4) tad-Deċiżjoni 94/262, ilment ippreżentat quddiem l-Ombudsman għandu jkun ippreċedut minn proċeduri amministrattivi xierqa mal-istituzzjonijiet u mal-korpi konċernati.

117    F’dan il-każ, wara talba għal informazzjoni mressqa mir-rikorrenti quddiem il-Parlament fir-rigward tal-proċedura li għandha tiġi segwita sabiex tapplika għall-pożizzjonijiet vakanti, il-Parlament indikalha, f’ittra tal-5 ta’ Jannar 2006, li, fil-kuntest tal-mili ta’ pożizzjonijiet vakanti, għandhom jiġu eżaminati suċċessivament, l-ewwel il-possibbiltajiet ta’ trasferiment jew ta’ ħatra abbażi tal-promozzjoni fi ħdan l-istituzzjoni kkonċernata u, sussegwentement, it-talbiet ta’ trasferiment jew il-possibbiltajiet li tiġi organizzata kompetizzjoni interna u li kien biss wara li dawn il-possibbiltajiet jiġu eżawriti li l-lista ta’ kandidati xierqa li tirriżulta minn kompetizzjoni ġenerali setgħet tiġi kkonsultata. Barra minn hekk, il-Parlament indika li l-kandidaturi tal-kandidati li għaddew mill-kompetizzjonijiet ġenerali għall-pożizzjonijiet vakanti elenkati fis-sommarju kienu jiġu miċħudha ex officio għaliex inammissibbli.

118    Fl-ilment, ir-rikorrenti indikat li “[hija kienet] indirizzat lill-Parlament biex issir taf il-proċedura li għandha tiġi segwita sabiex tiġi maħtura” u li “[d]an tal-aħħar [kien] indikalha li, jekk tapplika għal pożizzjonijiet vakanti, il-kandidatura [tagħha] kienet ser tkun miċħuda awtomatikament, sa fejn l-uffiċjali u l-kandidati li għaddew minn kompetizzjonijiet interni jingħataw il-preċedenza”. Wara dan hija lmentat li hija lanqas ma kellha proposta waħda għal pożizzjoni u indikat li hija fermament konvinta li hija l-vittma tal-ispirtu vendikattiv tal-Parlament.

119    Fl-opinjoni tiegħu bi tweġiba għall-ilment, il-Parlament qies li r-rikorrenti kienet libera li tibgħat kandidaturi spontanji lill-istituzzjonijiet kollha.

120    Fl-aħħar nett, fil-punt 1.1 tad-deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2007, l-Ombudsman qies dan li ġej:

“Fl-osservazzjonijiet tagħha, ir-[rikorrenti] tindika li hija kienet ġiet informata minn uffiċjal tal-Parlament bil-fatt li hija ma kinitx awtorizzata tapplika għall-pożizzjonijiet vakanti interni tal-Parlament […]. L-Ombudsman josserva li, sa fejn din l-osservazzjoni għandha titqies li hija allegazzjoni ġdida, din ma kinitx ippreċeduta minn proċeduri xierqa mal-Parlament […]. Għal din ir-raġuni l-Ombudsman mhux ser jiddeċiedi dwarha fil-kuntest ta’ din id-deċiżjoni”.

121    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, għandu jiġi osservat li l-allegat aġir kontradittorju tal-Parlament jirriżulta minn pożizzjoni adottata mill-Parlament wara li r-rikorrenti ppreżentat l-ilment. Għalhekk, ir-rikorrenti la setgħet tilmenta dwar l-imsemmi aġir fl-imsemmi lment u lanqas ma setgħet tibda proċeduri amministrattivi xierqa mal-Parlament qabel ma tikkritika l-imsemmija pożizzjoni f’dan l-ilment skont l-Artikolu 2(4) tad-Deċiżjoni 94/262. Din il-konstatazzjoni hija kkonfermata mill-fatt li r-rikorrenti, la fl-ilment tagħha tal-14 ta’ Novembru 2006 indirizzat lill-Parlament, u lanqas fl-ilment, ma kkontestat l-implementazzjoni, mill-Parlament, tal-Artikolu 29 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea fil-verżjoni tiegħu applikabbli f’dan il-każ (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) li jgħid li l-istituzzjonijiet jistgħu jikkonsultaw il-lista ta’ kandidati xierqa li tirriżulta minn kompetizzjoni ġenerali biss wara li jiġu eżawriti l-possibbiltajiet ta’ trasferiment, ta’ ħatra abbażi tal-promozzjoni fi ħdan l-istituzzjoni kkonċernata, ta’ talbiet ta’ trasferiment jew tal-possibbiltajiet li tiġi organizzata kompetizzjoni interna.

122    Konsegwentement, l-Ombudsman ma wettaq l-ebda żball meta kkunsidra, fil-punt 1.1 tad-deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2007, li l-allegata kontradizzjoni invokata mir-rikorrenti kienet allegazzjoni ġdida u li din ma kinitx ippreċeduta minn proċeduri xierqa mal-Parlament. Għalhekk, l-assenza ta’ investigazzjoni dwar l-imsemmija kontradizzjoni ma tikkostitwixxix ksur tad-Deċiżjoni 94/262, tad-dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni jew tal-prinċipju ta’ diliġenza.

123    Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti tikkritika lill-Ombudsman talli faħħar lill-Parlament talli estenda l-validità tal-lista ta’ kandidati xierqa li fuqha kien hemm imniżżel isimha mingħajr ma tħasseb dwar il-fatt li t-talba tagħha għal estensjoni baqgħet mingħajr tweġiba jew dwar l-eventwali nuqqas ta’ konsultazzjoni tal‑Kunsill.

124    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-validità tal-lista ta’ kandidati xierqa li fuqha kien hemm isem ir-rikorrenti kienet tiskadi fl-1 ta’ Ġunju 2007. Fil-15 ta’ Mejju 2007, ir-rikorrenti talbet lis-Segretarju Ġenerali tal-Parlament jestendi l-validità tal-imsemmija lista. Fis-6 ta’ Ġunju 2007, id-dipartimenti tal-Parlament irrispondew din l-ittra. Huma indikaw li fuq talba tal-Ombudsman, is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament kien talab li tinbeda l-proċedura sabiex il-validità tal-lista ta’ kandidati xierqa li rriżultat mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98 tiġi estiża sal-31 ta’ Awwissu 2007. Fis-17 ta’ Lulju 2007, is-Segretarjat Ġenerali tal-Parlament informa lir-rikorrenti bil-fatt li, fuq talba tal-Ombudsman u fl-istennija li dan tal-aħħar jeżamina l-fajl tagħha, is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament kien iddeċieda li jestendi l-validità ta’ din il-lista sal-31 ta’ Awwissu 2007. Fl-aħħar nett, fil-punt 2.6 tad-deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2007, l-Ombudsman indika:

“Fl-aħħar nett, f’dak li [kien] jirrigwarda l-ittra tar-[rikorrenti] tal-21 ta’ Mejju 2007 li fiha hija [kienet] għarrfitna li [kienet] ikkuntattjat lis-[Segretarju] Ġenerali tal-Parlament […] fil-15 ta’ Mejju 2007, sabiex titlob l-estensjoni tal-validità tal-lista ta’ kandidati xierqa [li rriżultat mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98], l-Ombudsman [fakkar] li, f’ilment preċedenti, huwa kien qies li l-għażla tad-data ta’ skadenza tal-validità ta’ lista ta’ kandidati xierqa mill-Awtorità tal-Ħatra kienet deċiżjoni li taqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni. F’dan ir-rigward, l-Ombudsman [faħħar] lill-Parlament, talli [kien] iddikjara ruħu disponibbli li jestendi l-validità tal-lista ta’ kandidati xierqa inkwistjoni sabiex ikun jista’ jlesti l-investigazzjoni tiegħu f’din il-kawża.”

125    Fid-dawl tal-kontenut tal-ittra tal-Parlament tas-6 ta’ Ġunju 2007, ma huwiex eżatt li jiġi ddikjarat li l-Parlament ma rrispondiex direttament għat-talba ta’ estensjoni tal-validità tal-lista ta’ kandidati xierqa mressqa mir-rikorrenti fl-ittra tagħha tal-15 ta’ Mejju 2007. Fil-fatt, mill-ittra tal-Parlament tas-6 ta’ Ġunju 2007 jirriżulta b’mod ċar li din kienet bi tweġiba għall-ittra tar-rikorrenti tal-15 ta’ Mejju 2007. Il-fatt li minn din l-ittra tal-Parlament jirriżulta wkoll li kien fuq talba tal-Ombudsman li kienet inbdiet il-proċedura sabiex il-validità tal-lista ta’ kandidati xierqa tiġi estiża sal-31 ta’ Awwissu 2007 ma jimplikax li huwa ma kienx wieġeb għat-talba ta’ estensjoni tar-rikorrenti. L-istess ittra tal-Parlament għandha tinftiehem bħala tweġiba kemm għat-talbiet tar-rikorrenti kif ukoll għal dawk tal-Ombudsman dwar l-estensjoni tal-imsemmi terminu. F’kull każ, il-Qorti Ġenerali tosserva li l-ilment ma kienx jirrigwarda l-kwistjoni ta’ jekk il-Parlament kienx wettaq att ta’ amministrazzjoni ħażina meta ma rrispondiex b’mod espliċitu għat-talba tar-rikorrenti biex jestendi l-validità tal-lista ta’ kandidati xierqa li fuqha kien hemm isimha. Konsegwentement, l-Ombudsman ma jistax jiġi kkritikat talli ma kienx investiga dawn il-kwistjonijiet wara l-ilment. Fl-aħħar nett, il-fatt li l-Parlament estenda l-validità tal-lista ta’ kandidati xierqa inkwistjoni sakemm l-Ombudsman itemm l-investigazzjoni tiegħu ma jistax jiġi kkritikat fid-dawl tar-rekwiżiti ta’ amministrazzjoni tajba.

126    Ir-rikorrenti tinvoka wkoll l-eżistenza ta’ estensjoni tal-validità tal-lista ta’ kandidati xierqa mingħajr konsultazzjoni tal-Kunsill. Madankollu, ir-rikorrenti ma tispeċifikax suffiċjentement din l-allegazzjoni. F’kull każ, din il-kwistjoni ma kinitx tifforma parti mis-suġġett tal-ilment. Għaldaqstant, l-Ombudsman ma jistax jiġi kkritikat talli ma investigax din il-kwistjoni wara l-ilment.

127    Il-ħames nett, ir-rikorrenti tikkritika lill-Ombudsman talli ma investigax debitament, wara l-ilment, il-kwistjoni ta’ jekk kienx hemm diskriminazzjoni fil-konfront tagħha meta mqabbla mal-kandidati l-oħra li għaddew mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98 minħabba l-fatt li l-perijodu li matulu hija bbenefikat mill-fatt li isimha kien imniżżel fil-lista ta’ kandidati xierqa li rriżultat minn din il-kompetizzjoni kien aqsar minn dak li minnu bbenefikaw kandidati oħra li għaddew.

128    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, fl-ilment, ir-rikorrenti ma allegatx li kien hemm diskriminazzjoni kontriha minħabba l-fatt li l-perijodu ta’ validità li matulu isimha kien imniżżel fil-lista ta’ kandidati xierqa li rriżultat mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98 kien aqsar minn dak ta’ kandidati oħra li għaddew mill-istess kompetizzjoni. Hija lmentat li, mit-tniżżil ta’ isimha fl-imsemmija lista, ebda istituzzjoni ma kienet ipproponitilha pożizzjoni u hija qieset li kienet vittma tal-ispirtu vendikattiv tal-Parlament minħabba r-rikors li hija kienet ressqet kontra l-Parlament. Barra minn dan, hija speċifikat li riedet tikseb “ħatra jew minn tal-inqas il-possibbiltà li tikkompeti b’mod leali għall-pożizzjonijiet vakanti, u dan fl-istituzzjonijiet Ewropej kollha. Fl-aħħar nett, hija talbet lill-Ombudsman jiftaħ investigazzjoni “għal amministrazzjoni ħażina f’dak li jirrigwarda l-ġestjoni tal-fajl [tagħha] li jidher fil-lista ta’ kandidati xierqa li rriżultat mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98”.

129    Fil-posta elettronika tiegħu tat-30 ta’ Jannar 2007, l-Ombudsman talab lill-Parlament jipprovdilu opinjoni dwar l-allegazzjonijiet u t-talba li ġejjin: “ir-[rikorrenti] tqis li l-Parlament ma amministrax b’mod xieraq il-fajl tagħha, [wara l-inklużjoni] ta’ isimha [fil-lista ta’ kandidati xierqa li rriżultat mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98]” u “r-[rikorrenti] titlob li tiġi trattata b’mod ġust meta jkunu qed jimtlew pożizzjonijiet vakanti fi ħdan l-istituzzjonijiet Komunitarji”.

130    Fl-opinjoni tiegħu, il-Parlament ikkonstata li r-rikorrenti ma kinitx stabbilixxiet fatti li jippermettu li tiġi preżunta l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni diretta jew indiretta meta mqabbla mall-kandidati l-oħra li għaddew mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98. Fl-osservazzjonijiet tagħha fuq l-opinjoni tal-Parlament, ir-rikorrenti ma kkontestatx din l-aħħar evalwazzjoni. Lanqas l-ispezzjonijiet tal-Ombudsman ma kienu jirrigwardaw id-diskriminazzjoni allegata mir-rikorrenti fil-punt 127 iktar ’il fuq (ara l-punt 92 iktar ’il fuq).

131    Fil-posta elettronika tagħha tat-28 ta’ Awwissu 2007 indirizzata lill-persuna inkarigata mill-fajl tagħha fl-uffiċċju tal-Ombudsman, ir-rikorrenti indikat dan li ġej:

“Kif diġà [taf], il-Parlament […] [kien] aċċetta li jestendi l-lista ta’ kandidati xierqa [li rriżultat mill-]Kompetizzjoni EUR/A/151/98 biss fuq talba tiegħek (peress li t-talba tiegħi kienet ġiet miċħuda impliċitament). L-estensjoni mogħtija [kienet] biss ta’ tliet xhur (li xahrejn minnhom kienu jaqgħu fil-perijodu tal-leave), filwaqt li kien mingħaliha li [kien] estenda l-lista inizjali għal perijodu itwal. Skont il-Parlament […], l-għan ta’ dan it-terminu [kien] biss sabiex inti tkun tista’ tikkonkludi l-investigazzjoni tiegħek.”

132    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, ir-rikorrenti ma tistax tikkritika lill-Ombudsman talli ma investigax, wara l-ilment, il-kwistjoni ta’ jekk kienx hemm diskriminazzjoni fil-konfront tagħha meta mqabbla mal-kandidati l-oħra li għaddew mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98 minħabba l-fatt li l-perijodu li matulu hija bbenefikat mill-fatt li isimha kien imniżżel fil-lista ta’ kandidati xierqa li rriżultat minn din il-kompetizzjoni kien aqsar minn dak li minnu bbenefikaw kandidati oħra li għaddew mill-imsemmija kompetizzjoni. Fil-fatt, l-imsemmi lment ma jinkludix tali allegazzjoni. Dan huwa kkonfermat mill-fatt li r-rikorrenti ma kkontestatx, fit-tweġiba tagħha għall-opinjoni tal-Parlament, l-evalwazzjoni tal-Parlament li tgħid li hija ma kinitx stabbilixxiet fatti li jippermettu li tiġi preżunta l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni diretta jew indiretta meta mqabbla mall-kandidati l-oħra li għaddew minn din il-kompetizzjoni.

133    Barra minn hekk, sa fejn l-ilment tar-rikorrenti jirrigwarda l-estensjoni tal-validità tal-lista ta’ kandidati xierqa li rriżultat mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98 bi tliet xhur biss filwaqt li l-validità tal-lista ta’ kandidati xierqa inizjali ġiet estiża għal perijodu itwal (ara l-posta elettronika tat-28 ta’ Awwissu 2007 riprodotta fil-punt 131 iktar ’il fuq) jew li kienet użanza li l-validità tal-listi ta’ kandidati xierqa li tirriżulta minn kompetizzjoni ġenerali tiġi estiża għal perijodu itwal (ara l-ittra tad-19 ta’ Ottubru 2007), għandu jiġi osservat li, peress li d-deċiżjoni ta’ estensjoni tal-validità tal-lista ta’ kandidati xierqa li fuqha kien hemm isem ir-rikorrenti ttieħdet mill-Parlament f’Ġunju 2007, din ma setgħetx tkun is-suġġett tal-ilment. Għalhekk, l-Ombudsman ma jistax jiġi kkritikat talli ma investigax din il-kwistjoni wara l-imsemmi lment. Iktar minn hekk, ma jidhirx li l-kwistjonijiet imqajma mir-rikorrenti quddiem l-Ombudsman fil-posta elettronika msemmija iktar ’il fuq kienu tqajmu quddiem il-Parlament. Fl-aħħar nett, l-allegazzjonijiet vagi tar-rikorrenti li jgħidu li l-validità tal-imsemmija lista ġiet estiża għal perijodu itwal għall-kandidati inizjali li għaddew mill-imsemmija kompetizzjoni u li kienet użanza li l-validità tal-listi ta’ kandidati xierqa li tirriżulta minn kompetizzjoni ġenerali tiġi estiża għal perijodu itwal, ma humiex sostnuti. Għaldaqstant, l-Ombudsman ma jistax jiġi kkritikat talli ma investigax speċifikament dawn l-allegazzjonijiet. Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ diliġenza, riprodott fil-punt 127 iktar ’il fuq, għandu jiġi miċħud.

134    Is-sitt nett, ir-rikorrenti tqis li l-fajl ta’ spezzjoni ma jinkludi l-ebda prova tal-fatt li l-lista ta’ kandidati xierqa li fuqha kien hemm imniżżel isimha kienet ġiet imxandra lid-DĠ kollha tal-Parlament b’tali mod li l-Ombudsman kien żbaljat meta bbaża ruħu biss fuq id-dikjarazzjonijiet tal-Parlament f’dan ir-rigward.

135    Fl-opinjoni tiegħu tal-20 ta’ Marzu 2007, il-Parlament qies li l-listi ta’ kandidati xierqa kienu ġew iddistribwiti lid-DĠ kollha tal-Parlament u li ta’ kull sena ġabra tal-imsemmija listi li kienu għadhom validi u tan-numru ta’ kandidati li għaddew disponibbli fuq kull lista kien jintbagħat lill-imsemmija DĠ. Barra minn hekk, matul l-investigazzjoni tiegħu l-Ombudsman indika li ried jispezzjona l-fajls tal-Parlament fir-rigward tal-fatt li “[i]l-Parlament donnu [kien i]sostni li l-lista [ta’ kandidati xierqa] li fuqha [kien] żdied isem ir-[rikorrenti] (ta’ Mejju 2005) [kienet] intbagħtet lid-DĠ kollha u li din [kienet] tidher ukoll fil-ġabra tal-listi fis-seħħ mibgħuta kull sena lid-DĠ”.

136    Fl-osservazzjonijiet tagħha dwar l-opinjoni tal-Parlament tal-20 ta’ Marzu 2007, ir-rikorrenti qieset li l-Parlament ma pproduċa l-ebda element li jikkorobora d-dikjarazzjonijiet tiegħu dwar it-trażmissjoni tal-lista ta’ kandidati xierqa li rriżultat mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98 lid-DĠ tiegħu.

137    Fl-aħħar nett, fil-punt 2.4 tad-deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2007, l-Ombudsman speċifika li “fid-dawl tal-ispezzjoni tiegħu tal-fajl tal-Parlament, […] il-kandidatura tar-[rikorrenti kienet] tqiegħdet għad-dispożizzjoni tad-DĠ kollha tal-Parlament”.

138    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, għandu jiġi kkonstatat li d-dikjarazzjoni tal-Ombudsman esposta fil-punt 2.4 tad-deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2007, kif riprodotta fil-punt 137 iktar ’il fuq, ma hija akkumpanjata minn ebda riferiment preċiż għad-dokumenti insostenn tagħha, u dan minkejja l-fatt li r-rikorrenti kienet insistiet, fil-kummenti tagħha dwar l-opinjoni tal-Parlament, dwar in-neċessità li l-pożizzjoni tal-Parlament tiġi kkorroborata bi provi.

139    Barra minn hekk, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali, l-Ombudsman ma jipproduċi l-ebda prova f’dan ir-rigward. Huwa llimita ruħu li jenfasizza li l-ittra li tħabbar l-ispezzjoni kienet tindika b’mod ċar li hija kienet tirrigwarda l-listi fis-seħħ mibgħuta kull sena lid-DĠ u li d-deċiżjoni fil-punt 2.4 tad-deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2007 kienet ittieħdet fid-dawl tar-riżultati tal-ispezzjoni sabiex minnha jiġi dedott li “[d]an kollu [kien] jagħti l-wieħed x’jifhem li r-rappreżentanti [tiegħu ...] kienu effettivament raw, matul l-ispezzjoni li huma wettqu, dokumenti li jikkonfermaw li l-Parlament kien informa lid-dipartimenti tiegħu bil-fatt li isem ir-rikorrenti kien żdied mal-lista [ta’ kandidati xierqa] kkonċernata”.

140    Fid-dawl tal-konstatazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi ammess li l-Ombudsman naqas milli josserva d-dmir ta’ diliġenza tiegħu matul l-investigazzjoni tiegħu dwar it-tqegħid għad-dispożizzjoni tad-DĠ kollha tal-Parlament tat-tniżżil ta’ isem ir-rikorrenti fil-lista ta’ kandidati xierqa li rriżultat mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98. Fil-fatt, in-nuqqas ta’ diliġenza fit-tmexxija tal-imsemmija investigazzjoni huwa kkonfermat bil-fatt li l-Ombudsman jista’ jsostni l-evalwazzjoni li tinsab fil-punt 2.4 tad-deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2007 biss b’suppożizzjoni bbażata fuq dokumenti li tagħhom la jista’ jispeċifika n-natura u lanqas il-kontenut.

–       Fuq l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju

141    Minn dak li ġie espost iktar ’il fuq jirriżulta li l-Ombudsman wettaq tliet illegalitajiet fil-kuntest tal-eżami tiegħu tal-ilment.

142    L-ewwel nett, l-Ombudsman żnatura l-kontenut tal-opinjoni tal-Parlament (ara l-punt 102 iktar ’il fuq). Dan l-iżnaturament huwa msejjes fuq nuqqas ta’ diliġenza fl-investigazzjoni tal-fajl li jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni li jista’ jagħti lok għar-responsabbiltà tal-Unjoni. Fil-fatt, l-Ombudsman ma għandux marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tar-rendikont tal-kontenut ta’ dokument.

143    It-tieni nett, l-Ombudsman naqas milli josserva d-dmir ta’ diliġenza tiegħu fl-eżami tat-trażmissjoni mill-Parlament tal-informazzjoni dwar it-tniżżil ta’ isem ir-rikorrenti fil-lista ta’ kandidati xierqa lill-istituzzjonijiet, lill-korpi u lill-organi l-oħra tal-Unjoni. Fil-fatt, huwa ma jurix li investiga u kellu għad-dispożizzjoni tiegħu l-elementi rilevanti biex isir jaf jekk, meta u kif il-lista ta’ kandidati xierqa inkwistjoni kienet ġiet trażmessa lill-istituzzjonijiet, lill-korpi u lill-organi l-oħra tal-Unjoni bejn is-17 ta’ Mejju 2005 u l-14 ta’ Mejju 2007 (ara l-punt 109 iktar ’il fuq). Skont il-ġurisprudenza riprodotta fil-punt 86 iktar ’il fuq, dan in-nuqqas ta’ osservanza tad-dmir ta’ diliġenza jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju li jista’ jagħti lok għar-responsabbiltà tal-Unjoni.

144    It-tielet nett, l-Ombudsman naqas milli josserva d-dmir ta’ diliġenza tiegħu fl-eżami tat-trażmissjoni mill-Parlament lid-DĠ tiegħu tal-informazzjoni dwar l-inklużjoni tar-rikorrenti fil-lista ta’ kandidati xierqa (ara l-punt 140 iktar ’il fuq). Fil-fatt, huwa ma jurix li investiga u kellu għad-dispożizzjoni tiegħu l-elementi rilevanti biex jevalwa l-imsemmija trażmissjoni. Skont il-ġurisprudenza riprodotta fil-punt 86 iktar ’il fuq, dan in-nuqqas ta’ diliġenza jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju li jista’ jagħti lok għar-responsabbiltà tal-Unjoni.

145    Sa fejn l-illegalitajiet identifikati fil-punti 142 sa 144 iktar ’il fuq jistgħu jagħtu lok għar-responsabbiltà tal-Unjoni, il-fatt li l-fatti li taw lok għal dawn l-illegalitajiet jiġu kklassifikati mill-ġdid bħala li jikkostitwixxu wkoll ksur tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament 94/262 u tal-Artikoli 5 u 9.2 tad-dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni ma jaffettwax l-identifikazzjoni tal-illegalitajiet li jistgħu jagħtu lok għar-responsabbiltà tal-Unjoni.

 Konklużjoni

146    Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, għandu jiġi deċiż li fi tliet okkażjonijiet l-Ombudsman naqas milli josserva d-dmir tiegħu ta’ diliġenza fil-kuntest tal-investigazzjoni tal-ilment u li dawn in-nuqqasijiet jistgħu jagħtu lok għar-responsabbiltà tal-Unjoni.

c)      Fuq l-illegalitajiet li jirriżultaw mill-ksur tal-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni 94/262, tal-Artikoli 5 u 9.2 tad-dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni u tal-prinċipji ta’ premura u ta’ amministrazzjoni tajba fir-rigward tad-deċiżjoni tal-31 ta’ Marzu 2011

147    Fit-tieni parti tal-ewwel motiv ir-rikorrenti tallega li waqt l-investigazzjoni ex officio tiegħu l-Ombudsman wettaq diversi żbalji li jagħtu lok għar-responsabbiltà tal-Unjoni.

148    L-ewwel nett, ir-rikorrenti tikkritika lill-Ombudsman talli ma vverifikax ir-realtà tad-dikjarazzjonijiet tal-Parlament fir-rigward tal-kontenut tar-reġistru tal-messaġġier uffiċjali tal-Parlament.

149    B’mod partikolari, fil-punti 77 u 87 tad-deċiżjoni tal-31 ta’ Marzu 2011, l-Ombudsman espona li l-Parlament kien iddikjara li l-komunikazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet dwar kandidat partikolari ma humiex, bħala prinċipju, irreġistrati fir-reġistru uffiċjali. L-Ombudsman qies li ma kienx hemm raġuni li jiddubita mill-eżattezza ta’ din l-informazzjoni.

150    Ir-rikorrenti tqis li l-Ombudsman ma setax jafda din l-indikazzjoni tal-Parlament mingħajr verifika, għaliex, skontha, kull posta uffiċjali bejn l-istituzzjonijiet normalment tidher fir-reġistru tal-messaġġier uffiċjali u l-ittri kollha li kienet irċeviet mingħand il-Parlament kellhom numru li jikkorrispondi għar-reġistru uffiċjali u mhux għal numru intern.

151    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tqis li l-fatt li l-ittri kollha li r-rikorrenti rċeviet mingħand il-Parlament kellhom numru tar-reġistru uffiċjali ma jikkostitwixxix indizju li jista’ jikkonfuta r-realtà tad-dikjarazzjoni tal-Parlament li tgħid li l-posta bejn l-istituzzjonijiet fir-rigward ta’ kandidat ma kinitx irreġistrata fir-reġistru uffiċjali tal-posta. Fil-fatt, il-korrispondenza bejn l-istituzzjonijiet u kandidat hija min-natura tagħha stess uffiċjali filwaqt li dan ma huwiex neċessarjament il-każ għall-posta bejn l-istituzzjonijiet fir-rigward ta’ kandidatura. Barra minn hekk, is-suġġett tal-investigazzjoni ex officio tal-Ombudsman ma kinitx iż-żamma xierqa tar-reġistri tal-posta mill-Parlament, iżda t-trażmissjoni mill-Parlament lill-istituzzjonijiet, lill-korpi u lill-organi l-oħra tal-Unjoni tal-lista ta’ kandidati xierqa li fuqha kien hemm isem ir-rikorrenti. Fid-dawl ta’ dan is-suġġett ta’ investigazzjoni, id-dikjarazzjoni tal-Parlament li tgħid li fir-reġistru uffiċjali ma kienx hemm indikazzjonijiet ta’ posta bejn l-istituzzjonijiet fir-rigward ta’ kandidat partikolari hija partikolarment ta’ żvantaġġ għalih, u dan iżid il-kredibbiltà tagħha. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, għandu jitqies li r-rikorrenti ma pproduċietx, suffiċjentement, elementi li jindikaw li l-Ombudsman kien naqas milli josserva d-dmir tiegħu ta’ diliġenza meta aċċetta d-dikjarazzjoni tal-Parlament li tgħid li ma kienx hemm reġistrazzjoni ta’ posta bejn il-Parlament u l-istituzzjonijiet fir-rigward tar-rikorrenti fir-reġistru uffiċjali tal-posta tal-Parlament.

152    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkonfutata mill-fatt li jista’ jkun li l-prattika tal-Parlament li ma jirreġistrax il-posta bejn l-istituzzjonijiet fir-rigward tar-rikorrenti tmur kontra l-Artikolu 24 tal-kodiċi ta’ mġiba tajba. Fil-fatt, il-kompatibbiltà ta’ din il-prattika mal-imsemmi kodiċi ma kinitx is-suġġett tal-investigazzjoni tal-Ombudsman f’dan il-każ u r-rikorrenti ma għamlitx ilment f’dan ir-rigward quddiem l-Ombudsman. Barra minn hekk, din il-kwistjoni ta’ kompatibbiltà ma tippermettix li tiġi kkonfutata d-dikjarazzjoni tal-Parlament li tgħid li l-komunikazzjonijiet inkwistjoni ma kinux jittniżżlu f’reġistru.

153    It-tieni nett, ir-rikorrenti tikkritika lill-Ombudsman talli rrifjuta li jinvestiga, wara li beda l-investigazzjoni ex officio tiegħu, jekk il-Parlament kienx informa lill-istituzzjonijiet l-oħra dwar iż-żieda ta’ isimha fil-lista ta’ kandidati xierqa li rriżultat mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li huwa paċifiku li, matul l-investigazzjoni ex officio tal-Ombudsman, ir-rikorrenti opponiet it-tkomplija tal-imsemmija investigazzjoni (ara l-ittra tal-10 ta’ Lulju 2010).

154    Barra minn hekk, fid-deċiżjoni tal-31 ta’ Marzu 2011, l-Ombudsman, għall-ewwel, qies li ma kienx hemm lok li jinvestiga minħabba li r-rikorrenti kienet qed topponi l-investigazzjoni. Sussegwentement, qies li, fil-kuntest ta’ investigazzjoni ex officio, huwa seta’ jinvestiga ex officio, mingħajr il-kunsens tar-rikorrenti, sakemm ikun hemm interess pubbliku superjuri li jeżiġi dan. Madankollu huwa qies li dan ma kienx il-każ fil-kawża preżenti, peress li huwa kien beda l-investigazzjoni ex officio tiegħu prinċipalment fl-interess tar-rikorrenti. Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, huwa qies li l-pożizzjoni adottata mir-rikorrenti kienet konsegwentement tostakola l-investigazzjoni tiegħu u li ma kienx xieraq li jkompli l-investigazzjoni (ara l-punti 89 sa 94 tad-deċiżjoni tal-31 ta’ Marzu 2011).

155    Fid-dawl tar-raġunijiet inkwistjoni mogħtija fid-deċiżjoni tal-31 ta’ Marzu 2011, għandu qabel kollox jiġi osservat li l-Ombudsman ma kienx awtomatikament obbligat, fil-kuntest ta’ investigazzjoni ex officio, li jieqaf jinvestiga meta persuna kkonċernata minn din l-investigazzjoni tkun topponiha. Kif tindika r-rikorrenti, l-ebda dispożizzjoni tad-Deċiżjoni 94/262 jew tad-dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni ma timponi fuq l-Ombudsman l-obbligu li jikseb il-kunsens tal-lanjanti sabiex jinvestiga istituzzjoni jew korp tal-Unjoni. Bl-istess mod, l-ebda dispożizzjoni ma timponi fuq l-Ombudsman l-obbligu li jinvestiga ex officio biss meta dan ikun iġġustifikat minn interess pubbliku superjuri.

156    Madankollu, id-dmir tiegħu li jinvestiga b’diliġenza jimponilu li jieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha rilevanti meta huwa jwettaq atti ta’ investigazzjoni. Fost dawn l-elementi hemm l-attitudni tal-persuni kkonċernati u l-interess pubbliku tal-investigazzjoni. L-Ombudsman għandu setgħa diskrezzjonali fit-tweżin ta’ dawn l-elementi sabiex jiddeċiedi jekk hemmx lok jew le li jkompli investigazzjoni.

157    F’dan il-każ, ir-rikorrenti la tikkontesta l-fatt li hija opponiet l-investigazzjoni ex officio tal-Ombudsman, u lanqas il-fatt li ma kienx hemm interess pubbliku partikolari li jiġġustifika l-imsemmija investigazzjoni. Il-Qorti Ġenerali tqis li l-Ombudsman ma kisirx b’mod manifest u gravi l-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu fil-qasam ta’ investigazzjonijiet billi invoka l-oppożizzjoni tar-rikorrenti għall-miżuri ta’ investigazzjoni sabiex jagħlaq din l-investigazzjoni ex officio. Madankollu, meta għalaq l-investigazzjoni ex officio mingħajr ma evalwa jekk il-Parlament kienx wettaq atti ta’ amministrazzjoni ħażina fil-kuntest tal-komunikazzjoni lid-dipartimenti tiegħu u lill-istituzzjonijiet, lill-korpi u lill-organi l-oħra tal-Unjoni tat-tniżżil ta’ isem ir-rikorrenti fil-lista ta’ kandidati xierqa li rriżultat mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98, l-Ombudsman irrinunzja li jikkoreġi, permezz tal-imsemmija investigazzjoni, ċerti żbalji li huwa kien wettaq fl-investigazzjoni fuq l-ilment u fid-deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2007. Għalhekk, l-Ombudsman ma jistax jinvoka ż-żamma ta’ investigazzjoni ex officio sabiex jeżonera lill-Unjoni mir-responsabbiltà tagħha għall-iżbalji li huwa wettaq fil-kuntest tal-investigazzjoni fuq l-ilment.

158    Sa fejn ir-rikorrenti tikkritika lill-Ombudsman talli ma investigax l-assenza ta’ konsultazzjoni mill-Parlament tal‑Kunsill (ara l-punt 96 tad-deċiżjoni tal-31 ta’ Marzu 2011) l-Ombudsman seta’ wkoll jiġġustifika din l-assenza ta’ investigazzjoni bl-oppożizzjoni tar-rikorrenti għal dawn il-miżuri ta’ investigazzjoni.

159    Fl-aħħar nett u f’kull każ, il-Qorti Ġenerali tqis li, anki jekk jitqies li l-Ombudsman żbaljatament irrifjuta li jinvestiga minħabba li r-rikorrenti kienet topponi dan, ir-rikorrenti ma setgħetx, skont id-dictum nemini licet venire contra factum proprium, tinvoka dan l-iżball biex teżiġi kumpens mingħand l-Unjoni. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tistax, mingħajr ma tikkontradiċi ruħha, titlob kumpens għall-assenza ta’ investigazzjoni ex officio mill-Ombudsman meta hija kienet opponiet din l-investigazzjoni. Din l-aħħar evalwazzjoni ma tikkonfutax l-impossibbiltà li l-Ombudsman jinvoka ż-żamma ta’ investigazzjoni ex officio biex jeżonera lill-Unjoni mir-responsabbiltà tagħha għall-illegalitajiet li huwa wettaq fl-investigazzjoni fuq l-ilment u fid-deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2007.

160    Għar-raġunijiet esposti iktar ’il fuq, l-ilmenti kollha sostnuti mir-rikorrenti fit-tieni parti tal-ewwel motiv għandhom jiġu miċħuda.

d)     Konklużjoni

161    Wara l-analiżi tal-ewwel motiv, għandu jiġi deċiż li l-Ombudsman wettaq tliet illegalitajiet li jistgħu jagħtu lok għar-responsabbiltà tal-Unjoni kif ġie espost fil-punt 146 iktar ’il fuq.

2.     Fuq l-illegalitajiet li jirriżultaw minn żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni

a)     Introduzzjoni

162    Fit-tieni motiv, ir-rikorrenti essenzjalment tallega li l-Ombudsman wettaq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fir-rigward tad-deċiżjonijiet tat-22 ta’ Ottubru 2007 u tal-31 ta’ Marzu 2011 li jagħtu lok għar-responsabbiltà tal-Unjoni. L-Ombudsman jikkontesta li wettaq l-imsemmija żbalji.

b)     Fuq iċ-ċitazzjoni tal-opinjoni tal-Parlament fid-deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2007

163    Ir-rikorrenti tikklassifika mill-ġdid l-ilment espost fil-punt 102 iktar ’il fuq bħala żball manifest ta’ evalwazzjoni. Għar-raġunijiet esposti fil-punti 102 u 142 iktar ’il fuq, l-illegalita inkwistjoni tagħti lok għar-responsabbiltà tal-Unjoni.

c)     Fuq ir-rettifika tad-deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2007

164    Ir-rikorrenti tqis li l-Ombudsman wettaq żball, immanipula u ffalsifika fatti u rrenda ruħu ħati tad-delitt ta’ falsifikazzjoni u użu ta’ dokumenti foloz meta rrettifika, fid-29 ta’ Ġunju 2010, il-punt 2.5 tad-deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2007, mingħajr ma ppubblika rettifika.

165    Fir-rigward ta’ dawn l-ilmenti, il-Qorti Ġenerali tenfasizza, qabel kollox, li hija għandha l-ġurisdizzjoni li teżamina jekk ċerti aġiri tal-istituzzjonijiet jistgħux jagħtu lok għar-responsabbiltà tal-Unjoni, madankollu hija ma għandhiex ġurisdizzjoni li tikkonstata, abbażi ta’ dawn l-aġiri, delitt. Għaldaqstant, l-allegazzjoni li timplika konstatazzjoni mill-Qorti Ġenerali li l-Ombudsman rrenda ruħu ħati tad-delitt ta’ falsifikazzjoni u użu ta’ dokumenti foloz, hija inammissibbli.

166    Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali tosserva li, fid-deċiżjoni tal-Ombudsman tad-29 ta’ Ġunju 2010, indirizzata lill-Parlament u li kopja tagħha ntbagħtet lir-rikorrenti, l-Ombudsman kien indika li kellu jikkoreġi d-deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2007 minħabba l-iżball li kien hemm fil-punt 2.5 tal-imsemmija deċiżjoni li kien jiżnatura l-kontenut tal-opinjoni tal-Parlament (ara l-punt 102 iktar ’il fuq). Għalhekk, fid-deċiżjoni tad-29 ta’ Ġunju 2010, il-korrezzjoni li kellha ssir ġiet esposta espliċitament lir-rikorrenti u lill-Parlament. Ir-rikorrenti għalhekk ma tistax tinvoka manipulazzjoni mhux iġġustifikata jew falsifikazzjoni tad-deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2007.

167    Din il-pubblikazzjoni ġiet sussegwentement ippubblikata mill-Ombudsman li ppubblika verżjoni emendata tad-deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2007, li kienet tinkludi l-korrezzjoni adottata bid-deċiżjoni tad-29 ta’ Ġunju 2010. Din il-verżjoni emendata tad-deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2007 ssostitwiet id-deċiżjoni inizjali żbaljata tat-22 ta’ Ottubru 2007. Ir-rikorrenti ġiet għalhekk informata bit-trasparenza kollha b’din il-korrezzjoni.

168    Għaldaqstant, l-assenza ta’ pubblikazzjoni ta’ rettifika la tikkostitwixxi żball u ħafna inqas falsifikazzjoni tad-deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2007. Għalhekk, l-ilment magħmul mir-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

d)     Fuq it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-istituzzjonijiet l-oħra tal-lista ta’ kandidati xierqa

169    L-ewwel nett, ir-rikorrenti essenzjalment tikkritika lill-Ombudsman talli ma rrikonoxxiex bħala każ ta’ amministrazzjoni ħażina l-fatt li l-Parlament ma kienx ippubblika isimha f’Il-Ġurnal Uffiċjali inkwantu kandidat li għadda mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98, filwaqt li l-Parlament kien aċċetta, fil-25 ta’ Frar 2003, ir-rakkomandazzjoni tal-Ombudsman li jippubblika l-ismijiet tal-kandidati li għaddew minn kompetizzjonijiet.

170    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li din l-assenza ta’ pubblikazzjoni ma ġietx ikkritikata espliċitament mir-rikorrenti fl-ilment. Konsegwentement, l-Ombudsman ma setax, abbażi ta’ dak l-ilment, ikun obbligat li jinvestiga eventwali każ ta’ amministrazzjoni ħażina min-naħa tal-Parlament f’dan ir-rigward.

171    Barra minn hekk, wara mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, l-Ombudsman ipproduċa r-rakkomandazzjoni li huwa kien indirizza lill-Parlament, fil-11 ta’ Diċembru 2002, li kienet tirrigwarda l-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-ismijiet tal-kandidati li għaddew minn kompetizzjonijiet kif ukoll l-ittra tal-President tal-Parlament, tal-25 ta’ Frar 2003, li permezz tagħha ġiet aċċettata din ir-rakkomandazzjoni. Mill-imsemmija rakkomandazzjoni jirriżulta li din tirrigwarda l-kompetizzjonijiet ta’ wara l-adozzjoni tagħha u li l-kandidati għandhom jiġu informati fl-avviż ta’ kompetizzjoni bil-fatt li l-ismijiet tal-kandidati li jgħaddu ser ikunu ppubblikati.

172    Peress li l-kompetizzjoni li għaliha pparteċipat ir-rikorrenti kienet ġiet ippubblikata fit-2 ta’ Marzu 1999, jiġifieri qabel mal-Parlament aċċetta r-rakkomandazzjoni msemmija iktar ’il fuq u peress li l-avviż ta’ kompetizzjoni tal-Kompetizzjoni EUR/A/151/98 ma kienx jispeċifika li l-ismijiet tal-kandidati li jgħaddu kienu ser jiġu ppubblikati, l-Ombudsman ma setax jikkritika lill-Parlament talli ma onorax ir-rakkomandazzjoni tiegħu li huwa kien aċċetta fil-25 ta’ Frar 2003. Li kieku l-Ombudsman qies li l-Parlament kien wettaq att ta’ amministrazzjoni ħażina meta ma ppubblikax isem ir-rikorrenti f’Il-Ġurnal Uffiċjali wara li dan tniżżel fil-lista ta’ kandidati xierqa li rriżultat mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98, huwa ma kienx ikun qed iħares l-osservanza ta’ wieħed mir-rekwiżiti li jinsabu fir-rakkomandazzjoni tiegħu, jiġifieri li l-kandidati kollha kellhom jiġu informati, fl-avviż ta’ kompetizzjoni, bil-pubblikazzjoni tal-ismijiet tal-kandidati li jgħaddu.

173    Fl-aħħar nett u mill-bqija, il-Qorti Ġenerali tosserva li l-ismijiet tat-22 il-kandidati l-oħra li għaddew mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98 ma ġewx ippubblikati fIl-Ġurnal Uffiċjali. Ir-rikorrenti ma tipproponi l-ebda argument li jiġġustifika li hija għandha tingħata pubbliċità ikbar minn dik li minnha bbenefikaw it-22 il-kandidati l-oħra li għaddew. F’dawn iċ-ċirkustanzi, kemm il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament kif ukoll it-trattament xieraq rikjest mir-rikorrenti nnifisha fl-ilment jimplikaw li, l-istess bħall-kandidati l-oħra li għaddew mill-imsemmija kompetizzjoni, il-lista ta’ kandidati xierqa li rriżultat minn din il-kompetizzjoni u li fuqha kien hemm isem ir-rikorrenti ma tiġix ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali.

174    Għar-raġunijiet esposti iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali tqis li l-Ombudsman ma kienx żbaljat meta qies li l-Parlament ma kienx wettaq att ta’ amministrazzjoni ħażina meta ma ppubblikax isem ir-rikorrenti f’Il-Ġurnal Uffiċjali bħala kandidat li għadda mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98.

175    It-tieni nett, ir-rikorrenti tqis li l-Ombudsman wettaq diversi żbalji meta bbaża ruħu fuq id-dokument “pooling” tal-14 ta’ Mejju 2007 biex juri li l-istituzzjonijiet u l-korpi l-oħra tal-Unjoni kellhom aċċess għall-informazzjoni dwar id-disponibbiltà tar-rikorrenti.

176    Qabel kollox, ir-rikorrenti tqis li l-Ombudsman wettaq żball meta ma vverifikax il-fondatezza tal-allegazzjoni tal-Parlament li tgħid li d-dokument “pooling” tal-14 ta’ Mejju 2007 kien kunfidenzjali. Issa, skont ir-rikorrenti, dan id-dokument ma kienx kunfidenzjali.

177    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Ombudsman kellu aċċess għall-verżjoni integrali tad-dokument “pooling” tal-14 ta’ Mejju 2007 fil-kuntest tal-investigazzjoni tiegħu (ara r-rapport ta’ spezzjoni). Il-Parlament, madankollu talab li dan id-dokument jitqies kunfidenzjali, u l-Ombudsman aċċetta dan. Għalhekk, ir-rikorrenti ma kellhiex aċċess għall-imsemmi dokument matul il-proċedura amministrattiva li wasslet għad-deċiżjonijiet tat-22 ta’ Ottubru 2007 u tal-31 ta’ Marzu 2011. Madankollu, matul din il-proċedura ġudizzjarja, l-Ombudsman ipproduċa verżjoni tad-dokument “pooling” tal-14 ta’ Mejju 2007 li ċerti partijiet tiegħu ġew imħassra.

178    Skont l-Artikolu 13.3 tad-dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni, il-lanjanti ma għandux aċċess għad-dokumenti jew għall-informazzjoni li l-Ombudsman jikseb mingħand l-istituzzjonijiet matul l-investigazzjoni tiegħu meta dawn jiġu identifikati bħala kunfidenzjali għall-attenzjoni tal-Ombudsman. L-Artikolu 10.1 tad-dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni jipprevedi li l-Ombudsman għandu jikklassifika lment bħala kunfidenzjali fuq talba tal-lanjanti. L-imsemmija dispożizzjonijiet ma jipprevedu l-ebda eċċezzjoni jew proċedura speċifika sabiex tiġi vverifikata l-fondatezza tat-talbiet għal trattament kunfidenzjali.

179    Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, l-Ombudsman ma għandux is-setgħa li jikkontesta t-talbiet tal-istituzzjonijiet sabiex ċerti dokumenti jew ċerta informazzjoni tiġi trattata b’mod kunfidenzjali fir-rigward tal-lanjanti bl-istess mod bħalma l-Ombudsman ma għandux is-setgħa li jikkontesta talba sabiex ilment ta’ lanjanti jingħata trattament kunfidenzjali.

180    Konsegwentement, l-Ombudsman ma wettaqx żball meta ma kkontestax it-talba sabiex id-dokumenti tal-Parlament jingħataw trattament kunfidenzjali.

181    Madankollu, meta f’deċiżjoni l-Ombudsman jibbaża l-evalwazzjoni tiegħu fuq elementi kunfidenzjali u meta lanjant jikkontesta l-legalità tal-imsemmija deċiżjoni quddiem il-qorti tal-Unjoni, l-Ombudsman ma jistax validament jinvoka, kontra l-ilmenti tal-lanjant, raġunijiet ibbażati fuq elementi kunfidenzjali li għalihom ma għandhomx aċċess il-lanjant u l-qorti. Fil-fatt, jekk l-Ombudsman jopponi l-komunikazzjoni ta’ kull jew parti minn dawn l-elementi minħabba li huma kunfidenzjali, il-qorti tal-Unjoni għandha tagħmel eżami tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata biss abbażi tal-elementi li ġew ikkomunikati lilha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, Ġabra, EU:C:2013:518, punt 127).

182    Wara dan, ir-rikorrenti tqis li, essenzjalment, l-Ombudsman wettaq żball meta, fid-deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2007, ibbaża l-evalwazzjoni tiegħu fuq id-dokument “pooling” tal-14 ta’ Mejju 2007, filwaqt li l-imsemmi dokument ma kienx jipprova li l-informazzjoni li tinsab f’dan id-dokument kienet tqiegħdet għad-dispożizzjoni tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-organi kollha tal-Unjoni qabel jew wara l-14 ta’ Mejju 2007.

183    Permezz ta’ dan l-ilment, ir-rikorrenti sempliċement tirrepeti l-illegalità allegata fil-punt 103 iktar ’il fuq billi tikklassifikaha mill-ġdid bħala żball manifest ta’ evalwazzjoni. Għar-raġunijiet esposti fil-punti 104 et seq iktar ’il fuq, għandu jiġi ammess li l-Ombudsman wettaq illegalità meta bbaża ruħu fuq id-dokument “pooling” tal-14 ta’ Mejju 2007 sabiex iqis li kien stabbilit li l-Parlament kien debitament informa lill-istituzzjonijiet lill-korpi u lill-organi l-oħra tal-Unjoni bit-tniżżil ta’ isem ir-rikorrenti fil-lista ta’ kandidati xierqa li rriżultat mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98.

184    It-tielet nett, ir-rikorrenti tikkritika lill-Ombudsman talli żbaljatament ipprova jivverifika mal-istituzzjonijiet, mal-korpi u mal-organi l-oħra tal-Unjoni li l-lista ta’ kandidati xierqa li rriżultat mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98 kienet ġiet trażmessa lilhom, filwaqt li huwa nnifsu, fil-kwalità ta’ istituzzjoni, ma kienx jaf biha.

185    F’dak li jirrigwarda l-investigazzjoni fuq l-ilment, ma jistax jitqies li l-Ombudsman wettaq żball meta investiga mal-Parlament dwar it-trażmissjoni tal-lista ta’ kandidati xierqa li rriżultat mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98 lill-istituzzjonijiet, lill-korpi u lill-organi l-oħra tal-Unjoni. Fil-fatt, għandu, qabel kollox, jiġi osservat li l-investigazzjonijiet fuq l-ilment u r-reklutaġġ ta’ uffiċjali għad-dipartimenti tiegħu jikkostitwixxu żewġ funzjonijiet separati tal-Ombudsman u li huwa ma għandux jagħmel konnessjoni bejn l-ilmenti li fuqhom qed jinvestiga u l-assenza ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni rilevanti għar-reklutaġġ, jiġifieri, f’dan il-każ, it-tniżżil tar-rikorrenti f’lista ta’ kandidati xierqa li tirriżulta minn kompetizzjoni. Barra minn hekk u f’kull każ, għandu jitfakkar li l-Ombudsman għandu marġni ta’ diskrezzjoni dwar il-mod ta’ kif irid imexxi l-investigazzjoni tiegħu u li l-għażla tiegħu li l-ewwel jinvestiga mal-Parlament ma taqbiżx il-limiti ta’ dan il-marġni ta’ diskrezzjoni.

186    F’dak li jirrigwarda l-investigazzjoni ex officio tal-Ombudsman, huwa ma jistax jiġi kkritikat talli investiga mingħajr ma l-ewwel ivverifika jekk, fil-kwalità tiegħu ta’ korp tal-Unjoni, kienx irċieva mingħand il-Parlament l-informazzjoni li tgħid li isem ir-rikorrenti kien tniżżel fil-lista ta’ kandidati xierqa li rriżultat mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98. Fil-fatt, minbarra l-fatt li l-Ombudsman għandu marġni ta’ diskrezzjoni fl-organizzazzjoni tal-investigazzjonijiet tiegħu u jista’ għalhekk jagħżel liema aspett rilevanti huwa għandu jispezzjoni l-ewwel, għandu jiġi osservat li, anki li kieku l-Ombudsman kien irċieva din l-informazzjoni, dan mhux neċessarjament kien ikun suffiċjenti sabiex jintwera li anki l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi l-oħra tal-Unjoni kienu rċevew l-imsemmija informazzjoni. Għaldaqstant, l-ilment tar-rikorrenti, miġbur fil-qosor fil-punt 184 iktar ’il fuq, huwa infondat.

187    Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti tqis li l-fatt li, fid-deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2007, l-Ombudsman indika li l-ispezzjoni kienet ikkonfermat li l-curriculum vitae tagħha kien intbagħat lill-Kunsill filwaqt li naqas li jispeċifika li dan kien intbagħat wara talba tagħha biex tipprova li l‑Kunsill ma kellux informazzjoni dwar il-lista ta’ kandidati xierqa li rriżultat mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98, minkejja li kien ko-organizzatur tal-imsemmija kompetizzjoni. Hija ssostni wkoll li l-fatt li hija rċeviet tweġiba negattiva għat-talba tagħha ta’ impjieg mal-Qorti tal-Awdituri Ewropea kien jimplika li din ma kellhiex informazzjoni dwar l-imsemmija lista. Fl-aħħar nett, hija tinvoka l-iskambju ta’ ittri tagħha mal-EPSO fl-2007 u tikkunsidra li minn dan ma jistax jiġi dedott li isimha kien tniżżel fil-lista tal-EPSO qabel is-26 ta’ April 2007. Hija tikkritika lill-Ombudsman talli ma kkonfrontax l-informazzjoni provenjenti mill-EPSO li hija kienet għaddietlu mal-allegazzjonijiet tal-Parlament ibbażati fuq id-dokument “pooling” tal-14 ta’ Mejju 2007.

188    Dawn il-kunsiderazzjonijiet tar-rikorrenti jsostnu l-ilment tagħha bbażat fuq l-assenza ta’ prova ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-organi l-oħra tal-Unjoni tat-tniżżil ta’ isimha fil-lista ta’ kandidati xierqa li rriżultat mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98, bil-konsegwenza li tivvizzja l-evalwazzjoni li l-Ombudsman għamel f’dan ir-rigward fid-deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2007. Peress li l-Qorti Ġenerali tirrikonoxxi li l-Ombudsman wettaq illegalità f’dan ir-rigward (ara l-punti 104 et seq iktar ’il fuq), dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jaffettwawx is-soluzzjoni tal-kawża. Il-Qorti Ġenerali madankollu tosserva li l-fatt li l‑Kunsill talab il-curriculum vitae tar-rikorrenti wara talba min-naħa tagħha ma jipprova xejn fir-rigward tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-Kunsill tal-lista ta’ kandidati xierqa li fuqha kien hemm imniżżel isem ir-rikorrenti. Bl-istess mod, il-fatt li l-Qorti tal-Awdituri tirrispondi talba tar-rikorrenti billi tindika li ma kienx hemm pożizzjonijiet iddikjarati vakanti li jikkorrispondu għat-talba tagħha ma juri xejn fir-rigward tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Awdituri tal-lista ta’ kandidati xierqa li fuqha kien hemm imniżżel isem ir-rikorrenti.

189    Il-ħames nett, sa fejn ir-rikorrenti tqis li l-Ombudsman wettaq żball meta, fil-kuntest tal-investigazzjoni ex officio tiegħu, ma investigax fir-rigward tat-trażmissjoni tal-lista ta’ kandidati xierqa li rriżultat mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98, dan l-ilment huwa sovrapost għal dak eżaminat fil-punti 153 et seq iktar ’il fuq.

e)     Fuq il-punt 2.2 tad-deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2007

190    Ir-rikorrenti tqis li l-Ombudsman wettaq żball meta fl-ittra tiegħu tal-1 ta’ Ottubru 2008 huwa indika li qiegħed “jerġa jikkonferma li l-punt 2.2 tad-deċiżjoni [tiegħu kien] ibbażat fuq il-konstatazzjoni tal-Parlament, magħmula fl-opinjoni tiegħu tal-20 ta’ Marzu 2007, li l-lista ta’ kandidati xierqa [li rriżultat mill-Kompetizzjoni] EUR/A/151/98 [kienet] ġiet imxandra lid-[DĠ] kollha”. Fil-fatt, hija ssostni li b’dan il-mod l-Ombudsman indika li huwa ma kienx qed jibbaża ruħu fuq il-fajl ta’ investigazzjoni sabiex jiddeċiedi, iżda biss fuq allegazzjonijiet unilaterali tal-Parlament.

191    Dan l-ilment tar-rikorrenti ma jistax jiġi milqugħ, għaliex, kif jindika l-Ombudsman, fil-punt 2.2 tad-deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2007, huwa sempliċement ippreżenta, mingħajr żball, il-pożizzjoni tal-Parlament. Huwa ma evalwax l-imsemmija pożizzjoni f’dan il-punt. Min-naħa l-oħra, sa fejn ir-rikorrenti tikkontesta l-assenza ta’ prova tat-trażmissjoni tal-lista ta’ kandidati xierqa li rriżultat mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98 lid-DĠ kollha tal-Parlament, għandu jiġi osservat li dan l-ilment jingħaqad ma dak eżaminat fil-punti 134 et seq iktar ’il fuq u li r-rikorrenti kienet iġġustifikata meta osservat l-assenza ta’ prova tal-imsemmija trażmissjoni.

f)     Fuq il-perijodu ta’ validità tal-lista ta’ kandidati xierqa

192    L-ewwel nett, ir-rikorrenti tqis li l-Ombudsman wettaq żball meta qies, fil-punt 2.6 tad-deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2007, li l-għażla tad-data ta’ skadenza tal-validità ta’ lista ta’ kandidati xierqa kienet taqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali tal-Awtorità tal-Ħatra. Hija ssostni li r-Regolamenti tal-Persunal ma jagħtux tali setgħa lill-Awtorità tal-Ħatra.

193    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tqis li minn qari flimkien tal-Artikoli 29 u 30 tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li hija l-Awtorità tal-Ħatra li għandha tiddetermina l-perijodu ta’ validità ta’ lista ta’ kandidati xierqa li tirriżulta minn kompetizzjoni. F’dan ir-rigward l-Awtorità tal-Ħatra għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandha tiġi eżerċitata fl-osservanza tal-prinċipji ġenerali, bħal prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ dmir ta’ motivazzjoni. Għaldaqstant, l-Ombudsman ma wettaqx żball meta qies li l-għażla tad-data ta’ skadenza tal-validità ta’ tali lista kienet deċiżjoni li taqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni.

194    It-tieni nett, sa fejn ir-rikorrenti tikkritika lill-Ombudsman talli wettaq żball meta ma kkonstatax li d-deċiżjoni tal-Parlament li jestendi l-validità tal-lista ta’ kandidati xierqa li fuqha kien hemm isimha kienet ivvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni, għandu jiġi osservat li, fl-ittra tiegħu tas-17 ta’ Lulju 2007, il-Parlament speċifika li din l-estensjoni kienet ingħatat sabiex l-Ombudsman ikun jista’ jagħlaq l-investigazzjoni tiegħu. Għaldaqstant, l-ilment tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud għaliex infondat.

195    It-tielet nett, sa fejn ir-rikorrenti tqis li l-Ombudsman wettaq żball meta ma investigax, wara l-estensjoni tal-validità tat-tniżżil ta’ isimha fil-lista ta’ kandidati xierqa li rriżultat mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98, dwar id-diskriminazzjoni li saret fil-konfront tagħha meta mqabbla mal-kandidati l-oħra li għaddew mill-imsemmija kompetizzjoni f’dak li jirrigwarda t-tul tat-tniżżil ta’ isimhom fl-imsemmija lista, għandu jiġi osservat li dan l-ilment diġà tressaq fil-kuntest tal-ewwel motiv. Dan għandu jiġi miċħud għar-raġunijiet esposti fil-punti 127 et seq iktar ’il fuq.

196    Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti tqis li l-Ombudsman wettaq żball meta ma ħax azzjoni fir-rigward tal-ittra tagħha tad-19 ta’ Ottubru 2007, fejn kienet indikatlu li “l-fatt li estenda [l-validità tal-]lista ta’ kandidati xierqa [li rriżultat mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98] biss bi [tliet] xhur (li xahrejn minnhom kienu jaqgħu fil-perijodu tal-leave), [kien jikkonferma] id-diskriminazzjoni [li tagħha hija kienet vittma] minn xi snin ’il hawn, għaliex [kienet] użanza li l-validità tal-listi ta’ kandidati xierqa li tirriżulta minn kompetizzjonijiet ġenerali tiġi estiża għal perijodi ħafna itwal, u dan għall-benefiċċju, minn naħa, tal-kandidati li għaddew u, min-naħa l-oħra, tad-diversi istituzzjonijiet”. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tqis, qabel kollox li, peress li d-data ta’ din l-ittra u d-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2007 huma qrib xulxin, ma jistax jiġi stabbilit b’ċertezza li l-Ombudsman seta’ jsir jaf b’din l-ittra qabel l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni. Barra minn hekk u f’kull każ, peress li l-kwistjoni tad-diskriminazzjoni mqajma f’din l-ittra tirrigwarda l-estensjoni tat-terminu ta’ validità tal-listi ta’ kandidati xierqa, ilment f’dan ir-rigward seta’ jsir validament biss wara l-estensjoni effettiva tal-validità tal-lista li fuqha kien hemm imniżżel isem ir-rikorrenti (ara l-punt 132 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, dan huwa lment separat li jista’ jiġġustifika t-tressiq ta’ lment ġdid, iżda ma huwiex estensjoni tas-suġġett tal-investigazzjoni fuq l-ilment. L-Ombudsman għalhekk ma wettaq ebda żball meta ma investigax din l-allegata diskriminazzjoni fil-kuntest tal-ilment.

197    Il-ħames nett, ir-rikorrenti tqis li, fid-deċiżjoni tal-31 ta’ Marzu 2011, l-Ombudsman wettaq żball meta qies li l-Parlament ma kienx iddiskrimina kontriha meta mqabbla mal-kandidati l-oħra li għaddew mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98 f’dak li kien jirrigwarda d-determinazzjoni tal-perijodu ta’ validità tal-lista ta’ kandidati xierqa li rriżultat mill-imsemmija kompetizzjoni. Hija ssostni li, b’kuntrast mal-kandidati l-oħra li isimhom tniżżel fl-imsemmija lista fl-2001, li kienet valida sal-2007, isimha tniżżel biss fl-2005.

198    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jkunux ittrattati b’mod differenti, sakemm differenzjazzjoni ma tkunx oġġettivament iġġustifikata (sentenzi tad-19 ta’ Ottubru 1977, Ruckdeschel et, 117/76 u 16/77, Ġabra, EU:C:1977:160, punt 7; tas-16 ta’ Ottubru 1980, Hochstrass vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, 147/79, Ġabra, EU:C:1980:238, punt 7, u tas-26 ta’ Settembru 1990, Beltrante et vs Il-Kunsill, T‑48/89, Ġabra, EU:T:1990:50, punt 34). Għalhekk jirriżulta li jkun hemm ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni meta żewġ kategoriji ta’ persuni, li s-sitwazzjonijiet fattwali u legali tagħhom ma jkollhomx differenzi essenzjali, jiġu ttrattati b’mod differenti jew meta sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati b’mod identiku (sentenza tas-16 ta’ April 1997, Kuchlenz-Winter vs Il-Kummissjoni, T‑66/95, Ġabra, EU:T:1997:56, punt 55). Sabiex differenza fit-trattament tista’ tkun kompatibbli mal-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni, din id-differenza għandha tkun iġġustifikata fuq il-bażi ta’ kriterju oġġettiv u raġonevoli u għandha tkun proporzjonata fid-dawl tal-għan imfittex minn din id-differenzjazzjoni (sentenza tat-2 ta’ Marzu 2004, Di Marzio vs Il-Kummissjoni, T‑14/03, ĠabraSP, EU:T:2004:59, punt 83).

199    F’dan il-każ, il-lista ta’ kandidati xierqa li rriżultat mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98 inħolqot fit-12 ta’ Jannar 2001. F’din il-lista ġew inizjalment imniżżla l-ismijiet ta’ 22 il-kandidati li għaddew. Issa, kif ġie espost fil-punt 113 iktar ’il fuq, dawn it-22 il-kandidati inizjali li għaddew minn din il-kompetizzjoni kollha ġew irreklutati qabel il-31 ta’ Diċembru 2002, ħlief għal kandidat wieħed li ġie rreklutat fl-1 ta’ Ġunju 2003. Għalhekk, dawn il-kandidati inizjali li għaddew kollha bbenefikaw minn perijodu ta’ tniżżil ta’ isimhom fl-imsemmija lista ta’ kandidati xierqa ta’ minn tal-inqas sentejn, erba’ xhur u għoxrin ġurnata.

200    Ir-rikorrenti inizjalment ma kinitx fost il-kandidati li għaddew mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98 li ismijiethom kienu tniżżlu fil-lista ta’ kandidati xierqa li rriżultat mill-imsemmija kompetizzjoni li kienet inħolqot fit-12 ta’ Jannar 2001 u kkontestat dan b’suċċess quddiem il-Qorti Ġenerali (sentenza Staelen vs Il-Parlament, punt 6 iktar ’il fuq, EU:T:2003:52). Fis-17 ta’ Mejju 2005, isem ir-rikorrenti żdied fuq l-imsemmija lista. F’ittra tad-19 ta’ Mejju 2005, il-Parlament informa lir-rikorrenti bil-fatt li isimha kien tniżżel f’din il-lista, li hija kienet l-uniku kandidat li għadda li ismu kien għadu jidher f’din il-lista u li l-lista inkwistjoni kellha tibqa’ fis-seħħ sal-1 ta’ Ġunju 2007. Madankollu, fis-6 ta’ Ġunju 2007, ir-rikorrenti ġiet informata bil-fatt li s-Segretarju Ġenerali tal-Parlament kien talab li tinbeda l-proċedura sabiex il-validità tal-lista inkwistjoni tiġi estiża sal-31 ta’ Awwissu 2007. Fis-17 ta’ Lulju 2007, ir-rikorrenti ġiet informata bl-adozzjoni tad-deċiżjoni li l-validità tal-lista inkwistjoni tiġi estiża sal-31 ta’ Awwissu 2007. Għalhekk, isem ir-rikorrenti tniżżel fil-lista ta’ kandidati xierqa inkwistjoni għal sentejn, tliet xhur u erbatax il-ġurnata.

201    Konsegwentement, il-perijodu li matulu isem ir-rikorrenti kien imniżżel fil-lista ta’ kandidati xierqa li rriżultat mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98, kien iqsar minn dak li minnu bbenefikaw il-kandidati l-oħra li għaddew mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98.

202    Fid-deċiżjoni tal-31 ta’ Marzu 2011, l-Ombudsman qies li ma kienx hemm każ ta’ amministrazzjoni ħażina f’dak li jirrigwarda d-differenza allegata mir-rikorrenti bejn il-perijodu ta’ validità tal-lista ta’ kandidati xierqa li rriżultat mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98, li minnu hija kienet ibbenefikat għat-tniżżil ta’ isimha u l-perijodu li minnu bbenefikaw, għat-tniżżil ta’ isimhom, il-kandidati li għaddew mill-imsemmija kompetizzjoni, minħabba li l-Parlament kien spjegalu li dawn il-kandidati l-oħra li għaddew kienu ġew irreklutati fis-sentejn ta’ wara l-pubblikazzjoni tal-lista ta’ kandidati xierqa li rriżultat mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98, filwaqt li isem ir-rikorrenti kien tniżżel fuq din il-lista għal perijodu ta’ ftit iktar minn sentejn, jiġifieri perijodu itwal minn dak li matulu l-ismijiet tal-kandidati l-oħra li għaddew kienu mniżżla fl-imsemmija lista, u li din l-ispjegazzjoni tal-Parlament kienet konvinċenti.

203    Fid-dawl tal-fatti esposti fil-punti 199 sa 201 iktar ’il fuq, l-ispjegazzjoni mogħtija mill-Parlament kienet żbaljata u l-Ombudsman ma setax, abbażi ta’ din l-ispjegazzjoni, jqis li ma kienx hemm każ ta’ amministrazzjoni ħażina min-naħa tal-Parlament f’dan ir-rigward.

204    Il-fatt li, matul investigazzjoni, spjegazzjoni mogħtija minn istituzzjoni lill-Ombudsman tista’ tidher konvinċenti, ma jeżentax lill-Ombudsman mir-responsabbiltà li jiżgura ruħu li l-fatti li fuqhom hija bbażata din l-ispjegazzjoni jkunu minnhom meta l-imsemmija spjegazzjoni tkun tikkostitwixxi l-unika bażi tal-konstatazzjoni tagħha ta’ assenza ta’ każ ta’ amministrazzjoni ħażina min-naħa tal-imsemmija istituzzjoni.

205    Għalhekk, l-Ombudsman ma aġixxiex bid-diliġenza kollha meħtieġa meta kkonstata assenza ta’ każ ta’ amministrazzjoni ħażina min-naħa tal-Parlament meta aċċetta l-ispjegazzjonijiet ta’ dan tal-aħħar fir-rigward tar-reklutaġġ tat-22 il-kandidat inizjali li għaddew mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98 mingħajr ma rċieva elementi li jikkonfermaw id-data tar-reklutaġġ ta’ kull wieħed minn dawn il-kandidati li għaddew u meta rriżulta li dawn l-ispjegazzjonijiet kienu infondati. Dan in-nuqqas ta’ diliġenza jista’ jagħti lok għar-responsabbiltà tal-Unjoni fir-rigward tal-aġir tal-Ombudsman (ara l-punti 84 sa 86 iktar ’il fuq).

g)     Fuq il-qerda tal-fajl tar-rikorrenti

206    Ir-rikorrenti essenzjalment tqis li l-Ombudsman wettaq żbalji matul l-investigazzjonijiet tiegħu meta ma opponiex il-qerda, mill-Parlament, tal-fajl tagħha u meta kkunsidra li ma kienx neċessarju li jivverifika jekk il-Parlament kienx iġġustifikat meta ma qeridx biss id-data personali li tinsab fil-fajl tagħha iżda qered il-fajl kollu kemm hu.

207    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti rċeviet, fil-15 ta’ Ottubru 2007, ittra mingħand id-Direttur Ġenerali tad-DĠ tal-persunal tal-Parlament li kienet tinformaha li l-validità tal-lista ta’ kandidati xierqa li rriżultat mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98 kienet skadiet fil-31 ta’ Awwissu 2007 u li, jekk hija tixtieq, il-fajl ta’ kandidatura tagħha seta’ jinżamm għal perijodu ta’ sentejn u nofs, fil-każ ta’ eventwali tilwima dwar l-imsemmija kompetizzjoni. Skont l-Artikoli 2 u 4 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, li abbażi tiegħu kienet ġiet organizzata l-Kompetizzjoni EUR/A/151/98, il-fajl ta’ kandidatura kellu jinkludi l-formola li kellha timtela minn kull persuna li tixtieq tapplika għal kompetizzjoni kif ukoll id-dokumenti jew l-informazzjoni addizzjonali mehmuża magħha. Fid-19 ta’ Ottubru 2007, ir-rikorrenti informat lill-Ombudsman bil-kontenut tal-ittra tal-15 ta’ Ottubru 2007. F’Marzu 2010, il-Parlament qered il-fajl kollu tar-rikorrenti relatat ma din il-kompetizzjoni, jiġifieri mhux biss il-fajl ta’ kandidatura, iżda wkoll il-fajl li kien jinkludi d-dokumenti miżjuda wara li l-kandidatura tagħha ġiet aċċettata. Fid-29 ta’ Lulju 2010, l-Ombudsman beda l-investigazzjoni ex officio. Fl-aħħar nett, fil-punt 86 tad-deċiżjoni tal-31 ta’ Marzu 2011, l-Ombudsman qies dan li ġej:

“Il-Parlament [kien] qies li l-qerda ta’ dan il-fajl kienet konformi mal-politika ġenerali tiegħu f’dan il-qasam u kienet neċessarja sabiex josserva l-obbligi ġenerali tiegħu li jirriżultaw mir-regoli fil-qasam ta’ protezzjoni tad-data. Huwa [kien] ipprovda kopja tar-regoli inkwistjoni li minnhom [kien] jirriżulta li d-data dwar kandidati mhux irreklutati [kellha] tinqered sentejn u nofs wara li [tkun] skadiet il-validità tal-lista ta’ riżerva inkwistjoni. Il-Parlament [kien] barra minn hekk spjega għalfejn ma [kienx] jillimita ruħu għall-qerda tad-data personali dwar kandidat inkwistjoni li [kienet] tinsab fil-fajl, iżda [kien] jeqred il-fajl kollu kemm hu. L-Ombudsman [kien] osserva li l-mod kif il-Parlament [kien] tratta l-fajl tar-rikorrenti donnu [kien] konformi mal-approċċ ġenerali f’tali każijiet, jiġifieri li d-dokumenti inkwistjoni jinqerdu sentejn u nofs wara l-iskadenza tal-validità tal-listi ta’ riżerva inkwistjoni. Huwa [kien] iqis li [ma kienx hemm] lok li jiġi eżaminat, fil-każ preżenti, jekk il-Parlament [kienx] aġixxa b’mod korrett meta ma qeridx biss id-data personali tal-lanjanti, iżda wkoll il-fajl kollu kemm hu. Fil-fatt, li [kien] rilevanti fil-każ preżenti [kien] li mill-informazzjoni pprovduta mill-Parlament [kien] jirriżulta li dan tal-aħħar ma [kellu] l-ebda kopja tal-ittri u tal-posta elettronika li jinformaw lill-istituzzjonijiet u lill-korpi l-oħra tal-Unjoni bil-fatt li isem il-lanjanti [kien] ġie miżjud fil-lista ta’ riżerva inkwistjoni li kienet teżisti preċedentement. Ma [kien] hemm xejn li [kien] jissuġġerixxi li l-Parlament [kien] qered il-fajl inkwistjoni sabiex jeqred provi.”

208    L-ewwel nett, ir-rikorrenti tikkritika lill-Ombudsman talli ma opponiex il-qerda, mill-Parlament, tal-fajl tagħha, għaliex, skontha, din il-qerda kienet tagħmel impossibbli t-tkomplija tal-investigazzjoni ex officio tal-Ombudsman.

209    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li mill-atti tal-proċess ta’ din il-kawża ma jirriżultax li r-rikorrenti nnifisha opponiet il-qerda tal-fajl tagħha, minkejja li hija setgħet tagħmel dan. Iktar minn hekk, fl-ittra tad-19 ta’ Ottubru 2007, l-Ombudsman ġie informat biss bil-qerda tal-fajl ta’ kandidatura tar-rikorrenti u mhux tal-fajl kollu. Issa, fid-dawl tal-kontenut tal-fajl ta’ kandidatura, ir-rikorrenti ma esponietx sa fejn dan seta’ jkun ta’ xi utilità sabiex tintwera t-trażmissjoni tal-lista ta’ kandidati xierqa li rriżultat mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98, lill-istituzzjonijiet, lill-korpi jew lill-organi tal-Unjoni. Fid-dawl tal-kontenut tal-imsemmi fajl, l-assenza ta’ turija tar-rilevanza tiegħu min-naħa tar-rikorrenti, u l-fatt li ma huwiex paċifiku li l-Ombudsman kien jaf li l-fajl kollu tar-rikorrenti kien ser jinqered u mhux biss il-fajl ta’ kandidatura tagħha, dan tal-aħħar ma jistax jiġi kkritikat talli ma opponiex din il-qerda.

210    Barra minn hekk u f’kull każ, ir-rikorrenti ma wrietx li, teoretikament, kien biss il-fajl tagħha għand l-Parlament li kien jippermetti li jintwera li l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi l-oħra tal-Unjoni kienu ġew informati bit-tniżżil ta’ isimha fil-lista ta’ kandidati xierqa li rriżultat mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98. Kif jindika l-Ombudsman, kienu disponibbli sorsi oħra ta’ informazzjoni fosthom, b’mod partikolari, għand il-Kunsill. Madankollu, ir-rikorrenti kienet opponiet li l-Ombudsman jinvestiga ma dawn l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi l-oħra tal-Unjoni (ara l-punti 153 et seq iktar ’il fuq). Fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni li l-Ombudsman għandu fl-organizzazzjoni tal-investigazzjonijiet tiegħu u ta’ eventwali sorsi oħra, l-assenza ta’ oppożizzjoni mill-Ombudsman għall-qerda tal-fajl tar-rikorrenti mill-Parlament ma hijiex biżżejjed sabiex jintwera aġir illegali min-naħa tal-Ombudsman.

211    It-tieni nett, ir-rikorrenti tqis li l-Ombudsman wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qies li ma kienx neċessarju li jivverifika jekk il-Parlament kienx iġġustifikat meta qered il-fajl tagħha kollu kemm hu, meta kien manifest li din il-qerda kienet irregolari.

212    Fid-dawl tal-għan tal-investigazzjoni ex officio tal-Ombudsman, dan tal-aħħar ma wettaqx żbalji meta qies li ma kienx importanti li jagħmel investigazzjonijiet fuq il-qerda tal-fajl kollu kemm hu tar-rikorrenti mill-Parlament. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 43 tad-deċiżjoni tal-31 ta’ Marzu 2011, l-għan tal-investigazzjoni ex officio kien li jinforma lill-istituzzjonijiet, lill-korpi u lill-organi l-oħra tal-Unjoni bit-tniżżil ta’ isem ir-rikorrenti fil-lista ta’ kandidati xierqa li rriżultat mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98, il-perijodu ta’ validità ta’ din il-lista u l-ugwaljanza fit-trattament tar-rikorrenti u tal-kandidati l-oħra li għaddew mill-imsemmija kompetizzjoni f’dak li jirrigwarda l-perijodu ta’ validità tal-imsemmija lista.

213    Konsegwentement, l-Ombudsman setgħa validament ma jinvestigax, fil-kuntest tal-investigazzjoni ex officio tiegħu, dwar il-kwistjoni ta’ jekk il-Parlament kienx iġġustifikat meta qered il-fajl tar-rikorrenti kollu kemm hu.

214    Barra minn hekk, sa fejn ir-rikorrenti tikkritika speċifikament lill-Ombudsman talli ma investigax dwar il-qerda illegali tad-data personali tagħha, kif jindika l-Ombudsman fil-kontroreplika, ir-rikorrenti ma għamlitx tali lment fl-istadju tar-rikors. Issa, mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 44(1)(ċ), flimkien ma’ dawk tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li r-rikors promotur għandu jindika s-suġġett tal-kawża u għandu jkollu sunt tal-motivi mressqa u li ebda motiv ġdid ma jista’ jiġi ppreżentat fil-mori tal-kawża sakemm dan il-motiv ma jkunx ibbażat fuq punti ta’ fatt u ta’ liġi li joħorġu matul il-proċedura. Madankollu, motiv jew argument, li jikkostitwixxi l-estensjoni ta’ motiv imressaq preċedentement, direttament jew impliċitament, fir-rikors promotur u li jkunu marbuta mill-qrib ma’ dan il-motiv għandu jiġi ddikjarat ammissibbli (ara s-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2007, Aluminium Silicon Mill Products vs Il-Kunsill, T‑107/04, Ġabra, EU:T:2007:85, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan il-każ, l-imsemmi lment ma jikkostitwixxix estensjoni ta’ lment eżistenti. Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud għaliex inammissibbli.

215    Barra minn hekk u f’kull każ, matul l-investigazzjonijiet imwettqa f’dan il-każ mill-Ombudsman, ir-rikorrenti qatt ma għamlet tali lment mal-Ombudsman. Fl-ittra tagħha tad-19 ta’ Ottubru 2007, ir-rikorrenti ma opponietx il-qerda tal-fajl ta’ kandidatura tagħha kif imħabbra fl-ittra tal-Parlament tal-15 ta’ Ottubru 2007. Ir-rikorrenti lanqas ma lmentat dwar tali illegalita mal-Ombudsman wara d-deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2007 jew matul l-investigazzjoni ex officio tiegħu. Għalhekk, l-Ombudsman ma jistax jiġi kkritikat talli ma investigax dwar din il-kwistjoni.

h)     Fuq it-tweġiba għall-ittra tal-15 ta’ Mejju 2007

216    Ir-rikorrenti tikkritika lill-Ombudsman talli injora l-fatt li l-Parlament ma kienx wieġeb għall-ittra tagħha tal-15 ta’ Mejju 2007 li permezz tagħha hija talbet estensjoni tal-validità tal-lista ta’ kandidati xierqa inkwistjoni.

217    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi osservat li, fl-ittra tas-6 ta’ Ġunju 2007, il-Parlament indika espliċitament li din l-ittra kienet tikkostitwixxi tweġiba għall-ittra tar-rikorrenti tal-15 ta’ Mejju 2007. Barra minn hekk, fil-punt 81 tad-deċiżjoni tal-31 ta’ Marzu 2011, l-Ombudsman ittratta espliċitament il-kwistjoni tat-tweġiba għall-ittra tal-15 ta’ Mejju 2007. Għalhekk huwa ma jistax jiġi akkużat li injora s-suġġett tat-tweġiba tal-Parlament għall-ittra tal-15 ta’ Mejju 2007. Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrenti kisbet estensjoni, sal-31 ta’ Awwissu 2007, tal-validità tal-lista ta’ kandidati xierqa inkwistjoni.

218    Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni mill-Ombudsman tal-fatt li l-Parlament ma kienx wieġeb l-ittra tar-rikorrenti tal-15 ta’ Mejju 2007 għandu jiġi miċħud għaliex infondat.

i)     Fuq l-assenza ta’ investigazzjoni dwar l-oppożizzjoni tal-Parlament għall-ħatra tagħha

219    Ir-rikorrenti tikkritika lill-Ombudsman talli ma investigax dwar l-oppożizzjoni tal-Parlament għall-ħatra tagħha.

220    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, fl-ilment, ir-rikorrenti indikat li, peress li hija kienet l-unika kandidata li għaddiet mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98 li isimha kien tniżżel fil-lista ta’ kandidati xierqa tal-imsemmija kompetizzjoni li ma ġietx maħtura, minn dan hija tiddeduċi li kienet vittma ta’ aġir vendikattiv min-naħa tal-Parlament. Hija enfasizzat li ħbieb uffiċjali li jaħdmu fl-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni, li ma setgħetx issemmi isimhom għal raġunijiet ta’ kunfidenzjalità, kienu kkonfermaw is-suspetti tagħha.

221    L-Ombudsman iddeċieda, wara l-ilment, li jinvestiga dwar it-trattament tal-fajl tar-rikorrenti wara l-inklużjoni ta’ isimha fil-lista ta’ kandidati xierqa li rriżultat mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98 u fuq in-natura ġusta tat-trattament li kellu jingħata lir-rikorrenti fil-kuntest tal-mili ta’ pożizzjoni fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

222    Dan l-approċċ ma huwiex ivvizzjat b’illegalità. Fil-fatt, peress li l-allegazzjoni tal-aġir vendikattiv tal-Parlament hija msejsa fuq deduzzjoni u fuq allegazzjonijiet minn sorsi mhux identifikati, huwa kellu jinvestiga l-fatti li wasslu għal din id-deduzzjoni u għal dawn l-allegazzjonijiet. Issa, l-Ombudsman għamel dan meta ddefinixxa s-suġġett tal-investigazzjoni fuq l-ilment.

j)     Konklużjoni

223    Mill-eżami tat-tieni motiv jirriżulta li, minbarra l-illegalitajiet stabbiliti fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel motiv, l-Ombudsman naqas milli josserva l-obbligu ta’ diliġenza meta bbaża ruħu fuq sempliċi dikjarazzjoni tal-Parlament dwar il-perijodu li matulu l-ismijiet tal-kandidati li għaddew kienu mniżżla fil-lista ta’ kandidati xierqa (ara l-punt 205 iktar ’il fuq). Il-konsegwenza ta’ dan in-nuqqas ta’ diliġenza kienet li l-Ombudsman żbaljatament ikkunsidra bħala minnhom ċerta fatti u, għaldaqstant, żbaljatament ikkonkluda li ma kienx hemm każ ta’ amministrazzjoni ħażina min-naħa tal-Parlament.

3.     Fuq l-illegalitajiet minħabba l-assenza ta’ imparzjalita, ta’ oġġettività u ta’ indipendenza kif ukoll il-mala fides tal-Ombudsman u użu ħażin ta’ poter

224    Fil-kuntest tat-tielet motiv, ir-rikorrenti tallega li, fil-kuntest tal-investigazzjonijiet inkwistjoni f’dan il-każ, l-Ombudsman kien ħati ta’ assenza ta’ imparzjalita, ta’ oġġettività u ta’ indipendenza, kien in mala fides u wettaq użu ħażin ta’ poter.

225    L-ewwel nett, ir-rikorrenti għandha dubji dwar ir-regolarità tal-ftehim ta’ kooperazzjoni tal-15 ta’ Marzu 2006 konkluż bejn il-Parlament u l-Ombudsman (iktar ’il quddiem il-“ftehim ta’ kooperazzjoni”) u dwar l-effett ta’ dan il-ftehim fuq it-trattament indipendenti u oġġettiv tal-ilment.

226    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tqis li r-rikorrenti ma tesponix bi preċiżjoni suffiċjenti l-portata tal-ilment tagħha. Sempliċi mistoqsija ma hijiex biżżejjed sabiex tispjega r-raġunijiet li għalihom hija tikkunsidra li l-Ombudsman ma huwiex indipendenti fir-rigward tal-Parlament.

227    L-unika allegazzjoni suffiċjentement preċiża tar-rikorrenti dwar il-ftehim ta’ kooperazzjoni hija dik li tgħid li l-Ombudsman ma kellux l-indipendenza meħtieġa minħabba s-sostenn mogħti lilu, abbażi ta’ dan il-ftehim, mid-dipartiment legali tal-Parlament fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu.

228    Ċertament, l-Artikolu 8 tal-ftehim ta’ kooperazzjoni jipprevedi l-possibbiltà ta’ kooperazzjoni fil-qasam ġuridiku bejn l-Ombudsman u l-Parlament. Madankollu, ir-rikorrenti ma tipprovdi l-ebda ħjiel ta’ prova li l-Ombudsman uża din il-possibbiltà f’dan il-każ. B’mod partikolari, hija ma tipprovdi l-ebda indizju li juri li fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu ta’ investigazzjoni l-Ombudsman ibbenefika mis-sostenn tad-dipartiment legali tal-Parlament. Għaldaqstant, l-ilment tar-rikorrenti li jgħid li l-Ombudsman ma kellux l-indipendenza meħtieġa minħabba l-imsemmi ftehim għandu jiġi miċħud għaliex infondat.

229    It-tieni nett, ir-rikorrenti tqis li l-mala fides tal-Ombudsman hija r-rieda ta’ dan tal-aħħar li jipproteġi lill-Parlament, rieda li tirriżulta kemm mill-ittra tal-1 ta’ Ottubru 2008 kif ukoll minn dik tal-10 ta’ Marzu 2010 li fihom jissemma l-punt 2.5 tad-deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2007, bl-eċċezzjoni tas-silta żbaljata, li jgħid li fl-opinjoni tiegħu l-Parlament kien diġà indika li l-lista ta’ kandidati xierqa li tindika d-disponibbiltà tar-rikorrenti kienet tqiegħdet għad-dispożizzjoni ta’ istituzzjonijiet oħra.

230    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li fid-deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2007 l-Ombudsman indika, b’mod żbaljat, li mill-opinjoni tal-Parlament kien jirriżulta li l-lista ta’ kandidati xierqa li fuqha kien hemm isem ir-rikorrenti kienet tqiegħdet għad-dispożizzjoni ta’ istituzzjonijiet oħra (ara l-punt 102 iktar ’il fuq). Madankollu, l-ommissjonijiet indikati mir-rikorrenti fir-rigward tal-ittri tal-1 ta’ Ottubru 2008 u tal-10 ta’ Marzu 2010 ma kinux ommissjonijiet moħbija, peress li fiċ-ċitazzjoni l-ommissjoni hija ssostitwita b’punti sospensivi. Fl-aħħar nett, fiż-żewġ ittri, l-Ombudsman ifakkar il-kontenut tal-evalwazzjoni tiegħu esposta fil-punt 2.5 tad-deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2007 sa fejn din tirrigwarda l-ispezzjoni u mhux l-opinjoni tal-Parlament. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, l-ommissjonijiet imsemmija mir-rikorrenti ma jurux il-mala fides jew il-parzjalità tal-Ombudsman.

231    It-tielet nett, ir-rikorrenti tqis li l-fatt li l-Ombudsman qatt ma eżiġa li l-Parlament jipproduċi l-prova li l-lista ta’ kandidati xierqa li fuqha kien hemm isem ir-rikorrenti kienet tqiegħdet għad-dispożizzjoni tal-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni u li kkuntenta ruħu bid-dokument “pooling” tal-14 ta’ Mejju 2007, jikkostitwixxi indizju ta’ soġġettività u ta’ kollużjoni. Madankollu, il-fatt li l-Ombudsman ma wettaqx korrettament l-investigazzjoni tiegħu dwar il-prova tat-trażmissjoni tal-imsemmija lista lill-istituzzjonijiet, lill-korpi u lill-organi l-oħra tal-Unjoni (ara l-punti 103 et seq iktar ’il fuq) ma jikkostitwixxix, fih innifsu, indizju ta’ soġġettività jew ta’ kollużjoni bejn il-Parlament u l-Ombudsman. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma turix li dan in-nuqqas kien intenzjonali. Din l-evalwazzjoni tgħodd ukoll fir-rigward tan-nuqqas imwettaq mill-Ombudsman minħabba l-assenza ta’ prova tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tad-DĠ l-oħra tal-Parlament ta’ din il-lista.

232    Ir-raba’ nett, għar-raġunijiet esposti fil-punti 168 u 179 iktar ’il fuq, l-Ombudsman ma wettaq l-ebda żball meta ma ppubblikax rettifika tad-deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2007 u meta invoka l-kunfidenzjalità ta’ ċerti dokumenti prodotti mill-Parlament. Għaldaqstant, dawn l-elementi ma jistgħux jiġu invokati sabiex jintwera li l-Ombudsman kien parzjali jew li kkolluda mal-Parlament.

233    Il-ħames nett, ir-rikorrenti tallega li l-mala fides tal-Ombudsman toħroġ mill-fatt li huwa injora s-sejħiet tagħha, dawk ta’ P. u dawk ta’ W. u kien biss wara tliet snin li fetaħ investigazzjoni ġdida. Madankollu, ma jistax jitqies li l-Ombudsman injora l-imsemmija sejħiet, peress li huwa fetaħ investigazzjoni ex officio b’konsegwenza tagħhom. Barra minn hekk, anke jekk kellu jitqies li din l-investigazzjoni ma nfetħitx f’terminu raġonevoli, xorta jibqa’ l-fatt li din il-kunsiderazzjoni ma hijiex biżżejjed biex jiġi pprovat li l-Ombudsman aġixxa in mala fides.

234    Is-sitt nett, ir-rikorrenti tqis li l-Ombudsman kien jaf li d-deċiżjoni tiegħu li jiftaħ investigazzjoni ġdida f’Lulju 2010 ma kienx ser tkun suċċess, peress li kien jaf li l-Parlament kien qered id-data kollha dwar il-fajl tagħha f’Marzu 2010. Fl-opinjoni tagħha, l-investigazzjoni l-ġdida kienet għalhekk sempliċi tentattiv sabiex tinħeba n-negliġenza manifesta li kien hemm fit-tmexxija tal-ewwel investigazzjoni u turi l-parzjalità flagranti tal-Ombudsman favur il-Parlament.

235    Dawn l-ilmenti huma infondati. Fil-fatt, għar-raġunijiet esposti fil-punti 206 et seq iktar ’il fuq, ir-rikorrenti la turi li l-Ombudsman kien jaf li l-Parlament kien ser jeqred il-fajl tagħha kollu kemm hu u lanqas li l-investigazzjoni ex officio tal-Ombudsman ma kienx ser ikollha suċċess. Konsegwentement, dawn l-elementi ma jippermettux li tiġi kkonstatata l-intenzjoni li tinħeba negliġenza manifesta jew li tintwera parzjalità min-naħa tal-Ombudsman fir-rigward tal-Parlament.

236    Is-seba’ nett, ir-rikorrenti tqis li l-Ombudsman aġixxa in mala fides u pprova jaħbi l-ħtija tiegħu meta ddeċieda, fid-deċiżjoni tal-31 ta’ Marzu 2011, li ma kienx hemm każ ta’ amministrazzjoni ħażina, meta aċċetta d-dikjarazzjonijiet tal-Parlament u meta rrifjuta li jistaqsi ex officio lill-istituzzjonijiet, lill-korpi u lill-organi l-oħra. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tqis li, f’dan il-każ, il-fatt li l-Ombudsman żbaljatament aċċetta d-dikjarazzjonijiet tal-Parlament ma jurix suffiċjentement skont il-liġi l-eżistenza tal-mala fides tal-Ombudsman jew ir-rieda ta’ dan tal-aħħar li jaħbi l-ħtija tiegħu. Bl-istess mod, lanqas il-fatt li, f’dan il-każ, l-Ombudsman irrifjuta li jkompli l-investigazzjoni ex officio wara li r-rikorrenti rrifjutat li tikkollabora f’din l-investigazzjoni (ara l-punti 153 et seq iktar ’il fuq), ma jikkostitwixxi prova tal-mala fides tal-Ombudsman jew li pprova jaħbi xi ħtija.

237    It-tmien nett, ir-rikorrenti tqis li l-fatt li rċeviet, ġimgħa qabel id-deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2007, ittra li kienet tħabbrilha l-modalitajiet tal-qerda tad-data relatata mal-fajl ta’ kandidatura tagħha, jagħti x’jifhem li l-Parlament kien, qabilha, sar jaf bl-imsemmija deċiżjoni. Il-Qorti Ġenerali tqis li tali spekulazzjonijiet ma jippermettux li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ kollużjoni bejn il-Parlament u l-Ombudsman.

238    Id-disa’ nett, ir-rikorrenti tallega li l-Ombudsman aġixxa b’mod kontradittorju sa fejn, minn naħa, huwa aċċetta immedjatament li l-EPSO jamministra l-lista ta’ kandidati xierqa li fuqha kien hemm isem ir-rikorrenti fid-database tiegħu u, min-naħa l-oħra, huwa rrifjuta l-pubblikazzjoni tal-imsemmija lista f’Il-Ġurnal Uffiċjali, għaliex ma kienx jixraq li r-regola fil-qasam tal-pubblikazzjoni tiġi applikata retroattivament. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tqis li r-rikorrenti ma spjegatx suffiċjentement ir-raġunijiet li għalihom hija kienet tqis li dan l-approċċ kien kontradittorju. Barra minn hekk u f’kull każ, anki jekk tali approċċ kellu jirriżulta kontradittorju, dan ma huwiex biżżejjed sabiex juri l-eżistenza ta’ kollużjoni bejn il-Parlament u l-Ombudsman.

239    L-għaxar nett, ir-rikorrenti tirrepeti l-ilmenti tagħha dwar il-perijodu ta’ validità tal-lista ta’ kandidati xierqa li rriżultat mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98, jiġifieri, minn naħa, li faħħar lill-Parlament talli estenda l-validità ta’ din il-lista mingħajr ma ħa inkunsiderazzjoni l-assenza ta’ tweġiba minn dan tal-aħħar għat-talba tagħha ta’ estensjoni u, min-naħa l-oħra, l-assenza ta’ investigazzjoni, mill-Ombudsman, fir-rigward tal-allegata diskriminazzjoni bejn is-sitwazzjoni tar-rikorrenti u dik tal-kandidati l-oħra li għaddew mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98, sabiex minnhom tiddeduċi l-mala fides jew il-parzjalità tal-Ombudsman. Fir-rigward ta’ dawn l-ilmenti, għandu jitfakkar li, għar-raġunijiet esposti fil-punti 125 et seq iktar ’il fuq, ir-rikorrenti kienet żbaljata li tallega li l-Parlament ma kienx irrispondiha. Barra minn hekk, fir-rigward tad-diskriminazzjoni, il-ħtija mwettqa (ara l-punti 197 et seq iktar ’il fuq) ma hijiex biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-mala fides jew il-parzjalità tal-Ombudsman.

240    Il-ħdax nett, ir-rikorrenti tqis li huwa suspettuż ħafna li l-Ombudsman ma jipproduċix l-ittra li huwa bagħat lill-Parlament fl-24 ta’ Mejju 2007 u t-tweġiba tal-Parlament tal-31 ta’ Mejju 2007 li jirrigwardaw l-estensjoni tal-perijodu ta’ validità tal-lista ta’ kandidati xierqa li rriżultat mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98 li fuqha kien hemm imniżżel isimha. Peress li l-Ombudsman ipproduċa dawn id-dokumenti fil-kontroreplika, l-imsemmi lment ma għadx għandu skop.

241    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tqis li l-fatt li, fid-deċiżjoni tal-31 ta’ Mejju 2011, l-Ombudsman żnatura s-sens tal-ittra tal-Parlament tas-6 ta’ Ġunju 2007 billi ddikjara li dan kien informah bid-deċiżjoni ta’ estensjoni tal-validità tal-lista ta’ kandidati xierqa li rriżultat mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98 jikkostitwixxi indizju tal-mala fides tal-Ombudsman u tal-eżistenza ta’ kollużjoni bejn dan tal-aħħar u l-Parlament.

242    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, fl-ittra tas-6 ta’ Ġunju 2007, ir-rappreżentant tal-Parlament indika li l-ittra tar-rikorrenti tal-15 ta’ Mejju 2007, li permezz tagħha talbet l-estensjoni tal-validità tal-lista ta’ kandidati xierqa li rriżultat mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98, kienet ingħaddietlu biex jirrispondiha u li kien iddedikalha l-attenzjoni kollha tiegħu. Barra minn hekk, ir-rappreżentant tal-Parlament indika lir-rikorrenti li, fuq talba tal-Ombudsman u fl-istennija tar-riżultati tal-eżami tal-fajl minn dan tal-aħħar, is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament kien talab lid-dipartimenti tiegħu “jibdew il-proċedura sabiex [il-validità] tal-[imsemmija lista ta’ kandidati xierq] tiġi estiża sal-31 ta’ Awwissu 2007”.

243    Barra minn hekk, fid-deċiżjoni tal-31 ta’ Marzu 2011, l-Ombudsman qies dan li ġej:

“Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk il-Parlament kellux jofri tweġiba espliċita għall-ittra tal-lanjanti tal-15 ta’ Mejju 2007, għandu jitfakkar li f’din l-ittra, il-lanjanti talbet lill-Parlament jestendi l-validità tal-lista ta’ riżerva inkwistjoni. L-Ombudsman iqis li huwa evidenti li amministrazzjoni tajba tirrikjedi li l-Parlament jirrispondi din l-ittra. Eżami fid-dettall tas-sottomissjonijiet magħmula fl-[ilment], juri madankollu li tali tweġiba kienet intbagħtet. Permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Ġunju 2007, il-Parlament informa lill-lanjanti li, fuq talba tal-Ombudsman, kien iddeċieda li jestendi l-perijodu ta’ validità tal-lista ta’ riżerva inkwistjoni sal-31 ta’ Awwissu 2007. Kopja ta’ din l-ittra ntbagħtet lill-Ombudsman mil-lanjanti fit-8 ta’ Ġunju 2007. Għaldaqstant, [ma jista’] jiġi kkonstatat l-ebda każ ta’ amministrazzjoni ħażina f’dak li jirrigwarda dan l-aspett tal-każ.”

244    Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, huwa manifest li l-ittra tal-Parlament tas-6 ta’ Ġunju 2007 tikkostitwixxi tweġiba għall-ittra tal-15 ta’ Mejju 2007. Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li, f’din l-ittra, ir-rikorrenti ġiet informata bil-bidu tal-proċedura sabiex il-validità tal-lista ta’ kandidati xierqa li rriżultat mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98 tiġi estiża sal-31 ta’ Awwissu 2007. Peress li din l-inizjattiva kienet toriġina mis-Segretarju Ġenerali tal-Parlament, li kienet timplika l-kunsens ta’ dan tal-aħħar għal tali estensjoni u peress li ġiet ikkomunikata lir-rikorrenti, din tal-aħħar kellha tifhem li l-validità tal-imsemmija lista kellha tiġi estiża sal-31 ta’ Awwissu 2007. Għaldaqstant, din l-ittra la tikkostitwixxi indizju tal-mala fides tal-Ombudsman u lanqas indizju tal-eżistenza ta’ kollużjoni bejn dan tal-aħħar u l-Parlament.

245    It-tnax-il nett, ir-rikorrenti tqis li l-fatt li l-Ombudsman wieġeb fl-1 ta’ Lulju 2008, jiġifieri ftit wara li hija għarrfet, fis-6 ta’ Mejju 2008, lill-Presidenza Franċiża tal‑Kunsill bir-rekriminazzjonijiet tagħha fir-rigward tal-Ombudsman, għall-ittri tagħha tad-19 ta’ Ottubru 2007 u tal-24 ta’ Jannar 2008 jikkostitwixxi indizju tal-eżistenza ta’ kollużjoni bejn l-Ombudsman u l-Parlament li rċieva mistoqsijiet mill-imsemmija Presidenza Franċiża. Dan l-ilment huwa infondat. Fil-fatt, matul is-seduta r-rikorrenti kkonfermat li dan il-fatt ma kienx jikkostitwixxi prova tal-eżistenza ta’ tali kollużjoni. Barra minn hekk, it-tweġiba tal-Ombudsman għall-ittri tar-rikorrenti ftit wara li saru mistoqsijiet lill-Parlament, li r-rikorrenti tikklassifika biss bħala probabbli, ma tikkostitwixxix indizju tal-eżistenza ta’ kollużjoni bejn l-Ombudsman u l-Parlament.

246    Konsegwentement, id-diversi elementi prodotti mir-rikorrenti, kemm jekk ikkunsidrati separatament jew flimkien, ma jippermettux li tintwera l-mala fides, il-parzjalità u approċċ soġġettiv tal-Ombudsman. Bl-istess mod, id-diversi argumenti magħmula mir-rikorrenti, kemm jekk ikkunsidrati separatament jew flimkien, ma jippermettux li tintwera l-eżistenza ta’ kollużjoni bejn l-Ombudsman u l-Parlament.

247    Sa fejn ir-rikorrenti tallega użu ħażin ta’ poter, għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ użu ħażin ta’ poter għandu portata preċiża fid-dritt tal-Unjoni u jirrigwarda s-sitwazzjoni fejn awtorità amministrattiva tuża l-poteri tagħha għal għan li ma jkunx dak li għalih ingħatawlha l-poteri. Deċiżjoni tkun ivvizzjata b’użu ħażin ta’ poter biss jekk din tkun tidher, fuq il‑bażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u uniformi, li tkun ittieħdet sabiex jintlaħqu għanijiet li ma jkunux dawk iddikjarati (sentenzi tal-25 ta’ Ġunju 1997, Italie vs Il-Kummissjoni, C‑285/94, Ġabra, EU:C:1997:313, punt 52, u tat-12 ta’ April 2013, Du Pont de Nemours (France) et vs Il-Kummissjoni, T‑31/07, EU:T:2013:167, punt 334).

248    Ebda wieħed mill-argumenti magħmula mir-rikorrenti iktar ’il fuq ma jippermetti li jiġi kkonstatat, fuq il-bażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u uniformi, li l-Ombudsman adotta d-deċiżjonijiet tiegħu biex jaħbi l-illegalitajiet allegatament imwettqa minnu u dawk allegatament imwettqa mil-Parlament fil-kuntest tal-ġestjoni tal-lista ta’ kandidati xierqa li rriżultat mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98.

249    Għaldaqstant, it-tielet motiv tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

4.     Fuq l-illegalitajiet imwettqa minħabba l-ksur tal-prinċipji ta’ premura u ta’ “amministrazzjoni tajba”, ta’ terminu raġonevoli, tal-Artikoli 14 u 17 tal-kodiċi ta’ mġiba tajba u tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali

a)     Introduzzjoni

250    Fil-kuntest tar-raba’ motiv, ir-rikorrenti tallega li, fl-investigazzjonijiet inkwistjoni f’dan il-każ, l-Ombudsman kiser il-prinċipji ta’ premura u ta’ “amministrazzjoni tajba”, ta’ terminu raġonevoli, l-Artikoli 14 u 17 tal-kodiċi ta’ mġiba tajba kif ukoll l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

251    L-ilmenti magħmula mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ dan il-motiv ibbażati fuq in-negliġenza tal-Ombudsman fl-investigazzjonijiet inkwistjoni, fuq il-ħabi tal-iżbalji tiegħu u fuq l-assenza ta’ verifika tal-kunfidenzjalità allegata jissovraponu ruħhom għal dawk magħmula fil-kuntest tal-ewwel tliet motivi. Għalhekk, għandu jsir riferiment għall-evalwazzjoni ta’ dawn l-ilmenti magħmula fil-kuntest tal-eżami tal-imsemmija motivi.

b)     Fuq it-terminu raġonevoli

252    Fir-rigward tal-allegat ksur ta’ terminu raġonevoli, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, kull persuna għandha d-dritt li l-każ tagħha jiġi ttrattat fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet u mill-korpi tal-Unjoni. Barra minn hekk, ġie deċiż li meta t-tul ta’ proċedura ma jkunx stabbilit permezz ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, in-natura “raġonevoli” taż-żmien meħud mill-istituzzjoni sabiex tadotta l-att inkwistjoni għandha tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi kollha speċifiċi għal kull każ u, b’mod partikolari, l-importanza tat-tilwima għall-persuna kkonċernata, il-kumplessità tal-kawża u l-aġir tal-partijiet inkwistjoni. Għalhekk, in-natura raġonevoli ta’ terminu ma tistax tiġi stabbilita b’riferiment għal limitu massimu speċifiku, stabbilit b’mod astratt, iżda għandha tiġi evalwata f’kull każ speċifiku skont iċ-ċirkustanzi tal-kawża (ara s-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, De Nicola vs BEI, T‑264/11 P, ĠabraSP, EU:T:2013:461, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

253    F’dan il-każ, ir-rikorrenti tqis li l-Ombudsman kiser l-obbligu li huwa għandu li jitratta każ f’terminu raġonevoli, minn naħa, billi stenna kważi tliet snin wara d-deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2007 sabiex jirrikonoxxi li kien għadu neċessarju li jingħataw ċerti kjarifiki u, min-naħa l-oħra, billi ħa iktar minn erba’ snin biex jagħlaq definittivament il-fajl. Barra minn hekk, hija tikkritika lill-Ombudsman talli r-risposti tiegħu għal ċerti ittri ngħataw f’terminu mhux raġonevoli.

254    Fir-rigward ta’ dan l-ilment, għandha ssir distinzjoni, minn naħa, bejn il-perijodu mill-adozzjoni tad-deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2007 sal-bidu tal-investigazzjoni ex officio tal-Ombudsman, fid-29 ta’ Ġunju 2010, li matulu r-rikorrenti kienet għamlet diversi domandi lill-Ombudsman (iktar ’il quddiem l-“ewwel perijodu”) u, min-naħa l-oħra, il-perijodu mill-bidu tal-investigazzjoni ex officio, fid-29 ta’ Ġunju 2010, sal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-31 ta’ Marzu 2011 li għalqet din l-investigazzjoni (iktar ’il quddiem it-“tieni perijodu”). Fil-fatt, l-evalwazzjoni tal-osservanza ta’ terminu raġonevoli mill-Ombudsman ma għandhiex tiġi evalwata abbażi tal-fondatezza tal-motivi invokati mill-partijiet f’diversi atti, iżda abbażi tal-mod ta’ kif żvolġew il-proċeduri li wasslu għall-adozzjoni tagħhom.

255    Għalhekk, l-ewwel perijodu ma jirrigwardax proċedura strictu sensu, iżda diversi domandi min-naħa tar-rikorrenti lill-Ombudsman li għalihom huwa kellu jirrispondi f’terminu raġonevoli. Min-naħa l-oħra, it-tieni perijodu jirrigwarda proċedura ta’ investigazzjoni li twassal għal deċiżjoni.

256    Fir-rigward tal-ewwel perijodu, ir-rikorrenti talbet, fl-24 ta’ Jannar 2008, il-ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni għaliex fid-deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2007 l-Ombudsman ma kienx wieġeb u ħa inkunsiderazzjoni elementi li jinsabu fl-ittra tagħha tad-19 ta’ Ottubru 2007. Fl-1 ta’ Lulju 2008, l-Ombudsman wieġeb dawn l-ittri billi rrifjuta t-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni. Għalhekk, l-Ombudsman wieġeb rispettivament tmien u ħames xhur wara li ntbagħtu l-ittri tar-rikorrenti mingħajr ma ġew invokati elementi partikolari li jiġġustifikaw dan id-dewmien fl-għoti ta’ tweġiba. Kif l-Ombudsman innifsu jammetti, dawn it-termini ma kinux raġonevoli. Fil-fatt, fl-assenza ta’ elementi oħra, it-tweġiba mogħtija f’dan il-każ, jiġifieri rifjut tat-talba ta’ ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni, ma tiġġustifikax tali dewmien.

257    Fl-14 ta’ Lulju 2008, ir-rikorrenti talbet lill-Ombudsman jikkomunikalha ċerti dokumenti li jirrigwardaw il-pubbliċità mogħtija lit-tniżżil ta’ isimha fil-lista ta’ kandidati xierqa li rriżultat mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98. L-Ombudsman wieġeb din l-ittra fil-21 ta’ Lulju 2008. Dan it-terminu għal tweġiba huwa raġonevoli.

258    Fl-1 ta’ Awwissu 2008, ir-rikorrenti bagħtet ittra lill-Ombudsman bi tweġiba għall-ittra ta’ dan tal-aħħar tal-21 ta’ Lulju 2008. L-Ombudsman wieġeb din l-ittra fl-1 ta’ Ottubru 2008. Dan it-terminu għal tweġiba huwa raġonevoli.

259    Fit-8 ta’ Ottubru 2008, ir-rikorrenti wieġbet l-ittra tal-Ombudsman tal-1 ta’ Ottubru 2008. Fit-tmiem tal-ittra tar-rikorrenti hemm il-parti tas-sentenza li ġejja “qed nipprojbilek li terġa’ tiktibli”. Fid-dawl tal-kontenut ta’ din l-ittra, Ombudsman ma jistax jiġi kkritikat talli ma weġibhiex.

260    F’dak li jirrigwarda t-tweġibiet għall-ittri ta’ P., ir-rikorrenti ma tistax tinvoka l-eventwali dewmien mhux raġonevoli għal dawn it-tweġibiet, peress li hija ma kinitx id-destinatarja tal-imsemmija tweġibiet.

261    Fir-rigward tat-tieni perijodu, ma jistax jitqies li t-terminu li għadda bejn id-29 ta’ Ġunju 2010, jiġifieri d-data tal-bidu tal-investigazzjoni ex officio tal-Ombudsman, u l-31 ta’ Marzu 2011, jiġifieri d-data ta’ meta ttieħdet id-deċiżjoni li temmet din l-investigazzjoni, ma kienx raġonevoli, peress li bejn dawn iż-żewġ dati għaddiet anqas minn sena.

262    Sa fejn ir-rikorrenti tikkritika lill-Ombudsman talli kien biss fit-3 ta’ Mejju 2007 li bagħtilha l-kummenti tal-Parlament li huwa kien irċieva fl-20 ta’ Marzu 2007, l-Ombudsman ġustament josserva li, fl-ittra tiegħu tal-3 ta’ Mejju 2007, huwa ma llimitax ruħu li jittrażmetti l-opinjoni tal-Parlament. Huwa informa wkoll lir-rikorrenti bid-deċiżjoni tiegħu li jibda investigazzjoni, u dan jippreżupponi analiżi. Għaldaqstant, l-imsemmi terminu huwa raġonevoli.

c)     Fuq l-osservanza tal-kodiċi ta’ mġiba tajba

263    Sa fejn ir-rikorrenti tallega ksur tal-Artikoli 14 u 17 tal-kodiċi ta’ mġiba tajba, għandu jiġi osservat li dan il-kodiċi ma huwiex test leġiżlattiv iżda riżoluzzjoni tal-Parlament li introduċiet emendi għal proġett li kien ġie ppreżentat lilu mill-Ombudsman Ewropew u li jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva f’dan ir-rigward (ara s-sentenza tal-11 ta’ Mejju 2010, PC-Ware Information Technologies vs Il-Kummissjoni, T‑121/08, Ġabra, EU:T:2010:183, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, fl-introduzzjoni tal-imsemmi kodiċi l-Ombudsman indika li dan ma kienx strument legali vinkolanti.

264    Għalhekk, bl-adozzjoni tal-kodiċi ta’ mġiba tajba, l-għan tal-Ombudsman ma kienx li jistabbilixxi dispożizzjonijiet legali li jagħtu drittijiet lill-individwi. Konsegwentement, in-nuqqas ta’ osservanza tal-imsemmi kodiċi ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi kkonstatat ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li l-għan tagħha huwa li tagħti drittijiet lill-individwi li jista’ jagħti lok għar-responsabbiltà tal-Unjoni. Huwa biss sa fejn id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi kodiċi jikkostitwixxu l-espressjoni tad-dritt fundamentali għal amministrazzjoni tajba kif sanċit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali li dawn jistgħu jagħtu lok għar-responsabbiltà tal-Unjoni.

265    Fir-rigward tal-ilment tar-rikorrenti li ta’ spiss u għal diversi xhur l-Ombudsman la wieġeb u lanqas ma kkonferma li rċieva l-ittri tar-rikorrenti u, għaldaqstant, takkużah bi ksur tal-Artikoli 14 u 17 tal-kodiċi ta’ mġiba tajba, il-Qorti Ġenerali tqis li l-imsemmi lment għandu jiġi miċħud għaliex ma huwiex preċiż. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma tispeċifikax għal liema ittri ma rċevietx konferma ta’ rċevuta jew tweġiba. Barra minn hekk, fir-rigward tar-regola li tgħid li kull ittra mibgħuta lil istituzzjoni għandha tkun is-suġġett ta’ konferma ta’ rċevuta fi żien ġimagħtejn, sanċita fl-Artikolu 14 tal-kodiċi ta’ mġieba tajba, il-Qorti Ġenerali tosserva li din hija sempliċi regola formali li ma hijiex prevista espliċitament fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. In-nuqqas ta’ osservanza ta’ din ir-regola ma jistax għalhekk jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li l-għan tagħha huwa li tagħti drittijiet lill-individwi li jista’ jagħti lok għar-responsabbiltà tal-Unjoni.

266    Sa fejn ir-rikorrenti tinvoka r-regola sanċita fl-Artikolu 17 tal-kodiċi ta’ mġiba tajba li tgħid li l-uffiċjal għandu jiżgura li tittieħed deċiżjoni dwar kull talba jew ilment indirizzat lill-istituzzjoni f’terminu raġonevoli, mingħajr dewmien, u f’kull każ, mhux iktar tard minn xahrejn mid-data li fiha jkunu ġew irċevuti, il-Qorti Ġenerali tqis li terminu ta’ xahrejn ma huwiex terminu imperattiv. L-osservanza ta’ terminu raġonevoli fit-trattament ta’ lment sanċit fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għandha tiġi evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ. Issa, l-osservanza tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli fit-trattament tal-ilment diġà ġiet analizzata fil-punti 252 et seq iktar ’il fuq.

267    Għar-raġunijiet esposti iktar ’il fuq, l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq l-Artikoli 14 u 17 tal-kodiċi ta’ mġiba tajba għandhom jiġu miċħuda.

d)     Fuq l-assenza ta’ aċċess għall-fajl

268    Sa fejn ir-rikorrenti tallega li “anki l-atitudni tal-Ombudsman matul il-proċedura kollha tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali […] minħabba […] fl-assenza ta’ aċċess għall-fajl, in-nuqqas ta’ trasparenza”, il-Qorti Ġenerali tqis li r-rikorrenti ma tipprovdix biżżejjed indikazzjonijiet speċifiċi dwar l-ilment tagħha. Hija ma tesponix kif, f’dan il-każ, l-Ombudsman kiser obbligi ta’ aċċess għall-fajl u ta’ trasparenza. Konsegwentement, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

e)     Konklużjoni

269    Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, apparti l-ilmenti li jissovraponu ruħhom għall-ilmenti magħmula fil-motivi preċedenti, huwa biss id-dewmien mhux raġonevoli fl-għoti tat-tweġiba għall-ittri msemmija fil-punt 256 iktar ’il fuq li jikkostitwixxi ksur. Sa fejn ir-rikorrenti għanda d-dritt li t-talbiet tagħha jiġu trattati f’terminu raġonevoli, in-nuqqas ta’ osservanza tal-imsemmi terminu jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li l-għan tagħha huwa li tagħti drittijiet lill-individwi li jista’ jagħti lok għar-responsabbiltà tal-Unjoni.

D –  Fuq id-danni u r-rabta kawżali

a)     Kunsiderazzjonijiet preliminari

270    Ir-rikorrenti ssostni li hija ġarrbet dannu kemm materjali kif ukoll morali minħabba l-iżbalji mwettqa mill-Ombudsman.

271    F’dak li jirrigwarda d-dannu materjali, ir-rikorrenti essenzjalment issostni li, minħabba n-nuqqasijiet imwettqa mill-Ombudsman, hija tilfet opportunità serja li tiġi rreklutata bħala uffiċjal. Konsegwentement, ir-rikorrenti titlob il-ħlas tar-“remunerazzjonijiet” minn Ġunju 2005 sal-31 ta’ Marzu 2026, jiġifieri mid-data tat-tniżżil ta’ isimha fil-lista ta’ kandidati xierqa li rriżultat mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98 sal-età normali tal-irtirar, inklużi d-drittijiet għall-pensjoni, jew, minn tal-inqas, ta’ parti minn dan l-ammont bħala kumpens għat-telf ta’ opportunità. Għall-evalwazzjoni tat-telf ta’ opportunità, ir-rikorrenti tqis li l-Qorti Ġenerali tista’ tapplika koefiċċjent li jirrappreżenta t-telf ta’ opportunità li tinħatar billi jittieħed b’mod partikolari inkunsiderazzjoni l-fatt li hija kienet l-unika kandidata li kien għad fadal fuq l-imsemmija lista ta’ kandidati xierqa. Ir-rikorrenti tevalwa d-dannu fil-passat għal EUR 559 382,13. Għall-futur, hija tistieden lill-Qorti Ġenerali tikkundanna lill-Ombudsman iħallasha kull xahar mix-xahar ta’ Mejju 2011 sax-xahar ta’ Marzu 2026 l-ammonti netti, jew minn tal-inqas parti minn dawn l-ammonti, li jikkorrispondu għas-salarji ffissati għall-uffiċjali tal-funzjoni AD mill-grad AD 9 skala 2, it-tieni sena, b’teħid inkunsiderazzjoni ta’ karriera normali ta’ uffiċjal tal-istess grad, flimkien mal-kontribuzzjonijiet korrisponenti għall-fond għall-pensjonijiet tal-irtirar favur ir-rikorrenti kif ukoll mal-kontribuzzjonijiet lill-fond tal-assigurazzjoni għall-mard.

272    F’dak li jirrigwarda d-dannu morali, ir-rikorrenti tqis li hija sostniet tali dannu minħabba l-akkaniment tal-Parlament fir-rigward tagħha u minħabba n-negliġenza manifesta tal-Ombudsman li huwa meqjus bħala l-protettur tad-drittijiet taċ-ċittadini. Hija tqis li l-proċedura mibdija quddiem l-Ombudsman rriżultat f’telf ta’ ħin, ta’ enerġija u ta’ flus. Barra minn hekk, hija tindika li tilfet kull fiduċja li dan il-korp stabbilit bit-Trattat jista’ jatiha assistenza minħabba l-atitudni tiegħu, u dan ikkawżalha dannu morali. Sempliċi apoloġija ma hijiex tali li ssewwi l-ħsara psikoloġika kkawżata minn dawn in-nuqqasijiet u l-investigazzjoni ex officio tal-Ombudsman ma għamlet xejn biex tirrimedja l-iżbalji mwettqa fid-deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2007. Għalhekk, ir-rikorrenti tevalwa d-dannu morali għal ex aequo et bono EUR 50 000. L-Ombudsman jikkontesta l-argumenti kollha tar-rikorrenti.

273    Fl-evalwazzjoni ta’ dawn id-diversi argumenti, għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, l-Unjoni tista’ tinżamm responsabbli biss jekk ir-rikorrenti tkun effettivament sofriet dannu reali u ċert (sentenzi tas-27 ta’ Jannar 1982, De Franceschi vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, 51/81, EU:C:1982:20, punt 9, u tas-16 ta’ Jannar 1996, Candiotte vs Il-Kunsill, T‑108/94, Ġabra, EU:T:1996:5, punt 54).

274    Hija r-rikorrent li għandha tipproduċi provi lill-qorti tal-Unjoni sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza u l-portata ta’ tali dannu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Mejju 1976, Roquette frères vs Il-Kummissjoni, 26/74, Ġabra, EU:C:1976:69, p. 677, punti 22 sa 24; tad-9 ta’ Jannar 1996, Koelman vs Il-Kummissjoni, T‑575/93, Ġabra, EU:T:1996:1, punt 97, u tat-28 ta’ April 1998, Dorsch Consult vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑184/95, Ġabra, EU:T:1998:74, punt 60). Barra minn hekk, ġie deċiż li rikors għad-danni ma jistax jiġi miċħud meta, minkejja l-eżistenza ta’ inċertezza fir-rigward tal-kwantifikazzjoni eżatta tiegħu, id-dannu kien inkontestabbli u jista’ jiġi evalwat ekonomikament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Agraz et vs Il-Kummissjoni, punt 68 iktar ’il fuq, EU:C:2006:708, punt 42).

275    Fl-aħħar nett, ġie deċiż li fil-kuntest ta’ rikors għad-danni, rabta kawżali tkun stabbilita meta jkun hemm rabta suffiċjentement diretta ta’ kawża u effett bejn l-aġir allegat fil-konfront tal-istituzzjoni u d-dannu invokat, rabta li għandha tiġi pprovata mir-rikorrent. Għalhekk l-aġir ikkontestat għandu jkun il-kawża determinanti tad-dannu (ara s-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2009, Arizmendi et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑440/03, T‑121/04, T‑171/04, T‑208/04, T‑365/04 u T‑484/04, Ġabra, EU:T:2009:530, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata).

b)     Fuq id-dannu materjali u r-rabta kawżali bejn dan id-dannu u l-illegalitajiet imwettqa mill-Ombudsman

276    Qabel kollox, it-talba tar-rikorrenti sabiex l-Unjoni tiġi kkundannata tikkumpensaha għall-illegalitajiet imwettqa mill-Ombudsman, għandha tiġi miċħuda sa fejn din tirrigwarda l-ħlas tar-remunerazzjoni kollha li r-rikorrenti kienet tirċievi li kieku hija ġiet irreklutata mix-xahar ta’ Ġunju 2005, jiġifieri d-data ta’ meta isimha tniżżel fil-lista ta’ kandidati xierqa li rriżultat mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98, sal-età normali tal-irtirar, inklużi d-drittijiet għall-pensjoni.

277    Fil-fatt, it-tniżżil ta’ isem ir-rikorrenti fil-lista ta’ kandidati xierqa li rriżultat mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98 ma kienx jagħtiha d-dritt li tiġi rreklutata. Is-setgħa diskrezzjonali li l-istituzzjonijiet għandhom fil-qasam ta’ reklutaġġ ta’ kandidati li għaddew minn kompetizzjonijiet tipprekludi tali dritt. Konsegwentement, id-danni sostnuti minħabba nuqqas li jaffettwa t-tniżżil ta’ isem persuna f’lista ta’ kandidati xierqa li tirriżulta minn kompetizzjoni ma jistax ikun ekwivalenti għal-lucrum cessans li jirriżulta mit-telf ta’ dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Frar 2008, Il-Kummissjoni vs Girardot, C‑348/06 P, Ġabra, EU:C:2008:107, punt 65).

278    Minn dan isegwi li l-illegalitajiet imwettqa mill-Ombudsman ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li wasslu għal dannu ekwivalenti għad-dannu li kienet iġġarrab persuna li għandha dritt li tiġi rreklutata.

279    Sussegwentement, f’dak li jirrigwarda t-telf ta’ opportunità li r-rikorrenti tiġi rreklutata, il-Qorti Ġenerali tqis li, bil-kontra ta’ dak li jsostni l-Ombudsman, din it-talba ma hijiex inammissibbli minħabba li ma tipprovdix biżżejjed indikazzjonijiet speċifiċi.

280    Fil-fatt, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja amettiet li huwa diffiċli ħafna, jekk mhux saħansitra impossibbli, li jiġi ddefinit metodu li jippermetti li tiġi kkwantifikata b’eżattezza l-possibbiltà ta’ reklutaġġ f’impjieg fi ħdan istituzzjoni u, konsegwentement, li jiġi evalwat id-dannu li jirriżulta mit-telf ta’ opportunità (sentenza l‑Kummissjoni vs Girardot, punt 277 iktar ’il fuq, EU:C:2008:107, punt 60), madankollu, minn dan hija ma ddeduċietx li talba għad-danni minħabba telf ta’ opportunità għandha tiġi miċħuda awtomatikament għaliex inammissibbli u infondata. F’dan il-każ, ir-rikorrenti pproponiet metodu sabiex it-telf ta’ opportunità jiġi kkalkolat bi preċiżjoni suffiċjenti. Fil-fatt, filwaqt li għamlet riferiment għall-ġurisprudenza Girardot, hija talbet li jiġi applikat koeffiċjent fuq il-valur tar-remunerazzjoni li kienet tirċevi li kieku ġiet irreklutata mix-xahar ta’ Ġunju 2005 fil-Grad AD 8, skala 4, sal-2026 b’teħid inkunsiderazzjoni ta’ karriera normali ta’ uffiċjal, flimkien mal-kontribuzzjonijiet korrispondenti għall-fond għall-pensjonijiet tal-irtirar u mal-kontribuzzjonijiet lill-fond tal-assigurazzjoni għall-mard u b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li hija kienet l-unika kandidat li kien għad fadal fil-lista ta’ kandidati xierqa li rriżultat mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98.

281    Madankollu, it-talba għad-danni tar-rikorrenti għat-telf ta’ opportunità li tiġi rreklutata għandha tiġi miċħuda peress li ma hemmx rabta suffiċjentement diretta bejn l-imsemmi dannu u l-illegalitajiet imwettqa mill-Ombudsman.

282    Fil-fatt, l-iżnaturament tal-kontenut tal-opinjoni tal-Parlament imwettaq mill-Ombudsman fid-deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2006 (ara l-punt 102 iktar ’il fuq) ma jimplikax li r-rikorrenti tilfet opportunità li tiġi rreklutata. Anki li kieku l-Ombudsman ikkonstata li fl-opinjoni pprovduta mill-Parlament ma kienx hemm indikat li l-lista ta’ kandidati xierqa li fuqha kien hemm isem ir-rikorrenti kienet tqiegħdet għad-dispożizzjoni ta’ istituzzjonijiet korpi u organi oħra tal-Unjoni, minn dan la kienet tirriżulta konstatazzjoni, mill-Ombudsman, ta’ assenza ta’ komunikazzjoni tal-imsemmija lista lill-istituzzjonijiet, lill-korpi u lill-organi l-oħra tal-Unjoni, u lanqas telf ta’ opportunità għar-rikorrenti li tiġi rreklutata.

283    F’dak li jirrigwarda l-ksur mill-Ombudsman tad-dmir ta’ diliġenza tiegħu, għandu jiġi kkonstatat li l-kawża determinanti tal-potenzjali telf ta’ opportunità li r-rikorrenti tiġi rreklutata tinsab fl-aġir tal-Parlament u mhux f’dak tal-Ombudsman. Fil-fatt, huwa biss jekk il-Parlament, minn naħa, ma informax lid-DĠ tiegħu u lill-istituzzjonijiet, lill-korpi u lill-organi l-oħra tal-Unjoni bil-fatt li isem ir-rikorrenti kien fil-lista ta’ kandidati xierqa li rriżultat mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98, u, min-naħa l-oħra, ma niżżilx isem ir-rikorrenti fl-imsemmija lista għal perijodu ekwivalenti għal dak li matulu kienu mniżżla l-ismijiet tal-kandidati l-oħra li għaddew mill-imsemmija kompetizzjoni, li r-rikorrenti potenzjalment tilfet opportunità li tiġi rreklutata.

284    Li kieku l-Ombudsman kien ikkonstata li l-Parlament kien naqas milli josserva l-obbligu tiegħu ta’ amministrazzjoni tajba billi ma kkomunikax lid-DĠ tiegħu u lill-istituzzjonijiet, lill-korpi u lill-organi l-oħra tal-Unjoni fi żmien xieraq it-tniżżil ta’ isem ir-rikorrenti fil-lista ta’ kandidati xierqa li rriżultat mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98 u billi ma tax lir-rikorrenti perijodu ta’ tniżżil fil-lista ta’ kandidati xierqa identiku għal dak mogħti lill-kandidati l-oħra li għaddew, l-Ombudsman kien ikollu jikkoopera mal-Parlament biex isib soluzzjoni bonarja sabiex jiġu eliminati l-każijiet ta’ amministrazzjoni ħażina u sabiex ir-rikorrenti tingħata sodisfazzjon. Meta soluzzjoni bonarja ma tkunx possibbli jew meta ma tirnexxix, l-Ombudsman jista’ jew jifformula kritika, jew inkella jistabbilixxi rapport li jkun fih abbozzi ta’ rakkomandazzjonijiet li jista’ jwassal għal rapport speċjali b’rakkomandazzjonijiet (ara l-Artikolu 3(5) sa (7) tad-Deċiżjoni 94/262 u l-Artikoli 6 sa 8 tad-dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni).

285    Kif tammetti r-rikorrenti, l-ebda waħda minn dawn il-miżuri adottati mill-Ombudsman fir-rigward tal-Parlament ma hija legalment vinkolanti. Il-fatt li l-kooperazzjoni twassal għal soluzzjoni bonarja jiddependi kemm fuq l-Ombudsman kif ukoll fuq il-Parlament. Issa, peress li l-miżuri li l-Ombudsman jista’ jadotta fil-konfront tal-Parlament ma humiex vinkolanti, dawn il-miżuri ma jistgħux jitqiesu bħala l-kawża determinanti tad-dannu li jikkonsisti fit-telf tal-opportunità li r-rikorrenti tiġi rreklutata (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Arizmendi et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, punt 275 iktar ’il fuq, EU:T:2009:530, punt 93).

286    Din l-evalwazzjoni ma hijiex ikkonfutata mill-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Parlament dejjem segwa r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman u li rifjut seta’ jservi ta’ bażi għal azzjoni għad-danni kontra l-Parlament. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma tipprovax l-allegazzjoni tagħha li l-imsemmija rakkomandazzjonijiet jiġu segwiti. Barra minn hekk, anki li kieku dan ġie pprovat, dan xorta waħda ma jipprovdix rabta kawżali suffiċjentement diretta bejn l-illegalitajiet imwettqa mill-Ombudsman u t-telf tal-opportunità li r-rikorrenti tiġi rreklutata. Barra minn hekk, il-fatt li r-rifjut tal-Parlament li jsegwi dawn ir-rakkomandazzjonijiet jista’ jservi ta’ bażi għal rikors għad-danni ma jagħmilx l-imsemmija rakkomandazzjonijiet vinkolanti.

287    Fl-aħħar nett, fir-rigward tan-nuqqas ta’ osservanza ta’ terminu raġonevoli mill-Ombudsman (ara l-punti 252 et seq iktar ’il fuq), għandu jiġi kkonstatat li d-dewmien tal-Ombudsman biex iwieġeb għal ċerti ittri tar-rikorrenti ma jistax ikun il-kawża determinanti tat-telf tal-opportunità li din tal-aħħar tiġi rreklutata. Fil-fatt, ma teżistix rabta suffiċjentement diretta bejn id-dewmien fl-għoti tal-imsemmija tweġibiet u t-telf tal-opportunità li r-rikorrenti tiġi rreklutata bħala uffiċjal. Ma jistax jiġi preżunt li tweġiba mogħtija f’terminu raġonevoli kien ikollha kontenut differenti u kienet tkun favorevoli għar-rikorrenti.

c)     Fuq id-dannu morali u r-rabta kawżali bejn dan id-dannu u l-illegalitajiet imwettqa mill-Ombudsman

288    Qabel kollox, għandu jiġi osservat li l-allegat akkaniment tal-Parlament fir-rigward tar-rikorrenti ma jikkostitwixxix illegalita mwettqa mill-Ombudsman, b’tali mod li ebda kumpens għad-dannu morali ma jista’ jingħata għal din ir-raġuni fil-kuntest ta’ din il-kawża li tirrigwarda biss ir-responsabbiltà tal-Unjoni minħabba l-aġir illegali tal-Ombudsman.

289    Barra minn hekk, l-allegazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li l-illegalitajiet imwettqa mill-Ombudsman ikkawżawlha “telf ta’ flus” tirrigwarda d-dannu materjali. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li din id-dikjarazzjoni hija vaga wisq sabiex ikun jista’ jiġi ddeterminat jekk l-imsemmi dannu huwiex reali u ċert, b’tali mod li hija irrilevanti għas-soluzzjoni ta’ din il-kawża.

290    Sussegwentement, sa fejn ir-rikorrenti tqis li l-illegalitajiet imwettqa mill-Ombudsman ħolqu sensazzjoni ta’ telf ta’ ħin u ta’ enerġija u kkawżaw telf ta’ kunfidenza f’dan il-korp, għandu jiġi osservat li huwa minnu li l-iżnaturament tal-kontenut tal-opinjoni tal-Parlament u n-nuqqas ta’ diliġenza fid-dmirijiet ta’ investigazzjoni tiegħu fir-rigward tad-deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2007 neċessarjament kellhom effett fuq il-kunfidenza tar-rikorrenti fil-korp li nħoloq sabiex jiġu missielta l-każijiet ta’ amministrazzjoni ħażina min-naħa tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Bl-istess mod, fil-kuntest tal-investigazzjoni ex officio tal-Ombudsman, in-nuqqas ta’ diliġenza ta’ dan tal-aħħar fid-dmirijiet ta’ investigazzjoni tiegħu fir-rigward tal-eżistenza ta’ diskriminazzjoni fir-rigward tal-perijodu tat-tniżżil ta’ isem ir-rikorrenti fil-lista ta’ kandidati xierqa li rriżultat mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98 meta mqabbel mal-perijodu li minnu bbenefikaw il-kandidati l-oħra li għaddew, neċessarjament affettwa ħażin il-fiduċja tar-rikorrenti fl-uffiċċju tal-Ombudsman. Id-dewmien mhux raġonevoli biex jibgħat it-tweġiba għal ċerti ittri tar-rikorrenti li jitolbu l-ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni minħabba li d-deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2007 kienet ivvizzjata bi żbalji, saħħet dan l-effett ħażin. L-imsemmija żbalji barra minn hekk ħolqu fi ħdan ir-rikorrenti s-sensazzjoni li tilfet ħinha u l-enerġija tagħha meta rrappurtat quddiem l-Ombudsman il-każ ta’ amministrazzjoni ħażina min-naħa tal-Parlament f’dak li jirrigwarda t-tniżżil ta’ isimha fl-imsemmija lista.

291    Id-dannu kkawżat mill-illegalitajiet imwettqa mill-Ombudsman ġie mtaffi permezz ta’ ċerti azzjonijiet meħdua minn dan tal-aħħar. Għalhekk, ir-riproduzzjoni żbaljata tal-opinjoni tal-Parlament fid-deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2007 ġiet ikkoreġuta mill-Ombudsman fid-29 ta’ Ġunju 2010 (ara l-punt 166 iktar ’il fuq). L-Ombudsman skuża ruħu għad-dewmien fl-għoti tat-tweġibiet tiegħu u għall-iżbalji tiegħu. Fl-aħħar nett, l-Ombudsman beda investigazzjoni ex officio ġdida.

292    Madankollu, f’dan il-każ, l-azzjonijiet meħuda mill-Ombudsman imsemmija fil-punt 291 iktar ’il fuq ma humiex biżżejjed sabiex jikkumpensaw b’mod sħiħ id-danni morali sostnuti minħabba l-illegalitajiet imwettqa. Fil-fatt, l-Ombudsman beda l-investigazzjoni ex officio tiegħu ħafna wara li r-rikorrenti lmentat bl-eżistenza ta’ żbalji fid-deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2007 u din inbdiet biss wara l-intervent ta’ membru tal-Parlament. B’mod partikolari, fir-rigward tal-iżnaturament tal-kontenut tal-opinjoni tal-Parlament mwettqa mill-Ombudsman fl-imsemmija deċiżjoni, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti qajmet dan il-punt fl-ittra tagħha tal-1 ta’ Awwissu 2008 u li l-Ombudsman, għall-ewwel, naqas li jikkoreġi dan l-iżnaturament (ara l-ittra tal-1 ta’ Ottubru 2008). Kien biss b’konsegwenza tal-ittra ta’ P., tal-1 ta’ Ġunju 2010, u iktar minn sena u nofs wara li r-rikorrenti ddenunzjat l-imsemmi żnaturament, li l-Ombudsman, fl-ittra tiegħu tad-29 ta’ Ġunju 2010, ammetta l-imsemmi żball u kkoreġih. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-iskużi u l-korrezzjoni tal-Ombudsman ma jippermettux li d-dannu morali mġarrab mir-rikorrenti minħabba dan l-iżnaturament jiġi kkumpensat b’mod sħiħ. Barra minn hekk, l-investigazzjoni ex officio tal-Ombudsman ma ppermettietx li jissewwa kompletament id-dannu morali kkawżat min-nuqqas ta’ diliġenza ta’ dan tal-aħħar fil-kuntest tal-investigazzjonijiet mibdija fuq ilment, peress li huwa ma mexxiex tajjeb l-imsemmija investigazzjoni fir-rigward tal-kwistjoni tat-trażmissjoni lid-DĠ tal-Parlament u lill-istituzzjonijiet, lill-korpi u lill-organi l-oħra tal-Unjoni tal-lista ta’ kandidati xierqa li fuqha kien hemm imniżżel isem ir-rikorrenti. Il-fatt li r-rikorrenti opponiet ruħha għal din l-investigazzjoni ex officio ma jikkonfutax l-eżistenza ta’ telf ta’ fiduċja fi ħdan ir-rikorrenti kkawżat mill-assenza ta’ investigazzjoni diliġenti mill-Ombudsman fuq l-ilment. Bil-kontra ta’ dan, l-oppożizzjoni tagħha għall-investigazzjoni ex officio tal-Ombudsman kienet immotivata mill-imsemmi telf ta’ fiduċja. Fl-aħħar nett, l-iskużi tal-Ombudsman ma jippermettux li jiġi kkumpensat b’mod sħiħ id-dannu morali marbut mat-telf ta’ fiduċja tar-rikorrenti kkawżat min-nuqqas ta’ diliġenza tal-Ombudsman fl-investigazzjoni fuq l-ilment f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni tal-perijodu ta’ tniżżil ta’ isem ir-rikorrenti fil-lista ta’ kandidati xierqa li rriżultat mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98 meta mqabbel ma dak li minnu bbenefikaw l-kandidati l-oħra li għaddew mill-imsemmija kompetizzjoni.

293    L-illegalitajiet imwettqa mill-Ombudsman jikkostitwixxu wkoll il-kawża determinanti tat-telf ta’ fiduċja tar-rikorrenti fl-istituzzjoni tal-Ombudsman u tas-sensazzjoni li l-ilment kien telf ta’ żmien u ta’ enerġija. Għalhekk teżisti rabta kawżali bejn l-imsemmija illegalitajiet u d-danni morali allegati, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 275 iktar ’il fuq.

294    Fl-aħħar nett, l-ammont tad-dannu morali mġarrab mir-rikorrenti minħabba l-illegalitajiet imwettqa mill-Ombudsman għandu, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, jiġi evalwat ex aequo et bono għal EUR 7 000.

III –  Fuq it-talbiet għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u istruttorji u fuq is-sottomissjoni ta’ ilmenti ġodda

A –  Fuq it-talbiet li jinsabu fir-replika

295    Kif ġie espost fil-punti 46 et seq iktar ’il fuq, ir-rikorrenti talbet lill-Qorti Ġenerali tordna ċertu numru ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u istruttorji.

296    L-ewwel nett, fir-rigward tat-talba biex jiġu prodotti d-dokumenti li jinsabu fil-fajl ta’ spezzjoni, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti pproduċiet dawn id-dokumenti quddiem il-Qorti Ġenerali wara li hija ngħatat aċċess għalihom fil-proċedura fil-Kawża F‑9/12 (ara l-ittri tar-rikorrenti tal-25 ta’ April u tas-6 ta’ Ġunju 2012). Il-President tal-Ewwel Awla ppermetta li dawn id-dokumenti jiddaħħlu fil-proċess bla ħsara għall-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà u tar-rilevanza tagħhom (ara d-deċiżjonijiet tat-23 ta’ Mejju 2012 u tad-19 ta’ Ġunju 2012).

297    Il-Qorti Ġenerali tqis li l-produzzjoni ta’ dawn id-dokumenti hija ammissibbli u rilevanti għas-soluzzjoni ta’ din it-tilwima (ara l-punti 94 et seq iktar ’il fuq). Għaldaqstant, kif tammetti r-rikorrenti fl-ittra tagħha tal-25 ta’ April 2012, it-talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura magħmula fir-replika ma għadx għandha skop. Hija biss dik il-parti tad-dokument “pooling” tal-14 ta’ Mejju 2007, li fir-rigward tagħha ma tneħħietx il-kunfidenzjalità, li għadha s-suġġett ta’ talba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura. F’dan ir-rigward, indipendentement mill-fondatezza taż-żamma tal-kunfidenzjalità fir-rigward ta’ ċerti siltiet minn dan id-dokument, il-Qorti Ġenerali tqis li s-soluzzjoni ta’ din il-kawża ma tirrikjedix l-aċċess għal dan id-dokument kollu.

298    It-tieni nett, lanqas ma għad għandha skop it-talba għall-produzzjoni tal-ittri tal-24 u tal-31 ta’ Mejju 2007 dwar l-estensjoni tal-perijodu ta’ validità tal-lista ta’ kandidati xierqa li rriżultat mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98, peress li dawn l-ittri ġew mehmuża mal-kontroreplika.

299    It-tielet nett, f’dak li jirrigwarda t-talba sabiex N. Diamandouros, ex Ombudsman, u membri tal-persunal tal-uffiċċju tal-Ombudsman u tal-Parlament inkarigati mill-fajl tar-rikorrenti (ara l-punt 46 iktar ’il fuq) jissejħu sabiex jixhdu, il-Qorti Ġenerali tqis li għandha biżżejjed informazzjoni mill-atti tal-proċess fil-kuntest ta’ din il-kawża sabiex tirrispondi għad-diversi lmenti magħmula mir-rikorrenti. Għalhekk, ma hemmx lok li l-imsemmija persuni jinstemgħu.

B –  Fuq it-talbiet magħmula wara l-kontroreplika

1.     Introduzzjoni

300    Wara l-kontroreplika, ir-rikorrenti talbet, fil-25 ta’ April, fis-6 ta’ Ġunju, fit-23 ta’ Ottubru u fid-19 ta’ Diċembru 2012 kif ukoll fis-6 ta’ Novembru 2013, li tiġi awtorizzata tipproduċi provi u argumenti ġodda insostenn tar-rikors tagħha. F’uħud minn dawn l-ittri, hija talbet ukoll lill-Qorti Ġenerali tadotta miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u istruttorji ġodda.

301    B’mod iktar partikolari, fl-ittri tagħha tal-25 ta’ April u tas-6 ta’ Ġunju 2012, ir-rikorrenti ressqet tliet ilmenti ġodda.

302    L-ewwel nett, ir-rikorrenti qieset li l-fatt li membru tad-dipartiment legali tal-Parlament irċieva kopja tal-ittra mibgħuta mill-Parlament lill‑Kunsill fil-21 ta’ Frar 2006 jikkonferma li l-Parlament ried ikun ta’ ħsara għar-rikorrenti kif hija kienet esponiet fl-ilment. Fl-opinjoni tagħha, il-fatt li ma saritx investigazzjoni fuq ir-raġunijiet li għalihom membru tal-imsemmi dipartiment legali kien irċieva kopja tal-imsemmija ittra kien ostakola l-iżvelar tal-verità. Barra minn hekk hija indikat li l-Ombudsman ma kienx talab it-tneħħija tal-kunfidenzjalità ta’ din l-ittra.

303    It-tieni nett, ir-rikorrenti tqis li mit-tweġiba tal-Parlament fil-Kawża F‑9/12 jirriżulta li l-fajl tagħha ma kienx inqered f’Marzu 2010, iżda f’Lulju 2010, jiġifieri wara l-ftuħ, fid-29 ta’ Ġunju 2010, tal-investigazzjoni ex officio tal-Ombudsman. Minn dan hija ddeduċiet li l-Parlament kien qered il-fajl tagħha intenzjonalment.

304    It-tielet nett, ir-rikorrenti qieset li l-fatt li l-Ombudsman u l-Parlament kienu ħassru l-listi ta’ kandidati xierqa li rriżultaw mill-kompetizzjonijiet mhux speċjalizzati u speċjalizzati ta’ amministraturi fid-dokument “pooling” tal-14 ta’ Mejju 2007 kien inkwetanti. Fl-opinjoni tagħha, il-kunċett ta’ kunfidenzjalità kien interpretat b’mod parzjali ħafna mill-Parlament, peress li l-listi ta’ kandidati xierqa li rriżultaw mill-kompetizzjonijiet mhux ta’ lingwa Franċiża ma kinux imħassra. Għalhekk hija kienet konvinta li tabilħaqq kien hemm bżonn ta’ amministraturi.

305    Fl-ittra tagħha tat-23 ta’ Ottubru 2012, ir-rikorrenti talbet lill-Qorti Ġenerali, bħala miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u istruttorji, tistieden lill-Parlament jipproduċi t-talba tiegħu lill-Ombudsman tat-30 ta’ Ġunju 2011 jew lill-Ombudsman jipproduċi t-tweġiba tiegħu lill-Parlament tal-1 ta’ Lulju 2011, kif irreġistrati fir-reġistri fir-rigward tat-trażmissjoni ta’ dokumenti li l-Ombudsman kellu wara l-ispezzjoni li huwa wettaq f’Mejju 2007 fl-uffiċċji tal-Parlament.

306    Fid-19 ta’ Diċembru 2012, ir-rikorrenti ppreżentat provi ġodda insostenn tar-rikors miksuba wara r-risposti tal-Parlament u tal-Kunsill għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottati mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F‑9/12. Abbażi ta’ dawn il-provi, ir-rikorrenti għamlet l-ilmenti li ġejjin.

307    L-ewwel nett, ir-rikorrenti rrepetiet l-allegazzjoni tagħha li tgħid li l-fajl tagħha kien inqered wara l-ftuħ tal-investigazzjoni ex officio tal-Ombudsman. Fl-opinjoni tagħha, is-silenzju ta’ dan tal-aħħar fir-rigward tal-gidba tal-Parlament fuq il-qerda tal-fajl tal-kompetizzjoni jikkostitwixxi ostruzzjoni tal-verità. Iktar minn hekk, hija ssostni li l-Ombudsman ma kienx investiga l-qerda illegali tal-fajl tagħha mill-Parlament.

308    It-tieni nett, ir-rikorrenti kkritikat lill-Ombudsman tali ma qiesx li l-Parlament kien ħati ta’ każ ta’ amministrazzjoni ħażina, meta dan la kien ipproduċa l-lista ta’ kandidati xierqa inkwistjoni fil-verżjoni tagħha ta’ Ġunju 2005, u lanqas kopja tan-noti komparattivi tal-klassifikazzjoni u tal-merti tal-kandidati tal-imsemmija lista.

309    It-tielet nett, ir-rikorrenti qieset li la kienet ġiet informata bin-numru ta’ pożizzjonijiet vakanti ta’ amministraturi mhux speċjalizzati fil-Grad A 7 bejn Ġunju 2005 u Awwissu 2007, u lanqas bin-numru ta’ membri tal-persunal temporanju li għandhom it-tip ta’ profil tagħha li ġew maħtura matul dan il-perijodu fi ħdan l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni. Issa, fl-opinjoni tagħha, tali informazzjoni tippermetti li jintwera li hija kellha kull ċans li tiġi rreklutata, fatt li seta’ jintwera permezz ta’ investigazzjoni leali tal-Ombudsman. Għalhekk hija talbet lill-Qorti Ġenerali tordna miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura ġodda intiżi sabiex isiru magħrufa l-pożizzjonijiet vakanti ta’ amministraturi mhux ġeneralizzati fi ħdan il-Parlament u l‑Kunsill bejn l-2005 u Awwissu 2007 kif ukoll in-numru ta’ membri tal-persunal temporanju jew kuntrattwali li kellhom profil simili rreklutati matul dan il-perijodu kif ukoll in-nazzjonalità tal-persuni rreklutati.

310    Fl-ittra tad-19 ta’ Diċembru 2012, ir-rikorrenti talbet ukoll miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura ġodda, jiġifieri, minn naħa, li l-Kunsill jiġi mistieden jipproduċi l-kopji tal-ittri li hija kienet bagħtitlu fid-9 ta’ Frar 2006 u fit-23 ta’ Jannar 2007 u, min-naħa l-oħra, li l-Kunsill u l-Parlament jiġu mistiedna jipproduċu kopja tal-posta elettronika li l-Kunsill, permezz ta’ E., bagħat lill-Parlament fi Frar 2006 sabiex jitlob il-curriculum vitae u l-att ta’ kandidatura tagħha kif ukoll kull talba ta’ korrispondenza eventwali mill-Kunsill lill-Parlament fir-rigward tagħha u fir-rigward tal-kandidatura tagħha.

311    Fis-6 ta’ Novembru 2013, ir-rikorrenti talbet li E. O’Reilly, l-Ombudsman il-ġdid, tissejjaħ sabiex tixhed sabiex issir magħrufa l-pożizzjoni tagħha fir-rigward tal-iżbalji mwettqa mil-predeċessur tagħha u sa liema punt hija kienet qed tassumihom jew tirrifjutahom.

2.     Evalwazzjoni

a)     Fuq l-involviment ta’ membru tad-dipartiment legali tal-Parlament

312    Sa fejn ir-rikorrenti tallega li l-posta elettronika tal-21 ta’ Frar 2006 hija ħjiel ta’ prova tal-oppożizzjoni tal-Parlament għar-reklutaġġ tagħha, il-Qorti Ġenerali tqis li, fid-dawl tal-ilment, tad-deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2007 u tal-fatt li r-rikorrenti saret taf bil-posta elettronika tal-21 ta’ Frar 2006 wara l-preżentata tal-kontroreplika, dan l-ilment il-ġdid huwa ammissibbli.

313    Min-naħa l-oħra, il-fatt li membru tad-dipartiment legali tal-Parlament irċieva kopja ta’ posta elettronika mibgħuta minn uffiċjal tal-Parlament fil-21 ta’ Frar 2006 li titrażmetti l-curriculum vitae u l-att ta’ kandidatura tar-rikorrenti lil responsabbli tal-Kunsill, ma jikkostitwixxix ħjiel ta’ prova li l-Parlament ostakola kull ħatra tar-rikorrenti. Fil-fatt, dan il-fatt ma jurix li l-Parlament seta’ kellu xi preġudizzju a priori fir-rigward tal-kandidatura tar-rikorrenti. Il-fatt li kopja ntbagħtet lil membru tad-dipartiment legali jista’ jiġi spjegat bir-rieda tal-amministrazzjoni li tiżgura ruħha mil-legalità tal-proċeduri billi tinvolvi mill-qrib id-dipartiment legali tal-istituzzjoni inkwistjoni. Din il-verifika tal-legalità tal-proċeduri applikati tifforma parti mill-funzjonijiet leġittimi ta’ dipartiment legali.

314    Fir-rigward tal-opinjoni fuq in-notifika ta’ kontroll minn qabel irċevuta mid-delegat għall-protezzjoni tad-data tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Marzu 2008, invokata mir-rikorrenti, din hija irrilevanti f’dan ir-rigward peress li din hija opinjoni mogħtija wara l-posta elettronika inkwistjoni u peress li l-komunikazzjoni tal-curriculum vitae u tal-att ta’ kandidatura tar-rikorrenti lid-dipartiment legali tal-Parlament jistgħu jkunu ġġustifikati fid-dawl tal-funzjonijiet leġittimi ta’ dan id-dipartiment.

315    Fl-aħħar nett, sa fejn ir-rikorrenti tosserva li l-Ombudsman qatt ma talab it-tneħħija tal-kunfidenzjalità ta’ dan id-dokument, il-Qorti Ġenerali tqis li, peress li ma tesponix għalfejn l-Ombudsman kellu jitlob l-imsemmija tneħħija, din l-osservazzjoni hija bla effett f’dan il-każ.

b)     Fuq il-qerda tal-fajl tal-Parlament

316    Ir-rikorrenti tallega li l-Parlament qered intenzjonalment il-fajl tagħha wara d-29 ta’ Ġunju 2010, id-data tal-bidu tal-investigazzjoni ex officio tal-Ombudsman. Hija tibbaża din l-allegazzjoni fuq il-posta elettronika tat-30 ta’ Ġunju u tal-1 ta’ Lulju 2011 skambjata bejn il-Parlament u l-Ombudsman, fuq l-anness mehmuż mar-risposta f’din il-kawża li jirriproduċi fil-forma ta’ lista d-dokumenti li jifformaw parti mill-fajl tal-Ombudsman fuq l-ilment u fuq il-fatt li, fir-risposta tiegħu fil-Kawża F‑9/12, il-Parlament indika li l-fajl tar-rikorrenti kien inqered f’Lulju 2010.

317    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Ombudsman ipproduċa l-posta elettronika tat-30 ta’ Ġunju u tal-1 ta’ Lulju 2011, b’tali mod li t-talba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura f’dan ir-rigward ma għadx għandha skop.

318    Barra minn hekk, f’din il-kawża l-Ombudsman indika li l-Parlament kien qered il-fajl tar-rikorrenti f’Marzu 2010, jiġifieri qabel il-bidu tal-investigazzjoni ex officio tiegħu.

319    Fl-osservazzjonijiet tiegħu fuq miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura fil-Kawża F‑9/12, il-Parlament indika li kien wettaq żball fl-indikazzjoni tad-data tal-qerda tal-fajl tar-rikorrenti. Huwa rrettifika din id-data u kkonferma li l-fajl tar-rikorrenti kien inqered f’Marzu 2010.

320    Iktar minn hekk, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, mill-posta elettronika tat-30 ta’ Ġunju u tal-1 ta’ Lulju 2011, ma jirriżultax li, f’dawk id-dati, il-Parlament kien għad għandu l-fajl tar-rikorrenti. Bil-kontra ta’ dan fil-posta elettronika tat-30 ta’ Ġunju 2011, wara li espona li l-fajl tar-rikorrenti kien inqered, ir-rappreżentant tal-Parlament jitlob kopja tad-dokumenti tal-fajl tal-Ombudsman li jikkorrispondu għad-dokumenti tal-fajl tal-Parlament li tagħhom l-Ombudsman kien irċieva kopja waqt l-ispezzjoni tiegħu.

321    Fl-aħħar nett, għalkemm, fil-lista tad-dokumenti li jifformaw parti mill-fajl tal-Ombudsman fuq l-ilment, ir-riferiment għad-“dokumenti kunfidenzjali miksuba waqt l-ispezzjoni tal-fajl” jidher kronoloġikament bejn l-1 ta’ Ġunju u l-10 ta’ Ġunju 2010, dan il-fatt ma jurix li l-Parlament ma kienx qered l-imsemmija dokumenti f’Marzu 2010. Fil-fatt, min-nota tal-fajl tal-10 ta’ Ġunju 2010 jirriżulta li kien hemm intervall ta’ żmien bejn it-teħid tal-possessjoni ta’ dawn id-dokumenti mill-Ombudsman wara l-ispezzjoni tiegħu tal-fajls tal-Parlament u r-reġistrazzjoni tagħhom fil-fajl tal-Ombudsman.

322    Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma turix li l-fajl tagħha nqered mill-Parlament wara l-bidu tal-investigazzjoni ex officio tal-Ombudsman. Iktar minn hekk, għar-raġunijiet esposti fil-punti 209 et seq iktar ’il fuq, l-Ombudsman ma wettaqx żball meta ma investigax dwar il-qerda tal-fajl tar-rikorrenti mill-Parlament.

c)     Fuq il-pożizzjonijiet vakanti bejn l-2005 u l-2007

323    Sabiex tipprova li kien ikollha kull ċans li tiġi rreklutata bejn Ġunju 2005 u Awwissu 2007 li kieku l-Parlament ma kienx ostakola l-ħatra tagħha, ir-rikorrenti titlob il-produzzjoni tal-lista tal-pożizzjonijiet vakanti ta’ amministraturi mhux speċjalizzati fil-Grad A 7 bejn Ġunju 2005 u Awwissu 2007 u tan-numru ta’ membri tal-persunal temporanju li għandhom il-profil tar-rikorrenti maħtura matul dan il-perijodu kif ukoll in-nazzjonalità tal-persuni rreklutati.

324    Il-Qorti Ġenerali tqis li ma hemmx lok li tilqa din it-talba, peress li l-Ombudsman ma kkunsidrax li r-rikorrenti ma kellha l-ebda ċans li tiġi rreklutata. Fil-fatt, li kieku l-Ombudsman kien qies li r-rikorrenti ma kellha l-ebda ċans li tiġi rreklutata, huwa ma kienx jiftaħ investigazzjoni dwar ix-xandir tat-tniżżil ta’ isem ir-rikorrenti fil-lista ta’ kandidati xierqa li rriżultat mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98.

d)     Fuq l-ommissjonijiet fid-dokument “pooling” tal-14 ta’ Mejju 2007

325    Id-dokument “pooling” tal-14 ta’ Mejju 2007 fih informazzjoni tal-Parlament u ta’ istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni. Kien il-Parlament li żamm kunfidenzjali l-informazzjoni, li kienet tirrigwarda istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni, fil-verżjoni trażmessa mill-Ombudsman lill-Qorti Ġenerali. Bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, l-ommissjoni tad-data la hija inkwetanti u lanqas ma hija interpretazzjoni parzjali tal-kunfidenzjalità mill-parlament. Fil-fatt, il-Parlament ma jistax jiżvela d-data tal-istituzzjonijiet l-oħra mingħajr l-approvazzjoni ta’ dawn tal-aħħar.

326    Barra minn hekk u f’kull każ, it-tweġiba għall-kwistjoni ta’ jekk kienx hemm pożizzjonijiet oħra disponibbli għal amministraturi fil-lingwa Franċiża ma toħroġx mid-dokument “pooling” tal-14 ta’ Mejju 2007 kif donnha tippreżupponi r-rikorrenti. Fil-fatt, din il-lista tindika l-persuni li ismijiethom jidhru f’listi ta’ kandidati xierqa, iżda mhux jekk kienx hemm pożizzjonijiet vakanti fi ħdan l-istituzzjonijiet.

327    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, l-ilmenti li r-rikorrenti għamlet fl-ittri tagħha tal-25 ta’ April u tas-6 ta’ Ġunju 2012 fir-rigward tal-kunfidenzjalità ta’ ċerti partijiet mid-dokument “pooling” tal-14 ta’ Mejju 2007, għandhom jiġu miċħuda.

e)     Fuq l-assenza ta’ produzzjoni mill-Parlament tal-lista ta’ kandidati xierqa inkwistjoni fil-verżjoni tagħha ta’ Ġunju 2005 u tan-noti komparattivi tal-klassifikazzjoni u tal-merti tal-kandidati

328    Fir-rigward tal-allegazzjoni li tgħid li l-lista ta’ kandidati xierqa li fuqha kien hemm isem ir-rikorrenti qatt ma ġiet stabbilita, għandu jiġi osservat li, fl-ittra tad-19 ta’ Mejju 2005, is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament informa lir-rikorrenti li isimha kien issa jidher fil-lista ta’ kandidati xierqa li rriżultat mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98. Barra minn hekk, ir-rikorrenti nnifisha pproduċiet f’din il-proċedura, kopja tad-deċiżjoni tad-Direttur Ġenerali tal-Persunal tal-Parlament tas-17 ta’ Mejju 2005 li tikkonstata li isem ir-rikorrenti kien jidher fuq l-imsemmija lista. Minn dan isegwi li huwa stabbilit suffiċjentement skont il-liġi li l-Parlament effettivament ipprova l-eżistenza ta’ din il-lista.

329    Fir-rigward tal-ilment li jgħid li l-Ombudsman naqas milli jikkonstata każ ta’ amministrazzjoni ħażina min-naħa tal-Parlament minħabba li ma kienx kapaċi jipproduċi kopja tan-noti komparattivi tal-klassifikazzjoni u tal-merti tal-kandidati tal-lista ta’ kandidati xierqa li fuqha kien hemm isem ir-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat li dan huwa lment ġdid li ma jikkostitwixxix estensjoni ta’ lment eżistenti jew li huwa bbażat fuq fatt ġdid. Għaldaqstant, dan l-ilment huwa inammissibbli. Sa fejn l-ilment tar-rikorrenti jirrigwarda l-assenza ta’ verifika tal-eżistenza ta’ noti komparattivi tal-klassifikazzjoni u tal-merti tal-kandidati, għandu jsir riferiment għall-evalwazzjoni magħmula fil-punti 97 et seq iktar ’il fuq.

f)     Fuq it-talba għall-produzzjoni tal-posta elettronika ta’ E.

330    Ir-rikorrenti titlob il-produzzjoni tal-posta elettronika ta’ E. li għaliha l-Parlament wieġeb fil-21 ta’ Ġunju 2006 minħabba li l-imsemmija posta elettronika tinkludi informazzjoni li tikkonferma l-assenza ta’ trażmissjoni tal-lista ta’ kandidati xierqa inkwistjoni mill-Parlament. Hija essenzjalment tqis li din il-posta elettronika kienet potenzjalment tippermetti li jintwera li l‑Kunsill ġie informat bil-kandidatura tagħha minnha stess u mhux permezz tat-trażmissjoni tal-imsemmija lista mill-Parlament.

331    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mill-posta elettronika tal-21 ta’ Frar 2006 jirriżulta li membru tal-persunal tal-Parlament ittrażmetta l-curriculum vitae u l-att ta’ kandidatura tar-rikorrenti lil E., membru tal-persunal tal-Kunsill, fuq talba tagħha. Il-posta elettronika tal-21 ta’ Frar 2006 kienet tifforma parti mid-dokumenti li kienu jinsabu fil-“fajls” ippreparati għall-ispezzjoni tal-Ombudsman (ara l-punt 93 iktar ’il fuq u l-ittra tar-rikorrenti tas-6 ta’ Ġunju 2012). Fid-deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2007, l-Ombudsman indika li l-ispezzjoni kienet ikkonfermat li l-curriculum vitae tar-rikorrenti kien intbagħat lid-“dipartiment” li talab informazzjoni dwarha, jiġifieri l-Kunsill.

332    Madankollu, f’din il-kawża ntwera suffiċjentement li l-Ombudsman ma setax jipprova d-dikjarazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2007 dwar il-fatt li l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi l-oħra tal-Unjoni kienu ġew informati b’mod xieraq bit-tniżżil ta’ isem ir-rikorrenti fil-lista ta’ kandidati xierqa li rriżultat mill-Kompetizzjoni EUR/A/151/98 sa mit-tniżżil ta’ isimha fl-imsemmija lista. Il-posta elettronika tal-21 ta’ Frar 2006 ma tikkonfutax din il-konklużjoni. Għalhekk, il-produzzjoni tad-dokument mitlub ma hijiex neċessarja f’dan il-każ.

333    Barra minn hekk, it-talba għall-produzzjoni tal-ittri tad-9 ta’ Frar 2006 u tat-23 ta’ Jannar 2007 tirrigwarda l-istess kwistjoni. Konsegwentement, għar-raġunijiet esposti fil-punt 332 iktar ’il fuq, ma hemmx lok li t-talba tar-rikorrenti tintlaqa.

g)     Fuq it-talba sabiex E. O’Reilly tissejjaħ sabiex tixhed

334    It-talba għall-adozzjoni ta’ miżura istruttorja li tikkonsisti fl-ordni sabiex E. O’Reilly tissejjaħ sabiex tixhed għandha tiġi miċħuda. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali tqis li d-dokumenti prodotti f’din il-kawża huma suffiċjenti sabiex tiġi evalwata l-fondatezza tar-rikors tar-rikorrenti.

 Konklużjoni

335    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, dan ir-rikors għandu jiġi milqugħ parzjalment.

336    Fil-fatt, kemm fl-investigazzjoni fuq ilment tar-rikorrenti li wasslet għad-deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2007 kif ukoll fl-investigazzjoni ex officio tiegħu li wasslet għad-deċiżjoni tal-31 ta’ Marzu 2011, l-Ombudsman wettaq illegalitajiet. Dawn l-illegalitajiet jikkonsistu fl-iżnaturament ta’ fatt, f’nuqqas ta’ diliġenza fir-rigward ta’ ċerti dmirijiet ta’ investigazzjoni u fin-nuqqas ta’ osservanza ta’ terminu raġonevoli huma suffiċjentement serji biex jagħtu lok għar-responsabbiltà tal-Unjoni. Dawn ma kkawżawx id-danni materjali allegati mir-rikorrenti iżda dannu morali li ġie evalwat ex aequo et bono għal EUR 7 000.

337    Il-kumplament tar-rikors tar-rikorrenti huwa miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

338    Skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jekk il-partijiet ikunu telliefa fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom.

339    F’dan il-każ, kemm l-Ombudsman kif ukoll ir-rikorrenti tilfu fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom. Konsegwentement, ir-rikorrenti għandha tiġi kkundannata għal nofs l-ispejjeż tagħha u nofs l-ispejjeż tal-Ombudsman u dan tal-aħħar għandu jiġi kkundannat għal nofs l-ispejjeż tiegħu u għal nofs l-ispejjeż tar-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Ombudsman Ewropew huwa kkundannat iħallas kumpens ta’ EUR 7 000 lil C. Staelen.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      L-Ombudsman Ewropew għandu jbati nofs l-ispejjeż tiegħu kif ukoll nofs l-ispejjeż ta’ C. Staelen.

4)      C. Staelen għandha tbati nofs l-ispejjeż tagħha kif ukoll nofs l-ispejjeż tal-Ombudsman Ewropew.

Prek

Labucka

Kreuschitz

Firem

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

I –  Fuq il-fatti preċedenti għall-ilment quddiem l-Ombudsman

II –  Fuq l-ilment imressaq quddiem l-Ombudsman

III –  Fuq l-investigazzjoni ex officio tal-Ombudsman

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

I –  Fuq l-ammissibbiltà

II –  Fuq il-mertu

A –  Introduzzjoni

B –  Fuq il-ġurisprudenza fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni

C –  Fuq l-illegalitajiet allegati

1.  Fuq l-illegalitajiet li jirriżultaw mill-ksur tal-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni 94/262, tal-Artikoli 5 u 9.2 tad-dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni u tal-prinċipji ta’ premura u ta’ amministrazzjoni tajba

a)  Osservazzjonijiet preliminari

b)  Fuq l-illegalitajiet li jirriżultaw mill-ksur tal-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni 94/262, tal-Artikoli 5 u 9.2 tad-dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni u tal-prinċipji ta’ premura u ta’ amministrazzjoni tajba fil-kuntest tal-investigazzjonijiet dwar id-deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2007

–  Introduzzjoni

Fuq l-eżistenza ta’ illegalitajiet

–  Fuq l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju

Konklużjoni

c)  Fuq l-illegalitajiet li jirriżultaw mill-ksur tal-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni 94/262, tal-Artikoli 5 u 9.2 tad-dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni u tal-prinċipji ta’ premura u ta’ amministrazzjoni tajba fir-rigward tad-deċiżjoni tal-31 ta’ Marzu 2011

d)  Konklużjoni

2.  Fuq l-illegalitajiet li jirriżultaw minn żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni

a)  Introduzzjoni

b)  Fuq iċ-ċitazzjoni tal-opinjoni tal-Parlament fid-deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2007

c)  Fuq ir-rettifika tad-deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2007

d)  Fuq it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-istituzzjonijiet l-oħra tal-lista ta’ kandidati xierqa

e)  Fuq il-punt 2.2 tad-deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2007

f)  Fuq il-perijodu ta’ validità tal-lista ta’ kandidati xierqa

g)  Fuq il-qerda tal-fajl tar-rikorrenti

h)  Fuq it-tweġiba għall-ittra tal-15 ta’ Mejju 2007

i)  Fuq l-assenza ta’ investigazzjoni dwar l-oppożizzjoni tal-Parlament għall-ħatra tagħha

j)  Konklużjoni

3.  Fuq l-illegalitajiet minħabba l-assenza ta’ imparzjalita, ta’ oġġettività u ta’ indipendenza kif ukoll il-mala fides tal-Ombudsman u użu ħażin ta’ poter

4.  Fuq l-illegalitajiet imwettqa minħabba l-ksur tal-prinċipji ta’ premura u ta’ “amministrazzjoni tajba”, ta’ terminu raġonevoli, tal-Artikoli 14 u 17 tal-kodiċi ta’ mġiba tajba u tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali

a)  Introduzzjoni

b)  Fuq it-terminu raġonevoli

c)  Fuq l-osservanza tal-kodiċi ta’ mġiba tajba

d)  Fuq l-assenza ta’ aċċess għall-fajl

e)  Konklużjoni

D –  Fuq id-danni u r-rabta kawżali

a)  Kunsiderazzjonijiet preliminari

b)  Fuq id-dannu materjali u r-rabta kawżali bejn dan id-dannu u l-illegalitajiet imwettqa mill-Ombudsman

c)  Fuq id-dannu morali u r-rabta kawżali bejn dan id-dannu u l-illegalitajiet imwettqa mill-Ombudsman

III –  Fuq it-talbiet għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u istruttorji u fuq is-sottomissjoni ta’ ilmenti ġodda

A –  Fuq it-talbiet li jinsabu fir-replika

B –  Fuq it-talbiet magħmula wara l-kontroreplika

1.  Introduzzjoni

2.  Evalwazzjoni

a)  Fuq l-involviment ta’ membru tad-dipartiment legali tal-Parlament

b)  Fuq il-qerda tal-fajl tal-Parlament

c)  Fuq il-pożizzjonijiet vakanti bejn l-2005 u l-2007

d)  Fuq l-ommissjonijiet fid-dokument “pooling” tal-14 ta’ Mejju 2007

e)  Fuq l-assenza ta’ produzzjoni mill-Parlament tal-lista ta’ kandidati xierqa inkwistjoni fil-verżjoni tagħha ta’ Ġunju 2005 u tan-noti komparattivi tal-klassifikazzjoni u tal-merti tal-kandidati

f)  Fuq it-talba għall-produzzjoni tal-posta elettronika ta’ E.

g)  Fuq it-talba sabiex E. O’Reilly tissejjaħ sabiex tixhed

Konklużjoni

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.