Language of document : ECLI:EU:T:2007:164

Kawża T-346/06 R

Industria Masetto Schio Srl (IMS)

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Miżuri provviżorji — Talba għal sospensjoni ta’ eżekuzzjoni — Direttiva 98/37/KE — Ammissibbiltà — Fumus boni Juris — Urġenza — Ibbilanċjar ta’ l-interessi”

Sommarju tad-digriet

1.      Miżuri provviżorji – Kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà – Ammissibbiltà prima facie tar-rikors prinċipali

(Artikoli 242 KE u 243 KE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikolu 104(2))

2.      Miżuri provviżorji – Kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà – Ammissibbiltà prima facie tar-rikors prinċipali

(Artikoli 242 KE u 243 KE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikolu 104(2); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 98/37, Artikoli 2(1) u 7(1) u (2))

3.      Miżuri provviżorji – Kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà – Ammissibbiltà prima facie tar-rikors prinċipali

(ir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE, Artikoli 242 KE u 243 KE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 98/37, Artikoli 2(1) u 7(2))

4.      Miżuri provviżorji – Sospensjoni ta’ eżekuzzjoni – Kundizzjonijiet għall-ħruġ – Urġenza – Dannu gravi u irreparabbli

(Artikolu 242 KE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikolu 104(2))

1.      Sabiex it-talba għal sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni ta’ att tiġi ddikjarata ammissibbli, ir-rikorrent għandu jistabbilixxi l-eżistenza ta’ ċerti elementi li jippermettu li jiġi konkluż, prima facie, l-ammissibbiltà tar-rikors fil-kawża prinċipali li jinkludi t-talba tiegħu għall-miżuri provviżorji, sabiex jiġi evitat li, permezz tal-miżuri provviżorji, huwa jkun jista’ jikseb is-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni ta’ att li wara l-Qorti Komunitarja tirrifjuta li tannulla, peress li r-rikors fil-kawża prinċipali tiegħu jkun ġie ddikjarat inammissibbli. Eżami bħal dan ta’ l-ammissibbiltà tar-rikors fil-kawża prinċipali huwa neċessarjament qasir, fid-dawl tan-natura urġenti tal-miżuri provviżorji. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ talba għal miżuri provviżorji, l-ammissibbiltà tar-rikors fil-kawża prinċipali tista’ tiġi evalwata biss prima facie, peress li l-iskop huwa li jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti ġabitx elementi suffiċjenti li jiġġustifikaw a priori deċiżjoni li l-ammissibbiltà tar-rikors fil-kawża prinċipali ma tistax tiġi eskluża. Il-qorti għal miżuri provviżorji għandha tiddikjara din id-domanda ammissibbli biss jekk l-ammissibbiltà tar-rikors fil-kawża prinċipali tista’ tiġi totalment eskluża. Fil-fatt, deċiżjoni fuq l-ammissibbiltà fl-istadju tal-miżuri provviżorji meta din mhijiex, prima facie, eskluża totalment tippreġudika d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tiddeċiedi fil-kawża prinċipali.

(ara l-punti 31-33)

2.      Fid-dawl ta’ l-istruttura u ta’ l-iskop tad-Direttiva 98/37, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar il-makkinarju, l-Kummissjoni tidher, l-ewwel nett, li għandha l-obbligu u mhux biss il-possibbiltà, skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 7 tad-Direttiva, li tiddikjara ruħha fuq il-miżura nazzjonali li ġiet innotifikata lilha. Il-Kummissjoni hija marbuta tieħu deċiżjoni mhux fuq abbozz ta’ miżura, iżda fuq miżura nazzjonali li ġiet adottata minn Stat Membru, u għandha bħala effett li tirrestrinġi l-moviment ħieles tal-makkinarju kkonċernat.

Barra minn hekk, skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 2(1) ta’ l-imsemmija direttiva, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha xierqa biex jiżguraw li l-makkinarju jew il-komponenti ta’ sigurtà koperti b’din id-direttiva jkunu jistgħu jinħarġu fis-suq u jiġu mħaddma biss jekk ma jipperikolawx is-saħħa jew is-sigurtà tal-persuni u, fejn xieraq, ta’ annimali domestiċi jew ta’ proprjetà.

Għaldaqstant mhuwiex possibbli għall-qorti għall-miżuri provviżorji li teskludi l-possibbiltà li l-konstatazzjoni, mill-Kummissjoni, tan-natura ġustifikata ta’ miżura nazzjonali adottata minn Stat Membru skond l-Artikolu 7(1) ta’ din id-Direttiva u t-trażmissjoni ta’ din l-informazzjoni lill-Istati Membri l-oħra, b’mod konformi ma’ l-Artikolu 7(2) ta’ din id-direttiva, ibiddlu b’mod kunsiderevoli s-sitwazzjoni ġuridika tal-produttur tal-makkinarju kkonċernat permezz ta’ l-att tal-Kummissjoni, billi jimpedixxu li dan il-makkinarju jkun jista’ jitqiegħed fis-suq jew jiġi mħaddem fl-Istati Membri destinatarji ta’ dan l-att. B’hekk, ma jistax jiġi eskluż, prima facie, li l-att tal-Kummissjoni jista’ jwassal għal effetti ġuridiċi vinkolanti għall-produttur tal-makkinarju previsti minn dan l-att.

(ara l-punti 39-40, 42)

3.      Fil-każ li att Komunitarju huwa indirizzat lil Stat Membru minn istituzzjoni, jekk l-azzjoni li għandu jieħu l-Istat Membru sabiex jimplementa dan l-att tkun ta’ natura awtomatika, jew jekk il-konsegwenzi ta’ l-att in kwistjoni jimponu ruħhom mingħajr dubju, dan allura jikkonċerna direttament kull persuna affettwata minn din l-azzjoni. Jekk, min-naħa l-oħra, l-att iħalli lill-Istat Membru l-possibbiltà li jaġixxi jew li ma jaġixxix jew ma jġiegħlux jaġixxi b’xi mod speċifiku, hija l-azzjoni jew in-nuqqas ta’ azzjoni ta’ l-Istat Membru li tikkonċerna direttament lill-persuna affettwata, u mhux l-att minnu nnifsu.

Meta l-Istati Membri huma destinatarji ta’ att li permezz tiegħu l-Kummissjoni tinformahom, bis-saħħa ta’ l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 98/37 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar il-makkinarju, li miżura nazzjonali ta’ projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq jew ta’ tqegħid fiċ-ċirkolazzjoni ta’ ċertu makkinarju hija ġustifikata jew hija parzjalment ġustifikata, prima facie, jidhru li jistgħu jimpedixxu biss it-tqegħid fis-suq jew t-tħaddim tal-makkinarju msemmi mill-att tal-Kummissjoni li jiddikjara li l-miżura nazzjonali hija ġustifikata. Fil-fatt jidher, prima facie, li hija l-Kummissjoni li tevalwa n-neċessità li jiġu adottati miżuri bħal dawn, peress li l-Istati Membri għandhom imbagħad, milli jidher, l-obbligu li jieħdu l-miżuri xierqa li titlob konstatazzjoni bħal din, jiġifieri li jiġi rtirat il-makkinarju mis-suq u l-projbizzjoni tat-tqegħid tagħhom fis-suq jekk dawn jipperikolaw is-sigurtà u s-saħħa tal-persuni, skond l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva. Għaldaqstant, mhuwiex eskluż li l-Istati Membri ma għandhomx, prima facie, marġni ta’ manuvra meta huma destinatarji ta’ tali att.

Barra minn hekk, jekk huwa minnu li s-suġġetti l-oħra minbarra d-destinatarju ta’ deċiżjoni ma jistgħux jallegaw li huma kkonċernati individwalment ħlief jekk din id-deċiżjoni taffettwahom minħabba ċerti kwalitajiet li huma speċifiċi għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzahom meta mqabbla mal-persuni l-oħra u, minħabba f’hekk, jidentifikawhom b’mod simili għal dak li bih huwa identifikat id-destinatarju tad-deċiżjoni, ma jistax jiġi eskluż, fl-ewwel lok, li l-imsemmi att tal-Kummissjoni jikkonċerna individwalment rikorrent, meta dan jikkonċerna espliċitament u esklużivament il-makkinarji prodotti minnu.

(ara l-punti 50-52, 56-57)

4.      Fil-kuntest ta’ proċedura provviżorja, l-urġenza għanda tiġi evalwata fir-rigward tan-neċessità li tittieħed deċiżjoni provviżorja, sabiex jiġi evitat li dannu gravi u irreparabbli jiġi kkawżat lill-parti li titlob il-miżura provviżorja. Jekk dannu ta’ natura finanzjarja ma jistax, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, jiġi kkunsidrat bħala irreparabbli jew anki diffiċilment rimedjabbli, peress li jista’ jkun s-suġġett ta’ kumpens finanzjarju ulterjuri, miżura provviżorja hija ġġustifikata jekk jidher li, fin-nuqqas ta’ din il-miżura, r-rikorrent jinsab f’sitwazzjoni li tista’ tqiegħed fil-periklu l-eżistenza tiegħu qabel ma tingħata s-sentenza li ġġib fi tmiem il-proċedura fil-kawża prinċipali. L-imminenza tad-dannu m’għandhiex tiġi stabbilita b’ċertezza assoluta u huwa suffiċjenti, b’mod partikolari meta s-seħħ tad-dannu jiddependi fuq is-seħħ ta’ sett ta’ fatturi, li hija tkun prevedibbli fuq livell suffiċjenti ta’ probabbiltà.

Deċiżjoni tal-Kummissjoni, prima facie, hija intiża li timponi fuq l-Istati Membri kollha l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi għall-iskambji, bħal miżuri ta’ projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq u tat-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni ta’ ċerti makkinarji, minħabba r-riskji kkawżati mill-makkinarji tagħha lis-saħħa u s-sigurtà tal-persuni, u li jistgħu jikkawżaw ħsara lir-reputazzjoni ta’ l-impriża li tipproduċi dawn il-makkinarji. In-natura dannuża ta’ tali ħsara għandha, għaldaqstant, tiġi rrikonoxxuta. Fil-fatt, dannu bħal dan lir-reputazzjoni kummerċjali ta’ impriża u lir-reputazzjoni tas-sigurtà tal-prodotti tagħha hija tali li tikkawżalha dannu li, minħabba li mhuwiex faċli li jiġi evalwat, huwa diffiċli li jiġi kkumpensat. Dannu bħal dan, barra minn hekk, jista’ jiġi deskritt bħala gravi, ladarba tali dannu jista’, minħabba l-att ikkontestat, jkollu effetti fl-Istati Membri kollha, u, konsegwentement, fis-swieq kollha li fihom jopera r-rikorrent u mhux biss fuq wieħed minnhom. Dannu bħal dan għar-reputazzjoni tiegħu jista’ jwassal għal konsegwenzi irremedjabbli għall-produzzjoni tiegħu, kemm fis-settur in kwistjoni kif ukoll fis-setturi l-oħra tagħha ta’ attività u, konsegwentement, għas-sitwazzjoni finanzjarja globali tiegħu. Għaldaqstant, ir-riskju li huwa jfalli ma jidhirx purament ipotetiku iżda huwa, bil-kontra, prevedibbli fuq livell suffiċjenti ta’ probabbiltà.

Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, l-eżekuzzjoni ta’ l-imsemmi deċiżjoni tal-Kummissjoni tista’ tikkawża dannu gravi u irreparabbli lir-rikorrent li tipperikola l-eżistenza tiegħu, b’tali mod li l-urġenza tal-miżuri mitluba tidher li ma tistax tiġi kkontestata.

(ara l-punti 121-123, 136-137, 142-144, 146)