Language of document : ECLI:EU:T:2021:639

Kawża T279/19

Front populaire pour la libération de la Saguia el-Hamra et du Rio de oro (Front Polisario)

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla Estiża) tad29 ta’ Settembru 2021

“Relazzjonijiet esterni – Ftehimiet internazzjonali – Ftehim Ewro-Mediterranju ta’ Assoċjazzjoni KE-Marokk – Ftehim fil-forma ta’ skambju ta’ ittri dwar l-emenda tal‑Protokolli Nru 1 u Nru 4 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju – Deċiżjoni li tapprova l‑konklużjoni tal-ftehim – Rikors għal annullament – Ammissibbiltà – Locus standi in judicio – Inċidenza diretta – Inċidenza individwali – Kamp ta’ applikazzjoni territorjali – Ġurisdizzjoni – Interpretazzjoni tad-dritt internazzjonali magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja – Prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni – Prinċipju ta’ effett relattiv tat-trattati – Invokabbiltà – Kunċett ta’ kunsens – Implimentazzjoni – Setgħa diskrezzjonali — Limiti – Żamma tal-effetti tad‑deċiżjoni kkontestata”

1.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Persuna ġuridika – Kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni – Rekwiżit ta’ personalità ġuridika u tal-locus standi in judicio

(Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

(ara l-punti 83 sa 85)

2.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Locus standi in judicio – Persuni ġuridiċi – Kunċett – Entità rikonoxxuta fuq il-livell internazzjonali bħala rappreżentant ta’ poplu ta’ territorju mhux awtonomu – Inklużjoni

(Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

(ara l-punti 91, 92, 96 sa 101)

3.      Proċedura ġudizzjarja – Eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku – Eżami ex officio mill-qorti – Portata – Eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma għall-ewwel darba minn intervenjent – Inklużjoni

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 129)

(ara l-punt 117)

4.      Proċedura ġudizzjarja – Rappreżentanza tal-partijiet – Rikors ta’ persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat – Mandat mogħti lill-avukat – Validità – Awtorizzazzjoni tal-korpi tal-persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat sabiex jippreżentaw rikors – Teħid inkunsiderazzjoni tan-natura tal-persuna ġuridika – Persuna ġuridika li ma hijiex ikkostitwita skont ir-regoli legali normalment applikabbli

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 51(3))

(ara l-punti 121, 124, 129)

5.      Unjoni Ewropea – Stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet – Portata – Att li japprova ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni – Inklużjoni

(Artikolu 263 TFUE)

(ara l-punti 135, 136)

6.      Ftehimiet internazzjonali – Ftehimiet tal-Unjoni – Konklużjoni – Effetti legali fir-rigward ta’ terzi – Prinċipju tad-dritt internazzjonali ġenerali tal-effett relattiv tat-Trattati – Ftehim li jista’ jaffettwa terz

(Artikolu 218(6) TFUE)

(ara l-punti 149 sa 153)

7.      Unjoni Ewropea – Stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet – Ftehimiet internazzjonali – Atti li jistgħu jiġu kkontestati – Att tal-Unjoni li jikkonkludi ftehim internazzjonali – Stħarriġ tal-validità ta’ deċiżjoni ta’ konklużjoni ta’ tali ftehim – Teħid inkunsiderazzjoni tal-kontenut stess tal-ftehim internazzjonali – Osservanza tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva

(Artikolu 263 TFUE)

(ara l-punti 154, 155)

8.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Inċidenza diretta – Inċidenza individwali – Kriterji – Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk li jemenda l-protokolli tal-Ftehim Ewro-Mediterranju – Deċiżjoni 2019/217 – Teħid inkunsiderazzjoni tal-kontenut stess tal-ftehim internazzjonali kif ukoll tal-effetti legali tiegħu fuq territorju terz – Osservanza tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva

(Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

(ara l-punti 157, 158, 160, 229, 230, 237)

9.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Atti tal-istituzzjonijiet – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Dmir tal-istituzzjonijiet li jikkonformaw ruħhom mal-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, kif interpretat mill-qorti tal-Unjoni – Stħarriġ tal-konformità ta’ deċiżjoni kkontestata mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

(ara l-punti 267 sa 269, 273)

10.    Ftehimiet internazzjonali – Ftehimiet tal-Unjoni – Interpretazzjoni – Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni – Kundizzjonijiet – Ftehimiet irregolati mid-dritt internazzjonali – Applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-liġi tat-trattati – Relazzjonijiet bejn Stati – Ħolqien ta’ dritt għal Stat terz minn dispożizzjoni ta’ trattat – Prinċipji – Kamp ta’ applikazzjoni – Suġġetti oħra tad-dritt internazzjonali – Inklużjoni

(Artikolu 216 u l-punt 1(b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE)

(ara l-punti 313 sa 316)

11.    Ftehimiet internazzjonali – Ftehimiet tal-Unjoni – Interpretazzjoni - Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni – Kundizzjonijiet – Ftehimiet irregolati mid-dritt internazzjonali – Applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-liġi tat-trattati – Trattati u stati terzi – Prinċipju ta’ kunsens liberu — Rekwiżiti u effetti legali


(ara l-punti 323 sa 325)

Sunt

Il-Qorti Ġenerali tannulla d-deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar, minn naħa, il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Marokk li jemenda l-preferenzi tariffarji mogħtija mill-UE lill-prodotti ta’ oriġini Marokkina kif ukoll, min-naħa l-oħra, il-Ftehim ta’ Sħubija tagħhom dwar is-sajd sostenibbli. Madankollu, l-effetti tal-imsemmija deċiżjonijiet għandhom jinżammu matul ċertu perijodu sabiex tiġi ppreżervata l-azzjoni esterna tal-Unjoni u ċ-ċertezza legali tal-impenji internazzjonali tagħha.

Dawn il-kawżi jirrigwardaw rikorsi għal annullament imressqa mill-Front populaire pour la libération de la Saguia el-Hamra et du Rio de oro (Front Polisario) (iktar ’il quddiem ir- “rikorrent”) kontra żewġ deċiżjonijiet tal-Kunsill li japprovaw il-konklużjoni ta’ ftehimiet bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk (1).

Il-ftehimiet approvati mid-deċiżjonijiet ikkontestati (iktar ’il quddiem il-“ftehimiet kontenzjużi”) huma r-riżultat ta’ negozjati mwettqa f’isem l-Unjoni, mal-Marokk, wara żewġ sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja (2), bil-għan li jiġu emendati ftehimiet preċedenti. Minn naħa, dan kien jirrigwarda l-konklużjoni ta’ ftehim li jemenda l-protokolli tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni Ewro-Mediterranju (3) dwar is-sistema applikabbli għall-importazzjoni fl-Unjoni Ewropea tal-prodotti agrikoli li joriġinaw mill-Marokk, u d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji”, sabiex jiġi estiż għall-prodotti li joriġinaw mis-Saħara tal-Punent esportati taħt il-kontroll tal-awtoritajiet doganali Marokkini, il-benefiċċju tal-preferenzi tariffarji mogħtija lill-prodotti ta’ oriġini Marokkina esportati fl-Unjoni. Min-naħa l-oħra, l-iskop kien li jiġi emendat il-Ftehim dwar is-sajd bejn il-Komunità Ewropea u l-Marokk (4) u, b’mod partikolari, li jiġu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-ftehim l-ibħra li jmissu mat-territorju tas-Saħara tal-Punent.

Permezz ta’ rikorsi ppreżentati fl‑2019, ir-rikorrent talab l-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati. Filwaqt li jiddikjara li qiegħed jaġixxi “f’isem il-poplu tas-Saħara tal-Punent”, huwa jsostni b’mod partikolari li, bl-approvazzjoni, permezz tad-deċiżjonijiet ikkontestati, tal-ftehimiet kontenzjużi mingħajr il-kunsens ta’ dan il-poplu, il-Kunsill kiser l-obbligi tal-Unjoni fil-kuntest tar-relazzjonijiet tagħha mal-Marokk, skont id-dritt tal-Unjoni u d-dritt internazzjonali. Fil-fatt, skont ir-rikorrent, dawn il-ftehimiet li japplikaw għas-Saħara tal-Punent, jipprevedu l-isfruttament tar-riżorsi naturali tiegħu u jiffavorixxu l-politika ta’ annessjoni ta’ dan it-territorju mill-Marokk. Barra minn hekk, it-tieni ftehim japplika wkoll għall-ibħra li jmissu ma’ dan it-territorju. B’mod partikolari, ir-rikorrent isostni li dawn il-ftehimiet ma humiex konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fis-sentenzi Il-Kunsill vs Front Polisario (C‑104/16 P) u Western Sahara Campaign UK (C‑266/16), li eskludiet tali applikazzjoni territorjali.

Permezz tas-sentenzi tagħha fil-Kawża T‑279/19, minn naħa, u fil-Kawżi magħquda T‑344/19 u T‑356/19, min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali tannulla d-deċiżjonijiet ikkontestati, filwaqt li tiddeċiedi li l-effetti tal-imsemmija deċiżjonijiet għandhom jinżammu matul ċertu perijodu (5), peress li l-annullament tagħhom b’effett immedjat jista’ jkollu konsegwenzi serji fuq l-azzjoni esterna tal-Unjoni u jikkontesta ċ-ċertezza legali tal-impenji internazzjonali li hija tat il-kunsens għalihom. Għall-kuntrarju, il-Qorti Ġenerali tiċħad bħala inammissibbli r-rikors tar-rikorrent fil-Kawża T‑356/19 kontra r-regolament dwar l-allokazzjoni ta’ opportunitajiet tas-sajd, minħabba nuqqas ta’ inċidenza diretta (6).

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali tivverifika jekk ir-rikorrent għandux locus standi in judicio quddiem il-qrati tal-Unjoni. Fil-fatt, skont il-Kunsill u l-intervenjenti, ir-rikorrent ma għandux personalità ġuridika skont id-dritt intern ta’ Stat Membru, ma huwiex suġġett tad-dritt internazzjonali, u ma jissodisfax il-kriterji stabbiliti mill-qrati tal-Unjoni sabiex tiġi rikonoxxuta l-locus standi in judicio lil entità li ma għandhiex personalità ġuridika. Fil-fehma tagħhom, ir-rikorrent għalhekk ma huwiex persuna ġuridika fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

Filwaqt li tirreferi għall-ġurisprudenza preċedenti, il-Qorti Ġenerali tippreċiża li din ma teskludix li l-kapaċità li taġixxi quddiem il-qorti tal-Unjoni tiġi rrikonoxxuta lil entità, indipendentement mill-personalità ġuridika tagħha tad-dritt intern, b’mod partikolari jekk ir-rekwiżiti tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva jimponu fuqha, interpretazzjoni restrittiva tal-kunċett ta’ persuna ġuridika li għandha tiġi miċħuda. Fl-eżami tal-kwistjoni tal-eżistenza tal-personalità ġuridika tar-rikorrent fid-dritt internazzjonali pubbliku, il-Qorti Ġenerali tqis li r-rwol u r-rappreżentattività tar-rikorrent huma ta’ natura li jagħtuh locus standi in judicio quddiem il-qorti tal-Unjoni.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li r-rikorrent huwa rrikonoxxut fuq livell internazzjonali bħala rappreżentant tal-poplu tas-Saħara tal-Punent, anki jekk jitqies li dan ir-rikonoxximent jaqa’ fil-kuntest limitat tal-proċess ta’ awtodeterminazzjoni ta’ dan it-territorju. Barra minn hekk, il-parteċipazzjoni tiegħu f’dan il-proċess timplika li huwa għandu l-awtonomija u r-responsabbiltà neċessarji sabiex jaġixxi f’dan il-kuntest. Fl-aħħar nett, ir-rekwiżiti tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva jeżiġu li r-rikorrent jingħata l-kapaċità li jippreżenta rikors quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex jiddefendi d-dritt għall-awtodeterminazzjoni tal-poplu tas-Saħara tal-Punent. Il-Qorti Ġenerali tikkonkludi għalhekk li r-rikorrent huwa persuna ġuridika, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u jiċħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-Kunsill.

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali teżamina l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-Kunsill ibbażata fuq in-nuqqas ta’ locus standi tar-rikorrent. Fir-rigward tal-punt dwar jekk ir-rikorrent huwiex direttament ikkonċernat mid-deċiżjonijiet ikkontestati, hija tirrileva li deċiżjoni ta’ konklużjoni, f’isem l-Unjoni, ta’ ftehim internazzjonali hija element kostituttiv tal-imsemmi ftehim u li, għaldaqstant, l-effetti tal-implimentazzjoni ta’ dan il-ftehim fuq is-sitwazzjoni legali ta’ terz huma rilevanti sabiex tiġi evalwata l-inċidenza diretta tiegħu mid-deċiżjoni inkwistjoni. F’dan il-każ, sabiex jiddefendi d-drittijiet li l-poplu tas-Saħara tal-Punent jislet mir-regoli tad-dritt internazzjonali li jorbtu lill-Unjoni, ir-rikorrent għandu jkun jista’ jinvoka l-effetti tal-ftehimiet kontenzjużi fuq dawn id-drittijiet sabiex jistabbilixxi l-interess dirett tiegħu. Issa, il-Qorti Ġenerali tqis li, sa fejn il-ftehimiet kontenzjużi japplikaw espliċitament għas-Saħara tal-Punent kif ukoll, fir-rigward tat-tieni ftehim, għall-ibħra li jmissu miegħu, dawn jaffettwaw il-poplu ta’ dan it-territorju u kienu jinvolvu l-ksib tal-kunsens tiegħu. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali tikkonkludi minn dan li d-deċiżjonijiet ikkontestati jipproduċu effetti diretti fuq is-sitwazzjoni legali tar-rikorrent bħala rappreżentant ta’ dan il-poplu u bħala parti mill-proċess ta’ awtodeterminazzjoni f’dan it-territorju. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali tirrileva li l-implimentazzjoni tal-ftehimiet kontenzjużi, f’dak li jikkonċerna l-applikazzjoni territorjali tagħhom, hija ta’ natura purament awtomatika u ma tħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji tagħhom.

Fir-rigward tal-inċidenza individwali tar-rikorrent, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi li wasslu għall-konklużjoni tal-inċidenza diretta tiegħu, b’mod partikolari s-sitwazzjoni legali tiegħu bħala rappreżentant tal-poplu tas-Saħara tal-Punent u parti fil-proċess ta’ awtodeterminazzjoni f’dan it-territorju, ir-rikorrent għandu jitqies li huwa affettwat mid-deċiżjonijiet ikkontestati minħabba kwalitajiet li huma partikolari għalih u li jindividwalizzawh b’mod analogu għal dak li huwa d-destinatarju ta’ dawn id-deċiżjonijiet.

Fuq il-fondatezza tal-motivi

F’dak li jirrigwarda l-mertu u, b’mod partikolari, il-kwistjoni dwar jekk il-Kunsill kisirx l-obbligu li jikkonforma ruħu mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-regoli tad-dritt internazzjonali applikabbli għall-ftehimiet kontenzjużi, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li, fis-sentenza Il-Kunsill vs Front Polisario, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet mill-prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni u mill-prinċipju ta’ effett relattiv tat-trattati obbligi ċari, preċiżi u inkundizzjonati imposti fir-rigward tas-Saħara tal-Punent fil-kuntest tar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u l-Marokk, jiġifieri, minn naħa, ir-rispett tal-istatus separat u distint tiegħu u, min-naħa l-oħra, l-obbligu li jiġi żgurat il-kunsens tal-poplu tiegħu fil-każ ta’ implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni f’dan it-territorju. Għalhekk, ir-rikorrent għandu jkun jista’ jinvoka l-ksur tal-imsemmija obbligi kontra d-deċiżjonijiet ikkontestati, sa fejn dan il-ksur jista’ jaffettwa l-imsemmi poplu, bħala terz għal ftehim konkluż bejn l-Unjoni u l-Marokk. F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali tiċħad l-argument imressaq mir-rikorrent li huwa legalment impossibbli għall-Unjoni u l-Marokk li jikkonkludu ftehim espliċitament applikabbli għas-Saħara tal-Punent, peress li din l-ipoteżi ma hijiex eskluża mid-dritt internazzjonali kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja.

Għall-kuntrarju, il-Qorti Ġenerali tilqa’ l-argument tar-rikorrent li permezz tiegħu huwa jsostni li r-rekwiżit tal-kunsens tal-poplu tas-Saħara tal-Punent, bħala terz għall-ftehimiet kontenzjużi, fis-sens tal-prinċipju ta’ effett relattiv tat-trattati, ma ġiex osservat.

F’dan ir-rigward, minn naħa, il-Qorti Ġenerali tqis li r-regola tad-dritt internazzjonali, li tipprovdi li l-kunsens ta’ terz għal ftehim internazzjonali jista’ jiġi preżunt, meta l-partijiet għal dan il-ftehim kellhom l-intenzjoni li jagħtuh drittijiet, ma hijiex applikabbli f’dan il-każ, peress li l-ftehimiet kontenzjużi ma humiex intiżi sabiex jagħtu drittijiet lill-imsemmi poplu, iżda jimponu fuqu, għall-kuntrarju, obbligi.

Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali tirrileva li, meta regola tad-dritt internazzjonali teżiġi l-kunsens ta’ parti jew ta’ terz, l-espressjoni ta’ dan il-kunsens tikkundizzjona l-validità tal-att li għalih huwa meħtieġ, il-validità tal-imsemmi kunsens stess tiddependi min-natura libera u awtentika tiegħu u l-imsemmi att jista’ jiġi invokat kontra l-parti jew it-terz li jkun ta l-kunsens tiegħu b’mod validu. Madankollu, il-passi meħuda mill-awtoritajiet tal-Unjoni qabel il-konklużjoni tal-ftehimiet kontenzjużi ma jistgħux jitqiesu bħala li ppermettew li jinkiseb il-kunsens tal-poplu tas-Saħara tal-Punent għal dawn il-ftehimiet, konformement mal-prinċipju ta’ effett relattiv tat-trattati, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Qorti Ġenerali tippreċiża, f’dan ir-rigward, li s-setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet fil-kuntest tar-relazzjonijiet esterni ma kinitx tippermettilhom, f’dan il-każ, li jiddeċiedu jekk huma setgħux jikkonformaw ruħhom jew le ma’ dan ir-rekwiżit.

B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali tikkonstata, qabelxejn, li, fid-dawl tal-portata ġuridika, fid-dritt internazzjonali, tal-kunċett ta’ “poplu”, minn naħa, u tal-kunċett ta’ “kunsens”, min-naħa l-oħra, il-“konsultazzjonijiet” tal-“popli kkonċernati” organizzati mill-istituzzjonijiet ma setgħux iwasslu għall-espressjoni tal-kunsens tal-poplu tas-Saħara tal-Punent. Għalhekk dan l-approċċ ippermetta, l-iktar l-iktar, li tinkiseb l-opinjoni tal-partijiet ikkonċernati, mingħajr ma din l-opinjoni tikkundizzjona l-validità tal-ftehimiet kontenzjużi u torbot lil dawn il-partijiet b’tali mod li dawn il-ftehimiet jistgħu jiġu invokati fil-konfront tagħhom. Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali tqis li l-elementi differenti dwar is-sitwazzjoni partikolari tas-Saħara tal-Punent, invokati mill-Kunsill, ma jurux l-impossibbiltà li jinkiseb, fil-prattika, il-kunsens tal-poplu tas-Saħara tal-Punent għall-ftehimiet kontenzjużi, bħala terzi għalihom. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali tirrileva li l-istituzzjonijiet ma jistgħux validament jibbażaw ruħhom fuq l-ittra tad‑29 ta’ Jannar 2002 tal-konsulent legali tan-NU sabiex jissostitwixxu l-kriterju tal-vantaġġi tal-ftehimiet kontenzjużi għall-popli kkonċernati għar-rekwiżit tal-espressjoni tal-imsemmi kunsens. Minn dan il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li l-Kunsill ma ħax inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-elementi rilevanti kollha dwar is-sitwazzjoni tas-Saħara tal-Punent u qies, b’mod żbaljat, li huwa kellu marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jiddeċiedi jekk kienx hemm lok li jikkonforma ruħu ma’ dan ir-rekwiżit.


1      Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/217 tat‑28 ta’ Jannar 2019 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk dwar l-emenda tal-Protokolli Nru 1 u Nru 4 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra (ĠU 2019, L 34, p. 1) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/441 tal‑4 ta’ Marzu 2019 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk, tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tiegħu u tal-iskambju ta’ ittri li jakkumpanja l-Ftehim (ĠU 2019, L 77, p. 4), iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet ikkontestati”.


2      Sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kunsill vs Front Polisario (C‑104/16 P, EU:C:2016:973, ara CP Nru 146/16), u tas‑27 ta’ Frar 2018, Western Sahara Campaign UK (C‑266/16, EU:C:2018:118, ara CP Nru 21/18). F’dawn is-sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni kien ikopri biss it-territorju tal-Marokk u mhux is-Saħara tal-Punent, u li la l-Ftehim dwar is-sajd u lanqas il-Protokoll ta’ implimentazzjoni tiegħu ma huma applikabbli għall-ibħra li jmissu mat-territorju tas-Saħara tal-Punent.


3      Il-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħha minn naħa, u r-Renju tal-Marokk min-naħa l-oħra (ĠU 2000, L 70, p. 2).


4      Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tal-Marokk (ĠU 2006, L 141, p. 4).


5      Jiġifieri perijodu li ma jistax jaqbeż it-terminu ta’ xahrejn għall-preżentata ta’ appell jew id-data tal-għoti tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar appell eventwali.


6      Regolament tal-Kunsill (UE) 2019/440 tad‑29 ta’ Novembru 2018 dwar l-allokazzjoni ta’ opportunitajiet tas-sajd skont il-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk u tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tiegħu (ĠU 2019, L 77, p. 1).