Language of document : ECLI:EU:T:2021:630


 


 



Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tad-29 ta’ Settembru 2021 – Il-Parlament vs Axa Assurances Il-Lussemburgu et

(Kawża T-384/19)

“ Klawżola ta’ arbitraġġ - Kuntratt ta’ assigurazzjoni ‘ir-riskji kollha tal-kostruzzjoni’ - Estensjoni u mmodernizzar tal-bini Konrad Adenauer fil-Lussemburgu - Ħsara kkawżata mill-ilmijiet tax-xita - Talba għal rimbors ta’ spejjeż u kumpens - Kamp ta’ applikazzjoni tal-assigurazzjoni - Klawżola ta’ esklużjoni - Obbligi proċedurali anċillari - Proċedura parzjalment prestabbilita”

1.      Proċedura ġudizzjarja – Kawża mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali fuq il-bażi ta’ klawżola ta’ arbitraġġ – Ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali ddefinita esklużivament mill-Artikoli 256 TFUE u 272 TFUE u l-klawżola ta’ arbitraġġ – Portata

(Artikoli 256 u 272 TFUE)

(ara l-punti 43, 44)

2.      Proċedura ġudizzjarja – Kawża mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali fuq il-bażi ta’ klawżola ta’ arbitraġġ – Kuntratt ta’ assigurazzjoni – Assigurazzjoni ‘ir-riskji kollha tal-kostruzzjoni’ – Ħsara kkawżata minn ilmijiet tax-xita lill-bini Konrad Adenauer tal-Parlament Ewropew– Talba tal-Parlament għar-rimbors tal-ispejjeż u kumpens – Kamp ta’ applikazzjoni tal-assigurazzjoni – Klawżola ta’ esklużjoni – Kunċett ta’ għargħar

(Artikoli 256 u 272 TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2007/60, Artikoli 1 u 2)

(ara l-punti 77, 78, 81 sa 96, 99 sa 111)

3.      Proċedura ġudizzjarja – Kawża mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali fuq il-bażi ta’ klawżola ta’ arbitraġġ –Kuntratt ta' assigurazzjoni – Assigurazzjoni ‘ir-riskji kollha tal-kostruzzjoni’ – Ħsara kkawżata minn ilmijiet tax-xita lill-bini Konrad Adenauer tal-Parlament Ewropew– Talba tal-Parlament għar-rimbors tal-ispejjeż u kumpens – Rikors għal responsabbiltà kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Illegalità – Dannu – Rabta kawżali – Oneru tal-prova – Assenza ta’ waħda mill-kundizzjonijiet – Ċaħda tar-rikors għad-danni kollu kemm hu

(Artikoli 256, 272 u 340 TFUE)

(ara l-punti 125 sa 129, 133)

Suġġett

Talba bbażata fuq l-Artikolu 272 TFUE u intiża sabiex tikseb il-kundanna tar-rikorrenti għar-rimbors tal-ispejjeż tal-ħsara kkawżata mill-ilmijiet lill-Konrad Adenauer fil-Lussemburgu, wara x-xita qawwija li laqtgħet is-sit fis-27 u t-30 ta’ Mejju 2016.

Dispożittiv

1)

Nationale-Nederlanden Schaderverzekering Maatschappij NV hija kkundannata tirrimborsa s-somma ta’ EUR 79 653.89 lill-Parlament Ewropew l-interessi moratorji statutorji relatati magħha, mit-22 ta’ Diċembru 2017, li r-rata tagħhom hija daqs is-somma tar-rata tal-interessi tas-self prinċipali applikabbli mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjoni prinċipali tiegħu ta’ rifinanzjament l-iktar riċenti u ta’ tmien punti perċentwali.

2)

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)

Nationale-Nederlanden Schaderverzekering Maatschappij għandha tbati l-ispejjeż relatati mal-proċedura prestabbilta li tirrigwardaha.

4)

Il-Parlament għandu jbati żewġ terzi tal-ispejjeż subiti minn Axa Assurances Luxembourg SA, Bâloise Assurances Luxembourg SA u La Luxembourgeoise SA, minbarra l-ispejjeż tiegħu.