Language of document : ECLI:EU:T:2007:295

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)

20 ta’ Settembru 2007 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Miżuri ta’ konverżjoni fis-settur tal-produzzjoni ta’ l-inbid – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna parzjalment kompatibbli u parzjalment inkompatibbli mas-suq komuni – Rikors għal annullament – Ammissibbiltà – Obligazzjoni ta’ motivazzjoni – Evalwazzjoni fid-dawl ta’ l-Artikolu 87(1) KE”

Fil-kawża T‑136/05,

EARL Salvat père & fils, stabbilita f’Saint-Paul-de-Fenouillet (Franza),

Comité interprofessionnel des vins doux naturels și vins de liqueur à appellations contrôlées (CIVDN), stabbilit f’ Perpignan (Franza),

Comité national des interprofessions des vins à appellation d’origine (CNIV), stabbilit f’ Pariġi (Franza),

irrappreżentati minn H. Calvet u O. Billard, avukati,

partijiet rikorrenti

sostnuti minn

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues, bħala aġent,

intervenjenti

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn C. Giolito u A. Stobiecka-Kuik, bħala aġenti,

konvenuta

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament ta’ l-Artikolu 1(1) u (3), tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/253/KE tad-19 ta’ Jannar 2005, li tirrigwarda l-pjan rivesaltes u t-taxxi parafiskali CIVDN implementati minn Franza (ĠU L 112, p. 1),

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Il-Ħames Awla),

komposta minn M. Vilaras, President, F. Dehousse u D. Šváby, Imħallfin,

Reġistratur: K. Pocheć, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Novembru 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Fatti li wasslu għall-kawża

1        Wara lment li rċeviet, f’Lulju 1999 il-Kummissjoni interrogat l-awtoritajiet Franċiżi fir-rigward ta’ diversi miżuri ta’ konverżjoni fis-settur tal-produzzjoni ta’ l-inbid magħrufa taħt l-isem “Pjan rivesaltes”. Peress li l-miżuri in kwistjoni kienu ġew implementati mingħajr awtorizzazzjoni u mingħajr ma ġew innotifikati minn qabel lill-Kummissjoni, huma ġew imdaħħla taħt in-numru NN 139/2002 fir-reġistru ta’ l-għajnuna mhux notifikata.

2        Permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Jannar 2003, il-Kummissjoni informat lir-Repubblika Franċiża bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE fil-konfront ta’ din l-għajnuna. Permezz ta’ komunikazzjoni ppublikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea fil-5 ta’ April 2003, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet ikkonċernati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom skond l-Artikolu 88(2) KE (ĠU C-82, p.2). L-awtoritajiet Franċiżi bagħtulha l-kummenti tagħhom permezz ta’ ittri tas-16 u tat-18 ta’ Ġunju 2003, kif ukoll ta’ l-10 ta’ Settembru 2003, b’din ta’ l-aħħar kienet risposta għall-osservazzjonijiet ta’ l-entità li għamlet l-ilment.

 Id-Deċiżjoni

3        Permezz tad-deċiżjoni tad-19 ta’ Jannar 2005 dwar il-Pjan rivesaltes u t-taxxi parafiskali tal-kumitat interprofessjonali ta’ l-inbid ħelu naturali u ta’ inbid ta’ likuri b’denominazzjoni kontrollata (CIVDN) implementati minn Franza, il-Kummissjoni ddeċidiet fuq il-legalità ta’ diversi miżuri meħuda mir-Repubblika Franċiża fir-rigward ta’ l-inbid ħelu naturali tar-Reġjun tal-Pyrénées-Orientales (iktar’il quddiem id-“Deċiżjoni”).

 Il-miżuri kkonċernati

4        Wara diffikultajiet fil-kummerċjalizzazzjoni tad-denominazjoni “rivesaltes”, fl-1996 ġie elaborat pjan li jġib l-istess isem. Skond il-premessa 6 tad-Deċiżjoni, dan il-pjan ta’ konverżjoni kien intiż sabiex jissostitwixxi parti mill-produzzjoni ta’ l-inbid ħelu naturali tar-reġjun in kwistjoni permezz tal-qliegħ u t-tħawwil mill-ġdid ta’ varjetajiet ta’ dwieli ta’ kwalità. Sabiex dan il-pjan jiġi implementat tajjeb, il-produtturi kellhom aċċess, sa Awwissu ta’ l-2000, għal żewġ tipi ta’ għajnuna, jiġifieri “primjum għat-twarrib” u “għajnuna għall-konverżjoni”. Ġew implementati ukoll “attivitajiet ta’ pubbliċità u promozzjoni u ta’ tħaddim”.

–       Primjum għat-twarrib

5        Permezz tad-Deċiżjoni 96-1, tad-9 ta’ Lulju 1996, il-CIVDN daħħal fis-seħħ kontribuzzjoniji interprofessjonali għall-finanzjament tal-pjan rivesaltes. Il-kontribuzzjoni, li kienet tammonta għal 50 Frank Franċiż (FRF) għal kull ettolitru prodott fir-reġjun in kwitjoni, kienet intiża biex tiffinanzja l-ħlas ta’ primjum għat-twarrib għal kull ħabel art li kien jipproduċi r-rivesaltes jew il-grand-roussillon fl-1995, u li kellu jipproduċi, b’effett mill-ħsad ta’ l-1996 sal-ħsad ta’ l-2000 inklużi, “vin de table” jew “vins de pays”. Il-primjum għat-twarrib kien effettivament ingħata lill-produtturi li impenjaw ruħhom li ma jużawx id-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata (AOC) “rivesaltes” jew “grand-roussillon” matul il-perijodu ta’ ħames snin. Dan il-primjum ma kienx jimplika waqfien tal-produzzjoni jew tnaqqis tagħha, imma kien jirrappreżenta biss kumpens għall-produzzjoni mingħajr l-AOC. L-ammont ta’ primjum għat-twarrib kien ta’ FRF 5 000 fis-sena għal kull ettaru mwarrab (premessi 8 sa 11 tad-Deċiżjoni).

–       Għajnuna għall-konverżjoni

6        Il-pjan rivesaltes, kif adottat fl-1996, kien jipprevedi wkoll għajnuna ta’ FRF 25 000 għal kull ettaru għall-konverżjoni fl-AOC “muscat-de-rivesaltes” u ta’ FRF 40 000 għal kull ettaru għall-konverżjoni għall-AOC “côtes-du-roussillon-villages” u f’vin de pays (premessa 15 tad-Deċiżjoni). Din l-għajnuna kienet iffinanzjata parzjalment mill-estimi ta’ l-Istat (premessa 17 tad-Deċiżjoni).

–       Attivitajiet ta’ pubbliċità u promozzjoni u ta’ tħaddim

7        Permezz tad-Deċiżjoni 97‑9, tad-29 ta’ Diċembru 1997, il-CIVDN stabbilixxa, b’effett mill-1 ta’Jannar 1998, kontribuzzjoni interprofessjonali intiża sabiex tiffinanzja attivitajiet ta’ pubbliċità u promozzjoni u ta’ tħaddim favur l-AOC “rivesaltes”, “grand-roussillon”, “muscat-de-rivesaltes” u “banyuls” (premessa 19 tad-Deċiżjoni). Dawn il-kontribuzzjonijiet kienu jvarjaw, skond l-AOC, minn FRF 25 għal kull ettolitru sa FRF 50 għal kull ettolitru (premessa 20 tad-Deċiżjoni). Bl-istess mod, permezz tad-Deċiżjoni 98‑1, ta’ l-10 ta’ Lulju 1998, l-CIVDN stabbilixxa, b’effett mill-1 ta’ Settembru 1998, l-istess tip ta’ kontribuzzjoni interprofessjonali intiza sabiex tiffinanzja attivitajiet ta’ pubbliċità u promozzjoni u ta’ tħaddim favur l-AOC “rivesaltes”, “grand-roussillon” u “maury” (premessa 22 tad-Deċiżjoni). Dawn iż-żewġ kontribuzzjonijiet ġew imħassra permezz tad-Deċiżjoni 99‑1, tas-7 ta’ Diċembru 1999, li biħa l-CIVDN stabbilixxa kontribuzzjoni interprofessjonali intiża sabiex tiffinanzja attivitajiet ta’ pubbliċità u promozzjoni u ta’ tħaddim favur l-AOC li ġejjin: “banyuls”, “banyuls-grand-cru”, “muscat-de-rivesaltes”, “rivesaltes”, “grand-roussillon” u “maury” (premessa 25 tad-Deċiżjoni). Din il-kontribuzzjoni ġiet ikkonfermata, b’tibdiliet zgħar, bid-Deċiżjoni 00-1 (premessa 28 tad-Deċiżjoni).

 L-evalwazzjoni legali fid-Deċiżjoni

8        Fl-evalwazzjoni legali tagħha, il-Kummissjoni l-ewwel nett teżamina l-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv iffinanzjat mir-riżorsi ta’ l-Istat. Fir-rigward tan-natura tal-kontribuzzjonijiet fil-każ preżenti, hija tal-fehma li dan huwa każ ta’ taxxi parafiskali, jiġifieri ta’ riżorsi pubbliċi (premessa 74 tad-Deċiżjoni).

9        Wara dan l-eżami, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżuri in kwistjoni jikkostitwixxu “vantaġġ iffinanzjat minn riżorsi pubbliċi mogħti lilhom u li minnu ma setgħux jibbenefikaw operaturi oħra, li kien jikkawża distorsjoni jew jhedded li jikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni billi jiffavorixxi ċerti impriżi u ċerti produzzjonijiet, peress li huwa jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri”. Minn dan hija ddeduċiet li dawn il-miżuri kienu jikkostitwixxu għajnuna fis-sens ta’ l-Artikolu 87(1) KE (premessa 82 tad-Deċiżjoni).

10      Fl-evalwazzjoni tagħha tal-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna, il-Kummissjoni l-ewwel nett teskludi għal dan il-każ l-applikazzjoni ta’ l-eċċezzjonijiet għall-prinċipju ġenerali ta’ inkompatibbiltà ta’ l-għajnuna mill-Istat mat-Trattat previsti fl-Artikolu 87(2) u 87(3) KE (premessi 83 sa 86 tad-Deċiżjoni).

11      Wara dan hija tikkonstata li peress li l-miżuri implementati mir-Repubblika Franċiża kellhom elementi ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat, dawn kienu jikkostitwixxu għajnuna ġdida li ma ġietx innotifikata lill-Kummissjoni u li kienet, minħabba dan il-fatt, illegali fis-sens tat-Trattat (premessa 88 tad-Deċiżjoni).

12      Barra minn hekk, qabel ma tilħaq il-konklużjoni tagħha, hija tanaliżża kull miżura fid-dawl tad-dispożizzjonijiet applikabli, b’mod partikolari dawk li jirregolaw l-organizzjazzjoni komuni tas-suq in kwistjoni, kif ukoll il-finanzjament ta’ l-għajnuna (premessa 95 sa 127 tad-Deċiżjoni).

 Dispożitiv tad-Deċiżjoni

13      Id-dispożitiv tad-Deċiżjoni jipprovdi dan li ġej:

“Artikolu wieħed

1.      L-għajnuna mogħtija mill-Istat li r-[Repubbika Franċiża] implementat fil-forma ta’ ‘primjum għat-twarrib’ mogħti lill-produtturi Franċiżi ta’ l-inbid li ntrabtu li ma jużawx l-[AOC] ‘rivesaltes’ jew ‘grand-roussillon’ b’effett mill-ħsad ta’ l-1996 sal-ħsad ta’ l-2000 inklużi, hija inkompatibbli mas-suq komuni.

2.      L-għajnuna mogħtija mill-Istat li r-[Repubbika Franċiża] implementat fil-forma ta’ pjan ta’ konverżjoni tad-dwieli ta’ l-AOC ‘rivesaltes’, b’effett mill-ħsad ta’ l-1996 sal-ħsad ta’ l-2000 inklużi, mogħtija f’każijiet individwali sabiex jinqabżu t-30 % ta’ l-ispejjeż reali u/jew il-limitu ta’ EUR 5 030,82 kull ettaru (33 000 FRF/ha) hija inkompatibbli mas-suq komuni.

3.       L-għajnuna mogħtija mill-Istat li r-[Repubbika Franċiża] implementat bejn l-1 ta’ Jannar 1998 u l-31 ta’ Diċembru 2000, fil-forma ta’ attivitajiet ta’ pubbliċità u promozzjoni u ta’ tħaddim in sostenn ta’ l-AOC ‘rivesaltes’, ‘grand-roussillon’, ‘muscat-de-rivesaltes’ ‘banyuls’, hija kompatibbli mas-suq komuni skond l-Artikolu 87(3)(ċ) tat-Trattat.

Artikolu 2

1.      Ir-[Repubblika Franċiża] għandha tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tirkupra l-għajnuna li ġiet iddikjarata inkompatibbli, imsemmija fl-Artikolu 1(1) u (2), mingħand il-persuni li bbenefikaw minnhom. L-irkupru għandu jsir mingħajr dewmien b’mod konformi mal-proċeduri tad-dritt nazzjonali, sakemm dawn jippermettu l-eżekuzzjoni immedjata u effettiva tad-deċiżjoni preżenti. L-għajnuna li għandha tiġi rkuprata tinkludi l-interessi li jibdew jiddekorru b’effett minn meta din tpoġġiet għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarji sad-data ta’ meta tiġi rkuprata. Dawn l-interessi huma kkalkolati abbazi tar-rata ta’ referenza tal-Kummissjoni, prevista mill-metodu għall-iffissar tar-rata ta’ referenza u ta’ aġġornament.

2.      Għall-finijiet ta’ l-irkupru ta’ l-għajnuna inkompatibbli msemmija fl-Artikolu 1(1), ir-[Repubblika Franċiża] għandha tinforma lill-Kummissjoni bl-ammont globali ta’ għajnuna mogħtija fil-kuntest ta’ din il-miżura kif ukoll kif din ġiet iffinanzjata, inkluż l-ammont totali tad-dħul mill-kontribuzzjonijiet interprofessjonali maħluqa għal dan il-għan, u n-numru ta’ ettari li bbenefikaw mill-‘primjum għat-twarrib’.

Artikolu 3

Ir-[Repubblika Franċiża] għandha tinforma lill-Kummissjoni, fi żmien xahrejn b’effett min-notifika tad-deċiżjoni preżenti, dwar il-miżuri li hija ħadet sabiex tikkonforma ruħha mad-deċiżjoni preżenti.

Article 4

Id-deċiżjoni preżenti hija indirizzata lir-Repubblika Franċiza”.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

14      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-30 ta’ Marzu 2005, il-kumpannija agrikola b’responsabbiltà limitata ta’ dritt ċivili (EARL) Salvat père & fils (iktar’il quddiem “Salvat”), il-CIVDN u l-Comité national des interprofessions des vins d’appellation d’Origine (Kumitat nazzjonali interprofessjonali ta’ l-inbid b’denominazzjoni ta’ l-oriġini, iktar’il quddiem il-“CNIV”), ippreżentaw rikors kontra d-Deċiżjoni.

15      Ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha :

–        tannulla l-artikolu 1(1) u (3) tad-Deċiżjoni;

–        tikkundanna lill-Kummisssjoni għall-ispejjeż.

16      Permezz ta’ att separat tad-29 ta’ Ġunju 2005, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, skond l-Artikolu 114 (1) tar-Reġoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Hija talbet li r-rikors jiġi miċhud bħala inammissibli, mingħajr ma jiġi eżaminat il-mertu, u li r-rikorrenti jiġu kkundannati għall-ispejjeż.

17      Permezz ta’ digriet tat-22 ta’ Settembru 2005 tal-President tal-Ħames Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza, ir-Repubblika Franċiża ġiet awtorizzata tintervjeni in sostenn tat-talbiet tar-rikorrenti. Permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Ottubru 2005, il-Gvern Franċiż indika li ma xtaqx jesprimi ruħu dwar l-ammissibbiltà u f’dan l-istadju ma kienx sejjer jippreżenta sottomissjonijiet ta’ intervent f’din il-kawża.

18      Permezz ta’ digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Diċembru 2005, it-talba sabiex tiġi deċiża l-inammissibbiltà ġiet magħquda mal-mertu u l-ispejjeż ġew irriżervati.

19      Fir-risposta tad-difiża tagħha, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibli u, sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

20      Ir-Repubblika Franċiża ma ppreżentax sottomissjonijiet ta’ intervent fuq il-mertu fit-terminu mogħti. Meta ġiet informata mir-Registru tal-Qorti tal-Prim’Istanza dwar id-data tas-seduta, hija rrispondiet permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Ottubru 2006, li ma kinitx sejra tattendi għaliha.

21      It-trattazzjoni u r-risposti għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-partijiet preżenti nstemgħu matul is-seduta tas-16 ta’ Novembru 2006.

 Fuq l-ammissibbiltà

22      L-ewwel nett, il-Kummissjoni tinvoka n-nuqqas ta’ interess ta’ CIVDN li jaġixxi kontra ż-żewġ dispożizzjonijiet ikkontestati, minħabba x-xoljiment tiegħu. It-tieni nett, hija tallega li r-rikorrenti m’għandhomx interess li jaġixxu kontra l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni. It-tielet nett, hija tikkontesta li r-rikorrenti huma kkonċernati direttament u individwalment mill-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni.

 Fuq il-kapaċità ta’ CIVDN li jaġixxi kontra ż-żewġ dispożizzjonijiet ikkontestati fid-dawl tax-xoljiment tiegħu

 L-argumenti tal-partijiet

23      Skond il-Kummissjoni, l-CIVDN ġie xolt u llikwidat permezz ta’ deċiżjoni ta’ l-Assemblea Ġenerali tiegħu ta’ l-20 ta’ Diċembru 2000 u ġie ssostitwit mill-Kunsill interprofessjonali ta’ l-inbid ta’ Roussillon (iktar’il quddiem il-“CIVR”). Il-Kummissjoni tikkonferma li hija ġiet informata b’dan ix-xoljiment permezz ta’ ittri ta’ l-14 ta’ Diċembru 2000 u tas-6 ta’ Diċembru 2001 (premessa 28 tad-Deċiżjoni).

24      Il-CIVDN isostni li huwa nħoloq permezz tal-liġi Nru 200 tat-2 ta’ April 1943 li, sal-ġurnata tal-lum, għadha fis-seħħ. Huwa minnu li d-digriet 2005-554 tas-26 ta’ Mejju 2005 (JORF Nru 122 tas-27 ta’ Mejju 2005) jipprovdi li l-CIVDN għandu jiġi llikwidat skond il-kundizzjonijiet stabbiliti minn deċiżjoni ministerjali. Madankollu, ir-rikorrenti jsostnu li, għalkemm huwa minnu li d-deċiżjoni ministerjali tad-9 ta’ Awwissu 2005 (JORF Nru 201, tat-30 ta’ Awwissu 2005) bdiet il-proċedura ta’ likwidazzjoni u ħatret likwidatur, xorta jibqa’ l-fatt li l-CIVDN baqa’ jeżisti bħala persuna ġuridika sal-mument ta’ meta ġie xolt. F’kull każ, id-digriet 2005-554 u d-deċiżjoni ministerjali tad-9 ta’ Awwissu 2005 ma jistgħux ineħħu retroattivament il-personalità legali lill-CIVDN, liema personalità legali ma kinitx nieqsa meta ġie ppreżentat dan ir-rikors, jiġifieri fit-30 ta’ Marzu 2005.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

25      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li l-minuti ta’ l-Assemblea Ġenerali tal-CIVDN li seħħet fl-20 ta’ Diċembru 2000 jindikaw li, fid-dawl tal-fatt li mill-1 ta’ Jannar 2001 l-CIVR kien ser jissostitwixxi l-ex assoċjazzjonijiet interprofessjonali, kien hemm lok li jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet ta’ likwidazzjoni tal-CIVDN billi tiġi stabbilita skeda ta’ modalitajiet f’dan ir-rigward.

26      Madankollu, mid-dokumenti preżentati mir-rikorrent, li ma ġewx kkontestati mill-Kummissjoni, jirriżulta li f’kull każ il-CIVDN ma ġiex xolt f’Diċembru 2000, peress li x-xoljiment tiegħu ġie previst mid-digriet 2005-554 u peress li d-deċiżjoni ministerjali tad-9 ta’ Ottubru 2005 tistabbilixxi l-modalitajiet ta’ dan ix-xoljiment. F’dan il-kuntent, l-CIVDN lanqas ma tilef il-kapaċità li jaġixxi quddiem il-qrati.

27      Minn dan jirriżulta li fid-data tal-preżentata tar-rikors preżenti, il-CIVDN kien persuna ġuridika li kellha l-kapaċità li taġixxi quddiem il-qrati u, minbarra dan, xejn ma jindika li minn dak iż-żmien huwa tilef din il-kwalità. Għaldaqstant, il-Kummissjoni hija żbaljata meta tqajjem dubji dwar il-kapaċità ta’ CIVDN li jaġixxi quddiem il-qrati billi targumenta li dan kien ġie xolt.

 Fuq in-nuqqas ta’ interess tar-rikorrenti li jaġixxi kontra l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni

 L-argument tal-partijiet

28      Il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni ma jistax jikkawża preġudizzju lir-rikorrenti safejn dan jilqa’ t-talba tagħhom billi jiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq komuni. In sostenn ta’ l-argumentazzjoni tagħha, il-Kummissjoni tinvoka d-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Jannar 2004, L-Olanda vs Il-Kummissjoni (C-164/02, Ġabra p. I-1177, punti 18 sa 25), u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ April 2005, Sniace vs Il-Kummissjoni (T-141/03, Ġabra p. II-1197, punti 25 et seq).

29      Skond din l-analiżi, ir-rikors tal-CIVDN, li hija assoċjazzjoni li għandha l-għan li tipproteġi l-interessi kollettivi tal-membri tagħha, huwa manifestament inammissibbli safejn dan il-kumitat jirrappreżenta persuni li bbenefikaw minn għajnuna li ġiet iddikjarata kompatibbli. Minn naħa tiegħu, il-CIVDN huwa anqas u anqas affettwat minn deċiżjoni favorevoli għall-produtturi ta’ l-inbid ħelu naturali.

30      Il-Kummissjoni ssostni wkoll li d-Deċiżjoni ma’ tirrigwardax il-kontribuzzjonijiet fihom infushom u bl-ebda mod m’għandha l-għan li tittrattahom bħala għajnuna.

31      Min-naħa tagħhom, ir-rikorrenti jqisu li għandhom interess li jaġixxu kontra din id-dispożizzjoni. Il-ġurisprudenza invokata mill-Kummissjoni fl-ebda każ ma tippermetti li, bħala prinċipju, tiġi eskluża l-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament ta’ benefiċjarju ta’ għajnuna kontra deċiżjoni li tiddikjara l-imsemmija għajnuna kompatibbli mas-suq komuni. Id-dikjarazzjoni ta’ kompatibbiltà ma teżonerax lill-Qorti tal-Prim’Istanza milli teżamina jekk l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tipproduċix, fil-każ preżenti, effetti legali vinkolanti ta’ natura tali li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrenti. Issa, bil-kontra tal-każ tar-rikorrenti fis-sentenza Sniace vs Il-Kummissjoni, punt 28 iktar’il fuq, ir-rikorrenti fil-kawża preżenti jirreferu għal azzjonijiet li huma diġà pendenti quddiem il-qrati nazzjonali.

32      Fil-fatt, skond ir-rikorrenti, l-CIVR, is-suċċessur tal-CIVDN, kellu jieħu proċeduri leġali kontra produttur ta’ l-inbid, is-SCEA Marty, sabiex dan jiġi kkundannat iħallsu l-kontribuzzjonijiet volontarji obligatorji li huwa kellu jagħtih. Issa, fit-talbiet tad-difiża tagħha, il-kumpannija in kwistjoni titlob lill-qorti nazzjonali li tiddikkjara li “l-kontribuzzjonijiet volontarji obligatorji li l-ħlas tagħhom huwa mitlub mill-CIVR jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens ta’ l-Artikoli 87 u 88 [KE]”. Konsegwentament ir-riskju ta’ proċeduri legali li jirrigwardaw il-kwalifika tal-kontribuzzjonijiet volontarji obligatorji bħala għajnuna mill-Istat, f’dan il-każ seħħ.

33      Għaldaqstant, il-CIVDN għandu interess li jaġixxi kontra l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni, peress li dan jipprekludiħ direttament milli jeżerċita kif jidhirlu l-funzjonijiet proprji tiegħu. L-istess jgħodd għall-CNIV, minħabba l-fatt li l-kwalifikazzjoni bħala għajnuna tal-finanzjament ta’ attivitajiet interprofessjonali permezz ta’ kontribuzzjonijiet volontarji obligatorji hija ta’ natura tali li tiddestabilizza b’mod serju l-funzjonament tal-kumitati interprofessjonali tas-settur ta’ l-inbid miġbura fi ħdanu. L-istess japplika ukoll għal Salvat li, fil-kwalità tagħha ta’ membru ta’ kumitat interprofessjonali fil-qasam ta’ l-inbid, tibbenefika mill-attivitajiet kollha interprofessjonali ffinanzjati minn dawn il-kontribuzzjonijiet ikkwalifikati bħala għajnuna mill-Istat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

34      Fil-kuntest ta’ l-eżami ta’ amminissibbiltà tar-rikors preżenti, għandu jiġi mfakkar li skond ġurisprudenza stabbilita, jikkostitwixxu atti jew deċiżjonijiet li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament, fis-sens ta’ l-Artikolu 230 KE, biss dawk il-miżuri li jipproduċu effetti legali vinkolanti ta’ natura tali li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrenti billi jbiddlu b’mod determinat il-pożizzjoni legali tagħhom (ara d-digriet L-Olanda vs Il-Kummissjoni, punt 28 iktar’il fuq, punt 18, u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn dan, rikors għal annullament imressaq minn persuna fiżika jew ġuridika huwa ammissibbli biss safejn ir-rikorrent ikollu interess li l-att ikkontestat jiġi annullat. Dan l-interess għandu jkun effettiv u attwali u għandu jiġi evalwat fil-ġurnata li fiha jitressaq ir-rikors (sentenza Sniace vs Il-Kummissjoni, punt 28 iktar’il fuq, punt 25, u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      Iż-żewġ partijiet jinvokaw favur l-argument tagħhom is-sentenza Sniace vs Il-Kummmissjoni, punt 28 iktar’il fuq.

36      Issa, għandu jiġi kkonstatat li f’din is-sentenza, sabiex il-Qorti ta’ Prim’Istanza ddeċidiet li r-rikors kien inammissibli, hija ma ħaditx id-deċiżjoni tagħha biss abbażi tal-fatt li d-deċiżjoni kienet iddikjarat l-għajnuna kompatibbli mas-suq komuni. Bil-kontra ta’ dan, il-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat inconcreto s-sitwazzjoni tar-rikorrenti. Mill-bqija, il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet diġà ddikjarat fis-sentenza tagħha tat-30 ta’ Jannar 2002, Nuove Industrie Molisane vs Il-Kummissjoni (T-212/00, Ġabra p. II-347, punt 38), li l-fatt biss li d-deċiżjoni kontestata f’din il-kawża kienet tiddikjara l-għajnuna notifikata bħala kompatibbli mas-suq komuni u għaldaqstant, bħala prinċipju, ma kinitx ta’ preġudizzju għar-rikorrenti, ma kienx jeżonera lill-qorti Komunitarja milli teżamina jekk l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni kinitx tipproduċi effetti legali vinkolanti ta’ natura tali li jaffettaw l-interessi tar-rikorrenti.

37      Konsegwentement, anki jekk l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni kien jiddikjara kompatibbli mas-suq komuni l-għajnuna mogħtija mill-Istat li r-Repubblika ta’ Franza implementat fil-forma ta’ attivitajiet ta’ pubbliċità u promozzjoni u ta’ tħaddim favur ċerti AOC, għandu jiġi eżaminat jekk din id-dispożizzjoni taffettwax l-interessi tar-rikorrenti.

38      L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li, bil-kontra ta’ dak li jallegaw ir-rikorrenti, id-Deċiżjoni ma tikkwalifikax il-finanzjament permezz ta’ kontribuzzjonijiet interprofessjonali ta’ l-attivitajiet in kwistjoni bħala għajnuna mogħtija mill-Istat. Mid-dispożittiv tad-Deċiżjoni u mir-raġunijiet li fuqhom din hija bbażata jirriżulta b’mod ċar ħafna li huma l-attivitajiet in kwistjoni li huma kkwalifikati bħala għajnuna mogħtija mill-Istat u mhux il-kontribuzzjonijiet.

39      In-natura tal-kontribuzzjonijiet hija eżaminata fid-Deċiżjoni b’riferiment għan-natura potenzjali tagħhom ta’ riżorsi ta’ l-Istat. Fil-premessa 74 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tikkonkludi l-eżami tagħha billi tikkunsidra li l-każ preżenti kien jinvolvi taxxi parafiskali, jiġifieri riżorsi pubbliċi.

40      Huwa minnu li fil-premessa 134, id-Deċiżjoni tfakkar il-prinċipju stabbilit fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Ottubru 2003 Van Calster et (C-261/01 u C-262/01, Ġabra p. I-12249, punti 53 u 54), li jgħid li, meta miżura ta’ għajnuna li l-metodu ta’ finanzjament tagħha jkun jagħmel parti integrali minnha, tkun ġiet implementata bi ksur ta’ l-obbligu ta’ notifika, bħala prinċipju, il-qrati nazzjonali huma marbuta li jordaw ir-rifużjoni tat-taxxi jew tal-kontribuzzjonijiet speċifikament miġbura sabiex jiffinanzjaw din l-għajnuna. Madankollu, il-Kummissjoni ma teżaminax jekk il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju humiex sodisfatti fil-każ preżenti. Issa, f’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, sabiex taxxa tiġi kkunsidrata li tagħmel parti integrali minn miżura ta’ għajnuna, għandu jkun hemm rabta ta’ allokazzjoni vinkolanti bejn it-taxxa u l-għajnuna skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti, fis-sens li d-dħul mit-taxxa huwa neċessarjament allokat għall-finanzjament ta’ l-għajnuna. Jekk ness bħal dan jeżisti, id-dħul mit-taxxa jinfluwenza direttament l-ammont ta’ l-għajnuna u konsegwentement l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq komuni (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Ottubru 2005, Casino France et, C-266/04 sa C-270/04, C-276/04 u C-321/04 sa C-325/04, Ġabra p. I-9481, punt 40, u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, id-Deċiżjoni ma tindikax li fil-każ preżenti teżisti rabta ta’ allokazzjoni vinkolanti bejn id-dħul mil-kontribuzzjonijiet u l-ammont ta’ għajnuna mħallsa u hija ma tipprovdi l-ebda element rilevanti li jippermetti li jiġi stabbilit dan in-ness. Barra minn hekk, ir-rikorrenti lanqas ma ressqu argument sostanzjat in sostenn ta’ l-eżistenza ta’ tali ness.

41      It-tieni nett, fir-rigward tal-kawżi diġà pendenti quddiem il-qrati nazzjonali, għandu jiġi enfasizzat li, għalkemm jagħtu x’jifhmu li hemm bosta minn dawn il-kawżi, ir-rikorrenti jiċċitaw biss waħda minnhom. Din hija l-azzjoni mressqa quddiem it-Tibunal d’istance de Perpignan minn CIVR kontra SCEA Marty.

42      Għandu jiġi rrilevat li din il-kawża tirrigwarda n-nuqqas ta’ ħlas ta’ “kontribuzzjonijiet volontarji obligatorji” skond komputazzjoni magħmula fid-29 ta’ Settembru 2004 u mhux il-ħlas ta’ għajnuna fil-forma ta’ attivitajiet ta’ pubbliċità, promozzjoni u tħaddim bejn l-1 ta’ Jannar 1998 u l-31 ta’ Diċembru 2000 ikkunsidrat mill-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni. Barra minn hekk bl-ebda mod ma huwa stabbilit li l-kontribuzzjonijet imsemmija huma marbuta mal-ħlas ta’ din l-għajnuna.

43      Għalhekk, ir-rikorrenti ma wrewx l-eżistenza ta’ riskju reali li s-sitwazzjoni legali tagħhom tiġi affettwata minn kawżi li jikkonċernaw l-għajnuna mogħtija mill-Istat li giet implementata bejn l-1 ta’ Jannar 1998 u l-31 ta’ Diċembru 2000 fil-forma ta’ attivitajiet ta’ pubbliċità, promozzjoni u tħaddim.

44      It-tielet u l-aħħar nett, fir-rigward ta’ l-argument ibbażat fuq in-nuqqas ta’ ċertezza legali li jikkawzaw dawn il-kontestazzjonijiet, peress li jiġġeneraw nuqqas ta’ stabbiltà totali fil-funzjonament tal-kumitati interprofessjonali tas-settur, dan mhuwiex konvinċenti la għall-passat u lanqas għall-futur.

45      Fir-rigward tal-passat, ir-rikorrenti invokaw biss il-kawża bejn l-CIVR u s-SCEA Marty li, peress li kienet timplika l-kontribuzzjonijiet ta’ din l-impriża dovuti lil dan il-kumitat, ma tistax, waħedha, tiddestabilizza s-settur kollu, anke jekk jiġi kkunsidrat li hemm xi konnessjoni mad-Deċiżjoni. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma ġabu l-ebda prova ta’ natura tali li tistabilixxi d-destabilizzazzjoni jew li kien hemm theddida għall-kumitati interprofessjonali bħala riżultat tal-kwalifikazzjoni ta’ l-attivitajiet ta’ pubbliċità, promozzjoni u tħaddim bħala għajnuna mogħtija mill-Istat.

46      Hekk kif enfasizzat il-Kummissjoni fis-seduta, liema fatt ġie uffiċjalment irrikonoxxut mill-Qorti tal-Prim’Istanza, id-Deċiżjoni ma tikkwalifikax il-kontribuzzjonijiet fihom infushom bħala li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, bir-riżultat li hija ma tinvolvix l-obbligu ta’ rifużjoni tal-kontribuzzjonijiet lill-persuni li ħallsuhom. Il-Kummissjoni ddikjarat ruħha lesta li tindirizza ittra f’dan is-sens lir-rikorrenti.

47      Fir-rigward ta’ l-eventwali distabilizzazzjoni ta’ l-attivitajiet futuri tal-kumitati interprofessjonali, ir-rikorrenti ma jistgħux jinvokaw sitwazzjonijiet futuri u inċerti sabiex jiġġustifikaw l-interess tagħhom li jitolbu l-annullament ta’ l-att ikkontestat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Sniace vs Il-Kummissjoni, punt 28 iktar’il fuq, punt 26).

48      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li r-rikorrenti ma ppruvawx l-interess effettiv u attwali tagħhom sabiex jaġixxu kontra l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni. Għaldaqstant, ir-rikors tagħhom għandu jiġi ddikjarat inammissibli safejn huwa intiż għall-annullament ta’ l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni.

 Fuq il-kwalità tar-rikorrenti li jaġixxu kontra l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni

 L-argumenti tal-partijiet

49      Skond il-Kummissjoni, ir-rikorrenti lanqas m’għandhom “interess dirett u individwali li jaġixxu” kontra l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni. Fil-każ preżenti, mhemm ebda dubju li d-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istat Franċiż u mhux lir-rikorrenti, u għaldaqstant għandu jiġi stabbilit jekk l-att ikkontestat, għalkemm formalment indirizzat lil Stat Membru, jistax jiġi kkunsidrat li jikkonċerna b’mod dirett u individwali lill kull wieħed mit-tliet rikorrenti.

50      Il-Kummsisjoni tenfasizza li, sabiex jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà ta’ rikorsi għal annullament ppreżentati minn persuni fiżiċi jew legali, għandha ssir distinzjoni bejn atti ta’ portata ġenerali u atti ta’ portata individwali. Fil-każ preżenti, id-Deċiżjoni tikkostitwixxi att ta’ portata ġenerali, peress li hija tikkonċerna sistema ta’ għajnuna li tapplika għal numru indefinit u li ma jistax jiġi ddeterminat ta’ impriżi, abbażi biss ta’ l-appartenenza tagħhom għal kategorija pjuttost wiesa’ ta’ impriżi li jipproduċu nbid ħelu naturali.

51      Fir-rigward ta’ Salvat, il-Kummissjoni ssostni li d-Deċiżjoni ma tikkonċernahiex b’mod individuali. Fil-fatt, peress li d-Deċiżjoni hija ta’ natura ġenerika, sabiex din tiġi kkunsidrata ta’ natura individwali fir-rigward tar-rikorrenti, hemm bżonn li din ta’ l-aħħar ikollha kwalitajiet personali jew ikun hemm ċirkustanzi partikolari ta’ natura tali li jiddistingwuha minn kwalunkwe persuna oħra. Issa dan mhux il-każ. Id-Deċiżjoni kellu jkollha effetti fuq il-pożizzjoni ta’ kull impriża li setgħet ibbenefikat mill-primjum għat-twarrib. Id-Deċiżjoni ma kinitx ta’ preġudizzju għad-drittijiet speċifiċi ta’ ċerti impriżi, distinti minn dawk ta’ impriżi oħra li bbenefikaw mill-għajnuna.

52      Din is-soluzzjoni hija kkonfermata minn diversi sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja u mhijiex ikkontestata mis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Ottubru 2000, Italja u Sardegna Lines vs Il-Kummissjoni (C-15/98 u C-105/99, Ġabra p. I-8855, iktar’il quddiem “is-sentenza Sardegna Lines”), u tad-29 ta’ April 2004, Italja vs Il-Kummissjoni (C-298/00 P, Ġabra p. I-4087, iktar’il quddiem “is-sentenza Alzetta”).

53      Id-dispożizzjonijiet ikkontestati tad-Deċiżjoni lanqas ma jikkonċernaw b’mod dirett lil Salvat. L-unika dispożizzjoni li tista’ taffettwa direttament lir-rikorrenti, u b’mod partikolari lil Salvat, hija l-Artikolu 2, li jobbliga lir-Repubblika Franċiża tirkupra l-għajnuna inkompatibbli msemmija fl-Artikolu 1. Issa, l-ebda wieħed mir-rikorrenti ma jikkontesta l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni.

54      Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni ssostni li Salvat m’għandhiex kwalitajiet li huma partikolari għaliha jew ma tinsabx f’sitwazzjoni ta’ fatt li tiddistingwiha minn kwalunkwe persuna oħra li tibbenefika attwalment jew potenzjalment mis-sistema implementata mir-Repubblika Franċiża. Għaldaqstant, hija ma tissodisfax il-kundizzjonijiet imsemmija fir-raba paragrafu ta’ l-Artikolu 230 biex tadixxi lill-Qorti tal-Prim’Istanza.

55      Fir-rigward tal-CIVDN, ir-rikors tiegħu huwa, fi kwalunkwe każ, inammissibli, minħabba n-nuqqas evidenti ta’ interess individwali min-naħa tiegħu. Il-Kummissjoni tallega li skond ġurisprudenza stabbilita, assoċjazzjoni ta’ impriżi li mhijiex id-destinatarja ta’ l-att ikkontestat hija f’pożizzjoni li tippreżenta rikors ammissibli biss meta hija stess għandha interess proprju li taġixxi, b’mod partikolari meta l-pożizzjoni tagħha ta’ negozjatriċi tkun ġiet affettwata mill-att in kwistjoni, jew meta l-assoċjazzjoni tkun qegħdha tissostitwixxi lil wieħed jew iktar mill-membri li hija tirrappreżenta sakemm il-membri tagħha kienu, huma stess, fil-pożizzjoni li jippreżentaw rikors ammissibli. Issa, minn naħa, il-CIVDN, ma ressaq l-ebda motiv speċifiku għaliha li huwa differenti minn dawk invokati mill-membri tagħha. B’mod partikolari, huwa paċifiku li dan il-kumitat ma kellu l-ebda sehem fil-proċedura amministrattiva. Min-naħa l-oħra, il-membri tagħha bħal Salvat, mhumiex f’pożizzjoni li jippreżentaw rikors ammissibli, b’ tali mod li l-CIVDN mhux fil-pożizzjoni li jippreżenta rikors ammissibli minflok il-membri tiegħu għall-istess raġunijiet.

56      Fir-rigward tal-CNIV, il-Kummissjoni tfakkar li dan jiġbor fi ħdanu kumitati interprofessjonali ta’ produtturi ta’ l-inbid li huma entitajiet privati rikonoxxuti mill-Istat. Skond il-Kummissjoni, l-argumenti zviluppati in sostenn ta’ l-inammissibbiltà tar-rikors ta’ CIVDN japplikaw mutatismutandis u afortiori għall-CNIV. Fil-fatt, dan ta’ l-aħħar, m’għandux fost il-membri tiegħu persuni li bbenefikaw mill-għajnuna mħallsa fid-Deċiżjoni li jistgħu jaġixxu b’mod individwali biex jannullaw l-att.

57      Min-naħa tagħhom ir-rikorrenti jallegaw li huma direttament u individwalment ikkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata.

58      Salvat issostni li hija direttament ikkonċernata peress li l-ordni ta’ rkupru impost fuq ir-Repubblika Franċiża fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni taffettwa s-sitwazzjoni legali tagħha. Fil-fatt, skond Salvat, peress li l-Istat Franċiż m’għandu l-ebda diskrezzjoni, huwa għandu jikseb mingħand l-impriża r-rifużjoni ta’ l-għajnuna individwali li ngħatatilha. Madankollu, għalkemm huwa minnu li l-eżistenza ta’ din l-ordni ta’ rkupru fid-deċiżjoni indirizzata lir-Repubblika Franċiża toħloq ness dirett bejn is-sitwazzjoni ta’ Salvat u d-Deċiżjoni, dan il-fatt ma jimplikax li Salvat hija obbligata tikkontesta lill-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni sabiex ir-rikors tagħha jkun ammissibli. Fil-fatt, l-ordni ta’ rkupru li tinsab fid-Deċiżjoni hija indirizzata biss lejn l-Istat Membru kkonċernat. Salvat iżid li, inċidentalment, hija l-kwalifika tal-miżuri in kwistjoni bħala għajnuna li taffettwa prinċipalment is-sitwazzjoni legali tagħha u jekk l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni jiġi annullat ma jifdal l-ebda obligu ta’ rkupru abbażi ta’ l-Artikolu 2.

59      Salvat tafferma wkoll li hija individwalment ikkonċernata mid-Deċiżjoni fil-kwalità tagħha ta’ impriża li effettivament ibbenefikat minn għajnuna individwali, li ngħatat skond sistema ta’ għajnunjiet li r-rifużjoni tagħhom ġiet ordnata. Il-pożizzjoni tagħha hija identika għal dik ta’ Sardegna Lines li r-rikors tagħha kien ġie kkunsidrat ammissibli mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza Sardegna Lines, punt 55 iktar’il fuq). Skond Salvat, fis-sentenzi ċċitati mill-Kummissjoni in sostenn ta’ l-argument tagħha, l-inammissibbiltà ddikjarata mill-Qorti tal-Ġustizzja tirriżulta minn elementi fattwali speċifiċi għal dawn is-sentenzi, li fihom id-deċiżjoni in kwistjoni ma’ kinitx tinvolvi ordni ta’ rkupru ta’ l-għajnuna li kienet digà tħallset. Salvat issostni li d-distinzjoni li l-Kummissjoni tagħmel bejn ir-rikorsi għal annullament li jirrigwarda għajnuna individwali, li hijma ammissibli, u dawk li jirrigwardaw sistemi ta’ għajnuna, hija totalment artifiċjali u mhijiex ibbażata fuq il-ġurisprudenza ċċitata mill-Kummissjoni.

60      Il-CIVDN jafferma li huwa għandu interess proprju li jaġixxi. Il-prova ta’ l-interess ta’ organizzazzjoni li taġixxi la hija suġġetta u lanqas limitata mill-kwalità tagħha ta’ negozjatriċi. Id-deċiżjoni kkontestata tikkonċerna direttament attivitajiet ta’ kumitati interprofessjonali implementati mill-CIVDN u ffinanzjati permezz ta’ kontribuzzjonijiet imposti minnu, u hija tipprekludih milli jeżerċità il-funzjonijiet speċifiċi tiegħu.

61      Il-CIVDN isostni wkoll li għandu interess li jaġixxi sabiex jiddefendi l-interessi kollettivi tal-membri tiegħu li huma direttament u individwalment kkonċernati mid-Deċiżjoni. Issa, dawn ta’ l-aħħar huma jistgħu jiġu ammessi li, individwalment, iressqu azzjoni għal annullament kontra d-Deċiżjoni fil-kwalità tagħhom ta’ persuni li effettivament ibbenefikaw minn għajnuna li kienet is-suġġett ta’ ordni ta’ rkupru min-naħa tal-Kummissjoni.

62      Il-CIVDN, assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru u li hija rregolata mill-Liġi ta’ l-1 ta’ Lulju 1901, isostni li huwa evidenti li huwa għandu interess proprju li taġixxi fil-kwalità tiegħu ta’ rappreżentant ta’ kumitati interprofessjonali tas-settur tal-produtturi ta’ l-inbid u fil-kwalità ta’ difensur ta’ l-interessi kollettivi tagħhom. Huwa jfakkar li, skond l-istatut tiegħu, huwa għandu b’mod partikolari l-għan li “jiggarantixxi r-rapreżentazzjoni tal-kumitati interprofessjonali tal-produtturi ta’ l-imbid b’denominazzjoni ta’ oriġini quddiem il-qrati”.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

63      Skond ir-raba paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE kull persuna fisika jew legali tista’ tippresenta rikors kontra deċiżjoni indirizzata lejn dik il-persuna jew kontra deċiżjoni li għalkemm, fil-forma ta’ regolament jew deċiżjoni indirizzata lil xi persuna oħra, tirrigwarda direttament u individwalment lil dik il-persuna.

64      Skond ġurisprudenza stabbilita, persuni kkonċernati li mhumiex id-destinatarji ta’ deċiżjoni jistgħu jinvokaw li huma kkonċernati individwalment biss jekk din id-deċiżjoni taffetwhom minħabba ċerti kwalitajiet partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni fattwali li tiddistingwihom mill-persuni l-oħra kollha, u minħabba f’dan tindividwhom bl-istess mod bħal fil-każ tad-destinatarju tad-Deċiżjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni, 25/62, Ġabra p. 197; tat-2 ta’ April 1998, Greenpeace Council et vs Il-Kummissjoni, C-321/95 P, Ġabra p. I-1651, punti 7 u 28, u s-sentenza Sardegna Lines, punt 52 iktar’il fuq, punt 32).

65      Fil-kawża preżenti, huwa paċifiku li d-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Franċiża u mhux lir-rikorrenti. Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk l-att ikkontestat jikkonċernax direttament u individwalment lill-kull wieħed minnhom.

66      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li għandu l-ewwel nett jiġi vverifikat jekk Salvat hijiex direttament u individwalment ikkonċernata mill-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni.

67      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, bħala prinċipju, impriża ma tistax tikkontesta deċiżjoni tal-Kummissjoni li tipprojbixxi sistema ta’ għajnuna settorjali jekk hija kienet biss konċernata minn din id-deċiżjoni minħabba l-appartenenza tagħha għas-settur in kwistjoni u minħabba l-kwalità tagħha bħala benefiċjarju potenzjali ta’ l-imsemmija sistema. Fil-fatt, fir-rigward ta’ l-impriża rikorrenti, deċiżjoni bħal din hija miżura ta’ portata ġenerali li tapplika għal sitwazzjonijiet determinati oġġetivament u li tinvolvi effetti legali fil-konfront ta’ kategorija ta’ persuni kkunsidrati b’mod ġenerali u astratt (ara s-sentenza Alzetta, punt 52 iktar’il fuq, punti 36 u 37, u l-ġurisprudenza ċċitata).

68      Għandu jiġi kkonstat li d-Deċiżjoni ma tidentifikax l-impriża jew l-impriżi li bbenefikat jew li bbenefikaw mill-għajnuna in kwistjoni. L-Artikolu 1(1) tagħha jiddikjara inkompatibbli mas-suq komuni l-għajnuna li r-Repubblika Franċiża implementat fil-forma ta’ primjums għat-twarrib “mogħtija lill-produtturi Franċiżi ta’ l-inbid li ntrabtu li ma jużawx l-[AOC] ‘rivesaltes’ jew ‘grand-roussillon’ b’effett mill-ħsad ta’ l-1996 sal-ħsad ta’ l-2000 inklużi”. Jirriżulta mill-premessi 9 sa 11 tad-Deċiżjoni li l-primjum għat-twarrib ta’ FRF 5 000 fis-sena għal kull ettaru mwarrab kien imħallas għal “kull ħabel art li kien jipproduċi ‘ir-rivesaltes’ jew il-‘grand-roussillon’ fl-1995, u li kellu jipproduċi, b’effett mill-ħsad ta’ l-1996 sal-ħsad ta’ l-2000 inklużi, ‘vin de table’ jew ‘vins de pays’. Għaldaqstant, id-Deċiżjoni tapplika għal sitwazzjonijiet determinati oġġettivament u tinvolvi effetti legali fir-rigward ta’ kategorija ta’ persuni ikkonċernati b’mod ġenerali u astratta, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata.

69      Madankollu, għandu jiġi mfakkar li fil-punti 34 u 35 tas-sentenza Sardegna Lines, punt 52 iktar’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li minħabba li l-impriża Sardegna Lines ma kinitx ikkonċernata mid-Deċiżjoni in kwistjoni f’dik il-kawża biss fil-kwalità tagħha ta’ impriża fis-settur tan-navigazzjoni f’Sardegna, benefiċjarja potenzjali tas-sistema ta’ għajnuna lill-proprjetatrji ta’ bastimenti ta’ Sardenja, imma wkoll minħabba l-kwalità tagħha ta’ entità li effettivament kienet tibbenefika minn għajnuna individwali mogħtija skond din is-sistema u li kienet is-suġġett ta’ ordni ta’ irkupru tal-Kummissjoni, hija kienet individwalment ikkonċernata mill-imsemmija deċiżjoni u r-rikors tagħha kontra din id-deċiżjoni kien ammissibli (f’dan is-sens ara ukoll is-sentenza Alzetta, punt 52 iktar’il fuq, punti 38 u 39).

70      Għalhekk, għandu jiġi vverifikat jekk Salvat għandiex il-kwalità ta’ benefiċjarju effettiv ta’ għajnuna indivdwali mogħtija skond sistema ta’ għajnuna settorjali li kienet is-suġġett ta’ ordni ta’ rkupru tal-Kummissjoni.

71      Anness mar-rikors Salvat tipprovdi rendikont tal-ħlasijiet “Primjum għat-twarrib – Pjan rivesaltes” ivverifikat mill-awditur ta’ CIVDN li minnu jirriżulta li hija rċiviet ammont totali ta’ FRF 91 041,50 bħala primjum għat-twarrib. Jirriżulta minn dan id-dokument li l-ammonti mogħtija jvarjaw skond l-impriżi u għaldaqstant huma individwalizzati skond il-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull impriża. Għalhekk Salvat hija benefiċjarju effettiv ta’ għajnuna individwali mogħtija fil-kuntest ta’ sistema ta’ għajnuna settorjali.

72      Barra minn hekk, jirriżulta mill-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni, li l-Kummissjoni ordnat l-irkupru ta’ l-għajnuna in kwistjoni.

73      Għaldaqstant, Salvat hija individwalment ikkonċernata mill-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni.

74      Din il-konklużjoni ma tmurx kontra l-ġurisprudenza li l-Kummissjoni ċċitat sabiex issostni l-argument tagħha. L-analiżi ta’ din il-ġurisprudenza effettivament tenfasizza d-differenza kuntestwali bejn il-kawżi kkonċernati u l-kawża preżenti, b’mod partikolari minħabba n-nuqqas, fil-parti l-kbira ta’ dawn il-kawżi, ta’ talba ta’ irkupru ta’ l-għajnuna.

75      Fir-rigward ta’ l-interess dirett ta’ Salvat, safejn l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni jobbliga lir-Repubblika Franċiża tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tirkupra l-għajnuna li hija inkompatibbli mas-suq komuni, b’mod partikolari dawk imsemmija fl-Artikolu 1(1), u safejn Salvat ibbenefikat minn din l-għajnuna u għandha tħallasha lura, Salvat għandha tkun ikkunsidrata bħala persuna direttament ikkonċernata minn dawn id-dispożizzjonijiet (ara, f’dan is-sens is-sentenza Sardegna Lines, punt 51 iktar’il fuq, punt 36).

76      Fil-fatt iż-żewġ kriterji ta’ interess dirett li jirriżultaw mill-ġurisprudenza huma, l-ewwel nett il-fatt li l-att in kwistjoni għandu jipproduċi effetti diretti fuq is-sitwazzjoni legali tal-persuna u, it-tieni nett il-fatt li l-imsemmi att m’għandu jħalli l-ebda diskrezzjoni lill-persuni indirizzati minnu li għandhom id-dmir li jimplementawh. Issa, huwa paċifiku li dawn iż-żewġ elementi huma sodisfatti fil-każ preżenti.

77      Il-fatt, invokat mill-Kummissjoni, li r-rikorrenti ma kkontestawx id-dispożizzjoni tad-Deċiżjoni li tordna lir-Repubblika Franċiża tirkupra l-għajnuna in kwistjoni ma jbiddilx din il-konklużjoni. L-interess dirett tar-rikorrenti huwa suġġett għall-eżistenza taż-żewġ kriterji ċċitati iktar’il fuq, u l-kwistjoni ta’ jekk hija tikkontestax jew le l-ordni ta’ rkupru impost fuq ir-Repubblika Franċiża huwa irrilevanti f’dan ir-rigward..

78      Għandu jingħad ukoll li d-Deċiżjoni torbot l-Artikolu 2 ma’ l-Artikolu 1(1) u (2) b’tali mod li wieħed ma jistax jikkusidrahom separatament. L-annullament ta’ l-Artikolu 1(1), mitlub mir-rikorrenti, jannulla awtomatikament l-ordni ta’ rkupru.

79      Għalhekk r-rikors ta’ Salvat kontra l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni għandu jiġi ddikjarat ammissibli, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti l-oħra humiex direttament u individwalment interessati.

80      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha magħmulin iktar’il fuq, ir-rikors għandu jiġi ddikjarat inammissibli safejn huwa intiż li jikkontesta l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni, u ammissibli safejn huwa intiż li jikkontesta l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni.

 Fuq il-mertu

81      Ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi in sostenn tar-rikors tagħhom kontra l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni. L-ewwel wieħed huwa bbażat fuq ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni, u t-tieni wieħed fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 87(1) KE.

 Fuq l-ewwel motiv ibbażat fuq ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni

 Argumenti tal-partijiet

82      Ir-rikorrenti jsostnu li l-evalwazzjoni fid-dawl ta’ l-Artikolu 87 KE li l-Kummissjoni tagħmel tal-karattru tal-kontribuzzjonjiet tal-kumitati interprofessjonali li jiffinanzjaw il-primjum għat-twarrib u l-attivitajiet ta’ pubbliċità, promozzjoni u tħaddim ta’ ċerti AOC, mhijiex suffiċjentement motivata. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 253 KE, li huwa partikolarment preċiż fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat.

83      Il-premessa 74 tad-Deċiżjoni tesponi sommarjament l-elementi li jikkaraterizzaw l-eżistenza ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat. Dawn il-kunsiderazzjonijiet superfiċjali ma jippermettux li jiġu mifhuma r-raġunijiet li wasslu lill-Kummissjoni sabiex tikkusidra li l-kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward ta’ l-għajnuna mill-Istat kienu sodisfatti fil-kawża preżenti. Id-Deċiżjoni lanqas ma tindika r-regoli legali stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

84      Skond ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kellha tidentifika kull waħda mill-miżuri kkunsidrati bħala għajnuna u kellha tagħti l-motivazzjoni tagħha għar-raġuni għalfejn kull waħda mill-erba’ kundizzjonijet għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 87 kienu sodisfatti. Issa, fid-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni lanqas ma ħadet ħsieb li tiddistingwi, fl-istadju ta’ evalwazzjoni fid-dawl ta’ l-Artikolu 87(1) KE, bejn il-miżuri differenti in kwistjoni.

85      Inċidentalement, ir-rikorrenti josservaw li l-motivazzjoni tad-Deċiżjoni fuq l-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv hija saħansitra bbażata fuq inverżjoni pura u sempliċi ta’ l-oneru ta’ prova, peress li l-Kummissjoni llimitat ruħha li tiddikjara “li fil-każ preżenti mhuwiex stabbilit li l-benefiċjarji ta’ l-għajnuna huma dejjem il-persuni taxxabbli suġġetti għat-taxxa in kwistjoni”.

86      Il-Kummissjoni tfakkar il-ġurisprudenza rilevanti fuq l-obbligu ta’ motivazzjoni, u b’mod partikolari dik li tgħid li huwa biżżejjed li hija tesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet legali li jkunu ta’ importanza essenzjali fl-istruttura tad-Deċiżjoni u li deċiżjoni li tkun konformi ma prattika deċiżjonali stabbilita, tista’ tiġi motivata sommarjament.

87      Skond il-Kummissjoni, mis-siltiet rilevanti tad-Deċiżjoni jirriżulta li din hija suffiċjentement motivata fid-dritt. F’dan ir-rigward, hija tiċċita l-premessi 39 sa 40, 74 – bin-nota f’qiegħ il-paġna nru 12 li għaliha din ta’ l-aħħar tirreferi – , u 121 tad-Deċiżjoni.

88      Il-Kummissjoni tikkunsidra li hija ma kellhiex tanalizza iktar’il quddiem ir-raġunijiet li għalihom il-kriterji stabiliti mill-ġurisprudenza ċċitata ma kinux sodisfatti. Fil-fatt, fl-opinjoni tagħha, jirriżulta biċ-ċar mis-sistema in kwistjoni li min-naħa, l-Istat, permezz tal-CIVDN, kellu s-setgħa li jiddisponi liberament mir-riżorsi in kwistjoni u, min-naħa l-oħra, li l-finanzjament tal-miżuri kkuntemplati mill-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni ma kienx imputabbli esklussivament lill-membri ta’ l-kumitat interprofessjonali in kwistjoni, imma kien evidentament jifforma parti minn politika Statali.

89      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li fir-rikors, l-allegazzjoni ta’ insuffiċjenza ta’ motivazzjoni kienet limitata għall-kontribuzzjonijiet interprofessjonali. Issa, il-Kummissjoni ssostni li hija ma ħadet l-ebda deċiżjoni fuq dan l-aspett, peress li n-natura ta’ għajnuna tal-kontribuzzjonijiet interprofessjonali ma kinitx tagħmel parti mid-dispożittiv tad-Deċiżjoni.

90      F’kull każ, u sussidjarjament, il-Kummissjoni tikkusidra li din ir-raġuni hija inammissibli, peress li r-rikorrenti ma spjegawx għaliex il-motivazzjoni kollha tad-Deċiżjoni li tirrigwarda l-eżistena ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat, li tinsab fil-premessi 71 sa 82 tad-Deċiżjoni, ma tissodifax l-eżigenzi ta’ l-Artikolu 253 KE.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

91      Skond ġurisprudenza stabbilita, il-kwistjoni ta’ jekk il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tissodisfax l-eżiġenzi ta’ l-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem użat, imma ukoll fil-kuntest tagħha u fid-dawl tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam in kwistjoni. Għalkemm, fil-motivazzjoni ta’ deċiżjoni, il-Kummissjoni mhijiex marbuta li tirrispondi għal kull punt ta’ fatt u ta’ liġi mqajjem mill-persuni kkonċernati matul il-proċeduri amministrativi, hija għandha, madankollu, tieħu in kunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi u l-elementi rilevanti kollha fil-każ in kwitjoni, sabiex il-qorti Komunitarja tkun tista’ tistħarreġ il-legalità u sabiex kemm l-Istati Membri u kif ukoll il-persuni kkonċernati jkunu jafu ċ-ċirkustanzi li fihom hija applikat it-Trattat (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tal-25 ta’ Ġunju 1998, British Airways et u British Midland Airways vs Il-Kummissjoni, T-371/94 u T-394/94, Ġabra p, II-2405, punt 94, u l-ġurisprudenza ċċitata).

92      Fil-kuntest preżenti, sabiex tiġi eżaminata l-eżiġenza ta’ motivazzjoni, għandu jiġi speċifikat li l-proċedura ta’ stħarriġ ta’ għajnuna mill-Istat hija proċedura miftuħa fil-konfront ta’ l-Istat Membru responsabbli għall-għotja ta’ għajnuna, u li l-persuni kkonċernati fis-sens ta’ l-Artikolu 88 (2) KE, fosthom il-benefiċjarji ta’ l-għajnuna, ma jistgħux jippretendu li huma stess jipparteċipaw fi proċedura kontenzjuża mal-Kummissjoni, bħal dik miftuħa għall-benefiċċju ta’ l-imsemmija Stat Membru (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tat-8 ta’ Lulju 2004, Technische Glaswerke Ilmenau vs Il-Kummissjoni, T-198/01, Ġabra p. II-2717, punt 61, u l-ġurisprudenza ċċitata).

93      Huwa fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar’il fuq li għandu jiġi eżaminat jekk il-motivazzjoni tad-deċiżjoni tissodisfax l-eżiġenzi ta’ l-Artikolu 253 KE.

94      Fid-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni tibda l-evalwazzjoni tagħha (punt 1) billi tiċċita d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 87 (1) KE (premessa 71). Wara dan, hija teżamina (punt V 1.1, premessi 73 sa 76) “l-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv iffinanzjat mir-riżorsi ta’ l-Istat” Dawn il-premessi jipprovdu dan li ġej:

“73. Jitqiesu li huma għajnuna dawk l-interventi li, fi kwalunkwe forma, jistgħu jiffavorixxu direttament jew indirettament l-impriżi jew li għandhom jiġu kkusidrati bħala vantaġġ ekonomiku li l-impriża benefiċjarja ma kienx tikseb fil-kundizzjonijiet normali tas-suq.

74. F’dak li jirrigwarda n-natura ta’ kontribuzzjonijiet fil-kawża preżenti, il-Kummissjoni tosserva li dawn kellhom bżonn l-adozzjoni ta’ att ta’ l-awtorità pubblika sabiex jipproduċu l-effeti kollha tagħhom u li r-risori prodotti b’dan il-mod servew bħala meżż għall-implementazzjoni ta’ politika appoġġata mill-Istat. Barra minn hekk, mhux stabbilit li l-benefiċjarji ta’ għajnuna huma dejjem il-persuni taxxabbli suġġetti għat-taxxa in kwistjoni. Għall-dawn ir-raġunijiet, huma ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex ma jaqawx taħt il-portata ta’ l-Artikolu 87(1) tat-Trattat. Għalhekk, il-Kummisjoni tikkunsidra li f’dan il-każ dawn huma taxxi parafiskali, jiġifieri riżorsi pubbliċi.

75. Barra minn hekk, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jitqiesu li huma għajnuna, dawk l-interventi li, f’diversi forom, inaqqsu l-ispejjeż li normamlement jiġu inkorsi mill-estimi ta’ impriża u li b’hekk, mingħajr ma jkunu sussidji fis-sens riġidu tal-kelma, għandhom l-istess natura u għandhom effetti identiċi.

76. F’dak li jirrigwarda l-eżistenza, jew aħjar, in-natura ta’ l-għajnuna, din għandha tiġi stabbilita fil-livell tal-benefiċjarji potenzjali tal-pjan rivesaltes kif ukoll tal-kontribuzzjonijiet interprofessjonali għall-attivitajiet ta’ pubbliċità u promozzjoni u għat-tħaddim ta’ certi AOC u għall-finanzjament tagħhom. Fil-każ preżenti s-sostenn mogħti ffavorixxa ċerti impriżi fis-sens li l-għajnuna ġiet mogħtija biss lill-produtturi ta’ l-AOC f’ċerti reġjuni speċifiċi.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

95      Il-premessa 74 tad-Deċiżjoni tirreferi għan-nota f’qiegħ il-paġna nru 12, li tirreferi għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 2004, Pearle et (C-345/02, Ġabra p. I-7139), u l-premessa 75 tad-Deċiżjoni, min-naħa tagħha, tirreferi, permezz tan-nota f’qiegħ il-paġna nru 13, għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Mejju 2003, Freskot (C-355/00, Ġabra p. I-5263).

96      Wara dan, taħt l-intestatura “Effetti fuq il-kummerċ” (punt V 1.2), id-Deċiżjoni tiddedika ħames premessi (77 sa 81) għall-kriterju ta’ effetti fuq il-kummerċ.

97      Fl-aħħar nett, taħt l-intestatura “Konklużjonijiet fuq il-natura ta’ “għajnuna” fis-sens ta l-Artikolu 87(1) tat-Trattat” (punt V 1.3), id-Deċiżjoni tesponi, fil-premessa 82, dan li ġej:

“Fid-dawn tar-raġunijiet imsemmija iktar’il fuq, il-Kummissjoni tikkonsidra li l-miżuri favur impriżi li jipproduċu l-AOC li joperaw f’ċerti reġjuni determinati jikkostitwixxu vantaġġ iffinanzjat minn riżorsi pubbliċi, li huwa mogħtija lilhom u li operaturi oħra ma jistgħux jibbenefikaw minnu, li jwassal għal distorsjoni jew għal theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizjoni billi jiffavorixxu ċerti impriżi u ċerti produtturi, peress li huwa jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Għaldaqstant, il-miżura tikkostitwixxi għajnuna fis-sens ta’ l-Artikolu 87(1) tat-Trattat”.

98      L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li, fir-rigwad tan-natura tal-kontribuzzjonijiet interprofessjonali li jiffinanzjaw, b’mod partikolari, il-primjum għat-twarrib, il-premessa 74 tad-Deċiżjoni tinkludi motivazzjoni preċiża. Il-kontribuzzjonijiet in kwistjoni “kellhom bżonn l-addozzjoni ta’ att ta’ l-awtorità pubblika sabiex jipproduċu l-effetti kollha tagħhom” u “r-riżorsi li prodotti b’dan il-mod servew bħala meżż għall-implementazzjoni ta’ politikà appoġġjata mill-Istat. Dan huwa każ ta’ “taxxi parafiskali, jiġifieri ta’ riżorsi pubbliċi”. Min-naħa l-oħra, il-premessa 29 tad-Deċiżjoni kkonstestata tiżviluppa, fir-rigward tan-natura tal-kontribuzzjonijiet, l-argumenti mressqa mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-ftugħ tal-proċedura ta’ eżami u tagħmel xi preċiżazzjonijiet f’dan ir-rigward.

99      It-tieni nett, għalkemm huwa minnu li d-Deċiżjoni ma tindikax il-kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li jipperemettu li l-miżura ma taqax taħt il-projbizzjoni ta’ l-Artikolu 87(1) KE, hija tiċċita dan l-Artikolu (premessa 71) kif ukoll il-ġurisprudenza li tiddefinixxi l-interventi li għandhom jiġu kkunsidrati bħala għajnuna (premessi 73 u 75) u hija tesponi r-raġunijiet li għalihom dan l-Artikolu u din il-ġurisprudenza japplikaw għall-din il-kawża (premessi 74 u 76 sa 82). Il-Kummissjoni kellha tindika r-raġunijiet li għalihom il-miżuri in kwistjoni kienu jaqaw taħt l-Artikolu 87(1) u mhux bil-kontra. Il-fatt li hija tillimita ruħha li tirreferi għas-sentenza Pearle et, punt 95 iktar’il fuq, u li ma tidħolx tanalizza fid-dettall it-teżi kuntrarja ma jistax jiġi kkunsidrat bħala nuqqas ta’ motivazzjoni.

100    It-tielet nett, fir-rigward ta’ l-allegata eżiġenza ta’ motivazzjoni speċifika għall-kull miżura in kwistjoni, ma jistax jiġi dedott mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ Jannar 2005, Confédération nationale du Crédit mutuel vs Il-Kummissjoni (T‑93/02, Ġabra p. II‑143), li għandu jkun hemm, għal kull miżura li l-Kummissjoni tqis li tikkostitwiixxi għajnuna, motivazzjoni speċifika għal kull waħda mill-erba’ kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 87 KE.

101    Fil-fatt, f’dik il-kawża, il-Qorti tal-Prim’Istanza, telqet mill-premessa li l-kwalifikazzjoni bħala għajnuna fid-dispożittiv tad-Deċiżjoni kkontestata ma kinitx biżżejjed biex tippermetti li l-persuni kkonċernati u l-Qorti tal-Prim’Istanza, isiru jafu il-miżura/i li, f’dik il-kawża, ġiet/ġew ikkunsidrata/i bħala għajnuna (punt 73). Fil-punt 122, il Qorti tal-Prim’Istanza, żiedet li d-deċiżjoni kontestata ma kinitx suffiċjentement motivata f’dak li jirrigwarda l-identifikazzjoni tal-miżuri kkwalifikati bħala għajnuna.

102    Issa, dan mhux il-każ fil-kawża preżenti. Bil-kontra ta’ dan, id-dispożittiv tad-Deċiżjoni jikklassifika l-primjum għat-twarrib, il-pjan ta’ konverżjoni u l-attivitajiet ta’ pubbliċità u promozzjoni pubblika bħala għajnuna mogħtija mill-Istat, billi jiddedika paragrafu għal kull miżura. Għaldaqstant, fil-kawża preżenti, il-persuni kkonċernati u l-Qorti ta’ Prim’Istanza setgħu isiru jafu migħajr diffikultà il-miżuri li ġew ikkwalifikati bħala għajnuna mogħtija mill-Istat fis-sens ta’ l-Artikolu 87(1) KE. Mill-bqija, il-Qorti ta’ Prim’Istanza tfakkar li billi r-rikors ma kienx ammissbli safejn kien intiż għall-annullament ta’ l-Artikoklu 1(1) tad-Deċiżjoni, l-eżami għandu jkun limitat għall-motivazzjoni tal-primjum għat-twarrib.

103    Barra minn hekk, fil-kawża preżenti, bil-kontra tad-Deċiżjoni kkontestata fil-kawża li tat lok għas-sentenza Confédération nationale du Crédit mutuel vs Il-Kummissjoni, punt 100 iktar’il fuq, ir-raġunijiet tad-deċiżjoni normalment jagħmlu distinzjoni bejn it-tliet miżuri meħuda in kunsiderazzjoni. Għalhekk, fil-punt II intitolat “Deskrizzjoni”, id-Deċiżjoni tiddeskrivi suċċessivament is-sistema ta’ primjum għat-twarrib (punt II 1.1), dik ta’ l-għajnuna għall-konverżjoni (punt II 1.2) u l-kontribuzzjonijiet interprofessjonali għall-pubbliċità u promozzjoni (punt II 2). Wara dan, fil-kunsiderazzjonijiet iddedikati għall-argumenti mressqa mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-ftugħ tal-proċedura ta’ eżami (punt II 3), id-Deċiżjoni tiddistingwi bejn il-primjum għat-twarrib (premessi 30 sa 32), l-ispejjeż ta’ konverżjoni (premessi 33 sa 37) u l-għajnuna għall-pubblicità u promozzjoni (premessi 38 sa 39). Bl-istess mod, fil-punt IV, iddedikat għall-osservazzjonijiet ippreżentati mir-Repubblika Franċiża, wieħed isib din id-distinzjoni, jiġifieri l-primjum għat-twarrib (punt IV 1.1), l-għajnuna għall-konverżjoni (punt IV 1.2) u l-attivitajiet ta’ pubblicità u promozzjoni (punt IV 2). Fl-aħħar nett, fl-analiżi tal-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna (punt V 2), id-Deċiżjoni tiddistingwi mill-ġdid it-tliet miżuri, billi l-premessi 95 sa 106 kienu ddedikati għall-primjum għat-twarrib, il-premessi 107 sa 118 għall-għajnuna għall-konverżjoni u l-premessi 119 sa 123 għall-għajnuna ta’ pubblicità u promozzjoni.

104    Ċertament, huwa minnu li fl-eżaminazzjoni tagħha tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 87(1) KE taħt it-titoli “Eżistenza ta’ vantaġġ selettiv iffinanzjat b’riżorsi ta’ l-Istat” u “Effett fuq il-kummerċ”, id-Deċiżjoni ma tiddistingwix bejn it-tliet miżuri. Madankollu, huwa evidenti li l-eżami japplika għat-tliet miżuri kontemplati u jipperemetti li l-persuni kkonċernati jsiru jafu l-applikazzjoni li l-Kummissjoni għamlet tat-Trattat u li l-Qorti tal-Prim’Istanza tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha. Bil-kontra tal-kawża Le Levant (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-22 ta’ Frar 2006, Le Levant 001 et vs Il-Kummissjoni, T-34/02, Ġabra p.II-267, punti 109 sa 132) invokata mir-rikorrenti, id-Deċiżjoni teżamina kif il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 87(1) KE huma sodisfatti fil-kawża preżenti sabiex tiġi stabbilita l-inkompatibbiltà ta’ l-għajnuna mas-suq komuni. Il-fatt li hija tagħmel dan b’mod globali ma jistax jiġi kkunsidrat, minnu nnifsu, li jikser l-obbligu ta’ motivazzjoni, iktar u iktar minħabba li l-miżuri in kwistjoni jagħmlu parti mill-istess pjan ta’ azzjoni.

105    Minn dan jirriżulta li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġu kkunsidrati l-argumenti sussidjarji mressqa mill-Kummissjoni fir-replika tagħha.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 87(1) KE

106    Fl-ewwel parti ta’ l-argument tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu n-nuqqas ta’ l-element ta’ riżorsi ta’ l-Istat u, fit-tieni parti, in-nuqqas ta’ imputabbiltà lill-Istat tal-kontribuzzjonijiet interprofessjonali. Madankollu, peress li l-oservazzjonijiet bil-miktub tal-partijiet ta’ spiss jikkunsidraw dawn iż-żewġ partijiet ta’ dan l-argument flimkien, dawn għandhom jiġu kkunsidrati flimkien.

 L-argumenti tal-partijiet

107    Ir-rikorrenti jfakkru li skond ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġu kkwalifikati bħala għajnuna mill-Istat, il-miżuri in kwistjoni għandhom, b’mod kumulattiv, jissodisfaw erba’ kundizzjonijiet. Issa, waħda minnhom hija nieqsa fil-kawża preżenti, jiġifieri dik li tgħid li l-miżura għandha toriġina mill-Istat, jiġifieri li tkun iffinanzjata mir-riżorsi ta’ l-Istat u li tkun imputabbli lill-Istat.

108    Ir-rikorrenti jinvokaw il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li miżura obligatorja imposta minn awtorità pubblika, imma li hija iffinanzjata minn impriżi privati, mingħajr ma tħalli, fl-ebda mument, lill-awtorità pubblika li tiddisponi mill-flus in kwistjoni, ma tinvolvi l-ebda transferiment, dirett jew indirett, tar-riżorsi ta’ l-Istat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra, C-379/98, Ġabra p. I-2099, punt 59).

109    Skond ir-rikorrenti, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kriterju determinanti huwa s-setgħa ta’ kontroll suffiċjenti fuq il-fondi li servew sabiex tkun iffinanzjata l-miżura. Issa, fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni ddeduċiet l-element ta’ riżorsi ta’ l-Istat mill-fatt waħdieni li l-kontribuzzjonijiet irrikjedew l-adozzjoni ta’ att ta’ l-awtorità pubblika sabiex jipproduċu l-effeti tagħhom. Għaldaqstant, il-Kummissjoni m’għamlitx l-analiżi preskritta mill-ġurisprudenza.

110    Ir-rikorrenti jsostnu li, fil-kuntest tal-kontribuzzjonijiet interprofessjonali, l-intervent ta’ l-Istat Membru huwa limitat, abbażi ta’ inizzjattiva professjonali u għaldaqstant privata, għall-approvazzjoni tal-kontribuzjonijiet sabiex dawn jiksbu natura obligatorja fil-konfront tal-membri kollha ta’ l-organizzazzjoni interprofessjonali. L-awtorità pubblika teżerċita biss kontroll a posteriori ta’ natura purament finanzjarja u m’għandha, fl-ebda mument, kontroll fuq il-fondi. Il-CIVDN kien igawdi minn awtonomija kompleta, kemm fir-rigward ta’ l-finanzjament u l-implementazzjoni ta’ l-attivitajiet ta’ pubbliċità u promozzjoni u tat-tħaddim ta’ certi AOC, kif ukoll fir-rigward tal-primjum għat-twarrib.

111    Analiżi strettament organika tal-funzjonament tal-CIVDN ma tiħux in kunsiderazzjoni r-realtà tal-funzjonament ta’ dan il-kumitat. Eżami bbażat fuq approċċ funzjonali għandu, fi kwalunkwe każ, jiġi ppreferit.

112    Skond ir-rikorrenti, id-deċiżjonijiet reċenti tal-Ministru ta’ l-Ekonomija Franċiż tal-31 ta’ Marzu 2006 li jirrigwardaw il-modalitajiet li bihom jiġi eżerċitat il-kontroll ekonomiku u finanzjarju min-naħa ta’ l-Istat fuq l-organizzazzjonijiet interprofessjonali agrikoli, jixhdu n-nuqqas ta’ kwalunkwe possibbiltà ta’ l-Istat li jiddisponi mill-fondi miġbura mill-kumitati interprofessjonali permezz tal-kontribuzzjonijiet interprofessjonali.

113    Ir-rikorrenti jenfasizzaw li l-Kummissjoni tagħmel żball manifest meta issostni li l-primjum għat-twarrib huwa ffinanzjat prinċipalment permezz ta’ taxxa parafiskali ta’ l-ammont ta’ FRF 50 għal kull ettolitru prodott fir-reġjun tal-Pirenej. Bil-kontra ta’ dan, kontribuzzjoni interprofessjonali speċifika kienet imposta għall-finanzjament tal-primjum għat-twarrib, hekk kif tiddikjara d-Deċiżjoni 96-1 tal-CIVDN. It-taxxa parafiskali in kwistjoni hija marġinali għar-riżorsi tal-CIVDN, il-għaliex din hija riżervata għall-funzjonament tas-servizzi tiegħu.

114    Fir-rigward ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-imputabbiltà lill-Istat tal-kontribuzzjonijiet interprofessjonali intiżi sabiex jiffinanzjaw l-attivitajiet ta’ pubbliċità u promozzjoni u ta’ tħaddim ta’ ċerti AOC, ir-rikorrenti jallegaw li għall-persuna privata bħall-organizzazzjoni interprofessjonali, il-kriterju determinanti huwa l-kwistjoni ta’ jekk il-korp in kwistjoni setax jew le jieħu l-miżuri in kwistjoni mingħajr ma jieħu in kunsiderazzjoni l-ħtiġijiet ta’ l-awtoritajiet pubbliċi. Issa, mhux kontestat li dawn l-attivitajiet, bil-kontra ta’ dawk in kwistjoni fil-kuntest tal-pjan rivesaltes, bl-ebda mod ma jagħmlu parti minn politika ta’ l-Istat. Bil-kontra ta’ dan, fil-fehma tagħhom, dawn huma miżuri meħuda esklussivament in sostenn ta’ għan stabbilit minn qabel mis-settur interprofessjonali. Għaldaqstant, meta kkonkludiet, fl-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni, li dawn l-azzjonijiet setgħu jiġu kkwalifikati bħala għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni għamlet żball ta’ dritt u kisret l-Artikolu 87(1) KE.

115    Il-Kummissjoni hija tal-fehma li eżaminazzjoni sempliċi tal-Liġi Nru 200 tat-2 ta’ April 1943, li tistabbilixxi l-CIVDN, hekk kif emendata mid-digriet Nru 55-1064 ta’ l-20 ta’ Ottubru 1956, hija biżżejjed sabiex turi li l-miżuri kontestati jistgħu jkunu biss ir-riżultat ta’ att imputabbli lill-Istat u li dawn il-miżuri huma ffinanzjati permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat. Skond il-Kummissjoni, jirriżulta minn din il-liġi li l-CIVDN jinkludi, fl-istess ħin u fuq l-istess livell, kemm il-produtturi u kif ukoll l-awtoritajiet pubbliċi (Artikolu 2) u li l-uffiċċju eżekuttiv tiegħu huwa fil-biċċa ‘l kbira tiegħu magħmul minn rappreżentanti ta’ l-Istat (Artikolu 4). Barra minn hekk, il-Kummissjoni tiċċita l-Artikolu 7 ta’ liġi msemmija, li jgħid li l-proposti tal-CIVDN jew ta’ l-uffiċju eżekuttiv tiegħu jsiru obligatorji għall-membri kollha tal-professjonijiet ikkonċernati malli jirċievu, skond il-każ, l-approvazzjoni tal-Ministru ta’ l-Agrikoltura jew dik tal-commissaire du gouvernement. Il-Kummissjoni tinvoka wkoll l-Artikolu 14 ta’ din il-liġi, li jipprovdi li l-estimi huma suġġetti għall-approvazzjoni tal-Ministeri ta’ l-Agrikoltura u tal-Finanzi u li l-infiq relatat ma’ l-ispejjeż ta’ amministrazzjoni tal-CIVDN jew l-implementazzjoni ta’ l-għanijiet tiegħu ta’ interess professjonali huma koperti mit-taxxi imposti kemm fuq il-bejgħ ta’ prodotti, kif ukoll permezz ta’ mezzi oħra. Fl-aħħar nett, il-Kummisjoni tenfasizza li l-Artikolu 15 tal-liġi msemmija jipprovdi li l-amministrazzjoni finanzjarja tal-CIVDN hija suġġetta għall-istħarriġ ta’ l-Istat. F’dawn il-kundizzjonijiet il-Kummissjoni tikkunsidra li huwa manifest li l-miżuri huma riżorsi ta’ Istat jew atti imputabbli lill-Istat.

116    Din l-interpretazzjoni fuq ir-rwol prinċipali ta’ l-Istat hija konfermata bis-sħieħ mid-Deċiżjoni 04 D 35 tal-Kunsill Franċiż tal-Kompetizjoni tat-23 ta’ Lulju 2004, li tirrigwarda prattiċi implementati fis-suq ta’ l-inbid naturali ta’ l-AOC “rivesaltes”.

117    Skond il-Kummissjoni, għalkemm huwa minnu li d-Deċiżjoni 96-1 tal-CIVDN tal-5 ta’ Lulju 1996, kienet tipprovdi li d-dħul mill-kontribuzzjoni interprofessjonali kien esklussivament intiż sabiex iħallas lill-produtturi l-primjum għat-twarrib li kien dovut lilhom, il-prattika wriet li dan ma kienx biżżejjed biex jintlaħaq dan il-għan. Għaldaqstant, il-Kunsill Ġenerali pprovda għajnuna eċċezzjonali ta’ żewġ milljun FRF. Barra minn hekk, l-Assemblea Plenarja tal-CIVDN ta’ l-20 ta’ Diċembru 2000, iddeċidiet dwar l-amalgamazzjoni tal-kontijiet għat-twarrib u l-kontijiet ġenerali tal-CIVDN, liema fatt ikkontribwixxa għall-possibbiltà li dan l-organu jiddisponi, taħt il-kontroll ta’ l-Istat, mir-riżorsi miġbura independentament minn fejn originaw.

118    Il-Kummissjoni tfakkar li l-primjum għat-twarrib kien iffinanzjat prinċipalment permezz ta’ taxxa parafiskali vera u proprja li tammonta għal FRF 50 għal kull ettolitru prodott fir-reġjun tal-Pirenej. Għaldaqstant, mhemm l-ebda dubju li din it-taxxa parafiskali kienet direttament imposta mill-Istat u li ma kinitx tikkonsisti kontribuzzjoni volontarja tas-settur.

119    Il-Kummissjoni tinsisti fuq il-fatt li l-kontribuzzjonijiet ġew eżaminati fid-Deċiżjoni bl-għan waħdieni li jiġi vverifikat jekk dawn jikkostitwixxux riżorsi ta’ l-Istat intiżi sabiex jiffinanzjaw it-tliet miżuri kkontemplati fid-Deċiżjoni. Min-naħa l-oħra, il-kontribuzzjonijiet per se ma jistgħux jiġu kwalifikati bħala għajnuna mill-Istat fis-sens ta’ l-Artikolu 87(1) KE. Hija għal din ir-raġuni li l-Kummissjoni ssostni li t-tieni motiv tar-rikorrenti, hekk kif jirriżulta mir-rikors, huwa inammissibli u mingħajr suġġett, peress li l-Kummissjoni qatt ma eżaminat u qatt ma kienet obbligata li teżamina jekk il-kontribuzzjonijiet kinux jikkostitwixxu, fihom innifishom, għajnuna mill-Istat.

120    Il-Kummissjoni ssostni li, id-Deċiżjoni fl-ebda ħin ma tagħti x’tifhem li teżisti rabta ta’ allokazzjoni vinkolanti fis-sens tal-ġurisprudenza bejn id-dħul mill-kontribuzzjonijiet u l-ammonti ta’ għajnuna mħallsa abbażi tat-tliet miżuri in kwistjoni. Fil-fatt, is-sistema in kwistjoni tistabilixxi, independentament mid-dħul mill-kontribuzjonijiet, l-ammont ta’ għajnuna li iktar tard tħallset abbażi biss tas-sitwazzjoni personali tal-benefiċjarji ta’ għajnuna.

121    Fil-kontroreplika, il-Kummissjoni tiddeduċi, mill-fatt li r-rikorrenti kkonfermaw li kienu “llimitaw ruħhom li jikkontestaw l-element ta’ imputabbiltà lill-Istat biss fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet interprofessjonali msemmija fl-Artikolu [1(3)] tad-dispożittiv tad-Deċiżjoni”, li r-rikors ma jkoprix it-tliet miżuri msemmija fl-Artikoli 1 tad-Deċiżjoni. Madankollu, hija żżid li l-istruttura tal-kumplament tal-punt 86 tar-replika jista’ jagħti lill-wieħed x’jifhem li r-rikorrenti jikkontestaw biss li l-kontribuzzjonijiet jikkostitwixxu riżorsi ta’ l-Istat safejn dawn huma intiżi sabiex jiffinanzjaw l-azzjonijiet ta’ pubbliċità, ta’ promozzjoni u ta’ tħaddim. Madankollu, skond il-Kummissjoni, fl-aħħar punt tar-replika, ir-rikorrenti jerġgħu jaqgħu għall-istess konfużjoni meta jikkonkludu li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta kkonstatat li l-kontribuzzjonijiet li kienu ffinanzjaw l-azzjonijiet ta’ pubbliċità, ta’ promozzjoni u ta’ tħaddim ta’ ċerti AOC, setgħu jiġu kkwalifikati bħala għajnuna mill-Istat. Filwaqt li tibbaża ruħha fuq dan in-nuqqas ta’ ċarezza u fuq l-impossibbiltà li hija tiddefendi ruħha, il-Kummissjoni tallega li l-motiv għandu jiġi ddikjarat inammissibli. Sussidjarjament, hija ssostni li dan mhuwiex fondat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

122    Peress li fil-kontroreplika l-Kummissjoni tikkontesta l-ammissibbiltà ta’ dan il-motiv, l-eżami ta’ dan il-motiv għandu jibda minn din il-kwistjoni.

–       Fuq l-ammissibbiltà tal-motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 87(1) KE.

123    Fil-kontroreplika, il-Kummissjoni ssostni li hija mhijiex f’pożizzjoni li tiddefendi ruħha minħabba n-nuqqas ta’ ċarezza tas-sottomissjonijiet bil-miktub tar-rikorrenti.

124    Għalkemm l-argumenti tar-rikorrenti fis-sottomissjonijiet tagħhom jistgħu f’ċerti aspetti jwasslu għall-konfużjoni, madankollu għandu jiġi kkonstatat li l-għan ta’ dan il-motiv jirriżulta b’mod ċar mir-rikors. Fil-fatt ir-rikorrenti jinvokaw żball ta’ dritt u l-ksur ta’ l-Artikolu 87(1) KE. Huma jaqsmu dan il-motiv f’żewġ partijiet, fejn l-ewwel parti tirrigwarda n-nuqqas ta’ l-element ta’ riżorsi ta’ l-Istat fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet u t-tieni parti tirrigwarda n-nuqqas ta’ imputabbiltà lill-Istat tal-kontribuzzjonijiet interprofessjonali intiżi sabiex jiffinanzjaw l-attivitajiet ta’ pubbliċità, ta’ promozzjoni u ta’ tħaddim ta’ ċerti AOC. Barra minn hekk, fis-sommarju tal-motivi u ta’ l-argumenti prinċipali li jinsabu fir-rikors, wieħed jista’ jaqra dan li ġej:

“Il-Qorti tal-Prim’Istanza hija mitluba tannulla d-Deċiżjoni […] minħabba li:

[…]

–        Id-Deċiżjoni tikser l-Artikolu 87(1) KE peress li hija tikwalifika bħala għajnuna mogħtija mill-Istat il-kontribuzzjonijiet interprofessjonali kkontemplati fl-Artikolu 1(1) u (3) tad-dispożittiv”.

125    Fil-limiti ta’ dak li għadu kif intqal, il-motiv in kwistjoni għandu jiġi ddikjarat ammissibli. Madankollu, ir-rikorrenti ma jistawx ibiddlu l-kontenut u l-portata ta’ dan il-motiv b’tali mod li joħolqu motiv ġdid bi ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-Kummissjoni. L-Artikolu 48 tar-Regoli tal-Proċedura fil-fatt jipprovdi li l-produzzjoni ta’ motivi ġodda matul il-kawża hija projbita, sakemm dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq elementi ta’ fatt jew ta’ dritt li joħorġu matul il-proċedura. Madankollu motiv li jelabora motiv li diġà ġie ppreżentat, direttament jew impliċitament, fir-rikors li jniedi l-kawża u li huwa strettament marbut miegħu għandu jiġi ddikjarat ammissibli (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Settembru 2000, Dürbeck vs Il-Kummissjoni, T-252/97, Ġabra p. II-3031, punt 39).

126    Minn naħa, mir-rikors jirriżulta li r-rikorrenti jikkontestaw il-kwalifika tal-kontribuzzjonijiet interprofessjonali bħala għajnuna mill-Istat, b’mod partikolari peress li dawn ta’ l-aħħar m’għandhomx in-natura ta’ riżorsi ta’ l-Istat. F’dan il-kuntest, huma jsostnu li l-Istat ma jistax jiddisponi mill-kontribuzzjonijiet in kwistjoni. Min-naħa l-oħra jinvokaw in-nuqqas ta’ imputabbiltà lill-Istat, waqt li jillimitaw b’mod ċar dan l-argument għall-kontribuzzjonijiet inter-settorjali intiżi sabiex jiffinanzjaw l-azzjonijiet ta’ pubbliċità, promozzjoni u tħaddim ta’ ċerti AOC. F’ dan ir-rigward, fir-replika tagħhom ir-rikorrenti jfakkru li huma “llimitaw ruħhom li jikkontestaw l-element ta’ imputabbiltà lill-Istat biss fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet interprofessjonali msemmija fl-Artikolu [1(3) ] tad-dispożittiv tad-Deċiżjoni”.

127    Il-Kummissjoni ma tistax issostni li ma kinitx f’pożizzjoni li tiddefendi ruħha fuq dawn il-punti. Il-punti 59 sa 77 tas-sottomissjonijiet ta’ difiża tagħha u 52 sa 60, kif ukoll 67 tal-kontroreplika tagħha jixhdu l-kontra ta’ dan.

128    Għaldaqstant, il-mottiv ibbazat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 87(1) huwa ammissibli.

–       Fuq il-fondatezza tal-mottiv ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 87(1)

129    Skond ġurisprudenza stabbilita, sabiex vantaġġi jkunu jistgħu jiġu kwalifikati bħala għajnuna mill-Istat fis-sens ta’ l-Artikolu 87(1) KE, dawn għandhom, minn naħa, jiġu mogħtija direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat u, min-naħa l-oħra, ikunu imputabbli lill-Istat (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni, magħrufa bħala “Stardust”, C-482/99, Ġabra p. I-4397, punt 24, u l-ġurisprudenza ċċitata).

130    Jirriżulta mill-ġurisprundenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-vantaġġi mogħtija direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat biss huma kkunsidrati bħala għajnuna fis-sens ta’ l-Artikolu 87(1) KE. Fil-fatt, id-distinzjoni stabbilita f’din id-dispożizzjoni bejn “l-għajnuna mogħtija mill-Istati” u l-għajnuna mogħtija “permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat” ma tfissirx li l-vantaġġi kollha konsentiti minn Stat jikkostitwixxu għajnuna, independentament minn jekk humiex jew le ffinanzjati permezz ta’ riżorsi li ġejjin mill-Istat, imma hija intiża biss li tinkludi f’dan il-kunċett il-vantaġġi mogħtija direttament mill-Istat, kif ukoll dawk mogħtija permezz ta’ korp pubbliku jew privat, innominat jew stabbilit minn dan l-Istat (ara s-sentenza PreussenElektra, punt 108 iktar’il fuq, punt 58, u l ġurisprudenza ċċitata).

131    Għandu l-ewwel nett jiġi enfasizzat li safejn, u skond l-argumenti differenti mressqa mir-rikorrenti fir-rikors u fir-replika kif ukoll fis-sommarju li jinsab fir-rikors, dan il-motiv huwa intiż li jikkontesta l-kwalifikazzjoni tal-kontribuzzjonijiet in kwistjoni bħala għajnuna mogħtija mill-Istat, dan għandu jiġi miċħud.

132    Fil-fatt, id-Deċiżjoni fl-ebda punt ma tikkwalifika l-kontribuzzjonijiet bħala għajnuna mill-Istat (ara ukoll, mill-perspettiva ta’ l-ammissibbiltà tar-rikors, l-punti 38 u 40 iktar’il fuq). Hekk kif jirriżulta mid-dispożittiv tagħha, huma l-miżuri implementati f’forma ta’ primjum għat-twarrib, ta’ pjan ta’ konverżjoni, u ta’ attivitajiet ta’ pubbliċità, ta’ promozzjoni u ta’ tħaddim favur ċerti AOC li huma kkwalifikati bħala għajnuna mill-Istat. Fil-premessa 74 tad-Deċiżjoni, il-kontribuzzjonijiet in kwistjoni huma kkunsidrati mill-Kummissjoni bħala taxxi parafiskali, jiġifieri riżorsi pubbliċi. Peress li l-kontribuzzjonijiet in kwistjoni jservu sabiex jiffinanzjaw il-miżuri kkontemplati, id-Deċiżjoni minn dan tikkonkludi li l-kriterju ta’ finanzjament permezz ta’ riżorsi pubbliċi huwa sodisfatt.

133    Sussidjarjament, anke li kieku s-sottomissjonijiet bil-miktub tar-rikorrenti kellhom jiġu interpretati fis-sens li l-miżuri in kwistjoni ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat peress li mhumiex iffinanzjati permezz ta’ riżorsi pubbliċi u, fir-rigward ta’ uħud minnhom, mhumiex imputabbli lill-Istat, ir-risposta ma kinitx tkun differenti.

134    Fil-fatt, fir-rigward tat-tieni element, mid-dikjarazzjoni tat-tieni parti ta’ dan il-motiv u mill-kjarifiċi magħmula mir-rikorrenti fir-replika tagħhom jirriżulta li dawn jikkontestaw biss l-imputabbiltà lill-Istat tal-kontribuzzjonijiet interprofessjonali intiżi sabiex jiffinanzjaw l-attivitajiet ta’ pubblicità, ta’ promozzjoni u ta’ tħaddim ta’ ċerti AOC.

135    Issa, peress li r-rikorrenti ma kinux intitolati li jikkontestaw il-parti tad-dispożittiv tad-Deċiżjoni li tirrigwarda dawn l-attivitajiet (ara punti 34 sa 48 iktar’il fuq), l-argumenti żviluppati f’din il-parti ma jistawx jiġu milqugħa.

136    Barra minn dan, ir-rikorrenti ma jikkontestawx l-imputabbiltà lill-Istat tal-primjum għat-twarrib. Għaldaqstant, huwa biżżejjed li jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni kinitx iġġustifikata li fid-deċiżjoni tagħha tikkunsidra li l-primjum għat-twarrib kien jikkostitwixxi vantaġġ selettiv iffinanzjat minn riżorsi ta’ l-Istat.

137    In sostenn ta’ l-argumenti opposti tagħhom, kemm ir-rikorrenti kif ukoll il-Kummissjoni jinvokaw, prinċipalment, sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Ir-rikorrenti jibbażaw ruħhom fuq is-sentenza Pearle et, punt 95 iktar’il fuq, sabiex jargumentaw, b’analoġija, li l-miżura in kwistjoni ma kinitx “iffinanzjata minn mezzi mqegħdin għad-dispożizzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali”. Filwaqt li, min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tirreferi għas-sentenza Stardust, punt 129 iktar’il fuq, billi ssostni li r-riżorsi tal-CIVDN “jaqgħu taħt il-kontroll ta’ l-Istat u għaldaqstant huma għad-dispożizzjoni tiegħu”, peress li l-Istat “kellu s-setgħa, bis-saħħa ta’ l-influenza dominanti tiegħu fuq l-[impriża], li jorjenta l-użu tar-riżorsi [tiegħu]”.

138    L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti jikkontestaw il-portata ta’ interpretazzjoni li l-Kummissjoni tat tas-sentenza Stardust, punt 137 iktar’il fuq, fejn l-analiżi tal-Qorti tal-Ġustizzja saret, fil-fehma tagħhom, “fil-kuntest speċifiku tal-fatti ta’ dik il-kawża, li kienet ikaratterizzata mill-fatt li l-entitajiet li kienu taw l-għajnuna finanzjarja lill-Stardust kienu impriżi pubbliċi”. Ir-rikorrenti jfakkru li l-CIVDN hija persuna ġuridika regolata mid-dritt privat.

139    Madankollu, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li mhemmx lok li ssir distinzjoni bejn il-każijiet fejn l-għajnuna tingħata direttament mill-Istat u dawk fejn din tingħata permezz ta’ entità pubblika jew privata, innominata jew stabbilita minn dak l-Istat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 1988, Il-Greċja vs. Il-Kummissjoni, C-57/86, Ġabra p. 2855, punt 12; PreussenElektra, punt 108 iktar’il fuq, punt 58, u ta’ l-20 ta’ Novembru 2003, GEMO, C-126/01, Ġabra p. I-13769, punt 23). Hekk kif juru s-sentenzi Stardust, punt 129 iktar’il fuq u Pearle et, punt 95 iktar’il fuq, l-istatut ta’ l-impriża jew ta’ l-entità in kwistjoni mhux ikkusidrat bħala element determinanti għall-applikazzjoni tar-regoli tat-Trattat fuq l-għajnuna mill-Istat. Il-fatt waħdieni li l-każ jinvolvi entità pubblika ma jinvolvix awtomatikament l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 87 KE, bl-istess mod kif il-fatt li l-miżuri jiġu adottati minn entità privata ma jeskludix dan.

140    Fir-rigward tal-primjum għat-twarrib, permezz tad-Deċiżjoni 96-1 tal-CIVDN tal-5 ta’ Lulju 1996 ġiet maħluqa kontribuzzjoni intiża għall-finanzjament tiegħu. Sabiex jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni kinitx iġġustifikata li tikwalifika din il-kontribuzzjoni bħala riżors pubbliku, b’mod partikolari minħabba li hija kellha bżonn l-adozzjoni ta’ att ta’ l-awtorità pubblika sabiex tipproduċi l-effetti tagħha, għandu jiġi eżaminat ir-rwol ta’ l-Istat f’dan il-kumitat.

141    L-analiżi tal-Liġi Nru 200, tat-2 ta’ April 1943, li toħloq kumitat interprofessjonali għall-produtturi ta’ l-inbid ħelu naturali u nbid ta’ likuri b’denominazzjoni protett, hekk kif emendata bid-digriet Nru 55-1064, ta’ l-20 ta’ Novembru 1956, tikkonferma r-rwol predominanti ta’ l-Istat f’dan il-kumitat.

142    Skond l-Artikolu 3, sostitwit mill-Artikolu 2 tad-digriet 56-1064, l-CIVDN huwa kompost, minn naħa, minn erbatax–il rappreżentant tas-sindikati u entitajiet professjonali li huma l-iktar rappreżentattivi tal-produtturi u l-kooperattivi ta’ l-inbid, tal-konservazzjoni u tad-distribuzzjoni u, min-naħa l-oħra, minn erbatax-il rappreżentant tas-sindikati u entitajiet professjonali li huma l-iktar rappreżentattivi tal-negozjanti li jbiegħu bl-ingrossa. Il-membri tiegħu huma nominati għall-tliet snin permezz ta’ deċiżjoni tas-Segretarju ta’ l-Istat għall-Agrikoltura, fuq parir tas-sindikati u l-entitajiet interessati.

143    Numru ta’ rappreżentanti ta’ l-Istat setgħu jipparteċipaw fid-diskussjonijiet mingħajr ma jivvotaw.

144    Jirriżulta mill-Artikolu 4, li sar l-Artikolu 3 bis-saħħa tad-digriet 56-1064, li l-Istat, permezz tar-rappreżentant tiegħu, jokkupa alternattivament il-kariga ta’ president jew ta’ viċi president ta’ l-uffiċju esekuttiv.

145    Id-direttur huwa nnominat u jista’ jiġi mkeċċi permezz ta’ deċiżjoni tas- Segretarju ta’ l-Istat għall-Agrikoltura (Artikolu 5 li sar l-Artikolu 4 bis-saħħa tad-digriet 56-1064).

146    L-Artikolu 6 tad-digriet 56-1064 jipprovdi:

Commissaire du gouvernement, innominat mill-Ministru Segretarju ta’ l-Istat għall-Agrikoltura u għall-Provvisti għandu jassisti għad-diskussjonijiet kollha.

Jekk il-proposti li jiġu ppreżentati lilu mill-[CIVDN] jew mill-uffiċċju eżekuttiv tiegħu ġew adottati b’żewġ terżi tal-membri preżenti, il-commissaire du gouvernement jista’, skond l-istruzzjonijiet li huwa jirċievi, jew japprova immedjatament id-deċiżjonijiet proposti, jew jibgħathom għall-approvazzjoni tal-Ministru Segretarju ta’ l-Istat għall-Agrikoltura u għall-Provvisti”.

147    L-Artikolu 7 tad-digriet 56-1064 jipprovdi:

“Il-proposti tal-[CIVDN] jew ta’ l-uffiċċju eżekuttiv tiegħu jsiru obligatorji għall-membri kollha tal-professjonijiet ikkonċernati malli jiġu approvati , skond il-każ, mill-Ministru Segretarju ta’ l-Istat għall-Agrikoltura u għall-Provvisti jew mill-commissaire du gouvernement.

[…]

Huma jsiru eżekuttivi malli jiġu nnotifikati uffiċjalment lill-entitajiet professjonali li jikkostitwixxu l-[CIVDN].

Fl-interess nazzjonali, il-Ministru Segretarju ta’ l-Istat għall-Agrikoltura u għall-Provvisti jista’, jekk huwa jikkonsidra li huwa neċessarju, jieħu, minflok il-[CIVDN], id-deċiżjonijiet li dan ta’ l-aħħar ikun irrifjuta li jieħu, wara li jkun irċeva t-talba nnotikata lilu mill-commissaire du gouvernement”.

148    B’mod konformi ma’ l-Artikolu 8 tad-digriet 56‑1064, l-CIVDN għandu bħala għan tiegħu li jieħu, skond l-istruzzjonijiet tal-Gvern, numru ta’ miżuri ġenerali elenkati f’dan id-digriet, fosthom dawk li jorganizza u jikkontrolla l-produzzjoni ta’ inbid prodott fil-ħbula ta’ dwieli indikati.

149    Skond l-Artikolu 10 tad-digriet 56 1064, fil-każ ta’ ksur tad-deċiżjonijiet tal-CIVDN, jistgħu jiġu imposti diversi sanzjonijiet, jiġifieri multi, l-irtirar tat-tessera professjonali, il-konfiska mill-Istat ta’ parti mill-prodotti jew tal-prodotti kollha, mill-préfet du département [Prefett tad-dipartiment] tal-post fejn tkun residenti l-persuna li kisret id-deċiżjoni jew mill-Ministru ta’ l-Agrikoltura, fuq il-parir tal- préfet [Prefett], skond il-każ.

150    Fil-każ tal-miżuri ġenerali kkontemplati fl-Artikolu 8, l-Artikolu 11 jawtorizza lill-Ministru ta’ l-Agrikoltura, fuq il-parir tal-commissaire du gouvernement, li jisosstitwixxi lill-uffiċċju eżekuttiv sabiex jimponilu deċiżjoni li dan ta’ l-aħħar kien irrifjuta li jieħu, minkejja t-talba li kient saritlu u li kienet innotifikata lilu permezz tal-commissaire du gouvernement.

151    L-Artikolu 14 jipprovdi li l-budget tal-CIVDN huwa suġġett għall-approvazzjoni ta’ l-istess Ministru. Huwa jżid li “l-infiq relatat ma’ l-ispejjeż ta’ amministrazzjoni tal-[CIVDN] jew it-twettiq tal-għanijiet tiegħu ta’ interess professjonali huma koperti minn taxxi imposti jew fuq il-bejgħ tal-prodotti jew permezz ta’ mezzi oħra. Il-[CIVDN] jista’ jieħu dawn it-taxxi biss wara li jiġi awtorizzat li jagħmel dan mill-Ministru Segretarju ta’ l-Istat għall-Ekonomija Nazzjonali u għall-Finanzi.”

152    Skond l-Artikolu 15 tad-digriet 56-1064, l-amministrazzjoni finanzjarja hija suġġetta għall-kontroll ta’ l-Istat u l-fondi disponibbli huma depożitati fit-Teżor jew fil-caisse régionale de crédit agricole mutuel ta’ fejn il-CIVDN ikollu l-uffiċju prinċipali tiegħu.

153    Fl-aħħar nett ir-regolament intern tal-CIVDN huwa suġġett għall-approvazzjoni tal-Ministru ta’ l-Agrikoltura.

154    Minn dan jirriżulta li, minbarra l-preżenza ta’ l-Istat fil-Kumitat u fl-uffiċċju eżekuttiv tiegħu, l-awtorizzazzjoni ta’ l-Istat hija neċessarja għall-atti essenzjali kollha tal-CIVDN. B’mod partikolari, dan ta’ l-aħħar la jista’, jimponi kontribuzzjonijet jew taxxi, u lanqas jiddisponi mid-dħul magħmul minnhon mingħajr il-kunsens ta’ l-Istat. Dan ta’ l-aħħar jista’ saħansitra jimponi d-deċiżjonijiet tiegħu fuq l-CIVDN.

155    Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi ma jikkonfermawx l-argument, sostnut mir-rikorrenti, ta’ “amministrazzjoni purament professjonali” tal-CIVDN u dak tal-limitazzjoni ta’ l-attivitajiet ta’ l-Istat għall “setgħa ta’ stħarriġ a posteriori tal-legalità ta’ l-amministrazzjoni finanzjarja tal- CIVDN”.

156    Anke jekk jiġi meqjus li, kif isostnu r-rikorrenti, “di fatto, ir-rwol ta’ l-awtoritajiet kien limitat li jagħmel id-deċiżjonijiet tal-professjonisti obligatorji”, xorta jibqa’ l-fatt li legalment, is-setgħa ta’ l-Istat tmur ħafna iktar lill hinn minn dan. Id-Deċiżjoni hija ġġustifikata meta, fil-premessa 74, tiddikjara li fil-kawża preżenti, il-kontribuzzjonijiet “irrikjedew l-adozzjoni ta’ att ta’ l-awtorità pubblika sabiex jipproduċu l-effeti tagħhom”. Skond is-sentenza Stardust, punt 129 iktar’il fuq, fil-kuntest preżenti l-Istat huwa perfattament fil-pożizzjoni li jorjenta, billi jeżerċita l-pożizzjoni dominanti tiegħu fuq il-CIVDN, l-użu tar-riżorsi tal-CIVDN sabiex jiffinanzja, jekk hemm bżonn, vantaggi speċifiċi favur ċerti impriżi.

157    F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll li, independentament mill-kontenut tagħhom, id-deċiżjonijiet tal-Ministru ta’ l-Ekonomija Franċiż, tal-31 ta’ Marzu 2006, invokati mir-rikorrenti ma jurux in-nuqqas ta’ kwalunkwe possibbiltà ta’ l-Istat li jiddisponi mill-fondi miġbura mil-kumitati interprofessjonali. Dawn id-deċiżjonijiet, fil-fatt ġew adottati wara li seħħew il-fatti li taw lok għall-kawża u wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni.

158    Barra minn hekk, is-sentenza Pearle et, punt 95 iktar’il fuq, li jinvokaw ir-rikorrenti mhijiex ta’ għajnuna għalihom peress li ma tistax tiġi applikata għall-fatti tal-kawża preżenti.

159    Fil-fatt, l-ewwel nett, huwa minnu li oriġinalment il-fondi wżati mill-CIVDN sabiex jitħallas il-primjum għat-twarrib kellhom jiġu miġbura mingħand it-tesserati tiegħu permezz ta’ kontribuzzjoni interprofessjonali (ara d-Deċiżjoni 96-1, tal-5 ta’ Lulju 1996). Id-dħul magħmul mill-kontribuzzjonijiet kellu jiġi mqiegħed f’fond speċjali amministrat mill-CIVDN u intiż esklussivament sabiex jiġi mħallas lill-produttur il-primjum għat-twarrib dovut lilu (Artikolu 8 ta’ din id-deċiżjoni).

160    Madankollu, mid-dikjarazzjonijiet ta’ l-entità li qiegħda tagħmel l-ilemt, esposti fil-premessi 43 u 44 tad-Deċiżjoni, u kkonfermati mill-minuti ta’ l-Assemblea Plenarja tal-CIVDN ta’ l-20 ta’ Diċembru 2000, ippreżentat mill-Kummissjoni f’anness tar-risposta tad-difiża, jirriżulta li, minn naħa, f’1999, il-primjum għat-twarrib ġie mħallas bis-saħħa ta’ sussidju ta’ FRF 2 milljun tal-Kunsill Ġenerali tal-Pyrénées-Orientales u, min-naħa l-oħra, li l-primjum għat-twarrib ġie ffinanzjat minn fondi li ma oriġinawx esklussivament mill-ġbir tal-kontribuzzjoni prevista, imma ukoll, parzjalment, minn dawk miġbura fuq l-estimi ġenerali tal-CIVDN. Barra minn hekk, dawn l-elementi ma ġewx ikkontestati mir-rikorrenti. Għaldaqstant, bħal fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Marzu 1977, Steinike u Weinlig (78/76, Ġabra p. 595), iċċitata fil-punt 38 tas-sentenza Pearle et, punt 95 iktar’il fuq, f’dan il-każ kien hemm ukoll sussidji diretti ta’ l-Istat.

161    Għalhekk, wieħed ma jistax jgħid li, abbażi tas-sentenza Pearle et, fil-każ preżenti l-ispejjeż kollha li għalihom kienet esposta l-entità kienu koperti mit-taxxi imposti fuq l-impriżi li bbenefikaw minnhom u li l-intervent tal-CIVDN ma kienx joħloq vantaġġ li kien jikkostitwixxi piż addizzjonali għall-Istat jew għall din l-entità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Pearle et, punt 95 iktar’il fuq, punt 36).

162    It-tieni nett, hekk kif enfasizzat fil-premessa 74 tad-Deċiżjoni, fil-każ preżenti, bil-kontra tal-kwistjoni li tat lok għas-sentenza Pearle et, punt 95 iktar’il fuq, mhux stabbilit li l-benefiċjarji ta’ l-għajnuna huma dejjem dawk il-persuni taxxabbli suġġetti għat-taxxa. Fil-fatt, mid-Deċiżjoni 96-1 tal-CIVDN, tal-5 ta’ Lulju 1996, jirriżulta li l-kontribuzzjoni kienet ibbażata fuq l-ammonti ta’ rivesaltes u ta’ grand-roussillon ikkummerċjalizzati fl-1995 (Artikolu 2), filwaqt li l-ammont tal-primjum għat-twarrib kien ta’ FRF 5 000 fis-sena għal kull ettaru mwarrab (Artikolu 6). Għaldaqstant, ċerti impriżi setgħu jikkontribwixxu b’mod sostanzjali, mingħajr ma jirċiervu l-iċken primjum għat-twarrib.

163    It-tielet nett, bil-kontra tal-kwistjoni li tat lok għas-sentenza Pearle et, punt 95 iktar’il fuq, lanqas ma jirriżulta mill-fajl li l-inizzjattiva ta’ organizzazzjoni u l-implementazzjoni tal-primjum għat-twarrib hija imputabbli lil xi assoċjazzjoni privata u mhux lill-CIVDN, li “kien serva biss bħala meżż għall-ġbir u għall-allokazzjoni tar-riżorsi miġbura” (ara f’dan is-sens is-sentenza Pearle et, punt 95 iktar’il fuq, punt 37). Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li r-rikorrenti ma jikkontestawx l-imputabbiltà lill-Istat tal-Primjum għat-twarrib.

164    Fl-aħħar nett, fir-rigward ta’ l-argument li jgħid li, f’dak li jirrigwarda l-primjum għat-twarrib, ir-riżorsi kienu, bħal fil-kwistjoni li tat lok għas-sentenza Pearle et, punt 95 iktar’il fuq, ġġenerati “in sostenn ta’ għan purament kummerċjali” li “ma setax, bl-ebda mod, jitqiegħed fil-kuntest ta’ politika stabbilita mill-awtoritajiet” (sentenza Pearle et, punt 95 iktar’il fuq, punt 37), ir-rikorrenti stess isostnu l-kontra ta’ dan. Fil-fatt, fil-punt 112 tar-replika, huma jsostnu li “ma jistax jiġi kkontestat b’mod serju li l-ħolqien tal-kontribuzzjonijiet li ffinanzjaw l-attivitajiet ta’ pubbliċità u ta’ promozzjoni [...] bl-ebda mod ma jiffurmaw, bil-kontra, fir-rigward ta’ dan il-punt, tal-miżuri in kwistjoni fil-kuntest tal-pjan rivesaltes, parti minn politika appoġġjata mill-Istat”. Għaldaqstant, ir-rikorrenti jammettu li l-primjum għat-twarrib jagħmel parti minn politika appoġġjata mill-Istat.

165    It-totalità ta’ dawn il-fatturi jwassal lill-Qorti tal-Pim’Istanza sabiex tikkonkludi li l-Kummissjoni kienet iġġustifikata li tikkunsidra li l-primjum għat-twarrib kien gie ffinanzjat permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat.

166    Għalhekk, anki jekk is-sottomissjonijiet bil-miktub tar-rikorrenti kellhom jiġu interpretati fis-sens li huma jallegaw li l-miżuri in kwistjoni ma kinux iffinanzjati permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat, xorta waħda jibqa’ l-fatt li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

167    Għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibli u fil-kumplament tiegħu bħala mhux fondat.

 Fuq l-ispejjeż

168    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawza għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfu, hemm lok li huma jiġu kkundannati jbatu, apparti l-ispejjeż tagħhom stess, l-ispejjeż tal-Kummissjoni, skond it-talbiet tal-Kummissjoni f’dan is-sens.

169    Skond l-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Repubblika Franċiża għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Il-rikorrenti huma kkundannati jbatu l-ispejjeż.

3)      Ir-Repubblika Franċiża għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Vilaras

Dehousse

Šváby

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-20 ta’ Settembru 2007.

Reġistratur

 

       President

E. Coulon

 

       M. Vilaras


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.