Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (Franza) fis-17 ta’ Novembru 2021 – Confédération paysanne, Réseau Semences Paysannes, Les Amis de la Terre France, Collectif vigilance OGM et Pesticides 16, Vigilance OG2M, CSFV 49, OGM : dangers, Vigilance OGM 33 vs Premier ministre, Ministre de l’Agriculture et de l’Alimentation

(Kawża C-688/21)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Conseil d’État

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Confédération paysanne, Réseau Semences Paysannes, Les Amis de la Terre France, Collectif vigilance OGM et Pesticides 16, Vigilance OG2M, CSFV 49, OGM : dangers, Vigilance OGM 33

Konvenuti: Premier ministre, Ministre de l’Agriculture et de l’Alimentation

Parti oħra : Fédération française des producteurs d’oléagineux et de protéagineux

Domandi preliminari

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Marzu 2001 dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE 1 , moqri flimkien mal-punt 1 tal-Anness I B ta’ din id-direttiva u fid-dawl tal-premessa 17 tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex issir distinzjoni bejn it-tekniki/metodi ta’ mutaġenesi t-tekniki/metodi li kienu tradizzjonalment użati għal diversi applikazzjonijiet u li għandhom rekord ta’ sikurezza għal żmien twil, fis-sens tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Lulju 2018, hemm lok li jiġu kkunsidrati biss il-modalitajiet li skonthom l-aġent mutaġeniku jimmodifika l-materjal ġenetiku tal-organiżmu jew il-varjazzjonijiet kollha fl-organiżmu indotti mill-proċess użat, inklużi l-varjazzjonijiet somaklonali, li jistgħu jaffettwaw is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent?

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/18/KE tat-12 ta’ Marzu 2001, moqri flimkien mal-punt 1 tal-Anness IB, ta’ din id-direttiva u fid-dawl tal-premessa 17 tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi ddeterminat jekk teknika/metodu ta’ mutaġenesi intużatx/intużax tradizzjonalment għal diversi applikazzjonijiet u jekk għandhiex/għandux rekord ta’ sikurezza għal żmien twil, fis-sens tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Lulju 2018, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni biss il-kulturi fil-kamp sħiħ ta’ organiżmi miksuba b’dan il-metodu/teknika jew jekk huwiex possibbli li jittieħed kont ukoll tax-xogħolijiet u pubblikazzjonijiet ta’ riċerka li ma humiex relatati ma’ dawn il-kulturi u jekk, fir-rigward ta’ dawn ix-xogħlijiet u pubblikazzjonijiet, huma dawk biss li jirrigwardaw ir-riskji għas-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent li għandhom jiġu kkunsidrati?

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 77.