Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-17 ta’ Ottubru 2018 (talba għal deċiżjoni preliminari tas-Supreme Court - l-Irlanda) – Ryanair Ltd vs The Revenue Commissioners

(Kawża C-249/17) 1

Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Kunċett ta’ persuna taxxabbli – Kumpannija holding – Tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa – Spejjeż marbuta ma’ provvista ta’ servizzi ta’ konsulenza sostnuti għall-finijiet tal-akkwist ta’ azzjonijiet ta’ kumpannija oħra – Intenzjoni tal-kumpannija xerrejja li tipprovdi servizzi ta’ ġestjoni lill-kumpannija fil-mira – Nuqqas ta’ provvista ta’ tali servizzi – Dritt għat-tnaqqis tal-VAT imposta fuq il-prestazzjonijiet mitluba

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

Supreme Court

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Ryanair Ltd

Konvenut: The Revenue Commissioners

Dispożittiv

L-Artikoli 4 u 17 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 787/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jikkonferixxu lil kumpannija, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għandha l-intenzjoni li takkwista l-azzjonijiet kollha ta’ kumpannija oħra, sabiex teżerċita attività ekonomika li tikkonsisti fil-provvista lil din tal-aħħar ta’ prestazzjonijiet ta’ servizzi ta’ ġestjoni suġġetti għall-VAT, id-dritt għal tnaqqis tal-VAT tal-input kollha relatata mal-ispejjeż magħmula għall-provvista ta’ servizzi ta’ konsulenza sostnuti fil-kuntest ta’ offerta pubblika ta’ xiri, anki jekk jiġri li din l-attività ekonomika ma titwettaqx, sa fejn dawn l-ispejjeż ikollhom il-kawża esklużiva tagħhom fl-attività ekonomika inkwistjoni.

____________

1     ĠU C 221, 10.7.2017.