Language of document : ECLI:EU:C:2020:180


KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

TANCHEV

ippreżentati fil-5 ta’ Marzu 2020 (1)

Kawżi magħquda C674/18 u C675/18

EM

vs

TMD Friction GmbH (C674/18)

u

FL

vs

TMD Friction EsCo GmbH (C675/18)

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali, il-Ġermanja))

“Rinviji għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 2001/23/KE – Salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji – Artikoli 3 u 5 – Direttiva 2008/94/KE – Salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ tal-insolvenza tal-persuna li timpjega – Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94 – Benefiċċji tal-irtirar addizzjonali – Kwistjoni dwar ir-responsabbiltà taċ-ċessjonarju għall-benefiċċji tal-irtirar addizzjonali ta’ impjegati ta’ impriża ttrasferita minn ċedenti insolventi”






1.        Meta, minħabba l-liġi ta’ Stat Membru, ċerti benefiċċji tal-irtirar ma jkunux pagabbli minn istituzzjoni inkarigata bil-protezzjoni tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ impriżi insolventi skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2008 dwar il-protezzjoni ta’ l-impjegati fil-każ ta’ l-insolvenza ta’ min iħaddimhom (2) taħt liema ċirkustanzi, jekk ikun hemm, tista’ tiġi imposta responsabbiltà fir-rigward ta’ dawk il-benefiċċji fuq iċ-ċessjonarju tal-impriża insolventi, bis-saħħa tal-Artikolu 3 u/jew 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE tat‑12 ta’ Marzu 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet ta’ l-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji? (3)

2.        Din essenzjalment hija l-kwistjoni li tirriżulta fit-talbiet għal deċiżjoni preliminari mill-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali, il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem il-“qorti tar-rinviju”). Il-qorti tar-rinviju qiegħda tfittex gwida dwar il-kompatibbiltà mad-Direttiva 2001/23 ta’ ċerti prattiki li jwasslu għal tnaqqis fil-benefiċċji ta’ pensjoni addizzjonali tal-impjegati u ex impjegati, li jsibu l-bażi tagħhom fil-liġi Ġermaniża, li jidħlu fis-seħħ meta impriża tkun insolventi, u kif din taffettwa r-responsabbiltajiet taċ-ċessjonarji.

3.        Ikkonkludejt li din id-domanda hija primarjament irregolata mil-lex specialis rifless fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/23. Barra minn hekk, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, ġurisprudenza tal-Istati Membri li teżenta lil ċessjonarji milli jissodisfaw ċerti drittijiet għal benefiċċji tal-irtirar ta’ impjegati ta’ ċedent insolventi fir-rigward ta’ perijodi ta’ impjieg li jippreċedu d-data ta’ trasferiment, teċċedi d-diskrezzjoni mogħtija lill-Istati Membri taħt l-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2001/23 li tillimita d-drittijiet u l-obbligi imposti fuq iċ-ċessjonarji, mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/23, jekk id-drittijiet inkwistjoni ma jkollhomx effett legali kontra ċ-ċedent (4). Jekk l-impjegati kkonċernati ma jkollhom ebda dritt taħt il-liġi tal-Istat Membru li jinvokaw dawn id-drittijiet quddiem il-qrati tal-Istat Membru sabiex jiżguraw il-ħlas tal-benefiċċji tal-irtirar rilevanti miċ-ċedent (5), tali benefiċċji ma jkunux “pagabbli” qabel il-ftuħ ta’ proċeduri ta’ insolvenza taħt l-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2001/23. Għaldaqstant ma jistgħux jiġu esklużi mill-obbligi taċ-ċessjonarju taħt l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/23.

4.        Madankollu, anki meta l-limitazzjoni prevista fl-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2001/23 tiġi applikata, din tkun suġġetta għal żewġ kundizzjonijiet.

5.        L-ewwel nett, il-limitazzjoni pprovduta mill-Artikolu 5(2)(a), għandha tiġi applikata mill-Istat Membru bil-livell ta’ preċiżjoni u ċarezza sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali meħtieġa mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (6). Din hija kwistjoni li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.

6.        It-tieni nett, kif meħtieġ mill-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2001/23, il-liġi tal-Istat Membru għandha tipprovdi protezzjoni li hija “għall-inqas ekwivalenti” għal dik ipprovduta mid-Direttiva 2008/94. Dan għandu jiġi ddeterminat skont il-kriterji elaborati mill-Qorti tal-Ġustizzja fid-deċiżjoni tagħha tad‑19 ta’ Diċembru 2019 fil-kawża Pensions-Sivherungs-Verein (7) u bl-istess mod huwa suġġett għal verifika mill-qorti tar-rinviju.

I.      Il-kuntest ġuridiku

7.        L-Artikolu 3(1) u (4) u l-Artikolu 5(1), (2)(a) u (4) tad-Direttiva 2001/23 huma fformulati kif ġej:

“L-Artikolu 3

1.      Id-drittijiet u l-obbligi ta’ min jagħmel it-trasferiment ikkawżati minn kuntratt ta’ mpjieg jew minn relazzjoni ta’ mpjieg eżistenti fid-data tat-trasferiment għandhom, minħabba dan it-trasferiment, jiġu trasferiti lil min lilu jsir it-trasferiment.

[…]

4. (a)      Sakemm l-Istati Membri ma jipprovdux xort’ oħra, il-paragrafi 1 u 3 m’ għandhomx japplikaw inkonnessjoni mad-drittijiet ta’ l-impjegati għall-benefiċċji tax-xjuħija, l-invalidità jew tas-superstiti taħt skemi ta’ pensjoni supplementari tal-kumpaniji jew ta’ bejn il-kumpaniji barra l-iskemi statutorji tas-sigurtà soċjali fl-Istati Membri.

(b)      Ukoll meta ma jipprovdux skond is-subparagrafu (a) li l-paragrafi1u 3 japplikaw inkonnessjoni ma’ dawn id-drittijiet, l-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri neċessarji għall-protezzjoni ta’ l-interessi ta’ l-impjegati u ta’ persuni li ma jkunux għadhom impjegati fin-negozju ta’ min jagħmel it-trasferiment fil-ħin tat-trasferiment għar-rigward tad-drittijiet li jtuhom intitolament immedjat jew prospettiv għal benefiċċji tax-xjuħija, inklużi l-benefiċċji tas-superstiti, taħt skemi supplimentari msemmija fis-subparagrafu (a).

[…]

L-Artikolu 5

1.      Sakemm l-Istati Membri ma jipprovdux xort’oħra, l-Artikoli 3 u 4 m’ għandhomx japplikaw għal kull trasferiment ta’ impriża, negozju jew parti minn impriża jew negozju meta min ikun qed jagħmel it-trasferiment huwa s-suġġett ta’ proċedimenti ta’ falliment jew ta’ xi proċedimenti analogi ta’ falliment li kienu istitwiti bl-iskop tal-likwidazzjoni ta’ l-assi ta’ min qed jagħmel it-trasferiment u huma taħt is-superviżjoni ta’ awtorità pubblika kompetenti (li tista’ tkun prattikant tal-falliment awtorizzat minn awtorità pubblika kompetenti).

2.      Meta l-Artikoli 3 u 4 japplikaw għal trasferiment waqt proċedimenti ta’ falliment li nfetħu għar-rigward ta’ min jagħmel it-trasferiment (kemm jekk dawk il-proċedimenti jkunu nbdew bl-iskop tal-likwidazzjoni ta’ l-assi ta’ min ikun qed jagħmel it-trasferiment kemm jekk le) u sakemm dawn il-proċedimenti jkunu taħt is-superviżjoni ta’ awtorità pubblika kompetenti (li tista’ tkun prattikant tal-falliment determinat mil-liġi nazzjonali) Stat Membru jista’ jipprovdi li:

(a)      minkejja l-Artikolu 3(1), id-djun ta’ min ikun qed jagħmel it-trasferiment ikkawżati minn xi kuntratti ta’ mpjieg jew relazzjonijiet ta’ impjieg u pagabbli qabel it-trasferiment jew qabel il-ftuħ tal-proċedimenti tal-falliment m’għandhomx jiġu trasferiti lil min lilu jsir it-trasferiment, sakemm dawn il-proċedimenti jikkawżaw, taħt il-liġi ta’ dak l-Istat Membru, protezzjoni għall-inqas ekwivalenti għal dik prevista f’sitwazzjonijiet koperti mid-Direttiva tal-Kunsill 80/987/KEE ta’ l‑20 ta’ Ottubru 1980 [dwar it-taqrib tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar il-protezzjoni tal-impjegati f’każ ta’ l-insolvenza ta’ min iħaddimhom] [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 217], u, jew alternattivament, li,

[…]

4.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri approprjati bl-iskop li jipprevjenu l-użu ħażin tal-proċedimenti ta’ falliment b’tali mod li jċaħħdu lill-impjegati mid-drittijiet previsti f’din id-Direttiva.”

8.        L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94 jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jittieħdu l-miżuri meħtieġa għall-protezzjoni ta’ l-interessi ta’ l-impjegati u ta’ persuni li jkunu diġa’ telqu mill-impriża jew negozju ta’ min iħaddem fid-data tal-bidu tal-insolvenza tiegħu fir-rigward tad-drittijiet li jintitolawhom immedjatament jew prospettivament għal benefiċċji tax-xjuħija, inklużi benefiċċji lil min jibqa’ ħaj, taħt skemi pensjonistiċi supplimentari okkupazzjonali jew interokkupazzjonali li ma jkunux parti mill-iskemi statutorji nazzjonali ta’ sigurtà soċjali.”

A.      Id-dritt tal-Istat Membru

9.        L-Artikolu 613a(1) tal-Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili Ġermaniż, iktar ’il quddiem il-“BGB”) huwa intitolat “Drittijiet u obbligi fil-każ ta’ trasferiment ta’ negozju”. Huwa jipprovdi kif ġej fil-punt 1 tiegħu.

“(1)      Fil-każ ta’ trasferiment ta’ negozju jew parti minn negozju lil proprjetarju ieħor permezz ta’ tranżazzjoni legali, dan tal-aħħar jissuċċedi għad-drittijiet u obbligi skont ir-relazzjonijiet ta’ impjieg eżistenti meta jseħħ it-trasferiment. Jekk dawn id-drittijiet u obbligi jkunu rregolati mid-dispożizzjonijiet ta’ ftehim kollettiv jew minn ftehim ta’ impriża, huma jsiru parti mir-relazzjoni ta’ impjieg bejn il-proprjetarju l-ġdid u l-impjegat u ma jistgħux jiġu mibdula b’mod li jkun ta’ żvantaġġ għall-impjegat qabel tmiem is-sena wara d-data ta’ trasferiment. […]”

10.      Skont id-digriet tar-rinviju, minħabba l-Artikolu 613a9(1) tal-BGB, id-dritt Ġermaniż jipprovdi, bħala prinċipju, li jibqgħu jiġu rrikonoxxuti d-drittijiet tal-impjegat ittrasferiti liċ-ċessjonarju fil-każ ta’ trasferiment ta’ negozju kif ukoll il-benefiċċji ta’ pensjoni tax-xjuħija okkupazzjonali. Madankollu, skont il-ġurisprudenza tal-qorti tar-rinviju, mis-sentenza tas‑17 ta’ Jannar 1980 u d-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi dwar l-Insolvenza li jieħdu preċedenza, l-Artikolu 613a(1) ma huwiex applikabbli sa fejn iċ-ċessjonarju tan-negozju ma huwiex responsabbli għall-parti mill-pensjoni okkupazzjonali futura li hija bbażata fuq perijodi ta’ servizz ikkompletati mill-impjegat qabel ma nfetħu l-proċeduri ta’ insolvenza. Dan huwa bbażat fuq il-pinċipju ta’ sodisfazzjon tat-talbiet ugwali tal-kredituri. Meta jinfetħu proċeduri ta’ insolvenza, id-dejn għandu jiġi ssodisfatt biss konformement mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Insolvenzordnung (il-Kodiċi Ġermaniż dwar l-Insolvenza).

11.      L-Artikolu 7(1) tal-Gesetz zur Verbesserung der betrieblichen Altersversorgung (Betriebsrentengesetz – BetrAVG) (il-Liġi dwar it-Titjib tal-Pensjonijiet tax-Xogħol) jipprovdi li d-drittijiet miksuba b’mod definittiv għandhom jiġu rrikonoxxuti minn organu legali ta’ garanzija kontra l-insolvenza, filwaqt li s-sitt sentenza tal-Artikolu 7(2) tipprovdi li l-organu legali ta’ garanzija kontra l-insolvenza ma huwiex obbligat li jieħu inkunsiderazzjoni tibdil fil-bażi ta’ kalkolu ta’ benefiċċji ta’ pensjoni tax-xogħol li jkunu seħħew wara dikjarazzjoni ta’ insolvenza.

12.      L-Artikolu 14 tal-Liġi dwar it-Titjib tal-Pensjonijiet tax-Xogħol, intitolat “Organu ta’ Garanzija kontra l-Insolvenza” jispeċifika li l-organu ta’ garanzija kontra l-insolvenza huwa l-Pensions-Sicherungs-Verein Versicherungsverein auf Gegenseitigkeit, (iktar ’il quddiem il-“PSV”). Skont id-digriet tar-rinviju, l-istess liġi tipprevedi li drittijiet kweżiti, minħabba l-kisba ta’ ċerti għanijiet konnessi, inter alia, mal-perijodi ta’ servizz, huma ggarantiti mill-PSV (ara b’mod partikolari l-Artikolu 1b u l-Artikolu 30f tal-Liġi dwar it-Titjib tal-Pensjonijiet tax-Xogħol).

II.    Il-fatti fil-proċeduri prinċipali u d-domandi preliminari.

 Kawża C674/18, EM vs TMD Friction GmbH

13.      Fil-Kawża C‑674/18, ir-rikorrent, EM, li twieled fl-1980, beda l-impjieg tiegħu ma’ Textar GmbH fl-1996. L-impjegati ta’ Textar GmbH kienu ggarantiti, inter alia, pensjoni tax-xjuħija skont ftehim tal-kunsill tax-xogħlijiet għall-kumpannija kollha. Taħt din l-iskema ta’ pensjoni l-ammont tal-pensjoni tax-xjuħija għal kull sena ta’ servizz hija bejn 0.2 % u 0.55 % tar-remunerazzjoni grossa fix-xahar irċevuta sa data speċifika qabel it-tluq tal-impjegat ikkonċernat mir-relazzjoni ta’ impjieg.

14.      Ir-relazzjoni ta’ impjieg ta’ EM ġiet sussegwentement ittrasferita lil TMD Friction GmbH. Infetħu proċeduri ta’ insolvenza fir-rigward tal-assi ta’ TMD Friction GmbH fl‑1 ta’ Marzu 2009. F’April 2009, in-negozju ta’ TmD Friction GmbH, li kompla anki wara l-ftuħ tal-proċeduri ta’ insolvenza, ġie ttrasferit lill-konvenuta (8) minħabba bejgħ mill-amministratur fallimentari maħtur mill-qorti.

15.      Il-PSV – l-organu ta’ garanzija kontra l-insolvenza maħtur bil-liġi fil-Ġermanja għall-pensjonijiet tax-xjuħija – informat lil EM li, minħabba l-età tiegħu (29 sena) huwa ma kien akkumula ebda drittijiet kweżiti għal pensjoni sad-data ta’ ftuħ tal-proċeduri ta’ insolvenza, u skont id-dritt Ġermaniż huwa ma kienx ser jirċievi benefiċċji mill-PSV mas-seħħ ta’ ċirkustanza li teoretikament tagħti lok għad-dritt għall-benefiċċji (bħall-kisba tal-età tal-irtirar).

16.      Quddiem il-qorti tar-rinviju, EM qal li l-konvenuta kellha tipprovdilu pensjoni tax-xjuħija fil-futur mas-seħħ ta’ ċirkustanza li teoretikament tagħti lok għad-dritt għall-benefiċċji (pereżempju, il-kisba tal-età tal-irtirar), liema ammont kien ikopri wkoll il-perijodi ta’ servizz ikkompletati qabel il-ftuħ tal-proċeduri ta’ insolvenza.

17.      Quddiem il-qorti tar-rinviju TMD Friction GmbH sostniet li, fil-każ ta’ trasferiment ta’ negozju wara l-ftuħ tal-proċeduri ta’ insolvenza fir-rigward tal-assi taċ-ċedent tan-negozju, iċ-ċessjonarju huwa responsabbli biss għall-parti mill-pensjoni tax-xjuħija bbażata fuq is-servizz ikkompletat wara l-ftuħ tal-proċeduri ta’ insolvenza.

18.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju ressqet id-domandi preliminari segwenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

“1      Fil-każ ta’ trasferiment ta’ stabbiliment wara l-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza fir-rigward tal-assi ta’ ċedent taħt id-dritt nazzjonali, li fil-prinċipju jistipula l-applikazzjoni tal-Artikolu 3(1) u (3) tad-[Direttiva 2001/23] ukoll għad-drittijiet tal-ħaddiema għal benefiċċji tax-xjuħija, ta’ invalidità jew tas-superstiti skont l-iskemi komplementari ta’ previdenza professjonali jew interprofessjonali, l-Artikolu 3(4) ta’ din id-direttiva jippermetti restrizzjoni fis-sens li ċ-ċessjonarju ma huwiex responsabbli għal drittijiet li jagħtu intitolament prospettiv ibbażati fuq perijodi ta’ impjieg qabel il-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza?

2      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

Fil-każ ta’ trasferiment ta’ stabbiliment wara l-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza li tirrigwarda l-assi taċ-ċedent, il-miżuri neċessarji sabiex jiġu protetti l-interessi tal-ħaddiema f’dak li jikkonċerna drittijiet li jagħtuhom intitolament immedjat jew prospettiv għal benefiċċji tax-xjuħija skont skemi komplementari ta’ previdenza professjonali jew interprofessjonali, fis-sens tal-Artikolu 3(4)(b) tad-[Direttiva 2001/23] għandhom josservaw il-livell ta’ protezzjoni meħtieġ mill-Artikolu 8 tad-[Direttiva 2008/94]?

3      Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għat-tieni domanda:

L-Artikolu 3(4)(b) tad-[Direttiva 2001/23] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-miżuri neċessarji sabiex jiġu protetti l-interessi tal-ħaddiema f’dak li jikkonċerna drittijiet li jagħtuhom intitolament immedjat jew prospettiv għal benefiċċji tax-xjuħija skont skemi komplementari ta’ previdenza professjonali jew interprofessjonali jkunu ġew adottati meta d-dritt nazzjonali jipprevedi li

–        l-obbligu li jingħata fil-futur lill-ħaddiem ikkonċernat mit-trasferiment ta’ impriża matul il-proċedura ta’ insolvenza benefiċċju tax-xjuħija skont l-iskema komplementari ta’ previdenza professjonali jew interprofessjonali fil-prinċipju huwa ttrasferit liċ-ċessjonarju,

–        iċ-ċessjonarju huwa responsabbli għal drittijiet tal-pensjoni futuri sa fejn dawn huma bbażati fuq perijodi ta’ appartenenza mal-impriża mwettqa wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza,

–        f’dan il-każ, l-organu ta’ garanzija kontra l-insolvenza stabbilit skont id-dritt nazzjonali ma huwiex responsabbli għall-parti tad-drittijiet tal-pensjoni futuri miksuba qabel il-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza u

–        il-ħaddiem jista’ jitlob fil-proċedura ta’ insolvenza taċ-ċedent il-valur tal-parti tad-drittijiet tal-pensjoni futuri tiegħu miksuba qabel il-ftuħ ta’ din il-proċedura?

4      Jekk id-dritt nazzjonali jimponi l-applikazzjoni tal-Artikoli 3 u 4 tad-[Direttiva 2001/23] f’każ ta’ trasferiment ta’ impriża wkoll matul proċedura ta’ insolvenza, l-Artikolu 5(2)(a) ta’ din id-direttiva huwa applikabbli għal drittijiet għal benefiċċji li jagħtu intitolament prospettiv lill-ħaddiema skont skemi komplementari ta’ previdenza professjonali jew interprofessjonali li, għalkemm kienu diġà eżistenti qabel il-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza, madankollu jagħtu dritt għal benefiċċji biss meta jseħħ l-avveniment li jagħti drittijiet għall-benefiċċji, jiġifieri f’mument sussegwenti?

5      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tieni jew għar-raba’ domanda:

Il-livell ta’ protezzjoni minima li għandhom jagħtu l-Istati Membri skont l-Artikolu 8 tad-[Direttiva 2008/94] jinkludi wkoll l-obbligu li jiġu ggarantiti d-drittijiet għal benefiċċji li jagħtu intitolament prospettiv li, konformement mad-dritt nazzjonali, legalment ma kinux għadhom definittivament jagħtu intitolament immedjat waqt il-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza u jsiru hekk biss peress li t-tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol ma hijiex marbuta mal-proċedura ta’ insolvenza?

6      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ħames domanda:

F’liema ċirkustanzi t-telf tal-benefiċċji tal-pensjoni tax-xjuħija skont skema komplementari ta’ previdenza professjonali subit mill-ex ħaddiem minħabba l-insolvenza tal-persuna li timpjega għandu jitqies bħala manifestament sproporzjonat u għalhekk jobbliga lill-Istati Membri li jiżguraw protezzjoni minima kontra tali telf konformement mal-Artikolu 8 tad-[Direttiva 2008/94], minkejja li l-ħaddiem jirċievi tal-inqas nofs il-benefiċċji li jirriżultaw mid-drittijiet tal-irtirar li huwa jkun kiseb?

7      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ħames domanda:

Protezzjoni tad-drittijiet għal benefiċċji li jagħtu intitolament prospettiv lill-ħaddiema, meħtieġa skont l-Artikolu 3(4)(b) jew l-Artikolu 5 tad-[Direttiva 2001/23] (ekwivalenti għal dik prevista fl-Artikolu 8 tad-[Direttiva 2008/94]) tingħata wkoll meta din tirriżulta mhux mid-dritt nazzjonali iżda unikament minn applikazzjoni diretta tal-Artikolu 8 tad-[Direttiva 2008/94]?

8      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għas-seba’ domanda:

L-Artikolu 8 tad-[Direttiva 2008/94] jipproduċi wkoll effett dirett, b’tali mod li ħaddiem wieħed ikun jista’ jinvokah quddiem il-qorti nazzjonali, ukoll meta, minkejja li jirċievi minn tal-inqas nofs il-benefċċji li huwa jkun kiseb mid-drittijiet għall-pensjoni li jirriżultaw tiegħu, it-telf li huwa ssubixxa minħabba l-insolvenza tal-persuna li timpjega għandu madankollu jitqies bħala sproporzjonat?

9      F’każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tmien domanda:

Jekk, fil-qasam ta’ skemi komplementari ta’ previdenza professjonali, l-Istat Membru jindika (b’mod vinkolanti għall-persuni li jimpjegaw) entità rregolata mid-dritt privat bħala organu ta’ garanzija kontra r-riskju ta’ insolvenza, u dan l-organu jkun suġġett għall-kontroll prudenzjali eżerċitat mill-awtorità pubblika ta’ kontroll tas-servizzi finanzjarji li, minbarra dan, hija tieħu mingħand persuni li jimpjegaw skont modalitajiet irregolati mid-dritt pubbliku, il-kontribuzzjonijiet obbligatorji neċessarji għall-garanzija kontra r-riskju ta’ insolvenza u, bħal fil-każ ta’ awtorità pubblika, hija tista’ toħloq il-kundizzjonijiet ta’ eżekuzzjoni forzata permezz ta’ att amministrattiv, din l-entità rregolata mid-dritt privat hija awtorità pubblika tal-Istat Membru?”

 Kawża C675/18, FL vs TMD Friction EsCo GmbH

19.      Skont id-digriet tar-rinviju, il-każ ta’ FL huwa differenti minn dak ta’ EM biss sa fejn li d-dritt tiegħu għal pensjoni kien ġie kweżit mal-ftuħ tal-proċeduri ta’ insolvenza.

20.      FL twieled fl-1950 u beda l-impjieg tiegħu ma’ Textar GbH fl-1968. Ftehim tal-kunsill tax-xogħlijiet għall-kumpannija kollha ggarantixxa lill-impjegati, inter alia, pensjoni tax-xjuħija. Konformement mal-iskema komplementari, l-ammont tal-pensjoni tax-xjuħija għal kull sena ta’ servizz hija ta’ 0.5 % tar-remunerazzjoni grossa fix-xahar irċevuta mill-impjegat sad-data speċifika qabel it-tluq tiegħu mir-relazzjoni ta’ impjieg.

21.      Ir-relazzjoni ta’ impjieg ta’ FL ġiet sussegwentement ittrasferita lil TMD Friction GmbH. Fl‑1 ta’ Marzu 2009 nfetħu proċeduri ta’ insolvenza fuq l-assi ta’ TMD Friction GmbH. Fit‑22 ta’ April 2009, in-negozju ta’ TMD Friction GmbH, li kompla wara li nfetħu l-proċeduri ta’ insolvenza, ġie ttrasferit lil TMD Friction EsCo GmbH minħabba bejgħ mill-amministratur fallimentarju maħtur mill-qorti.

22.      Sa mill‑1 ta’ Awwissu 2015, mal-irtirar, FL irċieva pensjoni tax-xjuħija ta’ EUR 145.03 fix-xahar minn TMD Friction EsCo GmbH fuq il-bażi tal-iskema tal-pensjoni.

23.      Sa mill‑1 ta’ Awwissu 2015, FL irċieva wkoll pensjoni tax-xjuħija ta’ EUR 816.99 fix-xahar mill-PSV. Taħt id-dritt Ġermaniż, il-PSV ikkalkolat dan fuq ir-remunerazzjoni grossa fix-xahar tar-rikorrenti fid-data tal-ftuħ tal-proċeduri ta’ insolvenza (l-1 ta’ Marzu 2009).

24.      Quddiem il-qorti tar-rinviju, FL sostna li TMD Friction EsCo GmbH għandha tħallsu pensjoni tax-xogħol ogħla, waħda li hija bbażata pjuttost fuq l-iskema komplementari tal-paga finali applikabbli għalih – irriżultat pensjoni tax-xjuħija okkupazzjonali ta’ EUR 1 115.50 kull xahar wara 45 sena eliġibbli ma’ TMD Friction EsCo GmbH jew il-predeċessuri legali tagħha u remunerazzjoni grossa fix-xahar ta’ EUR 4 940.00 rilevanti qabel it-tluq mir-relazzjoni tal-impjieg. Minn dan TMD Friction EsCo GmbH għandha tnaqqas biss il-benefiċċju ta’ EUR 816.99 pprovduti mill-PSV, u għandha tagħtih pensjoni ta’ EUR 149.48 ogħla fix-xahar (9).

25.      TMD Friction EsCo GmbH sostniet li meta impriża tiġi ttrasferita wara li jinfetħu proċeduri ta’ insolvenza fir-rigward taċ-ċedent, iċ-ċessjonarju jkun responsabbli biss għall-parti mill-pensjoni tax-xjuħija bbażata fuq is-servizz ikkompletat wara dan il-ftuħ.

26.      Għaldaqstant il-qorti tar-rinviju tirreferi l-istess domandi preliminari bħal dawk li jidhru fil-punt 18 iktar ’il fuq, ħlief għall-fatt li tissostitwixxi d-domandi 3, 5, u 6 fil-punt 18 iktar ’il fuq bis-segwenti.

“3      Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għat-tieni domanda:

L-Artikolu 3(4)(b) tad-[Direttiva 2001/23] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-miżuri neċessarji sabiex jiġu protetti l-interessi tal-ħaddiema f’dak li jikkonċerna drittijiet li jagħtuhom intitolament immedjat jew prospettiv għal benefiċċji tax-xjuħija skont skemi komplementari ta’ previdenza professjonali jew interprofessjonali jkunu ġew adottati meta d-dritt nazzjonali jipprevedi li

–        l-obbligu li jingħata fil-futur lill-ħaddiem ikkonċernat mit-trasferiment ta’ impriża matul il-proċedura ta’ insolvenza benefiċċju tax-xjuħija skont l-iskema komplementari ta’ previdenza professjonali jew interprofessjonali fil-prinċipju huwa ttrasferit liċ-ċessjonarju,

–        iċ-ċessjonarju huwa responsabbli għad-drittijiet li jagħtu intitolament prospettiv li l-ammont tagħhom huwa stabbilit b’mod partikolari skont it-tul ta’ appartenenza fl-impriża u skont ir-remunerazzjoni fil-mument meta jseħħ l-avveniment li jagħti dritt għal benefiċċji sa fejn dawn huma bbażati fuq perijodi ta’ appartenenza f’impriża mwettqa wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza,

–        f’dan il-każ, l-organu ta’ garanzija kontra l-insolvenza stabbilit skont id-dritt nazzjonali għandu jintervjeni għall-parti tad-drittijiet futuri miksuba qabel il-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza sa fejn l-ammont tagħhom huwa kkalkolat skont ir-remunerazzjoni rċevuta mill-ħaddiem fil-mument tal-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza, u

–        la ċ-ċessjonarju u lanqas l-organu ta’ garanzija kontra l-insolvenza ma huma responsabbli għaż-żieda fid-drittijiet li jagħtu intitolament prospettiv għal benefiċċji dovuta għal żidiet fir-remunerazzjoni li jseħħu wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza iżda jikkonċernaw perijodi ta’ attività mwettqa qabel id-data ta’ ftuħ ta’ din il-proċedura,

–        iżda l-ħaddiem jista’ jitlob din id-differenza ta’ valur ta’ dawn id-drittijiet li jagħtu intitolament prospettiv fil-proċedura ta’ insolvenza taċ-ċedent?

[…]

5      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tieni jew għar-raba’ domanda:

Il-livell ta’ protezzjoni minima li l-Istati Membri għandhom jagħtu skont l-Artikolu 8 tad-[Direttiva 2008/94] jinkludi wkoll il-parti tad-drittijiet għal benefiċċji li jagħtu intitolament prospettiv akkumulati sal-mument tal-ftuħ tal-proċeduri ta’ insolvenza li jinħolqu biss peress li t-tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol ma hijiex marbuta mal-proċedura ta’ insolvenza?

6      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ħames domanda:

F’liema ċirkustanzi t-telf tal-benefiċċji tal-pensjoni tax-xjuħija skont skema komplementari ta’ previdenza professjonali subit mill-ex ħaddiem minħabba l-insolvenza tal-persuna li timpjega għandu jitqies bħala manifestament sproporzjonat u għalhekk jobbliga lill-Istati Membri li jiżguraw protezzjoni minima kontra tali telf konformement mal-Artikolu 8 tad-[Direttiva 2008/94], minkejja li l-ex ħaddiem jirċievi tal-inqas nofs il-benefiċċji li jirriżultaw mid-drittijiet tal-irtirar li huwa jkun kiseb?”

27.      Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja minn EM, FL, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Kummissjoni Ewropea. Kollha pparteċipaw fis-seduta tat‑12 ta’ Diċembru 2019, flimkien ma’ TMD Friction GmbH u TMD Friction EsCo GmbH (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, il-“konvenuti”).

III. Evalwazzjoni

A.      Approċċ

28.      Ser nindirizza tliet kwistjonijiet bħala mod kif nistabbilixxi l-approċċ tiegħi għas-soluzzjoni tal-kwistjoni legali mqajma fil-kawżi prinċipali.

1.      In-natura orizzontali tal-kawżi prinċipali

29.      L-ewwel nett, id-domandi 8 u 9 huma inammissibbli. Il-kawżi prinċipali jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-Direttivi tal-Unjoni msemmija iktar ’il fuq f’azzjoni bejn partijiet privati, sabiex l-effett dirett, jew xorta oħra, ta’ dawn id-direttivi ma tista’ tkun ta’ ebda rilevanza deċiżiva (10). Minkejja dan, id-domandi 8 u 9 jirrigwardaw l-obbligi diretti li jirriżultaw mid-Direttiva 2008/94, bid-domanda 9 tirreferi għall-PSV billi tagħmel deskrizzjoni tagħha (11).

30.      Madankollu, il-PSV ma huwiex parti fil-proċeduri, u d-domandi 8 u 9, li r-risposti għalihom ikollhom impatt fuq l-interessi tiegħu, imorru lil hinn mis-sempliċi riperkussjonijiet avversi għal terzi (12), hekk kif inhu permess taħt il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (13). Għalhekk, li kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tirrispondi d-domandi 8 u 9 fir-rigward tal-effett dirett, liema domandi kienu fis-sustanza tagħhom suġġetti għal rinviju għal deċiżjoni preliminari u li fir-rigward tagħhom ingħatat risposta fid‑19 ta’ Diċembru 2019, fis-sentenza Pensions-Sicherungs-Verein (14) imsemmija iktar ’il fuq allura inevitabbilment jirriżulta ksur tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet tad-drittijiet tad-difiża skont l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (15). Peress li PSV ma huwiex konvenut, il-kwistjoni hija wkoll waħda ipotetika.

31.      Għalhekk, il-garanzija minima mogħtija mill-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94 (16) tista’ tkun rilevanti għall-proċeduri prinċipali biss sa fejn din id-dispożizzjoni tkun konnessa mal-konsegwenzi legali li jirriżultaw għall-konvenuti, pereżempju, fid-dawl tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2001/23 (17).

32.      Peress li l-proċeduri prinċipali jikkonċernaw azzjoni orizzontali bejn żewġ partijiet privati, il-qorti tar-rinviju għandha tikkunsidra r-regoli kollha tad-dritt nazzjonali u tapplika metodi ta’ interpretazzjoni li huma rrikonoxxuti minn dawk ir-regoli sabiex dawn jiġu interpretati, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tal-formulazzjoni u tal-għan tad-direttivi kkonċernati sabiex jintlaħaq ir-riżultat li d-direttiva tixtieq tikseb, u konsegwentement sabiex ikun hemm konformità mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFEU (18).

2.      Ebda interpretazzjoni tad-dritt tal-Istat Membru

33.      It-tieni nett, minkejja l-utilità, għal skopijiet ta’ sfond, tal-informazzjoni pprovduta lill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tad-dispożizzjonijiet Ġermaniżi dwar l-insolvenza u d-dritt tal-pensjoni, infakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta dispożizzjonijiet nazzjonali jew tiddeċiedi jekk l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet mill-awtoritarjiet tal-Istat Membru hijiex korretta (19). Għalhekk, dawn il-konklużjonijiet huma limitati għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttivi 2001/23 u 2008/94 u ma humiex ser jidħlu f’riflessjonijiet dwar it-tifsira ta’ kunċetti tad-dritt Ġermaniż.

3.      Prijoritajiet ewlenin tal-qorti tar-rinviju u r-riformulazzjoni tad-domandi

34.      It-tielet nett, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju ser nidentifika dak li nipperċepixxi bħala l-prijoritajiet ewlenin li jinsabu fid-domandi preliminari u nirriformulhom.

35.      Dawn jidhru li jinqasmu fi tliet partijiet: (1) li jiġi ddeterminat jekk il-proċeduri prinċipali humiex irregolati mill-Artikoli 3 u 5 tad-Direttiva 2001/23 jew mit-tnejn; (2) ladarba identifikat, jekk, f’dawn iċ-ċirkustanzi, id-dispożizzjoni rilevanti, interpretata korrettament, titrasferixxix responsabbiltà għall-benefiċċji mitluba minn EM u FL liċ-ċessjonarji konvenuti; u (3) ir-rwol tal-Artiklu 8 tad-Direttiva 2008/94 f’dan l-eżerċizzju.

36.      Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ talba għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tipprovdi lill-qrati nazzjonali bil-gwida kollha li tqis li hija neċessarja sabiex issolvi t-tilwima fil-kawża prinċipali, iżda huma l-qrati nazzjonali waħedhom li huma intitolati jiddeterminaw jekk il-kundizzjonijiet fattwali li jwasslu għall-applikazzjoni ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni humiex issodisfatti fil-każ pendenti quddiem il-qrati nazzjonali u jistabbilixxu l-konsegwenzi għas-sentenza li dawn il-qrati għandhom jagħtu (20).

37.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja reġgħet tenniet, fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikoli 3 u 5 tad-Direttiva 2001/23, li, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja jaf ikollha tirriformula d-domandi preliminari magħmula (21).

38.      Għalhekk, nipproponi li l-ewwel erba’ domandi jiġu annullati peress li huma bbażati fuq il-prijorità tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/23 fuq l-Artikolu 5 tagħha, li la huwa sostnut fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u lanqas fid-Direttiva 2001/23 innifisha. Fid-dawl ta’ l-ewwel mit-tliet għanijiet imsemmija iktar ’il fuq (punt 35), l-ewwel domanda tista’ tiġi fformulata b’dan il-mod.

“(1)      Meta d-dritt tal-Istati Membri jillimita l-benefiċċji tal-irtirar addizzjonali ta’ impjegati li għalihom huwa responsabbli ċessjonarju ta’ impriża, minħabba l-insolvenza taċ-ċedent, id-drittijiet tal-impjegati kkonċernati fir-rigward taċ-ċessjonarji huma rregolati primarjament mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/23 jew mill-Artikolu 3 tagħha, jew minn dawn iż-żewġ disposizzjonijiet?”

39.      L-identifikazzjoni tad-dispożizzjoni rilevanti, u kwalunwe ġerarkija bejniethom, hija eżerċizzju kwalitattivament differenti mid-determinazzjoni dwar jekk il-problema li tqum fil-każ individwali taqax taħt il-portata ratione materiae tagħhom.

40.      Bħalma ġie spjegat fid-dettall hawn taħt (punti 44 sa 59) wasalt għall-konklużjoni li, jekk il-proċeduri ta’ insolvenza inkwistjoni jaqgħu barra mill-portata ratione materiae tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/23, dispożizzjonijiet oħra inklużi f’din id-direttiva, bħall-Artikolu 3(4), ma jistgħux jiġu interpretati b’mod li jinkludu l-proċeduri ta’ insolvenza, peress li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/23 huwa lex specialis.

41.      Għaldaqstant nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi domanda ulterjuri fformulata bħas-segwenti:

“(2)      Il-proċeduri ta’ insolvenza inkwistjoni fil-kawżi prinċipali jaqgħu taħt il-portata ratione materiae tal-Artikolu 5(1) jew (2) tad-Direttiva 2001/23?”

42.      Kif ġie spjegat hawn taħt (ara punti 61 sa 79) ikkonkludejt li l-kawża prinċipali taqa’ taħt il-portata ratione materiae tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2001/23. Madankollu, it-tielet domanda hija meħtieġa sabiex jinkiseb it-tieni mill-objettivi identifikati fil-punt 35 iktar ’il fuq. Fir-rigward tal-fatti li tqajmu fil-kawża prinċipali, is-subparagrafi tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2001/23 jorbtu lill-konvenuti sabiex jiggarantixxu l-benefiċċji ta’ rtirar mitluba minn EM u FL? Għal dan il-għan, tista’ ssir it-tielet domanda:

“(3)      Fiċ-ċirkostanzi tal-kawżi prinċipali, l-Artikolu 5(2)(a) jew (b) tad-Direttiva 2001/23 jippermetti restrizzjoni taħt id-dritt tal-Istati Membri b’tali mod li ċessjonarju ma jkunx responsabbli għall-benefiċċji tal-irtirar ibbażati fuq perjodi ta’ servizz ikkompletati qabel il-ftuħ ta’ proċeduri ta’ insolvenza?”

43.      Finalment, kif rifless fid-domandi 5 sa 7, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf iktar dwar l-impatt tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94 fuq l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2001/23. Għaldaqstant nipproponi d-domanda finali li ġejja:

“(4)      Fiċ-ċirkostanzi tal-kawżi prinċipali, xi rwol għandu jkollu l-Artikolu 8 tad-Direttiva 80/987 meta impjegat ittrasferit ifittex jimputa l-obliggi fir-rigward tal-benefiċċji tal-irtirar lil ċessjonarju meta ċ-ċedent ikun suġġett għal proċeduri ta’ insolvenza, b’mod partikolari fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità?”

B.      Risposti għad-domandi hekk kif ġew irriformulati

1.      Domanda 1

44.      Għandha tingħata risposta għad-domanda 1, hekk kif ġiet irriformulata, fis-sens li meta d-dritt ta’ Stat Membru jillimita l-benefiċċji tal-irtirar addizzjonali tal-impjegati li għalihom huwa responsabbli ċ-ċessjonarju ta’ impriża, minħabba l-insolvenza taċ-ċedent, taħt id-dritt tal-Unjoni id-drittijiet ta’ tali impjegati fir-rigward taċ-ċessjonarji huma rregolati, fl-ewwel lok, mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/23.

45.      Mill-proċess jidher li l-insolvenza hija l-prerekwiżit tat-taffija tat-trasferiment tad-drittijiet tal-pensjoni tal-impjegati introdotti fil-ġurisprudenza tal-qorti tar-rinviju sa mis‑17 ta’ Jannar 1980 u li jifforma l-bażi tat-tħassib tagħha. Kif ġie indikat fl-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni, il-ftuħ tal-proċeduri ta’ insolvenza ta lok għat-telf tad-drittijiet tal-impjegati rikorrenti.

46.      Huwa tajjeb li jiġi enfasizzat li l-protezzjoni mogħtija mid-Direttiva 2001/23 tinkludi d-drittijiet kollha tal-impjegati, sakem huma ma jkunux koperti minn eċċezzjoni espressament prevista mid-Direttiva nnifisha (22). Bħala prinċipju, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/23 jobbliga liċ-ċessjonarju jieħu inkunsiderazzjoni l-perijodu sħiħ tal-impjieg fil-kalkolu tad-drittijiet ta’ natura finanzjarja (23). Huma biss l-eċċezzjonijiet li jaqgħu fi ħdan dawk previsti mid-Direttiva 2001/23 li huma permissibbli, u eċċezzjonijiet għandhom jiġu interpretati b’mod strett, peress li jinnegaw l-għan prinċipali tad-Direttiva 2001/23: il-protezzjoni tal-impjegati fir-rigward ta’ ċerti trasferimenti ta’ impriżi (24).

47.      Jidher li l-ewwel erba’ domandi huma bbażati fuq fehma żbaljata fir-rigward tal-istruttura tad-Direttiva 2001/23 inkwantu huma bbażati fuq l-assunzjoni li l-ġurisprudenza tal-qorti tar-rinviju li tmur lura għas‑17 ta’ Jannar 1980, li teskludi l-perijodi ta’ impjieg ta’ qabel l-insolvenza mill-obbligi taċ-ċessjonarju fir-rigward tal-pensjoni tax-xogħol li għandha tingħata lil impjegati ttrasferiti, taqa’ fl-ambitu tad-diskrezzjoni tal-Istat Membru inerenti fil-kliem “Sakemm l-Istati Membri ma jipprovdux xort’oħra” fl-Artikolu 4(a) tad-Direttiva 2001/23, jew li jistgħu jkunu suġġetti għall-osservanza tal-Artikolu 3(4)(b) ta’ din id-direttiva.

48.      Pjuttost, hekk kif argumentat il-Ġermanja fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li ġiet sostnuta minn EM u FL, l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/23 huwa lex specialis (25), li jirregola, u esklużivament, il-punt sa fejn l-Istati Membri jistgħu jeskludu impjegati ttrasferiti mingħand ċedenti insolventi mill-protezzjoni tal-Artikoli 3 u 4.

49.      L-ewwel nett, dan jirriżulta inevitabbilment mill-formulazzjoni tal-Artikolu 5. Ir-relazzjoni tiegħu mal-Artikoli 3 u 4 hija limitata sabiex tipprovdi diskrezzjoni f’idejn l-Istati Membri sabiex jestendu l-protezzjoni mogħtija mill-Artikoli 3 u 4 “għal kull trasferiment ta’ impriża […] meta min ikun qed jagħmel it-trasferiment huwa s-suġġett ta’ proċedimenti ta’ falliment jew ta’ xi proċedimenti analogi ta’ falliment li kienu istitwiti bl-iskop tal-likwidazzjoni ta’ l-assi ta’ min qed jagħmel it-trasferiment u huma taħt is-superviżjoni ta’ awtorità pubblika kompetenti” (Artikolu 5(1)). Riferiment iġġeneralizzat għall-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 2001/23 jirriżulta wkoll fl-Artikolu 5(2), u l-iskop ulterjuri għal-limitazzjoni tal-protezzjoni mogħtija mill-Artikoli 3 u 4 fir-rigward tat-“trasferiment waqt proċedimenti ta’ falliment li nfetħu għar-rigward ta’ min jagħmel it-trasferiment (kemm jekk dawk il-proċedimenti jkunu nbdew bl-iskop tal-likwidazzjoni ta’ l-assi ta’ min ikun qed jagħmel it-trasferiment kemm jekk le) u sakemm dawn il-proċedimenti jkunu taħt is-superviżjoni ta’ awtorità pubblika kompetenti.” (Artikolu 5(2)(a)).

50.      Barra minn hekk, kif argumenta r-rappreżentant ta’ EM waqt is-seduta, l-Artikolu 5, għandu jiġi interpretat b’tali mod li jiskoraġġixxi rikors abbużiv għal proċeduri ta’ insolvenza, peress li Stati Membri huma marbuta li jieħdu miżuri sabiex jipprevjenu tali abbuż bis-saħħa tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2001/23. Interpretazzjoni tad-Direttiva b’tali mod li tippermetti lil Stati Membri diskrezzjoni sabiex itaffu d-drittijiet tal-impjegati fil-kuntest ta’ (tipi ta’) proċeduri ta’ insolvenza li jaqgħu barra mill-Artikolu 5 tad-Direttiva, b’riferiment għal dispożizzjoni oħra tad-Direttiva 2001/23, bħall-Artikolu 3(4), tkun inkonsistenti ma’ dan l-għan (26). Din tkun tmur ukoll kontra l-istruttura tad-Direttiva 2001/23.

51.      Konsegwentement, ma hemm xejn la fl-istruttura, li tista’ wkoll tiġi msejħa l-kuntest intern tagħha (27), jew fil-formulazzjoni tad-Direttiva 2001/23 li jissuġġerixxi li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/23, huwa suġġett jew ġeneralment għall-Artikolu 3, jew għar-regoli li jinsabu fl-Artikolu 3(4) dwar il-pensjonijiet tax-xjuħija skont l-iskemi tal-pensjoni tal-kumpanniji jew ta’ bejn il-kumpanniji. L-Artikolu 5(2)(a) biss hija suġġetta għal dispożizzjoni oħra tad-dritt tal-Unjoni, li hija d-Direttiva 80/987, li ppreċediet Direttiva 2008/94 (28). Fil-fatt, kif indikat fl-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ EM, ir-riferiment għad-Direttiva 2008/94, (fil-forma tal-predeċessur tagħha, id-Direttiva 80/987) l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/23 isaħħaħ ulterjorment l-istatus tagħha bħala lex specialis.

52.      Il-premessa 7 tad-Direttiva 2001/23 tirrifletti l-għan li tinħoloq faċilità espressa sabiex tiġi akkomodata d-diskrezzjoni tal-Istati Membri f’qasam speċifiku. Hija tiddikjara, inter alia li d-Direttiva tal-Kunsill 77/187/KEE tal‑14 ta’ Frar 1977 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji (29)ġiet emendata “fid-dawl ta’ […] tendenzi leġislattivi ta’ l-Istati Membri għar-rigward tas-salvataġġ ta’ l-impriżi f’diffikultajiet ekonomiċi”.

53.      L-approċċ li qiegħed nippromwovi huwa ulterjorment sostnut mill-istorja leġiżlattiva tad-Direttiva 2001/23.

54.      L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/23 sar parti minn din id-direttiva b’riżultat ta’ emenda tad-Direttiva 77/187 permezz tal-Artikolu 4a tad-Direttiva tal-Kunsill 98/50/KE tad‑29 ta’ Ġunju 1998 li temenda d-Direttiva 77/187 (30).

55.      L-introduzzjoni ta’ regoli speċjali fir-rigward tal-insolvenza hija riflessa fil-premesa 7 tad-Direttiva 98/50 (31). Din tiddikjara li “bil-għan li tiġi żgurata s-sopravivenza ta’ impriżi insolventi, l-Istati Membri għandhom jiġu espressament permessi ma japplikawx l-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 77/187/KEE għal trasferimenti mwettqa fil-qafas tal-proċedimenti ta’ stralċ, u ċerti derogi mid-dispożizzjonijiet ġenerali tad-Direttiva jistgħu jiġu permessi fil-każ ta’ trasferimenti mwettqa fil-kuntest tal-proċeduri ta’ insolvenza.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (Enfasi miżjuda minni).

56.      Barra minn hekk, il-premessa 3 tad-Direttiva 98/50 tiddikjara li l-għan tagħha kienet li temenda d-Direttiva 77/187 “fid-dawl”, inter alia “tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja” (32). [traduzzjoni mhux uffiċjali] Hekk kif ġie spjegat reċentement f’dettal ammirabbli mill-Avukat Ġenerali Szpunar (33), din il-ġurisprudenza stabbilixxiet eċċezzjoni għas-salvagwardji pprovduti fid-Direttiva 77/187, inizjalment iġġustifikata bin-natura speċifika tal-liġi dwar l-insolvenza (34).

57.      Il-proposta tal-Kummissjoni li fuqha ġiet ibbażata d-Direttiva 98/50 (35) ipprovdiet ukoll li “bil-għan li tiġi żgurata is-sopravivenza ta’ impriżi insolventi, l-Istati Membru għandhom jiġu espressament permessi li ma japplikawx l-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva fir-rigward ta’ trasferimenti mwettqa fil-qafas ta’ proċeduri ta’ insolvenza, u ċerti derogi mid-dispożizzjonijiet ġenerali tad-Direttiva għandhom ikunu permessi fil-każ ta’ trasferimenti mwettqa fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ insolvenza qabel il-proċeduri ta’ stralċ” [traduzzjoni mhux uffiċjali], filwaqt li l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali kienet tgħid li “d-dispożizzjonijiet il-ġodda tal-proposta dwar sitwazzjonijiet ta’ insolvenza huma tentattiv milqugħ sabiex jiġi introdott element ta’ flessibbiltà” (36). [traduzzjoni mhux uffiċjali]

58.      Fil-qosor, ma hemm xejn fl-istorja leġiżlattiva tad-Direttiva 2001/23 li tissuġġerixxi li l-flessibbiltà li għandha tingħata lill-Istati Membri fir-rigward tat-trasferiment ta’ impriżi insolventi kienet li tiġi ssuġġettata għar-regoli ġenerali diġà eżistenti dwar il-benefiċċji elenkati fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2001/23. Dawn jinkludu l-benefiċċji tax-xjuħija skont l-iskemi addizzjonali tal-kumpannija jew ta’ bejn il-kumpanniji, il-kategorija li tirriżulta fil-kawża prinċipali. Inżid li hija sempliċement kontra l-loġika legali li din l-istess sitwazzjoni tista’ tiġi rregolata minn żewġ dispożizzjonijiet differenti bħall-Artikoli 3 u 5 tad-Direttiva 2001/23.

59.      Huwa għal dawn ir-raġunijiet li qiegħed nipproponi r-risposta għad-domanda 1 kif irriformulata li tidher fil-punt 44 iktar ’il fuq.

2.      Domanda 2

60.      Għandha tingħata risposta għad-domanda 2 fis-sens li l-proċeduri ta’ insolvenza deskritti fid-digriet tar-rinviju taqa’ barra mill-portata ratione materiae tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/23, iżda fi ħdan il-portata ratione materiae tal-Artikolu 5(2)(a) tal-istess direttiva.

a)      Ir-risposta għad-domanda fir-rigward tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/23

61.      Il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja tiddetta risposta fin-negattiv għal din id-domanda fir-rigward tal-Artikolu 5(1), partikolarment fid-dawl tal-fatt li l-ġurisprudenza li tippreċedi l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/23 hija essenzjali sabiex tiġi ddeterminata t-tifsira tal-Artikolu 5(1) (37). Skont din il-ġurisprudenza, il-kriterju deċiżiv sabiex jiġi determinat jekk proċeduri ta’ insolvenza jikkostitwixxux “proċedimenti ta’ falliment jew […] xi proċedimenti analogi ta’ falliment li kienu istitwiti bl-iskop tal-likwidazzjoni ta’ l-assi ta’ min qed jagħmel it-trasferiment u huma taħt is-superviżjoni ta’ awtorità pubblika kompetenti” kienu l-“modalitajiet” ta’ dik il-proċedura u l-“għan tagħha (38).

62.      Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li, sabiex trasferiment ta’ impriża jkun kopert bl-eċċezzjoni li tinsab fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/23, għandhom jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet kumulattivi. B’mod speċifiku, li ċ-ċedent ikun suġġett għal proċeduri ta’ insolvenza jew proċeduri simili, li dawn il-proċeduri jkunu tressqu bil-għan li jiġu stralċati l-assi taċ-ċedent u li dawn ikunu taħt il-kontroll ta’ awtorità pubblika kompetenti (39). Fuq il-bażi tal-proċess, hija biss it-tieni kundizzjoni li ma ġietx issodisfatta fil-proċeduri prinċipali. Din tikkonċerna l-għan tal-istralċ.

63.      Ir-rappreżentant tal-konvenuti enfasizza waqt is-seduta li t-trasferiment inkwistjoni fil-kawża prinċipali salva l-impjiegi u n-negozju seta’ jkompli u jirnexxi. L-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Ġermanja jgħidu li l-għan tad-dritt Ġermaniż, kif jinsab preżentement, huwa li jżomm l-impjegati fl-impjieg, u ġie sostnut ulterjorment waqt is-seduta li l-limitazzjoni tar-responsabbiltajiet taċ-ċessjonarji ta’ impriżi insolventi fir-rigward tal-pensjonijiet tirrendi l-akkwist tal-impriża ttrasferita iktar attraenti. B’dan il-mod il-prezz tal-impriża jkun ogħla. Dawn il-fatturi jidhru wkoll fid-digriet tar-rinviju.

64.      Madankollu, kif ġie indikat fl-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ EM, huwa preċiżament dan it-tip ta’ għan li ġie prekluż fil-ġurisprudenza li tikkonċerna l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/23. Ir-rekwiżit li l-proċeduri tressqu għall-iskop ta’ stralċ ma ġiex issodisfatt fil-każ ta’ proċeduri intiżi sabiex tiġi żgurata t-tkomplija tal-attività tal-impriża kkonċernata (40). Dan japplika irrispettivament mill-isem attribwit lill-proċeduri inkwistjoni taħt id-dritt tal-Istat Membru. Fil-fatt, fil-kawża Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (41) l-argumenti mressqa mill-Gvern Taljan li jiġġustifikaw in-nuqqas tiegħu li jimplimenta d-Direttiva 2001/23 fir-rigward ta’ impriżi f’“diffikultà kritika” fuq il-bażi li, inkella “min lilu jsir it-trasferiment [ċessjonarju] jista’ jiġi dissważ milli jakkwista l-impriża jekk huwa jkollu jżomm il-persunal żejjed tal-impriża ttrasferita”(42) ma ġewx aċċettati mill-Qorti tal-Ġustizzja.

65.      Ma narax kif tista’ titqies il-proċedura inkwistjoni fil-kawża prinċipali jekk mhux bħala waħda intiża li tippreżerva l-karattru operattiv tal-impriża jew tal-unitajiet vijabbli tagħha (43), pjuttost milli waħda li tiffoka fuq l-istralċ tal-assi mmirata sabiex timmassimizza s-sodisfazzjon tat-talbiet kollettivi tal-kredituri (44). Dan hu li huwa meħtieġ taħt il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja qabel ma proċedura ta’ insolvenza tkun tista’ taqa’ taħt l-eċċezzjoni li tinsab fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/23.

66.      L-iktar notevoli huwa l-fatt li l-proċedura seħħet f’perijodu ta’ erba’ xhur biss. L-impriża ġiet ittrasferita minn sussidjarju tal-grupp TMD għal ieħor f’dan il-perijodu ta’ żmien, fejn l-impriża ġiet salvata bħala negozju attiv. Huwa paċifiku li l-impriża kompliet tinnegozja billi użat l-istess indirizz; u kemm iċ-ċedent kif ukoll iċ-ċessjonarju kienu marbuta bl-istess ftehim kollettiv. Ma jidher li ħarġet ebda ordni minn xi awtorità sabiex ikun hemm il-likwidazzjoni tal-assi.

67.      Fi kwalunkwe każ, għalkemm proċeduri ta’ insolvenza jintużaw frekwentement bl-iskop ta’ ristrutturar, din ma hijiex intiża għall-istralċ ta’ impriża (45). Hija ġurisprudenza stabbilita sew li l-proċeduri intiżi sabiex jippromwovu t-tkomplija ta’ negozju bl-iskop ta’ rkupru sussegwenti taqa’ barra mill-portata ratione materiae tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/23 (46). Dan huwa l-każ fil-kawża prinċipali.

68.      Li kieku dan kien it-tmiem tal-analiżi meħtieġa, ma kontx naħsibha biex nagħti parir lill-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi fis-sens li l-benefiċċji ta’ pensjoni ta’ EM u FL għandhom jiġu ggarantiti mill-konvenuti bħallikieku l-proċeduri ta’ insolvenza qatt ma seħħew. Madankollu d-diskrezzjoni mogħtija lill-Istati Membri mill-Artikolu 5(2)(a) għandha wkoll tittieħed inkunsiderazzjoni, kif ukoll il-kwistjoni dwar fejn f’dan ir-rigward għandha tidħol il-ġurisprudenza tal-qorti tar-rinviju li tmur lura għas‑17 ta’ Jannar 1980.

b)      Ir-risposta għad-domanda fir-rigward tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2001/23

69.      L-ewwel nett, ninnota li l-Artikolu 5(2)(b) huwa irrilevanti għal dan l-eżerċizzju peress jidher li ma hemmx ftehim fil-kawża prinċipali sabiex isiru tibdiliet “għat-termini u l-kundizzjonijiet ta’ l-impjieg ta’ l-impjegati ddisinjati għas-salvagwardja ta’ l-opportunitajiet ta’ l-impjieg billi jiżguraw is-soppravivenza ta’ l-impriża, in-negozju jew parti mill-impriża jew min-negozju”.

70.      Sussegwentement, l-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2001/23 sa issa kien is-suġġett ta’ ferm inqas analiżi mill-Qorti tal-Ġustizzja milli l-Artikolu 5(1) (47). Għaldaqstant il-gwida tiegħi sabiex tiġi ddeterminata t-tifsira tiegħu ser tkun il-ġurisprudenza (limitata) sa issa, u l-formulazzjoni, il-kuntest u l-għanijiet tad-dispożizzjoni (48).

71.      Il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li “l-premessa bażika” sottostanti għall-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2001/23, “hija l-applikazzjoni tal-Artikoli 3 u 4” (49). Dan huwa konsistenti mar-regola stabbilita sew li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/23 li jipprovdu eċċezzjonijiet għad-drittijiet u obbligi li jorbtu liċ-ċessjonarju għandhom jiġu interpretati b’mod strett (50).

72.      Kemm il-formulazzjoni kif ukoll it-travaux préparatoires għall-Artikolu 5(2)(a) juru li, dan ġie inkluż sabiex jagħti lill-Istati Membri d-diskrezzjoni li jillimitaw id-drittijiet u l-obbligi ttrasferiti minn ċedent b’mod partikolari meta l-proċeduri ma jinfetħux bl-iskop tal-likwidazzjoni tal-assi taċ-ċedent.

73.      Sa fejn it-travaux préparatoires huma kkonċernati, nirreferi għall-materjal fil-punti 55 u 57 iktar ’il fuq. L-Istati Membri kellhom jitħallew biss “ċerti derogi” sabiex jiżguraw is-sopravivenza tal-impriżi insolventi.

74.      Il-formulazzjoni li biha jibda l-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2001/23 tgħid meta “l-Artikoli 3 u 4 japplikaw għal trasferiment waqt proċedimenti ta’ falliment [proċeduri ta’ insolvenza] li nfetħu għar-rigward ta’ min jagħmel it-trasferiment [iċ-ċedent] (kemm jekk dawk il-proċedimenti jkunu nbdew bl-iskop tal-likwidazzjoni ta’ l-assi ta’ min ikun qed jagħmel it-trasferiment kemm jekk le)”.

75.      Din il-formulazzjoni tista’ biss tfisser li, għall-iskopijiet ta’ dawn il-proċeduri, id-drittijiet u l-obbligi ttrasferiti liċ-ċessjonarji taħt l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/23 japplikaw għall-proċeduri kollha ta’ insolvenza li ma tressqux bl-iskop li jiġu llikwidati l-assi tat-trasferiment, kif inhu l-każ fil-kawża prinċipali, peress li ma hemm ebda għażla espressa sabiex l-Istat Membru jipprovdi xorta oħra, b’kuntrast mal-formulazzjoni tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/23 li tibda bil-kliem “[s]akemm l-Istati Membri ma jipprovdux xort’ oħra”. Il-kliem li bih jibda l-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2001/23, meta “l-Artikoli 3 u 4 japplikaw għal trasferiment waqt proċedimenti ta’ falliment” ma jirreferix għal diskrezzjoni f’idejn l-Istati Membri iżda jirreferi għall-prerekwiżiti fattwali u legali tal-applikazzjoni tal-Artikolu 3 u 4 tad-Direttiva 2001/23, bħall-eżistenza ta’ “trasferiment”. Id-diskrezzjoni tal-Istati Membri tidħol fis-seħħ fis-subparagrafi (a) u (b) tal-Artikolu 5(2).

76.      Din l-interpretazzjoni konformi ukoll mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (51). Il-miżuri ta’ derogi li joħorġu minn dan li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu fir-rigward tal-proċeduri ta’ insolvenza li ma ġewx istitwiti bl-iskop tal-likwidazzjoni taċ-ċedent, huma previsti mis-subparagrafu (a).

77.      Barra minn hekk, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Ġermanja jiġi sostnut li eċċezzjoni limitata topera taħt id-dritt Ġermaniż li jirrigwarda drittijiet li jkunu jinsabu fil-proċess li jiġu kweżiti qabel id-dikjarazzjoni ta’ insolvenza bil-għan li jiġi żgurat l-irkupru tal-impriża, kif inhu permess mill-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2001/23. Huma preċiżament l-eċċezzjonijiet limitati li huma inkapsulati mill-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2001/23.

78.      Għalhekk, id-deċiżjoni tat‑18 ta’ Jannar 1980 tal-qorti tar-rinviju, u l-ġurisprudenza sussegwenti tagħha, tista titqies bħala deroga għall-eżerċizzju li f’dan il-każ ġie applikat għal proċeduri ta’ insolvenza li jaqgħu taħt il-portata ratione materiae tal-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2001/23. Il-fatt li ma kien hemm ebda deroga fis-seħħ qabel l-inklużjoni tal-Artikolu 5 fid-Direttiva 2001/23 huwa immaterjali. Ma hemm ebda obbligu fuq l-Istati Membri li jieħdu miżuri speċifiċi sabiex jimplimentaw direttivi sakemm il-miżuri jkunu legalment vinkolanti (52). Huwa mingħajr konsegwenza li l-ġurisprudenza tal-qorti tar-rinviju tmur lura għat‑18 ta’ Jannar 1980, qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2001/23 peress li r-regoli diġà eżistenti fid-dritt ta’ Stat Membru jistgħu jimplimentaw direttiva (53). Madankollu, kif ser nispjega fir-risposta tiegħi għad-domanda 3 hawn taħt, l-implimentazzjoni permezz tal-ġurisprudenza tista’ tqajjem diffikultajiet f’termini tar-rekwiżiti ta’ ċertezza legali tad-dritt tal-Unjoni.

79.      Fi kwalunkwe każ, huwa għal dawn ir-raġunijiet li nipproponi r-risposta għat-tieni domanda kif irriformulata fil-punt 60 iktar ’il fuq.

3.      Domanda 3

80.      Għandha tingħata risposta għad-domanda 3, hekk kif ġiet irriformulata iktar ’il fuq, fis-sens li l-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2001/23 tippermetti restrizzjoni taħt id-dritt tal-Istati Membri b’tali mod li ċ-ċessjonarju ma jkunx responsabbli għal benefiċċji tal-irtirar addizzjonali bbażati fuq perijodi ta’ servizz ikkompletati qabel il-ftuħ ta’ proċeduri ta’ insolvenza jekk tali benefiċċji jkunu legalment effettivi (54), fejn l-impjegati kkonċernati huma intitolati, taħt id-dritt tal-Istati Membri, li jinvokaw tali drittijiet quddiem il-qrati tal-Istati Membri sabiex jiżguraw il-ħlas miċ-ċedent tal-benefiċċji tal-irtirar ikkonċernati (55). Fi kwalunkwe każ, jekk l-Istati Membri użawx id-diskrezzjoni prevista mill-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2001/23 permezz tal-ġurisprudenza bil-preċiżjoni u ċ-ċarezza meħtieġa sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali, hija kwistjoni li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.

81.      L-argumenti ta’ TMD Friction GMbH jaqgħu b’mod ċar, fir-rigward ta’ EM, minħabba li, hekk kif ġie sostnut fl-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ EM, taħt il-formulazzjoni tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2001/23 il-benefiċċji tal-irtirar ma kinux “pagabbli” (“dues” bil-Franċiż) “fid-data tat-trasferiment”, kif inhu mitlub minn din id-dispożizzjoni, minħabba li ċ-ċirkustanza li tagħti lok għall-benefiċċji tal-irtirar ma seħħitx, jiġifieri, fil-każ ta’ EM, il-kisba tal-età tal-irtirar.

82.      B’kuntrast, il-pożizzjoni fir-rigward ta’ FL hija iktar kumplessa inkwantu huwa ex impjegat. Minkejja li FL kiseb l-età tal-irtirar tiegħu wara d-dikjarazzjoni ta’ insolvenza (fejn irtira fil‑31 ta’ Lulju 2015), il-proċess jgħid ulterjorment li l-benefiċċji tal-irtirar ta’ FL kienu “kweżiti” meta nfetħu l-proċeduri ta’ insolvenza. Għalhekk hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk FL kienx intitolat jiżgura l-ħlas mingħand iċ-ċedent insolventi, mad-data tal-ftuħ tal-proċeduri ta’ insolven, tal-benefiċċji tal-irtirar addizzjonali inkwistjoni, fis-sens deskritt fil-punt 80 iktar ’il fuq. Jekk jitqies li kien intitolat, l-eżenzjoni taċ-ċessjonarju mir-responsabbiltà għall-ħlas ta’ dawn il-benefiċċji tkun konsistenti mad-Direttiva 2001/23.

83.      Il-kelma “pagabbli” hija miftuħa biss għall-interpretazzjoni li tfisser fil-mument meta l-impjegat ikun intitolat li jirċievi l-benefiċċji tax-xjuħija, pereżempju permezz ta’ avveniment li jagħti lok għall-pretensjoni tiegħu. L-aċċettazzjoni tal-argumenti li saru fl-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Ġermanja li jgħidu li l-obbligu jsir “pagabbli” għad-dritt fil-proċess ta’ akkwist meta tariffa ekonomika tirriżulta miċ-ċedent (jiġifieri qabel l-insolvenza) tkun tagħti lok għal sitwazzjoni li ma tkunx prattikabbli fir-rigward tad-distribuzzjoni ta’ assi fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ insolvenza.

84.      Minbarra li hija inkonsistenti mal-formulazzjoni tal-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2001/23, hija wkoll inkompatibbli mal-prinċipju ta’ ċertezza legali, u l-funzjonament it-tajjeb tar-regola li d-dejn tal-kredituri jiġi ssodisfatt b’mod ugwali. Kif ġie indikat fl-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ EM, peress li EM għadu jrid jirtira, it-telf tiegħu jista’ jiġi biss stimat, fis-somma mhux insinjifikanti ta’ EUR 430 fix-xahar minn pensjoni tax-xogħol stmata għal EUR 1 300 fix-xahar. Dan jikkuntrasta mal-aritmetika preċiża li tikkalkula t-telf ta’ FL ikkalkolati fl-ammont ta’ EUR 149.98.

85.      Ġaladarba jillimita d-drittijiet tal-impjegati taħt id-Direttiva 2001/23, it-terminu ulterjorment “pagabbli” taħt l-Artikolu 5(2)(a) tal-istess direttiva għandu jiġi interpretat strettament (56). Dan għandu wkoll jiġi interpretat b’kunsiderazzjoni debita tad-Direttiva 2019/1023 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ġunju 2019 dwar oqfsa ta’ ristrutturar preventiv, dwar il-ħelsien mid-dejn u l-iskwalifiki, u dwar miżuri sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-proċeduri li jikkonċernaw ir-ristrutturar, l-insolvenza u l-ħelsien mid-dejn, u li temenda d-Direttiva (UE) 2017/1132 (Direttiva dwar ir-ristrutturar l-insolvenza) (57), li l-Istati Membri għandhom jittrasponu sas‑17 ta’ Lulju 2021 (58). Hija tiddikjara li “[q]afas ta’ ristrutturar preventiv stabbilit bis-saħħa ta’ din id-Direttiva jenħtieġ li ma jaffettwax pretensjonijiet u intitolamenti kontra debitur li jirriżultaw minn sistemi ta’ pensjonijiet okkupazzjonali jekk dawk il-pretensjonijiet u l-intitolamenti akkumulaw matul perjodu qabel ir-ristrutturar” (59). Dan jissuġġerixxi interpretazzjoni tad-Direttiva 2001/23 li timmassimizza l-obbligi fir-rigward tal-pretensjoniiet ta’ ċessjonarji ta’ impriżi li jkunu għaddejjin minn ristrutturar, pjuttost milli waħda li timminimalizzahom.

86.      Iċ-ċertezza legali tobbliga lill-qorti tal-Istat Membru, fi kwalunkwe każ, sabiex tivverifika jekk il-ġurisprudenza tal-qorti tar-rinviju, li tmur lura għat‑18 ta’ Jannar 1980, tistax tammonta għal eżerċizzju validu tal-limitazzjoni prevista mill-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2001/23 (60).

87.      Il-Qorti tal-Ġustizzja reċentement reġgħet affermat, fil-kuntest tal-kalkolu tal-benefiċċji tal-irtirar, li ċ-ċertezza legali għandha tiġi osservata b’mod iktar strett fil-każ ta’ regoli li jistgħu jkollhom konsegwenzi finanzjarji, sabiex id-drittijiet ikkonferiti lil individwi mid-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu implimentati b’mod li jkun suffiċjentement preċiż, ċar u prevedibbli, sabiex il-persuna kkonċernata tkun f’pożizzjoni li taf preċiżament id-drittijiet u l-obbligi tagħha, li tieħu l-passi meħtieġa, u li tistrieħ fuq dawk id-drittijiet quddiem il-qrati nazzjonali (61).

88.      Il-Qorti tal-Ġustizzja qalet ukoll, fil-kuntest tad-derogi mid-direttivi li jikkonċernaw id-drittijiet tal-ħaddiema fir-relazzjoni tal-impjieg, li “meta d-dritt tal-Unjoni jippermetti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jidderogaw minn ċerti dispożizzjonijiet ta’ direttiva, dawn tal-aħħar għandhom l-obbligu li jeżerċitaw is-setgħa diskrezzjonali tagħhom fir-rispett tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li jinkludu l-prinċipju ta’ ċertezza legali. Għal dan il-għan, id-dispożizzjonijiet li jipprovdu għal derogi fakultattivi stabbiliti minn direttiva għandhom jiġu implementati bil-preċiżjoni u biċ-ċarezza rikjesta sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-imsemmi prinċipju” (62).

89.      Il-proċess jissuġġerixxi, u dan ġie kkonfermat mill-aġent għall-Kummissjoni fis-seduta, li l-miżuri attivi adottati mill-Ġermanja sabiex timplimenta d-Direttiva 2001/23 kienu ċċentrati madwar l-Artikolu 613a tal-Kodiċi Ċivili Ġermaniż. L-impressjoni mogħtija waqt is-seduta kienet waħda ta’ nuqqas ta’ konnessjoni bejn l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/23 u l-miżuri leġiżlattivi tal-Ġermanja dwar l-insolvenza. Din hija raġuni ulterjuri għalfejn il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika l-konformità mal-prinċipji elaborati fil-punti 87 u 88 iktar ’il fuq.

90.      Huwa għal dawn ir-raġunijiet li r-risposta għad-domanda 3 għandha tkun fis-sens indikat fil-punt 80 iktar ’il fuq.

4.      Domanda 4

91.      Għandha tingħata risposta għad-domanda 4, hekk kif ġiet irriformulata, fis-sens li l-osservanza taħt id-dritt tal-Istati Membri tar-rekwiżiti tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94 huwa prerekwiżit għall-applikazzjoni tal-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2001/23. Tnaqqis fl-ammont tal-benefiċċji tal-irtirar mix-xogħol imħallsa lil ex impjegat, minħabba l-insolvenza tal-persuna li kienet timpjegah, huwa meqjus bħala manifestament sproporzjonat, meta l-ex impjegat jirċievi inqas minn nofs l-ammont tal-benefiċċji li jirriżultaw mid-drittijiet miksuba minnu, u, bħala riżultat tat-tnaqqis, l-ex impjegat ikun diġà qiegħed jgħix, jew ikollu jgħix, taħt il-livell ta’ riskju ta’ faqar stabbilit mill-Eurostat għall-Istat Membru kkonċernat, liema fatt għandu jiġi deċiż mill-qorti tar-rinviju.

92.      L-istatus tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94 bħala prerekwiżit tat-taffija tal-obbligi imposti fuq iċ-ċessjonarji mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/78 huwa inkonfutabbli mill-formulazzjoni tal-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2001/23 u l-kliem “sakemm”.

93.      Kif spjegat hawn fuq, ir-rilevanza potenzjali tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94 huwa limitat għal FL, peress li l-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2001/23 jippermetti biss l-esklużjoni ta’dejn “pagabbli” qabel it-trasferiment jew il-ftuħ tal-proċeduri ta’ insolvenza bil-kundizzjoni ulterjuri li d-dritt tal-Istat Membru jipprovdi “protezzjoni għall-inqas ekwivalenti għal” dik ipprovduta mid-Direttiva 2008/94. Il-ġurisprudenza, sa mis-sentenza Robin et (63), timponi test tal-proporzjonalità, li jinvolvi obbligu minimu li jiġu ggarantiti 50 % tal-benefiċċji tax-xjuħija li jirriżultaw minn intitolamenti tal-pensjoni taħt skema tal-irtirar mix-xogħol addizzjonali (64). Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet ukoll li l-Artikolu 8 “huwa intiż li jiżgura l-protezzjoni fit-tul tal-interessi tal-impjegati, peress li tali interessi fir-rigward tad-drittijiet kweżiti jew fil-proċess li jinkisbu jestendu, bħala prinċipju, fuq il-perijodu tal-irtirar kollu” (65).

94.      Huwa importanti li jiġi osservat li l-prinċipju Robins deskritt hawn fuq żviluppa ulterjorment fid-dawl tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Pensions-Sicherungs-Verein. Il-Qorti tal-Ġustizzja qalet:

“L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94 għandu jiġi interpretat fis-sens li tnaqqis tal-ammont tal-benefiċċji tal-irtirar professjonali pprovduti lil ex ħaddiem impjegat, minħabba l-insolvenza tal-ex persuna li timpjega tiegħu, huwa kkunsidrat bħala manifestament sproporzjonat, anki jekk il-persuna kkonċernata tirċievi tal-inqas in-nofs tal-ammont tal-benefiċċji li jirriżultaw mid-drittijiet miksuba tagħha, meta dan l-ex ħaddiem impjegat diġà jgħix jew ikollu jgħix minħabba dan it-tnaqqis taħt il-livell ta’ riskju ta’ faqar stabbilit għall-Istat Membru kkonċernat mill-Eurostat” (66).

95.      Filwaqt li din hija kwistjoni li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tal-Istat Membru, peress li FL qiegħed ifittex biss pensjoni addizzjonali mingħand il-konvenuta li hija ta’ EUR 149.48 ogħla milli dik li qiegħed jirċievi attwalment, dan il-limitu jidher li qiegħed jiġi milħuq, partikolarment meta hemm iddikjarat fl-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ FL li dan huwa telf ta’ 12.8 % biss. Barra minn hekk, il-ġurisprudenza ma tirrikonoxxix l-argument imqajjem fl-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ FL li l-konċessjonijiet magħmula minn ħaddiema bħal FL sabiex tiġi żgurata t-tkomplija tal-operat tal-impriża huma rilevanti għall-eżerċizzju tal-proporzjonalità.

96.      Madankollu nenfasizza li l-obbligu inkluż fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94 huwa garanzija minima essenzjali għall-protezzjoni tal-impjegati fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega (premessa 3). L-Artikolu 8 jorbot lill-Istati Membri irrispettivament mill-arranġamenti magħmula mill-Istati Membri fir-rigward taċ-ċessjonarji dwar is-suġġett ġenerali tat-trasferiment ta’ benefiċċji tax-xjuħija, invalidità u tas-superstiti konformement mal-Artikolu 3(4)(a) ad-Direttiva 2001/23, u l-obbligi minimi imposti fuq l-Istati Membri fl-Artikolu 3(4)(b) fir-rigward ta’ tali benfiċċji b’mod ġenerali.

97.      Fil-qosor, l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94 huwa garanzija li tobbliga lill-Istati Membri sabiex “jiggarantixxu, lill-ħaddiema […] il-minimu ta’ protezzjoni meħtieġa minn din id-dispożizzjoni” (67). Il-karatteristika ewlenija ta’ dan l-obbligu huwa l-istabbiliment tal-protezzjoni li huwa kompletament ekonomikament indipendenti miċ-ċedent insolventi (68). Dan jappoġġja lill-impjegat irrispettivament mill-arranġamenti magħmula mill-Istat Membru konformement mad-Direttiva 2001/23 skont l-Artikolu 3(4) fir-rigward tal-pensjonijiet. Dan huwa konsistenti ma wieħed mill-għanjiet prinċipali, li jmur lura għas-snin 70, tal-hekk imsejħa “direttivi dwar ristrutturar”; it-tnaqqis tal-konsegwenzi soċjali avversi tal-operazzjonijiet ta’ ristruturar (69).

98.      Ir-risposta għad-domanda 4, hekk kif ġiet irriformulata, għandha tkun fis-sens issuġġerit fil-punt 91 iktar ’il fuq.

IV.    Konklużjoni

99.      Għaldaqstant nipproponi r-risposti segwenti għad-domandi preliminari, hekk kif ġew irriformulati:

1.      Meta d-dritt ta’ Stat Membru jillimita l-benefiċċji tal-irtirar mix-xogħol addizzjonali tal-impjegati li għalihom huwa responsabbli ċ-ċessjonarju ta’ impriża, minħabba l-insolvenza taċ-ċedent, id-drittijiet tal-impjegati kkonċernati huma rregolati primarjament mill-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE tat‑12 ta’ Marzu 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet ta’ l-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji.

2.      Il-proċeduri ta’ insolvenza inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħu taħt il-portata ratione materiae tal-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2001/23.

3.      L‑Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2001/23 jippermetti restrizzjoni taħt id-dritt tal-Istati Membri fis-sens li ċessjonarju ma huwiex responsabbli mill-ħlas tal-benefiċċji tal-irtirar addizzjonali għall-perijodi ta’ servizzi kkompletati qabel il-ftuħ ta’ proċeduri ta’ insolvenza jekk tali benefiċċji jkunu legalment effettivi, fis-sens li l-impjegati kkonċernati jkunu intitolati, taħt id-dritt tal-Istat Membru kkonċernat, li jieħdu miżuri bil-għan li jinvokaw tali drittijiet quddiem il-qrati nazzjonali sabiex jiżguraw il-ħlas tal-benefiċċji tal-irtirar ikkonċernati mingħand iċ-ċedent. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tikkonstata jekk l-Istat Membru eżerċitax id-diskrezzjoni mogħtija mill-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2001/23 permezz tal-ġurisprudenza bil-preċiżjoni u ċ-ċarezza neċessarja sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali.

4.      L-osservanza taħt id-dritt tal-Istat Membru tar-rekwiżiti tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2008 dwar il-protezzjoni ta’ l-impjegati fil-każ ta’ l-insolvenza ta’ min iħaddimhom huwa prerekwiżit għall-applikazzjoni tal-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2001/23. Tnaqqis fl-ammont tal-benefiċċji tal-irtirar mix-xogħol imħallsa lil ex impjegat, minħabba l-falliment tal-persuna li kienet jimpjegah, huwa meqjus bħala manifestament sproporzjonat, meta l-ex impjegat jirċievi inqas minn nofs l-ammont tal-benefiċċji li jirriżultaw mid-drittijiet miksuba minnu jew minnha, jew b’riżultat tat-tnaqqis, l-ex impjegat ikun diġà jgħix, jew ikollu jgħix taħt il-livell ta’ riskju ta’ faqar stabbilit mill-Eurostat għall-Istat Membru kkonċernat, liema fatt għandu jiġi deċiż mill-qorti tar-rinviju.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      ĠU 2008, L 283, p. 36. L-iktar deċiżjoni reċenti dwar it-tifsira tal-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva hija s-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Pensions-Sicherungs-Verein, C‑168/18, EU:C:2019:1128. Ara wkoll, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑25 ta’ Jannar 2007, Robins et,  C‑278/05, EU:C:2007:56; tal‑25 ta’ April 2013, Hogan et,  C‑398/11, EU:C:2013:272; tal‑24 ta’ Novembru 2016, Webb- Sämann, C‑454/15, EU:C:2016:891; u tas‑6 ta’ Settembru 2018, Hampshire, C‑17/17, EU:C:2018:674.


3      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 98.


4      Sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2019, Safeway, C‑171/18, EU:C:2019:839, punt 29.


5      Sentenza tas-7 ta’ Ottubru 2019, Safeway, C‑171/18, EU:C:2019:839, punt 25.


6      Ara, fil-kuntest ta’ deroga minn direttiva, is-sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2010, Accardo et, C‑227/09, EU:C:2010:624, punt 55. Ara, reċentement, pereżempju, is-sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2019, Safeway, C‑171/18, EU:C:2019:839, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata.


7      C‑168/18, EU:C:2019:1128.


8      Skont l-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ EM, l-isem tal-impriża ċessjonarja kien, dak iż-żmien, Friction OpCo, sussidjarja tal-grupp TMD, li sussegwentement biddlet l-isem għal TMD Friction.


9      Mill-proċess jidher li dan huwa marbut mall-Artikolu 7(2) tal-Liġi dwar it-Titjib tal-Pensjonijiet tax-Xogħol deskritti fil-punt 11 iktar ’il fuq.


10      Ara s-sentenzi tal‑10 ta’ Ottubru 2017, Farrell, C‑413/15, EU:C:2017:745; tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Smith, C‑122/17, EU:C:2018:631; u tas‑16 ta’ Mejju 2019, Plessers, C‑509/17, EU:C:2019:424, punt 28.


11      Sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Pensions-Sicherungs-Verein, C‑168/18, EU:C:2019:1128.


12      Sentenza tas-6 ta’ Settembru 2018, Hampshire, C‑17/17, EU:C:2018:674, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata.


13      Pereżempju, l-effett dirett jobbliga lil kwalunkwe organu ta’ Stat Membru biex ma japplika ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Istat Membru li tmur kontra dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jkollha effett dirett. Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Deutsche Umwelthilfe, C‑752/18, EU:C:2019:1114, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata.


14      C‑168/18, EU:C:2019:1128. Ninnota li domanda identika għad-domanda 6 kienet intbagħtet ukoll f’dawn il-proċeduri, iżda hawnhekk hija ammissibbli peress li ma tqajjimx l-effett dirett. L-element tad-domanda 8 li tikkonċerna l-proporzjonalità pjuttost milli l-effett dirett hija indirizzata fid-domanda 4 irriformulata (il-proporzjonalità hija wkoll indirizzata fid-domanda 6). Għal raġunijiet ta’ kompletezza nosserva li d-domanda 8 ma tispeċifikax il-parti li kontriha huwa invokat l-effett dirett.


15      Ara, pereżempju, is-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Sacko, C‑348/16, EU:C:2017:591. Għall-istess raġunijiet ser nieqaf milli nesprimi fehma dwar jekk ir-regoli applikati mill-PSV irriżultawx f’diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ età fir-rigward ta’ EM, anki jekk id-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-età tqajmet għad-diskussjoni waqt is-seduta. Il-Qorti tal-Ġustizzja kellha okkażjoni tikkunsidra d-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-età fil-kuntest tal-pensjonijiet, pereżempju, fis-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Österreichischer Gewerkschaftsbund, C‑24/17, EU:C:2019:373.


16      L-Artikolu 16 tad-Direttiva 2008/94 ħassar id-Direttiva 80/987, sabiex l-Artikolu 5(2)(a) jista’ jitqies li jirreferi għad-Direttiva 2008/94.


17      Sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2019, Plessers, C‑509/17, EU:C:2019:424,punti 28 u 29. Ara wkoll il-punt 86 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Grenville Hamphshire, C‑17/17, EU:C:2018:287, fejn l-Avukat Ġenerali tgħid, fil-kuntest tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94, li “direttiva ma tistax timponi direttament obbligi fuq individwu”. L-Avukat Ġenerali tirreferi għas-sentenzi tal‑14 ta’ Lulju 1994, Faccini Dori, C‑91/92, EU:C:1994:292, punt 25; tal‑5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et, C‑397/01 sa C‑403/01, EU:C:2004:584, punt 108; tal‑15 ta’ Jannar 2014, Association de médiation sociale, C‑176/12, EU:C:2014:2, punt 36, u tad‑19 ta’ April 2016, Dansk Industri, C‑441/14, EU:C:2016:278, punt 30.


18      Sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2019, Plessers, C‑509/17, EU:C:2019:424, punt 29. Peress li ebda domanda ma tirriżulta mill-proċess tal-kawża li tissuġġerixxi li hemm dispożizzjoni fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali li hija rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima, flimkien ma’ sitwazzjoni li fiha d-dritt ta’ Stat Membru ma jistgħax jiġi interpretat konformement mad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ direttiva tal-Unjoni, ir-regoli applikabbli f’din is-sitwazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja fid-deċiżjonijiet tagħha bħal fis-sentenzi tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger, C‑414/16, EU:C:2018:257; tas‑6 ta’ Novembru 2018, Bauer u Willmeroth, C‑569/16 u C‑570/16, EU:C:2018:871, u tas‑6 ta’ Novembru 2018, Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften, C‑684/16, EU:C:2018:874 ma humiex rilevanti għall-proċeduri prinċipali.


19      Digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑28 ta’ Jannar 2015, Gimnasio Deportivo San Andrés, C‑688/13, EU:C:2015:46, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata. Ara, iktar reċentement, pereżempju, is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Fonds du Logement de la Région de Bruxelles Capitale, C‑632/18, EU:C:2019:833, punt 48.


20      Ara, inter alia, is-sentenzi tal‑5 ta’ Ġunju 2014, Mahdi, C‑146/14 PPU, EU:C:2014:1320, punti 78 sa 80; u tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Prenninger et, C‑329/17, EU:C:2018:640, punt 27; li għaliha hemm riferiment fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13 tal-konklużjonijiet reċenti tal-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe fil-kawża Paulo Nascimento Consulting, C‑692/17, EU:C:2019:362.


21      Sentenzi tat‑22 ta’ Ġunju 2017, Federatie Nederlandse Vakvereniging et, C‑126/16, EU:C:2017:489, punt 36, u tas‑16 ta’ Mejju 2019, Plessers, C‑509/17, EU:C:2019:424, punt 36.


22      Digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑28 ta’ Jannar 2015 Gimnasio Deportivo San Andrés, C‑688/13, EU:C:2015:46, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata.


23      Sentenza tas‑6 ta’ April 2017, Unionen, C‑336/15, EU:C:2017:276, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata.


24      Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑4 ta’ Ġunju 2002, Beckmann, C‑164/00, EU:C:2002:330, punt 29, u tas‑16 ta’ Mejju 2019, Plessers, C‑509/17, EU:C:2019:424, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata.


25      Ir-regola li dispożizzjoni speċifika tapplika bħala deroga minn dik iktar ġenerali, ilha stabbilita fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Ara, pereżempju is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2005, Engler, C‑27/02, EU:C:2005:33. Ara iktar reċentement, pereżempju, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Nederlands Uitgeversverbond u Groep Algemene Uitgevers, C‑263/18, EU:C:2019:1111, punt 55. Ara b’mod ġenerali Beck, G., The Legal Reasoning of the Court of Justice of the EU, Hart, Oxford, 2012, p. 222-223.


26      Waqt is-seduta r-rappreżentanti ta’ EM u FL ċaħdu d-dipendenza fuq abbuż tad-drittijiet, minbarra li saħqu li din kienet kwistjoni li għandha tiġi evalwata mill-qrati tal-Istati Membri, kwistjoni li fi kwalunkwe każ ġiet ikkunsidrata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2019, Ellinika Nafpigeia, C‑664/17, EU:C:2019:496. Għal analiżi reċenti ta’ użu abbużiv tad-dritt tal-Unjoni ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pikamäe fil-kawża AFMB, C‑610/18, EU:C:2019:1010, punti 72 sa 82, li għadha pendenti, u Leczykiewicz, D. “Prohibition of abusive practices as a ‘general principle’ of EU law”, Common Market Law Review, Vol. 56, 2019, p. 703.


27      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Pinckernelle, C‑535/15, EU:C:2016:996, punt 40.


28      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 17 iktar ’il fuq.


29      ĠU 1977, L 61, p. 26.


30      ĠU 1998, L 201, p. 88. It-tielet direttiva f’din is-sekwenza hija d-Direttiva 2001/23. L-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2001/23 ukoll ġie introdott mid-Direttiva 80/97 iżda t-tema ġenerali tal-pensjonijiet diġà kienet ġiet irregolata fid-Direttiva 77/187. L-Artikolu 3(3) tagħha kien iddikjarat li l-paragrafi “1 u 2 tagħha ma għandhomx ikopru d-drittijiet tal-impjegati għal benefiċċji tax-xjuħija, tal-invalidità jew tas-superstiti taħt skemi ta’ pensjoni supplimentari tal-kumpanniji jew ta’ bejn il-kumpanniji […]”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]


31      Din id-dispożizzjoni ma għadhiex fis-seħħ.


32      Ara l-analiżi tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Plessers (C‑509/17, EU:C:2019:50, punt 42) fir-rigward tal-Artikolu5(1) tad-Direttiva 2001/23.


33      Ibid.


34      Enfasi miżjuda minni. Ibid. punt 43. Id-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/23 effettivament ikkodifika kienu s-sentenzi tas‑7 ta’ Frar 1985, Abels, 135/83, EU:C:1985:55; tal‑25 ta’ Lulju 1991, d’Urso et, C‑362/89, EU:C:1991:326; tas‑7 ta’ Diċembru 1995 Spano et, C‑472/93, EU:C:1995:421; u tat‑12 ta’ Marzu 1998, Dethier Équipement, C‑319/94, EU:C:1998:99.


35      Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi (COM/94/300 final) (ĠU 1994, C 274, p.10).


36      Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ negozji (ĠU 1995, C 133 p. 13, punt 2.10.2)


37      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Plesser, C‑509/17, EU:2019:50, punti 42 sa 47 u l-ġurisprudenza diskussa hemm.


38      Enfasi fil-verżjoni oriġinali. Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Federatie Nederlandse Vakvereniging et, C‑126/16, EU:C:2017:241, punt 53.


39      Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Mejju 2019, Plessers, C‑509/17, EU:C:2019:424, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata.


40      Sentenza tal-Qorti tal-Ġusitzzja tas‑16 ta’ Mejju 2019, Plessers, C‑509/17, EU:C:2019:424, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata.


41      Sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2009, C‑561/07, EU:C:2009:363.


42      Ibid. punt 26.


43      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Plessers, C‑509/17, EU:C:2019:50, punt 62.


44      Ibid. Ara wkoll, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Federatie Nederlandse Vakvereniging et, C‑126/16, EU:C:2017:241, punt 57.


45      Il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Federatie Nederlandse Vakvereniging u Oħrajn (C‑126/16, EU:C:2017:241, punt 77).


46      Pereżempju, is-sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 1995, Spano et, C‑472/93, EU:C:1995:421, punt 28, hija waħda mill-preċedenti li effettivament ġew ikkodifikati mill-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/23.


47      Dan ġie interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fid-digriet tat‑28 ta’ Jannar 2015, Gimnasio Deportivo San Andrés, C‑688/13, EU:C:2015:46, u fis-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑561/07, EU:C:2009:363.


48      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Robins et, C‑278/05, EU:C:2006:476, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata.


49      Sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑561/07, EU:C:2009:363, punt 41.


50      Ibid. punt 30. Ara wkoll il-punt 46 iktar ’il fuq u l-ġurisprudenza ċċitata.


51      Kif diskuss fil-punti 61 u 62 iktar ’il fuq.


52      Id-Direttiva 2001/23 tista’ tiġi implimentata permezz tal-ġurisprudenza. Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 1986, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, 235/84, EU:C:1986:303. Ara, ulterjorment, Prechal, S., Directives in EU Law, Oxford University Press, p. 78 sa 81. L-awtur jenfasizza f’p. 79, li l-ġurisprudenza pertinenti għandha tkun preċiża, ippubbliċċizzata u prevedibbli.Fir-rigward tal-importanza tal-effetti legali vinkolanti fl-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Safeway, C‑171/18, EU:C:2019:272. Skont il-ġurisprudenza stabbilita, il-qrati tal-Istati Membri huma mitluba jadattaw il-ġurisprudenza tagħhom sabiex jikkonformaw lilhom infushom mad-dritt tal-Unjoni. Ara, pereżempju, is-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018 Bauer u Willmeroth, C‑569/16 u C‑570/16, EU:C:2018:871, punt 68.


53      Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑20 ta’ Mejju 1992, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, C‑190/90, EU:C:1992:225 li fiha kumpless ta’ regoli, li wħud minnhom jippreċedu d-dħul fis-seħħ tad-direttivi, żguraw l-implimentazzjoni effettiva tagħha. Ara Prechal, S, Directives in EC Law Oxford, Oxford University Press, 2005, p. 77. Ara, iktar reċentement, pereżempju, is-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2015, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑29/14, EU:C:2015:379, punt 38.


54      Sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2019, Safeway, C‑171/18, EU:C:2019:839, punt 29.


55      Sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2019, Safeway, C‑171/18, EU:C:2019:839, punt 25.


56      Ara iktar ’il fuq punt 71.


57      ĠU 2019, L 172, p. 18.


58      Artikolu 34. Hekk kif ġie diskuss fil-konklużjonijiet tiegħi Pinckernelle, C‑535/15, EU:C:2016:996, punt 40, il-ħtieġa ta’ kuntest fl-interpretazzjoni ta’ miżura tal-Unjoni tirrikjedi wkoll ir-rikonoxximent ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi li jkunu sostanzjalment konnessi mad-dispożizzjoni li qiegħda tiġi analizzata.


59      Premessa 20.


60      Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2015, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑29/14, EU:C:2015:379, punt 38.


61      Sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2019, Safeway, C‑171/18, EU:C:2019:839, punt 25.


62      Sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2010, Accardo et, C‑227/09, EU:C:2010:624, punt 55.


63      Sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2007, C‑278/05, EU:C:2007:56.


64      Ibid. punti 57 u 59.


65      Sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2016, Webb-Sämann, C‑454/15, EU:C:2016:891, punt 27.


66      Sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Pensions-Sicherungs-Verein, C‑168/18, EU:C:2019:1128, punt 46.


67      Sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Pensions-Sicherungs-Verein, C‑168/18, EU:C:2019:1128, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata.


68      Kif spjegat fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Webb-Sämann, C‑454/15, EU:C:2016:891, punt 78.


69      Għal analiżi iktar profonda ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Plessers, C‑509/17, EU:C:2019:50, punti 38 sa 41.