Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tad-9 ta’ Settembru 2020 (talbiet għal deċiżjoni preliminari tal-Bundesarbeitsgericht - il-Ġermanja) – EM vs TMD Friction GmbH (C-674/18), FL vs TMD Friction EsCo GmbH (C-675/18)

(Kawżi Magħquda C-674/18 u C-675/18) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Trasferimenti ta’ impriżi – Direttiva 2001/23/KE – Artikoli 3 u 5 – Salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati –Protezzjoni tal-impjegati fil-każ tal-insolvenza tal-persuna li timpjega – Trasferiment imwettaq mill-prattikant tal-falliment tal-impriża ċedenti suġġetta għal proċedura ta’ insolvenza – Benefiċċji ta’ assigurazzjoni tax-xjuħija professjonali – Limitazzjoni tal-obbligi taċ-ċessjonarju – Ammont tal-benefiċċju dovut skont l-iskema komplementari ta’ previdenza professjonali kkalkolat skont ir-remunerazzjoni tal-impjegat fil-mument tal-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza – Direttiva 2008/94/KE – Artikolu 8 – Effett dirett – Kundizzjonijiet)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesarbeitsgericht

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: EM (C-674/18), FL (C-675/18)

Konvenuti: TMD Friction GmbH (C-674/18), TMD Friction EsCo GmbH (C-675/18)

Dispożittiv

Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE tat-12 ta’ Marzu 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet ta’ l-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji, u b’mod partikolari fid-dawl tal-Artikolu 3(1) u (4) kif ukoll fid-dawl tal-Artikolu 5(2)(a) tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li, fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriża suġġetta għal proċedura ta’ insolvenza, imwettaq mill-prattikant tal-falliment tagħha, hija ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, kif interpretata mill-ġurisprudenza nazzjonali, li tgħid li meta, wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza, iseħħ l-avveniment li jagħti d-dritt għal pensjoni tal-irtirar skont skema komplementari ta’ previdenza professjonali, iċ-ċessjonarju ma jkunx responsabbli għad-drittijiet ta’ impjegat li jagħtu titolu prospettiv għal din il-pensjoni tal-irtirar akkumulati għal perijodi ta’ impjieg preċedenti għall-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza, jekk kemm-il darba, f’dak li jikkonċerna l-parti tal-ammont li għaliha ma huwiex responsabbli ċ-ċessjonarju, il-miżuri adottati sabiex jiġu protetti l-interessi tal-impjegati jkunu ta’ livell tal-inqas ekwivalenti għal-livell ta’ protezzjoni meħtieġ skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2008 dwar il-protezzjoni ta’ l-impjegati fil-każ ta’ l-insolvenza ta’ min iħaddimhom.

L-Artikolu 3(4)(b) tad-Direttiva 2001/23, moqri flimkien mal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik interpretata mill-ġurisprudenza nazzjonali, li tipprevedi, meta jseħħ avveniment li jagħti dritt għal benefiċċji tax-xjuħija skont skema komplementari ta’ previdenza professjonali wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza li matulha twettaq it-trasferiment tal-impriża, u fir-rigward tal-parti ta’ dawn il-benefiċċji li ma taqax taħt ir-responsabbiltà taċ-ċessjonarju, li, minn naħa, l-organu ta’ garanzija kontra l-insolvenza stabbilit skont id-dritt nazzjonali ma huwiex obbligat jintervjeni meta d-drittijiet li jagħtu intitolament prospettiv għal benefiċċji tax-xjuħija ma kinux diġà definittivi fil-mument tal-ftuħ ta’ din il-proċedura ta’ insolvenza u li, min-naħa l-oħra, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont relattiv għall-parti ta’ dawn il-benefiċċji li r-responsabbiltà tagħhom taqa’ fuq l-imsemmi organu, dan l-ammont huwa kkalkolat fuq il-bażi tar-remunerazzjoni mensili gross li kellu l-impjegat ikkonċernat fil-mument tal-ftuħ tal-imsemmija proċedura, jekk minn dan jirriżulta li l-impjegati huma mċaħħda mill-protezzjoni minima ggarantita minn din id-dispożizzjoni, fatt dan li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

Sa fejn jipprevedi protezzjoni minima tad-drittijiet li jagħtu intitolament immedjat jew tad-drittijiet li jagħtu intitolament prospettiv tal-impjegati għal benefiċċji tax-xjuħija, l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94 jista’ jkollu effett dirett b’tali mod li jista’ jiġi invokat kontra organu rregolat mid-dritt privat, indikat mill-Istat Membru kkonċernat bħala l-organu ta’ garanzija kontra r-riskju ta’ insolvenza tal-persuni li jimpjegaw fil-qasam tal-pensjoni professjonali jekk kemm il-darba, minn naħa, fid-dawl tal-missjoni ta’ garanzija kkonferita lil dan l-organu u fid-dawl tal-kundizzjonijiet li fihom huwa jwettaqha, l-imsemmi organu jista’ jiġi assimilat mal-Istat u, min-naħa l-oħra, jekk kemm il-darba din il-missjoni effettivament testendi ruħha għat-tipi ta’ benefiċċji tax-xjuħija li għalihom hija mitluba l-protezzjoni minima prevista f’dan l-Artikolu 8, fatt dan li għandu jiġi ddeterminat mill-qorti tar-rinviju.

____________

1     ĠU C 103, 18.3.2019.