Language of document : ECLI:EU:F:2008:45

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
(L-Ewwel Awla)

23 ta’ April 2008

Kawża F-103/05

Stephen Pickering

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Remunerazzjoni – Koeffiċjenti ta’ korrezzjoni – Trasferiment ta’ parti mir-remunerazzjoni barra mill-pajjiż ta’ assenjazzjoni – Pensjonjiet – Proċedura fil-kontumaċja – Applikazzjoni ratione temporis tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza – Dikjarazzjonijiet tas-salarju – Eċċezzjoni ta’ illegalità – Trattament ugwali bejn uffiċjali – Prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, drittijiet miksuba, prinċipju ta’ ċertezza legali u dmir ta’ premura – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu S. Pickering jitlob l-annullament tad-dikjarazzjonijiet tas-salarju tiegħu għax-xhur ta’ Diċembru 2004, Jannar u Frar 2005, kif ukoll tad-dikjarazzjonijiet tas-salarju sussegwenti kollha, sa fejn dawn japplikaw id-dispożizzjonijiet allegatament illegali tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 723/2004, tat-22 ta’ Marzu 2004, li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali, Kapitolu 1, Volum 2, p. 130), tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 856/2004, tad-29 ta’ April 2004, li jiffissa mill-1 ta’ Mejju 2004 il-koeffiċjenti tal-korrezzjoni li japplikaw għall-ħlas tal-uffiċjali u tal-ħaddiema l-oħra tal-Komunitajiet Ewropej fl-Istati Membri l-ġodda (ĠU Edizzjoni Speċjali, Kapitolu 1, Volum 5, p. 99), u tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 31/2005, tal-20 ta’ Diċembru 2004, li jemenda, mill-1 ta’ Lulju 2004, ir-remunerazzjoni u l-pensjonijiet tal-uffiċjali u impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej kif ukoll il-koeffiċjenti korrettivi li jaffetwaw din ir-remunerazzjoni u l-pensjonijiet (ĠU 2006, L 159M, p. 10), peress li dawn id-dispożizzjonijiet, minn naħa, inaqqsu kemm il-parti tar-remunerazzjonijiet trasferibbli barra mill-pajjiż ta’ assenjazzjoni kif ukoll il-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni (KK) applikabbli għat-trasferiment, u min-naħa l-oħra, inaqqsu l-KK applikabbli għad-drittijiet għal pensjoni miksuba qabel l-1 ta’ Mejju 2004, billi jintroduċu kundizzjoni ġdida ta’ residenza għall-applikazzjoni ta’ dawn il-KK imnaqqsa u jikkanċellaw l-KK għad-drittijiet għal pensjoni miksuba mill-1 ta’ Mejju 2004; barra minn hekk, ir-rikorrent jitlob, sa fejn meħieġ, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tal-4 ta’ Lulju 2005, li tiċħad l-ilment imressaq minnu fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet tas-salarju tiegħu.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Proċedura – Termini – Preżentata tar-risposta wara l-iskadenza tat-terminu – Eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ppreżentata b’mod regolari u f’ħin xieraq – Ammissibbiltà – Nuqqas ta’ applikazzjoni tal-proċedura fil-kontumaċja – Osservazzjonijiet fuq il-mertu ppreżentati fil-jum tas-seduta – Inammissibbiltà

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikoli 48(2) u 122)

2.      Uffiċjali – Rikors – Att li jikkawża preġudizzju – Kunċett – Rendikont tas-salarju

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90(2), u 91(1))

3.      Uffiċjali – Rikors – Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel – Termini – Bidu tad-dekorrenza

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

4.      Uffiċjali – Rikors – Eċċezzjoni ta’ illegalità – Natura inċidentali

(Artikolu 241 KE; Regolamenti tal-Kunsill Nru 723/2004, Nru 856/2004 u Nru 31/2005)

5.      Uffiċjali – Rikors – Interess ġuridiku

6.      Uffiċjali – Remunerazzjoni – Koeffiċjenti ta’ korrezzjoni – Trasferimenti regolari barra mill-pajjiż ta’ assenjazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Anness VII, Artikolu 17)

7.      Uffiċjali – Remunerazzjoni – Trasferimenti regolari barra mill-pajjiż ta’ assenjazzjoni – Koeffiċjenti ta’ korrezzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Anness XIII, Artikolu 17)

1.      Meta konvenut jippreżenta eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà b’mod regolari u f’ħin xieraq, il-fatt li r-risposta ma tkunx ġiet ippreżentata fit-terminu stabbilit għal dan il-għan ma jippermettix l-applikazzjoni tal-proċedura fil-kontumaċja prevista fl-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Fil-fatt, minħabba s-sempliċi preżentata tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, il-konvenut ma jistax jiġi kkunsidrat li ma rrispondiex għar-rikors skont il-forma u fit-termini previsti.

Madankollu, osservazzjonijiet fuq il-mertu ppreżentati minn konvenut fil-jum tas-seduta ma humiex ammissibbli. Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ preżentata tar-risposta matul il-proċedura bil-miktub fit-terminu mogħti, is-sottomissjonijiet orali tal-konvenut fuq il-mertu huma ekwivalenti għall-introduzzjoni ta’ motivi ġodda, ħaġa li hija pprojbita mill-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza; li tiġi aċċettata interpretazzjoni f’sens oppost ikun ifisser li jiġi aċċettat li l-konvenut, wara li jkun qajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà permezz ta’ att separat, ma jkunx sussegwentement marbut bit-terminu li l-Qorti tal-Prim’Istanza tiffissa għall-preżentata tar-risposta tiegħu.

Min-naħa l-oħra, intervenjenti tista’ b’mod għal kollox leġittimu tippreżenta argumenti fuq il-mertu, u dan kemm matul il-proċedura bil-miktub kif ukoll matul is-seduta. Fil-fatt, fir-rigward, b’mod partikolari, ta’ rikors li jeċċepixxi l-illegalità ta’ regolamenti adottati mill-intervenjenti, imur kontra l-prinċipji tal-osservanza tad-drittijiet tad-difiża u tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja li, minħabba raġunijiet indipendenti mir-rieda tagħha u attribwibbli lejn il-konvenut, l-intervenjenti, li t-talbiet tagħha jinkludu preċiżament l-istess riżultat bħat-talbiet tal-konvenut fl-eċċezzjoni tiegħu ta’ inammissibbiltà, jiġifieri ċ-ċaħda tar-rikors, ma tiġix awtorizzata tippreżenta osservazzjonijiet fuq il-mertu, b’mod partikolari osservazzjonijiet intiżi sabiex jiddefendu l-legalità tad-dispożizzjonijiet ikkontestati.

(ara l-punti 49 u 53 sa 55)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustiżżja 15 ta’ Frar 2007, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l‑Baxxi, C‑34/04, Ġabra p. I‑1387, punt 49; Il-Qorti tal-Prim’ Istanza 1 ta’ Diċembru 1999, Boehringer vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, T‑125/96 u T‑152/96, Ġabra p. II‑3427, punt 183

2.      Dikjarazzjoni tas-salarju, min-natura tagħha u mill-għan tagħha, ma għandhiex il-karatteristiċi ta’ att li jikkawża preġudizzju fis-sens tal-Artikolu 90(2) u tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, minħabba li kull ma tagħmel hi li tippreżenta f’termini pekunjarji l-portata ta’ deċiżjonijiet ġuridiċi preċedenti, dwar is-sitwazzjoni tal-uffiċjal. B’hekk, jekk huwa minnu li d-dikjarazzjonijiet tas-salarju huma komunement ikkunsidrati bħala atti li jikkawżaw preġudizzju sa fejn juru li d-drittijiet pekunjarji ta’ uffiċjal kienu affetwati b’mod negattiv, fil-verità, il-veru att li jikkawża preġudizzju hija d-deċiżjoni meħuda mill-Awtorità tal-Ħatra li tnaqqas jew li tikkanċella pagament li l-uffiċjal kien jibbenefika minnu sa dak iż-żmien u li kien indikat fid-dikjarazzjonijiet tas-salarju tiegħu.

Xorta jibqa’ l-fatt li d-dikjarazzjoni tas-salarju żżomm għal kollox l-importanza tagħha għad-determinazzjoni tad-drittijiet proċedurali tal-uffiċjal, skont kif dawn id-drittijiet huma previsti mir-Regolamenti tal-Persunal. B’mod partikolari, it-trażmissjoni lill-uffiċjal tad-dikjarazzjoni tas-salarju tiegħu tissodisfa funzjoni doppja, funzjoni ta’ informazzjoni fir-rigward tad-deċiżjoni meħuda u funzjoni li tikkonċerna t-termini, b’mod li, ħlief għall-każ fejn id-dikjarazzjoni turi b’mod ċar l-eżistenza u l-portata tad-deċiżjoni meħuda, il-komunikazzjoni tagħha tagħti lok għad-dekorriment tat-terminu ta’ kontestazzjoni.

(ara l-punti 72 u 75)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 19 ta’ Jannar 1984, Andersen et vs Il‑Parlament, 262/80, Ġabra p. 195, punt 4; Il-Qorti tal-Prim’ Istanza 27 ta’ Ottubru 1994, Benzler vs Il‑Kummissjoni, T‑536/93, ĠabraSP p. I‑A‑245 u II‑777, punt 15; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 28 ta’ Ġunju 2006, Grünheid vs Il‑Kummissjoni, F‑101/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑55 u II‑A‑1‑199, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata, u punt 42; 24 ta’ Mejju 2007, Lofaro vs Il‑Kummissjoni, F‑27/06 u F‑75/06, Ġabra p. I‑0000, li hija suġġetta għal appell pendenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, T‑293/07 P

3.      Fir-rigward tal-każijiet fejn il-preġudizzju magħmul fuq id-dritt pekunjarju inkwistjoni jieħu l-forma ta’ kanċellazzjoni ta’ pagament jew ta’ tnaqqis fl-ammont tiegħu, liema kanċellazzjoni jew tnaqqis isiru kull xahar u huma riflessi fid-dikjarazzjonijiet tas-salarju kollha sussegwenti għall-ewwel dikjarazzjoni li kienet uriet din il-kanċellazzjoni jew dan it-tnaqqis, huwa r-riċeviment, mill-uffiċjal, tal-ewwel dikjarazzjoni ta’ remunerazzjoni li tirrifletti din il-kanċellazzjoni jew dan it-tnaqqis li waħdu jagħti lok għad-dekorriment tat-terminu ta’ lment.

Meta diversi rendikonti tal-pensjoni jew dikjarazzjonijiet tas-salarju stabbiliti għal perijodi suċċessivi huma vvizzjati bl-istess illegalità, ilment inizjali, ippreżentat kontra l-ewwel rendikont jew dikjarazzjoni kkontestata u li jqajjem l-eċċezzjoni ta’ illegalità kkonċernata, għandu normalment ikun biżżejjed biex jiżgura lir-rikorrent, fil-każ fejn jikseb deċiżjoni favur fil-kuntest tar-rikors li huwa ppreżenta wara ċ-ċaħda ta’ dan l-ilment, jingħata rimedju pekunjarju wkoll għall-perijodi sussegwenti għal dak tar-rendikont jew tad-dikjarazzjoni kkontestata. Barra minn hekk, dan għandu japplika iktar u iktar jekk ir-rikorrent juri li ma jkollux l-intenzjoni li jikkontesta r-rendikont tal-pensjoni jew id-dikjarazzjoni tas-salajru inkwantu tali, iżda d-deċiżjoni li taffettwa d-drittijiet tiegħu, riflessa fir-rendikont jew fid-dikjarazzjoni inkwistjoni permezz tal-kanċellazzjoni ta’ pagament jew permezz tat-tnaqqis fl-ammont tiegħu.

(ara l-punti 76 u 89)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustiżżja 25 ta’ Mejju 2000, Kögler vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, C‑82/98 P, Ġabra p. I‑3855, punt 49; Il-Qorti tal-Prim’ Istanza 20 ta’ Jannar 1998, Kögler vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, T‑160/96, ĠabraSP p. I‑A‑15 u II‑35, punt 39

4.      Fir-rigward ta’ parti li ma għandhiex id-dritt li tippreżenta, skont l-Artikolu 230 KE, rikors dirett kontra att ta’ portata ġenerali, l-Artikolu 241 KE jikkostittwixxi l-espressjoni ta’ prinċipju ġenerali li jiżguralha d-dritt li tikkontesta, bil-għan li tikseb l-annullament ta’ deċiżjoni li tikkonċernaha direttament u individwalment, il-validità tal-atti ta’ portata ġenerali li tagħhom hija batiet il-konsegwenzi mingħajr ma kienet f’pożizzjoni li titlob l-annullament ta’ dawn l-atti. Madankollu, l-Artikolu 241 KE ma joħloqx dritt ta’ azzjoni awtonoma u jista’ jiġi invokat biss b’mod inċidentali, fil-kuntest ta’ rikors ammissibbli, u ma jistax jikkostittwixxi s-suġġett ta’ rikors.

Għaldaqstant hija inammissibbli eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma fil-kuntest ta’ rikors inammissibbli.

(ara l-punti 94 u 97)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustiżżja 6 ta’ Marzu 1979, Simmenthal vs Il‑Kummissjoni, 92/78, Ġabra p. 777, punt 39; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 29 ta’ Novembru 2006, Agne-Dapper et vs Il‑Kummissjoni et, T‑35/05, T‑61/05, T‑107/05, T‑108/05 u T‑139/05, ĠabraSP p. II‑A‑2‑1497, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata

5.      Uffiċjal li għadu jaħdem ma jistax jiġġustifika interess pekunarju eżistenti sabiex jikseb deċiżjoni fuq il-koeffiċjent ta’ korrezzjoni li għandu jiġi applikat għall-pensjoni ta’ rtirar futur tiegħu, peress li, minħabba b’mod partikolari l-kundizzjoni marbuta mal-għażla tal-pajjiż ta’ residenza, liema kundizzjoni tista’ tiġi vverifikata biss mal-waqfien mix-xogħol tal-persuna kkonċernata, l-iffissar tal-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni ma jistax ikun is-suġġett ta’ deċiżjoni antiċipata, li taffettwa immedjatament u direttament is-sitwazzjoni legali tal-persuna kkonċernata. Din is-soluzzjoni tapplika wkoll fil-każ fejn l-ilmenti ma jikkonċernawx l-iffissar tal-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni, iżda s-sistema nnifisha ta’ dawn il-koeffiċjenti.

(ara l-punt 101)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 12 ta’ Frar 1992, Pfloeschner vs Il‑Kummissjoni, T‑6/91, Ġabra p. II‑141, punt 27

6.      Sa fejn uffiċjal jirċievi r-remunerazzjoni tiegħu u oġġettivament juża’ parti kbira ħafna tal-ispejjeż tiegħu, normalment għall-akkomodazzjoni, għall-ikel, kif ukoll għall-mistrieħ, fil-pajjiż ta’ assenjazzjoni tiegħu, billi sempliċiment jagħmel trasferimenti ta’ parti mir-remunerazzjoni tiegħu lejn l-Istat Membru li minnu joriġina, dan l-uffiċjal ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li jinsab f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik ta’ uffiċjal impjegat f’dan l-aħħar Stat Membru u li jirċievi r-remunerazzjoni tiegħu, affettwata mill-koeffiċjent ta’ korrezzjoni f’dan l-istess Stat Membru.

(ara l-punt 109)

7.      Il-leġiżlatur Komunitarju jista’ f’kull mument jagħmel emendi lir-Regolamenti tal-Persunal fejn iqis li dawn huma konformi mal-interess tas-servizz kif ukoll li jadotta, għall-ġejjieni, dispożizzjonijiet statutorji iktar sfavorevoli għall-uffiċjali kkonċernati, bil-kundizzjoni li jiġi ffissat perijodu ta’ tranżizzjoni għal terminu suffiċjenti, u għalhekk l-uffiċjali ma għandhomx id-dritt li r-Regolamenti tal-Persunal jinżammu fis-seħħ hekk kif kienu meta ġew reklutati. B’hekk, jekk huwa minnu li s-sistema ġdida ta’ trasferiment ta’ parti mir-remunerazzjonijiet hija finanzjarjament inqas favorevoli għall-uffiċjali meta pparagunata ma’ dik li kienet teżisti qabel ir-riforma tar-Regolamenti tal-Persunal, xorta jibqa’ l-fatt li l-leġiżlatur, li adotta dispożizzjonijiet tranżitorji msemmijia fl-Artikolu 17 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, li jkopru l-perijodu bejn l-1 ta’ Mejju 2004 u l-31 ta’ Diċembru 2008, seta’ liberament jemenda r-Regolamenti tal-Persunal u jadotta dispożizzjonijiet relatati mat-trasferiment ta’ parti mir-remunerazzjonijiet inqas favorevoli għall-uffiċjali minn dawk tar-Regolamenti tal-Persunal il-qodma.

(ara l-punti 115 u 116)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 29 ta’ Novembru 2006, Campoli vs Il‑Kummissjoni, T‑135/05, ĠabraSP p. II‑A‑2‑1527, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata