Language of document : ECLI:EU:F:2010:51

SENTENZA TAT‑TRIBUNAL GĦAS‑SERVIZZ PUBBLIKU TAL‑UNJONI EWROPEA (L‑Ewwel Awla)

15 ta’ Ġunju 2010 (*)

“Kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/77/06 — Nuqqas ta’ ammissjoni għall‑prova bil‑miktub wara r‑riżultat miksub fit‑testijiet ta’ ammissjoni — Kompetenzi tal‑EPSO”

Fil‑Kawża F‑35/08,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat skont l‑Artikoli 236 KE u 152 KEEA,

Dimitrios Pachtitis, kandidat fil‑Kompetizzjoni Ġenerali EPSO/AD/77/06, residenti f’Ateni (il‑Greċja), irrappreżentat minn P. Giatagantzidis u S. Stavropoulou, avukati,

rikorrent,

sostnut minn

Il‑Kontrollur Ewropew għall‑Protezzjoni tad‑Data (KEPD), irrappreżentat minn H. Hijmans u M. V. Pérez Asinari, bħala aġenti,

intervenjent,

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Currall u I. Hadjiyiannis, bħala aġenti,

konvenuta,

IT‑TRIBUNAL GĦAS‑SERVIZZ PUBBLIKU (L‑Ewwel Awla),

komposta minn S. Gervasoni, President, H. Tagaras (Relatur) u H. Kreppel, Imħallfin,

Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

wara li rat il‑proċedura bil‑miktub u wara s‑seduta tal‑1 ta’ Diċembru 2009,

tagħti l‑preżenti

Sentenza

1        Permezz ta’ rikors li wasal fir‑Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fl‑14 ta’ Marzu 2008 b’faks (l‑oriġinali ġie ppreżentat fid‑19 ta’ Marzu 2008), D. Pachtitis talab l‑annullament, l‑ewwel nett, tad‑deċiżjoni tal‑Uffiċċju għas‑Selezzjoni tal-Persunal tal‑Komunità Ewropea (EPSO), tal‑31 ta’ Mejju 2007, li tinformah dwar il-falliment tiegħu mit‑test ta’ ammissjoni tal‑Kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/77/06, it‑tieni nett, tad‑deċiżjoni tal‑EPSO, tas‑6 ta’ Diċembru 2007, li tirrifjuta l‑ilment tiegħu kontra d‑deċiżjoni tal‑31 ta’ Mejju 2007, it‑tielet nett, ta’ kull att relatat.

 Il‑kuntest ġuridiku

2        Skont l‑Artikolu 27 tar‑Regolamenti tal‑Persunal tal‑Unjoni Ewropea (iktar il‑quddiem ir‑“Regolamenti tal-Persunal”):

“Ir‑reklutaġġ għandu jkollu l‑mira li jiżgura li l‑istituzzjoni jkollha s‑servizzi ta’ uffiċjali ta’ l‑oġħla livell ta’ kapaċita’, effiċjenza u integrita, magħżula mill‑aktar bażi ġeografika wiesgħa possibbli minn fost iċ‑ċittadini ta’ l‑Istati Membri tal‑Komunitajiet.”

3        L‑Artikolu 28 tar‑Regolamenti tal-Persunal jipprovdi:

“Uffiċjal jista’ jkun appuntat biss bil‑kondizzjoni li:

(a)       huwa ċittadin ta’ wieħed mill‑Istati Membri tal‑Komunitajiet, sakemm eċċezzjoni ma tkunx awtorizzata mill‑awtorità tal‑ħatra, u jgawdi mid‑drittijiet kollha tiegħu bħala ċittadin;

(b)       huwa jkun wettaq kull obbligu mpost fuqu mill‑liġijiet dwar is‑servizz militari;

(ċ)       huwa jipproduċi r‑riferenzi ta’ karattru xierqa li juru li huwa tajjeb biex iwettaq id‑dmirijiet tiegħu;

(d)       huwa, suġġett għall‑Artikolu 29(2), għadda minn kompetizzjoni bbażata fuq jew kwalifiki jew eżamijiet, jew kemm kwalifiki kif ukoll eżamijiet, kif provdut fl‑Anness III;

(e)       huwa fil‑forma fiżika xierqa biex iwettaq id‑dmirijiet tiegħu; u

(f)      huwa jipproduċi evidenza ta’ għarfien komplut ta’ waħda mill‑lingwi tal‑Komunitajiet u ta’ għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa oħra tal‑Komunitajiet sal‑punt meħtieġ biex iwettaq id‑dmirijiet tiegħu.”

4        L‑Artikolu 29 tar‑Regolamenti tal-Persunal jipprovdi:

“1.      Qabel ma jimtela posizzjoni battala f’istituzzjoni, l‑Awtorità tal‑Ħatra għandha l‑ewwel tikkunsidra:

(a)       jekk il‑posizzjoni tistax timtela bi:

[…]

ġewwa l‑istituzzjoni;

(b)      jekk talbiet għal trasferiment kienux riċevuti mill-uffiċjali ta’ l-istess grad f’istituzzjonijiet oħra, u/jew jekk tinżammx kompetizzjoni interna għall-istituzzjoni, […]:

jimxu mal-proċedura tal-kompetizzjonijiet, fuq il bażi jew ta’ kwalifikazzjonijiet jew ta’ eżamijiet, […] Il-proċedura tista’ l-istess tkun segwita għall-iskop biex tkun kostitwita riserva għall reklutaġġ futur.

2. Proċedura oħra barra l‑proċedura tal‑kompetizzjoni tista’ tkun adottata mill‑Awtorità tal‑Ħatra għar‑reklutaġġ ta’ l‑uffiċjali għolja […], f’każijiet ta’ eċċezzjoni, ukoll għar‑reklutaġġ għal posizzjonijiet li jeħtieġu kwalifiki speċjali.

3. L‑istituzzjonijiet jistgħu jorganizzaw kompetizzjonijiet interni għal kull grupp tal‑funzjoni fuq il‑bażi tal‑kwalifiki u l‑eżamijiet għall‑istituzzjonijiet ikkonċernati, li għandhom ikunu fil‑livell tal‑grad AST jew ogħla, u f’livell tal grad AD 9 jew ogħla […]

4. Darba kull ħames snin il Parlament Ewropew għandu jorganizza kompetizzjoni interna fuq il bażi tal kwalifiki u l eżamijiet għal kull grupp tal funzjoni, li jkunu ta’ livell tal grad AST 6 jew ogħla, u l livell tal grad AD 9 jew ogħla […].”

5        L‑Artikolu 30 tar-Regolament tal-Persunal jgħid:‑

“Għal kull kompetizzoni, kumitat ta’ l‑għażla jinħatar mill‑awtorità tal‑ħatra. Dan il‑kumitat għandu jħejji lista ta’ kandidati xierqa.

[…]”

6        L‑Anness III tar‑Regolamenti tal-Persunal, intitolat “Il‑Proċedura tal‑Kompetizzjoni”, jipprovdi fl‑Artikolu 3 tiegħu:

“Il‑Bord ta’ l‑Għażla għandu jkun magħmul minn president innominat mill‑Awtorità tal‑Ħatra u minn membri nnominati mill‑Awtorità tal‑Ħatra u l‑Kumitat tal‑Persunal, kull wieħed jinnomina l‑istess numru.

Għall‑kompetizzjonijiet miftuħa komuni għal żewġ istituzzjonijiet jew aktar, il‑Bord ta’ l‑Għażla jkun magħmul minn president maħtur mill‑awtorità tal‑ħatra imsemmija l‑Artikolu 2(2) tar‑Regolamenti tal‑Persunal u mill‑membri maħtura mill‑awtorità tal‑ħatra imsemmija l‑Artikolu 2(2) tar‑Regolamenti tal‑Persunal fuq proposta mill‑istituzzjonijiet, kif ukoll mill‑membri maħtura bi ftehim bejn il‑Kumitati tal‑Persunal ta’ l‑istituzzjonijiet, b’tali mod li jiżguraw rappreżentanza ndaqs.

Għal ċerti eżamijiet, il‑Bord ta’ l‑Għażla jista’ jkun assistit minn eżaminatur wieħed jew aktar li jservi f’kapaċità ta’ konsulenza.

Il‑membri tal‑Bord ta’ l‑Għażla għandhom jintgħażlu mill‑uffiċjali li grupp tal‑funzjoni u l‑grad tagħhom huw mill‑anqas daqs dak tal‑posizzjoni li għandha timtela.

Jekk il‑bord ta’ l‑għażla jikkonsiti minn aktar minn erba’ membri, ikun magħmul minn mill‑anqas żewġ membri ta’ kull sess.”

7        Skont l‑Artikolu 5 tal‑Anness III tar‑Regolamenti tal-Persunal:

“Wara li teżamina dawn il‑fajls, il‑Bord ta’ l‑Għażla għandha tħejji lista ta’ kandidati, li jħarsu l‑ħtiġiet ippreżentati fl‑avviż tal‑kompetizzjoni.

[…]

Meta jkunu lesti l‑proċeduri tagħha, il‑Bord ta’ l‑Għażla għndha tħejji lista ta’ kandidati xierqa pprovduti fl‑Artikolu 30 tar‑Regolamenti tal‑Persunal; kulmeta possibbli l‑lista għandu jkun fiha mill‑anqas ismijiet id‑doppju tan‑numru tal‑posizzjonijiet li għandhom jimtlew.

Il‑Bord ta’ l‑Għażla għandha tgħaddi din il‑lista lill‑awtorità tal‑ħatra, flimkienma’ rapport bir‑raġunijiet mill‑Bord ta’ l‑Għażla, inklużi xi kummenti li l‑membri tagħha jitgħu jixtieq jagħmlu.”

8        L‑Artikolu 7 tal‑Anness III tar‑Regolamenti tal-Persunal jipprovdi:

“1. L‑istituzzjoniet għandhom, wara konsultazzjonijiet mal‑Kumitat tar‑Regolamenti tal‑Persunal, jafdaw lill‑[EPSO] bir‑responsabbiltà biex jieħu l‑miżuri meħtieġa biex jiżgura li standards uniformi huma applikati fil‑proċeduri ta’ l‑għażla ta’ l‑uffiċjali tal‑[Unjoni], u fl‑istima u fil‑proċeduri ta’ l‑eżami, riferuti fl‑Artikoli 45 u 45a tar‑Regolamenti tal‑Persunal.

2. Il‑kompitu ta’ l‑[EPSO] jkun li:

(a)       jorganizza, fuq talba ta’ l‑istituzzjonijiet individwali, kompetizzjonijiet individwali [miftuħa];

(b)       jipprovdi, fuq it talba ta’ l-istituzzjonijiet individwali, appoġġ tekniku għall kompetizzjonijiet interni, organizzati minnhom;

(ċ)      jistabbilixxi l-kontenut ta’ l eżamijiet kollha, organizzati mill istituzzjonijiet sabiex jiżgura li l-ħtiġijiet ta’ l-Artikolu 45a (1)(ċ) tar-Regolamenti tal‑Persunal jitħarsu b’mod armoniżżat u konsistenti.

(d)       jassumi responsabbiltà ġenerali għad‑definizzjoni u l‑organizzazzjoni ta’ listima ta’ l‑abiltà lingwista, sabiex jiżgura li l‑ħtiġijiet ta’ l‑Artikolu 45(2) tar‑Regolamenti tal‑Persunal jitħarsu b’mod armoniżżat u konsistenti.

3. L‑[EPSO] jista’, fuq it‑talba ta’ istituzzjonijiet individwali, iwettaq kompiti oħra konnessi ma’ l‑għażla ta’ l‑uffiċjali.

4. L-[EPSO] għandu, fuq it-talba tagħhom, jipprovdi assistenza lill-istituzzjonijiet differenti bil-għan li jintgħażel persunal temporanju u persunal bil-kuntratt, partikolarment billi jkun definit il-kontenut ta’ l-eżami u li jkunu organizzati l-proċedura ta’ l-għażla fil-qafas ta’ l-Artikoli 12 u 82 tal-Kondizzjonijiet ta’ ħaddiema oħra.”

9        Skont il‑premessi tad‑Deċiżjoni 2002/620/KE tal‑Parlament Ewropew, tal‑Kunsill, tal‑Kummissjoni, tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, tal‑Qorti tal‑Awdituri, tal‑Kumitat Ekonomiku u Soċjali, tal‑Kumitat u tar‑Reġjuni u tal‑Ombudsman Ewropew tal‑25 ta’ Lulju 2002 li tistabbilixxi Uffiċċju għas‑Selezzjoni tal‑Persunal tal‑Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 46) (iktar ’il quddiem id‑“Deċiżjoni li tistabilixxi l‑EPSO”):

“(1) Fl‑interess li jagħmlu użu effiċjenti u ekonomiku tar‑rizorsi, korp interistituzzjonali komuni għandu jkun inkarigat li jagħzel uffiċjali u aġenti oħra biex iservu l-Komunitajiet Ewropej

(2) Il‑korp interistituzzjonali hekk stabbilit għandu jkollu l‑kompitu li jfassal listi ta’ riservi minn fost kandidati f’kompetizzjonijiet miftuħa skond il‑ħtiġijiet indikati minn kull istituzzjoni u konformi mar‑Regolamenti tal‑Persunal, bid‑deċiżjonijiet li jinħatru kandidati li jirnexxu jittieħdu minn kull awtorità ta’ ħatra.

[...]”

10      L‑Artikolu 2(1), tad‑Deċiżjoni li tistabilixxi l‑EPSO, jgħid:

“L‑Uffiċċju għandu jeserċita s‑setgħa ta’ l‑għażla mogħti lilu taħt l‑ewwel paragrafu ta’ l‑Artikolu 30 tar‑Regolamenti tal‑Persunal u taħt l‑Anness III tagħhom meta l‑awtoritajiet tal‑ħatra ta’ l‑istituzzjonijiet jiffirmaw din id‑deċiżjoni.[…]”

11      Skont l‑Artikolu 3 tad‑Deċiżjoni li tistabilixxi l‑EPSO:

“1. B’rispons għat‑talbiet magħmula lilu mill‑awtoritajiet tal‑ħatra msemmijja fl‑Artikolu 2, l‑Uffiċċju għandu jfassal listi ta’ riserva minn fost kandidati f’kompetizzjonijiet miftuħa kif imsemmi fl‑ewwel paragrafu ta’ l‑Artikolu 30 tar‑Regolamenti tal‑Persunal u skond l‑Anness III tagħhom.

2. L‑[EPSO] jista’ jgħin lill‑istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji stabbiliti minn jew skond it‑Trattati f’kompetizzjonijiet interni u fl‑għażla ta’ aġenti oħrajn.”

12      L‑Artikolu 1 tad‑Deċiżjoni 2002/621/KE tas‑Segretarjat Ġenerali tal‑Parlament Ewropew, il‑Kunsill, il‑Kummissjoni, ir‑Reġistratur tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, is‑Segretarjat Ġenerali tal‑Qorti tal‑Awdituri, il‑Kumitat Ekonomiku u Soċjali, il‑Kumitat tar‑Reġjuni, u r‑Rappreżentant tal‑Ombudsman Ewropew tal‑25 ta’ Lulju 2002 dwar l‑organizzazzjonijiet u l‑ħidma tal‑Uffiċċju għas‑selezzjoni tal‑persunal tal‑Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti: Kapitolu 1 Vol. 4 p. 48) (iktar il‑quddiem id‑“Deċiżjoni dwar l‑organizzazzjonijiet u l‑ħidma tal‑EPSO”) jipprovdi:

“1. L‑[EPSO] għandu jorganizza kompetizzjonijiet miftuħa bil‑għan li jiġu garantiti lill‑istituzjonijiet tal‑Kominatajiet Ewropej, is‑servizzi ta’ l‑uffiċjali fl‑aħjar kondizzjonijiet professjonali u finanzjarji. L‑[EPSO] għandu joħloq lista riservata li tgħin l‑istituzzjoni, fir‑reklutaġġ ta’ persunal bi kwalifiki għolja skond il‑bżonnijiet determinati mill‑istess istituzzjonijiet.

2. Iktar fid‑dettal, il‑kompiti ta’ l‑[EPSO] għandhom ikunu li:

(a) jorganizza kompetizzjonijiet ġenerali fuq it‑talba ta’ l‑istituzzjonijiet individwali, bl‑iskop li jinħolqu listi riservati għall‑kandidati tajba biex jinħatru uffiċjali. Il‑Kompetizzjoni għandha tiġi organizzata skond ir‑Regolamenti tal‑Persunal, fuq il‑bażi ta’ kriterja armonizzata stabbiliti fl‑Artikolu 6(ċ) u skond il‑programm ta’ ħidma approvat mil‑Bord Amministrattiv;

(b) jikkopera fil‑qrib ma’ l‑istituzzjonijiet bil‑għan li ssir stima tal‑bżonnijiet futuri indikati mill‑istituzzjonijiet kif ukoll jipprepara u jimplimenta l‑programm ta’ kompetizzjoni sabiex jintlaħqu dawn il‑bżonnijiet fiż‑żmien opportun.

(ċ) jiżviluppa metodi u teknika ta’ selezzjoni skond prassi tajba u skond profili ta’ abilita’ kif rikjesti mill‑istituzzjonijiet f’diversi kategoriji tal‑persunal;

(d) jamministra u jikkontrolla l‑użu tal‑listi riservati stabbiliti abbażi ta’ kompetizzjoni bejn l‑istituzzjonijiet;

(e) jippreżenta, kull sena, rapporti dwar l‑attivitajiet ta’ kull sena lil istituzzjonijiet.”

13      Skont l‑Artikolu 2 tad‑Deċiżjoni dwar l‑organizzazzjonijiet u l‑ħidma tal‑EPSO:

“L‑awtorita li għandha l‑poter li tinnomina f’kull istituzzjoni għandha tqiegħed għad‑dispożizzjoni ta’ l‑[EPSO] numru suffiċjenti ta’ membri, eżaminaturi u inviġilaturi tal‑bord tas‑selezzjoni [Bord tal-Għażla], abbażi ta’ kwota approvata mill‑Bord ta’ l‑amminsitrazzjoni msemmija fl‑Artikolu 6(i), sabiex tiffaċilita il‑proċeduri ta’ selezzjoni skond l‑Artikolu 3 ta’ l‑Anness III tar‑Regolamenti tal‑Personal.”

14      L‑Artikolu 5(1) tad‑Deċiżjoni dwar l‑organizzazzjonijiet u l‑ħidma tal‑EPSO jipprovdi:

“Għandu jittwaqqaf Bord ta’ l‑amministrazzjoni għall‑[EPSO], li jikkonsisti f’membru maħtur minn kull istituzzjoni u tliet rappreżentati tal‑persunal bl‑istat ta’ osservaturi b’kunsens komuni tal‑kumintati tal‑persunal ta’ l‑istituzzjonijiet.”

15      L‑Artikolu 6 tad‑Deċiżjoni dwar l‑organizzazzjonijiet u l‑ħidma tal‑EPSO jgħid:

“Għall‑interess komuni ta’ l‑istituzjonijiet, il‑Bord ta’ l‑amministrazzjoni għandu: [...]

(ċ)      [...] japprova il‑prinċipji li jirregolaw il‑politika tas‑selezzjoni li l‑[EPSO] għandu jimxi magħha

[...]

 Il‑fatti li wasslu għall‑kawża

16      Fil‑15 ta’ Novembru 2006, l‑EPSO ippubblika l‑avviż tal‑Kompetizzjoni Ġenerali EPSO/AD/77/06 (ĠU C 277 A, p. 3, iktar ’il quddiem il‑“kompetizzjoni kkontestata”) li kellu jistabbilixxi lista ta’ riżerva ta’ amministraturi lingwisti ta’ grad AD 5, tal‑lingwa Griega, fil‑qasam tat‑traduzzjoni. Skont l‑avviż tal‑kompetizzjoni, il‑kandidati kellhom jagħżlu, bejn żewġ għażliet, imsemmija għażla 1 u għażla 2, dik li tikkorispondi mal‑konoxxenzi lingwistiċi tagħhom. Kemm it‑tieni kif ukoll it‑tielet lingwa tal‑kandidati kellha tkun il‑Ġermaniż, l‑Ingliż jew il‑Franċiż.

17      Wara li ħadem minn Jannar 1982 sa Diċembru 1991 bħala traduttur mal‑Kummissjoni tal‑Komunitajiet Ewropej, ir‑rikorrent, ta’ nazzjonalità Ellenika, kien kandidat fil‑kompetizzjoni msemmija iktar ’il fuq għall‑għażla 1.

18      Il‑kompetizzjoni kienet tikkonsisti fi tliet fażijiet. Skont it‑taqsima B tal‑avviż tal‑kompetizzjoni, l‑ewwel fażi, jew il‑fażi preliminari, kienet tikkonsisti f’żewġ testijiet ta’ ammissjoni, ta’ 30 mistoqsija b’għażla multipla kull wieħed, l‑ewwel wieħed sabiex jevalwa l‑konoxxenzi relatati mal‑Unjoni Ewropea, l‑istituzzjonijiet tagħha u l‑politika tagħha (iktar ’il quddiem it‑“test a”) u t‑tieni sabiex jevalwa l‑ħiliet u l‑kapaċità ġenerali tal‑kandidati fil‑qasam ta’ raġunament verbali u numeriku (iktar ’il quddiem it‑“test b”). Skont it‑taqsima Ċ tal‑avviż tal‑kompetizzjoni, it‑tieni fażi kienet tikkonsisti fi prova bil‑miktub u t‑tielet fi prova orali. Skont it‑taqsima B tal‑avviż tal‑kompetizzjoni, u dik li tirrigwarda l‑għażla 1, il‑110 kandidat biss li jkunu kisbu l‑aħjar marki fit‑testijiet ta’ ammissjoni, u fi kwalunkwe każ, il‑minimu meħtieġ, jiġifieri ħames punti fuq għaxra fit‑test a) u għaxar punti fuq għoxrin fit‑test b), kellhom jiġu mistiedna sabiex jissottomettu applikazzjoni kompleta għall‑ammissjoni tagħhom għat‑tieni fażi tal‑kompetizzjoni; in‑numru tal‑kandidati tal‑għażla 2 li setgħu jiġu ammessi għat‑tieni fażi ġie ffissat għal 30.

19      Mit‑taqsima D tal‑avviż tal‑kompetizzjoni jirriżulta li l‑applikazzjonijiet kellhom jiġu sottomessi b’mod elettroniku. B’mod iktar speċifiku, kull kandidat ġie mistieden sabiex l‑ewwel jikkrea fajl elettroniku bid‑dettalji personali permezz tas‑sistema informatika tal‑EPSO. Wara li jirreġistra l‑fajl tiegħu, il‑kandidat seta’ jippreżenta applikazzjoni elettronika għall‑parteċipazzjoni fil‑kompetizzjoni. Jekk l‑applikazzjoni tkun ġiet ippreżentata fil‑ħin, l‑EPSO jibgħatlu avviż elettroniku sabiex jipparteċipa għall‑fażi preliminari tal‑kompetizzjoni, wara jiddiriġih lejn sit internet ta’ sieħeb kuntrattwali estern, li l‑EPSO kien fdalu l‑organizzazzjoni u l‑implementazzjoni tal‑fażi preliminari tal‑kompetizzjoni. Fuq is‑sit ta’ dan is‑sieħeb kuntrattwali, il‑kandidat kellu jirriżerva elettronikament data u ħin ta’ eżami fil‑perijodu bejn l‑10 ta’ April u l‑4 ta’ Mejju 2007, matul liema perijodu t‑testijiet ta’ ammissjoni kellhom isiru f’diversi ċentri ta’ eżamijiet.

20      Dawn it‑testijiet, li, kif kienet pprovdiet it‑taqsima B tal‑avviż tal‑kompetizzjoni, kienu mwettqa fuq kompjuter, saru għaldaqstant f’postijiet u dati li kienu differenti għal kull kandidat. Il‑mistoqsijiet, li kienu wkoll differenti għal kull kandidat, intgħażlu b’mod każwali minn bażi ta’ data li kien fiha ammont ta’ mistoqsijiet, ipprovduti lill‑EPSO minn sieħeb kuntrattwali estern. Il‑Bord tal-Għażla tal‑kompetizzjoni kkontestata ma interveniex ħlief wara l-eżitu tat‑testijiet ta’ ammissjoni u għaldaqstant fil‑fażi tal‑provi bil‑miktub u orali biss. Skont il‑punt 2 tat‑taqsima E, tal‑avviż tal‑kompetizzjoni, l‑ismijiet tal‑membri tal‑Bord tal-Għażla ġew ippublikati fuq is‑sit internet tal‑EPSO ħmistax‑il ġurnata qabel ma bdew il‑provi bil‑miktub.

21      Wara l‑parteċipazzjoni tar‑rikorrent fit‑test ta’ ammissjoni, l‑EPSO bagħtlu, fil‑31 ta’ Mejju 2007, b’mod elettroniku, il‑marki li huwa kien kiseb fit‑testijiet a) u b), filwaqt li informah li dawn il‑marki “għalkemm iktar jew daqs il‑minimu meħtieġ (kienu) insuffiċjenti sabiex huwa jiġi inkluż mal‑kandidati li kisbu l‑aħjar 110 marka skont ir‑regoli ddettaljati stabbiliti fit‑taqsima B tal‑avviż tal‑kompetizzjoni”. Fil‑fatt, ġie indikat f’din il‑posta elettronika li r‑rikorrent kien kiseb 18.334/30 punti, filwaqt li l‑aħjar 110 kandidat kienu kisbu minn l‑inqas 21.333/30.

22      Permezz ta’ ittra tal‑4 ta’ Ġunju 2007, ir‑rikorrent talab lill‑EPSO kopja tat‑tweġibiet tiegħu tat‑testijiet a) u b) kif ukoll kopja tal‑mistoqsijiet b’għażla multipla ta’ dawn it‑testijiet, flimkien mal‑lista ta’ tweġibiet korretti.

23      Fis‑27 ta’ Ġunju 2007, l‑EPSO ta risposta negattiva, filwaqt li rriżerva li jagħti spjegazzjoni f’“Gwida għall‑applikanti” futura. B’mod iktar partikolari, l‑EPSO għamel distinzjoni bejn “it‑testijiet preliminari”, li kienu seħħew f’kompetizzjonijiet preċedenti u għal‑liema l‑komunikazzjoni tal‑mistoqsijiet u tar‑risposti kienet awtorizzata, u “it‑testijiet ta’ ammissjoni”, bħal dawk tal‑kompetizzjoni kkontestata, għal‑liema l‑komunikazzjoni tal‑mistoqsijiet u tar‑risposti kellha tiġi eskluża.

24      Ir‑rikorrent ikkontesta “il‑validità u l‑kontenut” tad‑deċiżjoni tal‑EPSO, tal‑31 ta’ Mejju 2007, billi ppreżenta lment skont l‑Artikolu 90(2), tar‑Regolamenti tal‑Persunal, fejn, billi lmenta, minn naħa, il‑ksur tal‑prinċipji ta’ ugwaljanza, ta’ oġġettività u ta’ trasparenza kif ukoll tal‑obbligu ta’ motivazzjoni tad‑deċiżjoni tal‑31 ta’ Mejju 2007 u, min‑naħa l‑oħra, ta’ żbalji ta’ evalwazzjoni li “il‑Bord tal-Għażla tat‑testijiet ta’ ammissjoni (jiġifieri l‑kompjuter)” bilfors wettaq matul il‑korrezzjoni tat‑testijiet ta’ ammissjoni tiegħu fid‑dawl tal‑esperjenza professjonali tiegħu, huwa talab li l‑EPSO jirrevedi l‑kontenut ta’ din id‑deċiżjoni wara reviżjoni tat‑testijiet ta’ ammissjoni tiegħu u jinformah jekk, u fil‑pożittiv, liema, mill‑mistoqsijiet fit‑testijiet ta’ ammissjoni kienu ġew “newtralizzati” mill‑Bord tal-Għażla.

25      Permezz ta’ posta elettronika tas‑26 ta’ Novembru 2007, l‑EPSO bagħat lir‑rikorrent, għal dak li jirrigwarda t‑testijiet a) u b), dikjarazzjoni li fiha kienu jinsabu n‑numri tal‑mistoqsijiet b’għażla multipla li ġew mistoqsija, l‑ittri li jikkorispondu għat‑tweġibiet tar‑rikorrent u dawk li jikkorrispondu għat‑tweġibiet korretti, mingħajr madankollu ma ġew żvelati t‑testi ta’ dawn il‑mistoqsijiet u t‑tweġibiet. Minn dan id‑dokument jirriżulta li, minn 30 mistoqsija b’għażla multipla fil‑qasam ta’ raġunament verbali u numeriku, ir‑rikorrent wieġeb b’mod korrett 16‑il mistoqsija, filwaqt li, minn 30 mistoqsija fil‑qasam ta’ konoxxenza relatata mal‑Unjoni Ewropea, huwa wieġeb b’mod korrett 23 mistoqsija.

26      Permezz ta’deċiżjoni tas‑6 ta’ Diċembru 2007, li fiha ddikjara li kien irreveda, minn naħa, il‑fajl tar‑rikorrent dwar l‑ipproċessar awtomatizzat tat‑testijiet ta’ ammissjoni tiegħu u, min‑naħa l‑oħra, il‑konsegwenzi tan‑newtralizzazzjoni ta’ ċerti mistoqsijiet fuq il‑marki tiegħu, l‑EPSO ċaħad l‑ilment u kkonferma d‑deċiżjoni tiegħu tal‑31 ta’ Mejju 2007. Fir‑rigward, b’mod iktar partikolari, tal‑mistoqsijiet newtralizzati, l‑EPSO indika li effettivament seba’ mistoqsijiet kienu ġew newtralizzati minn “kumitat konsultattiv”, li kien responsabbli għall‑kontroll tal‑kwalità tal‑mistoqsijiet inklużi fil‑bażi ta’ data, iżda li fit‑testijiet ta’ ammissjoni tar‑rikorrent ma kienu inklużi l‑ebda mill‑mistoqsijiet newtralizzati.

 It‑talbiet tal‑partijiet u l‑proċedura

27      Ir‑rikorrent jitlob lit‑Tribunal għas‑Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jannulla d‑deċiżjonijiet tal‑EPSO tal‑31 ta’ Mejju 2007 u tas‑6 ta’ Diċembru 2007, kif ukoll kull att relatat;

–        jikkundanna lill‑Kummissjoni għall‑ispejjeż;

28      Il‑Kummissjoni titlob lit‑Tribunal għas‑Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jiċħad ir‑rikors bħala manifestament infondat;

–        jikkundanna lir‑rikorrent għall‑ispejjeż.

29      Permezz ta’ ittra li waslet fir‑Reġistru tat‑Tribunal għas‑Servizz Pubbliku fil‑31 ta’ Lulju 2008, il‑Kontrollur Ewropew għall‑Protezzjoni tad‑Data (KEPD) talab sabiex jintervjeni fil‑kawża insostenn tat‑talbiet tar‑rikorrent. L‑osservazzjonijiet tal‑partijiet prinċipali dwar din it‑talba waslu fir‑Reġistru tat‑Tribunal għas‑Servizz Pubbliku fit‑8 u fit‑12 ta’ Settembru 2008 rispettivament.

30      Permess ta’ digriet tal‑President tal‑Ewwel Awla tat‑Tribunal għas‑Servizz Pubbliku, tal‑20 ta’ Novembru 2008, il‑Kontrollur Ewropew għall‑Protezzjoni tad‑Data (KEPD) ingħata l‑permess sabiex jintervjeni. In‑nota ta’ intervent tal‑KEPD waslet fir‑Reġistru tat‑Tribunal għas‑Servizz Pubbliku fid‑29 ta’ Jannar 2009. F’din in‑nota, filwaqt li l‑ewwel nett ammetta li d‑deċiżjonijiet relatati mal‑organizzazzjoni ta’ kompetizzjoni u l‑għażla tal‑kandidati għall‑fażi ta’ wara ta’ kompetizzjoni ma jaqgħux taħt il‑kompetenza tiegħu, il‑KEPD ippreċiża li, għaldaqstant, l‑intervent tiegħu kellu jinftiehem bħala wieħed li jirrigwarda biss it‑talba tar‑rikorrent li jkollu aċċess għal ċerti dokumenti tal‑kompetizzjoni, u dan insostenn tal‑ewwel motiv tiegħu, ibbażat fuq in‑nuqqas ta’ motivazzjoni tad‑deċiżjonijiet tal‑31 ta’ Mejju 2007 u tas‑6 ta’ Diċembru 2007.

31      Il‑Kummissjoni u r‑rikorrent ippreżentaw osservazzjonijiet dwar din in‑nota ta’ intervent permezz ta’ ittri tal‑5 ta’ Marzu 2009.

32      B’mod parallel mar‑rikors tiegħu quddiem it‑Tribunal għas‑Servizz Pubbliku, ir‑rikorrent ippreżenta, fil‑31 ta’ Mejju 2007, rikors quddiem il‑Qorti tal‑Prim’Istanza (li saret il‑Qorti Ġenerali), kontra r‑rifjut tal‑applikazzjoni konfermatorja tiegħu provduta fl‑Artikolu 8 tar‑Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2001 dwar l‑aċċess pubbliku għad‑dokumenti tal‑Parlament Ewropew, tal‑Kunsill u tal‑Kummissjoni. Il‑proċedura hija bħalissa pendenti u l‑kawża hija rreġistrata taħt in‑numru T‑374/07.

33      Sabiex jiġu żgurati, fl‑aħjar kundizzjonijiet, il‑preparamenti tal‑kawża u l‑iżvolġiment tal‑proċedura, it‑Tribunal għas‑Servizz Pubbliku adotta miżuri ta’ organizzazzjoni tal‑proċedura, ipprovduti fl‑Artikoli 55 u 56 tar‑Regoli tal‑Proċedura. Għal dan il-għan, il‑Kummissjoni ġiet mistiedna, permezz ta’ ittri tar‑Reġistru tal‑Qorti Ġenerali, tat‑18 ta’ Novembru 2009 u tat‑8 ta’ Diċembru 2009, sabiex tispeċifika l‑kompożizzjoni u r‑rwol tal‑“kumitat konsultattiv” imsemmi fil‑punt 26 ta’ din is‑sentenza.

34      Permezz ta’ ittri li waslu fir‑Reġistru tat‑Tribunal għas‑Servizz Pubbliku fl‑24 ta’ Novembru 2009 u fl‑14 ta’ Diċembru 2009 b’faks, il‑Kummissjoni rreferiet għat‑talbiet tat‑Tribunal għas‑Servizz Pubbliku fil‑kuntest tal‑miżuri ta’ organizzazzjoni tal‑proċedura.

 Fuq is‑suġġett tal‑kawża

35      Minbarra l‑annullament tad‑deċiżjoni tal‑EPSO, tal‑31 ta’ Mejju 2007, li tinformah bil‑falliment tiegħu mit‑testijiet ta’ ammissjoni tal‑kompetizzjoni kkontestata, ir‑rikorrent jitlob l‑annullament tad‑deċiżjoni tal‑EPSO, tas‑6 ta’ Diċembru 2007, li tiċħad l‑ilment tiegħu kontra d‑deċiżjoni tal‑31 ta’ Mejju 2007.

36      Skont ġurisprudenza stabbilita, ir‑rikors minn uffiċjal ippreżentat formalment kontra ċ‑ċaħda espliċita jew impliċita ta’ ilment għandu l‑effett li jressaq quddiem it‑Tribunal għas‑Servizz Pubbliku kontestazzjoni tal‑att li jikkawża preġudizzju li fir‑rigward tiegħu ġie ppreżantat l‑ilment (sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tas‑17 ta’ Jannar 1989, Vainker vs Il‑Parlament, 293/87, Ġabra p. 23, punt 8; sentenza tal‑Qorti tal‑Prim’Istanza tal‑10 ta’ Diċembru 1992, Williams vs Il‑Qorti tal‑Awdituri, T‑33/91, Ġabra p. II‑2499, punt 23).

37      Fil‑fatt, deċiżjoni ta’ ċaħda, kemm jekk impliċita jew espliċita, ma tagħmilx, jekk hija pura u sempliċi, ħlief tikkonferma l‑att jew l‑astensjoni, li l‑ilmentatur jilmenta, u ma tikkostiwixxix, waħedha, att li jista’ jiġi kkontestat (sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tat‑28 ta’ Mejju 1980, Kuhner vs Il‑Kummissjoni, 33/79 u 75/79, Ġabra p. 1677, punt 9; digriet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tas‑16 ta’ Ġunju 1988, Progoulis vs Il‑Kummissjoni, 371/87, Ġabra p. 3081, punt 17; sentenzi tal‑Qorti tal‑Prim’Istanza tat‑12 ta’ Diċembru 2002, Morello vs Il‑Kummissjoni, T‑338/00 u T‑376/00, ĠabraSP p. I‑A‑301 u II‑1457, punt 34, u tat‑2 ta’ Marzu 2004, Di Marzio vs Il‑Kummissjoni, T‑14/03, ĠabraSP p. I‑A‑43 u II‑167, punt 54).

38      Il‑kwalità ta’ att li jikkawża preġudizzju ma jistax jiġi rrikonoxxut fir‑rigward ta’ att purament konfermatorju, kif huwa l‑każ ta’ att li ma għandu l‑ebda element ġdid meta mqabbel ma’ att preċedenti li kkawża preġudizzju u li għaldaqstant ma jissostwixxix dan l‑att (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tal‑10 ta’ Diċembru 1980, Grasselli vs Il‑Kummissjoni, 23/80, Ġabra p. 3709, punt 18; id‑digriet tal‑Qorti tal‑Prim’Istanza tas‑27 ta’ Ġunju 2000, Plug vs Il‑Kummissjoni, T‑608/97, ĠabraSP p. I‑A‑125 u II‑569, punt 23; is‑sentenza Di Marzio vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 54).

39      Madankollu, ġie deċiż bosta drabi li deċiżjoni espliċita li tiċħad ilment, tista’, fid‑dawl tal‑kontenut tagħha, ma jkollhiex natura konfermatorja tal‑att ikkontestat mir‑rikorrent. Dan huwa l‑każ meta d‑deċiżjoni ta’ ċaħda tal‑ilment tinkludi eżami mil‑ġdid tas‑sitwazzjoni tar‑rikorrent skont punti ġodda ta’ liġi u ta’ fatt jew meta hija temenda jew tikkompleta d‑deċiżjoni inizjali. F’dawn is‑suppożizzjonijiet, iċ‑ċaħda tal‑ilment tikkostitwixxi att suġġet għall‑istħarriġ tal‑qorti, li teħodha inkunsiderazzjoni fl‑evalwazzjoni tal‑legalità tal‑att ikkontestat (sentenzi tal‑Qorti tal‑Prim’Istanza tal‑10 ta’ Ġunju 2004, Eveillard vs Il‑Kummissjoni, T‑258/01, ĠabraSP p. I‑A‑167 u II‑747, punt 31, u tas‑7 ta’ Ġunju 2005, Cavallaro vs Il‑Kummissjoni, T‑375/02, ĠabraSP p. I‑A‑151 u II‑673, punti 63 sa 66; sentenza tat‑Tribunal għas‑Servizz Pubbliku tad‑9 ta’ Settembru 2008, Ritto vs Il‑Kummissjoni, F‑18/08, ĠabraSP p. I‑A‑1‑281 u II‑A‑1‑1495, punt 17), u anki saħansitra tikkunsidraha bħala att li jikkawża preġudizzju li jissostitwixxi ruħu għal dan tal‑aħħar (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza Kuhner vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 9; sentenzi Morello vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ‘ il fuq, punt 35, u tal‑Qorti tal‑Prim’Istanza tal‑14 ta’ Ottubru 2004, Sandini vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, T‑389/02, ĠabraSP p. I‑A‑295 u II‑1339, punt 49).

40      F’dan il‑każ, id‑deċiżjoni tas‑6 ta’ Diċembru 2007 tikkonferma r‑rifjut tal‑EPSO sabiex tagħti l‑isem tar‑rikorrent fost l‑ismijiet tal‑110 kandidat li kisbu l‑aħjar marki fit‑testijiet ta’ ammissjoni tal‑kompetizzjoni kkontestata filwaqt li tirrifjuta l‑argumenti tar‑rikorrent u tiżviluppa dan ir‑rifjut. Fil‑fatt, għalkemm id‑deċiżjoni tal‑31 ta’ Mejju 2007 hija limitata sabiex tinforma lir‑rikorrent bil‑falliment mit‑testijiet ta’ ammissjoni tal‑kompetizzjoni kkontestata, id‑deċiżjoni tas‑6 ta’ Diċembru 2007 tibbaża, madankollu, fuq bosta raġunijiet li ma kinux jinsabu fid‑deċiżjoni tal‑31 ta’ Mejju 2007. Barra minn hekk, id‑deċiżjoni tas‑6 ta’ Diċembru 2007 tinkludi l‑element il‑ġdid tan‑newtralizzazzjoni ta’ ċerti mistoqsijiet fil‑kuntest tat‑testijiet ta’ ammissjoni.

41      F’dawn iċ‑ċirkustanzi, id‑deċiżjoni tas‑6 ta’ Diċembru 2007, li tikkomplementa d‑deċiżjoni tal‑31 ta’ Mejju 2007, ma tikkostwixxix att konfermatorju ta’ din id‑deċiżjoni tal‑aħħar u għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fl‑istħarriġ tal‑legalità li t‑Tribunal għas‑Servizz Pubbliku għandu jeżerċita.

42      Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li r‑rikors jirrekjedi lit‑Tribunal għas‑Servizz Pubbliku li jiddeċiedi talbiet għall‑finijiet ta’ annullament tad‑deċiżjoni tal‑31 ta’ Mejju 2007, hekk kif ikkompletata bid‑deċiżjoni tas‑6 ta’ Diċembru 2007 (iktar ’il quddiem id‑“deċiżjonijiet ikkontestati”).

 Fuq it‑talbiet għall‑finijiet ta’ annullament tad‑deċiżjonijiet ikkontestati

43      Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm id‑deċiżjoni tal‑31 ta’ Mejju 2007 hija limitata li tinforma lir‑rikorrent bil‑falliment tiegħu mit‑testijiet ta’ ammissjoni tal‑kompetizzjoni kkontestata, it‑talbiet għall‑finijiet ta’ annullament ta’ din id‑deċiżjoni għandhom jinftiehmu bħala intiżi għall‑istess deċiżjoni li r‑rikorrent jiġi eskluż mil‑lista tal‑110 kandidat li kisbu l‑aħjar marki fit‑testijiet ta’ ammissjoni inkwistjoni.

44      Insostenn tat‑talbiet tiegħu għall‑finijiet ta’ annullament tad‑deċiżjonijiet ikkontestati, ir‑rikorrent jinvoka erba’ motivi bbażati, l‑ewwel nett, fuq in‑nuqqas ta’ motivazzjoni tad‑deċiżjonijiet inkwistjoni, it‑tieni nett, fuq in‑nuqqas ta’ kompetenza tal‑EPSO li telimina kandidati fil‑fażi preliminari tal‑kompetizzjoni inkwistjoni, it‑tielet nett, fuq il‑ksur ta’ prinċipji ta’ ugwaljanza, ta’ oġġettività u ta’ proporzjonalità u, ir‑raba’ nett, fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni.

45      Qabel kollox, għandu jiġi eżaminat it‑tieni motiv.

 L‑argumenti tal‑partijiet

46      Ir‑rikorrent jallega li l‑EPSO ma kellux kompetenza biex jgħażel is‑suġġetti tat‑testijiet tal‑ammissjoni għal fażi preliminari, minħabba li l‑għażla tas‑suġġetti taffetwa s‑sustanza tal‑eżamijiet u taqa’ taħt il‑kompetenza tal‑Bord tal-Għażla. Meta jagħmel hekk, l‑EPSO jkun qiegħed jabbuża illegalment mis‑setgħat tal-“eżaminatur” li ma għandhomx ikunu ħlief f’idejn il‑Bord tal-Għażla tal‑kompetizzjoni. Ir‑rikorrent iqis, fil‑fatt, li skont id‑deċiżjoni dwar l‑organizzazzjoni u l‑ħidma tal‑EPSO, għandu bħala missjoni unika, li “jorganizza” l‑kompetizzjonijiet, jiġifieri li jevalwa, flimkien mal‑istituzzjonijiet, il‑bżonnijiet tar‑reklutaġġ, jippublika l‑avviż tal‑kompetizzjoni, jiżgura l-iżvolġiment bla xkiel tal‑kompetizzjoni, li jipprovdi infrastruttura teknika u materjali, li jikkontrolla l‑użu tal‑listi riżerva u li jipprepara rapport annwali relatat mal‑attivitajiet tiegħu. F’dan il‑każ, madankollu, l‑EPSO eċċeda l‑kompetenzi tiegħu, hekk kif definiti, u l‑Bord tal-Għażla mhux biss ma stabilixxiex is‑suġġetti, iżda assolutament ma interveniex matul il‑fażi preliminari tal‑kompetizzjoni, liema fatt, fid‑dawl tal‑ġurisprudenza dwar l‑istabbilità tal‑kompożizzjoni tal‑Bord tal-Għażla (sentenza tal‑Qorti tal‑Prim’Istanza tat‑23 ta’ Marzu 2000, Gogos vs il‑Kummissjoni, T‑95/98, ĠabraSP p. I‑A‑51 u II‑219) ma tistax ħlief tikkostitwixxi a fortiori ksur ta’ din il‑ġurisprudenza. In‑nuqqas ta’ intervent tal‑Bord tal-Għażla tal‑kompetizzjoni f’dan l‑istadju huwa għaldaqstant iktar gravi milli l‑fażi preliminari tal‑kompetizzjoni kkontestata hija l‑iktar diffiċli, speċjalment fid‑dawl tan‑numru kbir ta’ kandidati eliminati.

47      Għall‑Kummissjoni, it‑testijiet ta’ammissjoni tal‑fażi preliminari li jippreċedu t‑testijiet ta’ provi msemmija, huma differenti minn dawn, peress li l‑Bord tal-Għażla ma jintervjenix ħlief sabiex jitwettqu dawn tal‑aħħar. Il‑fatt li l‑Bord tal-Għażla jiddetermina l‑mistoqsijiet tat‑testijiet tal‑prova bil‑miktub u orali ma jfissirx li l‑EPSO ma jistax jiddetermina l‑mistoqsijiet fl‑istadju tat‑testijiet ta’ ammissjoni tal‑fażi preliminari. Għaldaqstant huwa żbaljat li r‑rikorrent jallega li l‑Bord tal-Għażla ma ddeterminax il‑mistoqsijiet u li dan naqas kompletament mill‑missjoni tiegħu matul il‑fażi preliminari tal‑kompetizzjoni kkontestata, peress li din il‑fażi ma tikkonċernax ħlief it‑testijiet ta’ammissjoni. Huwa daqstant żbaljat li r‑rikorrent isemmi s‑sentenza Gogos vs il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, peress li ma hemm l‑ebda konnessjoni bejn dan il‑każ u dik is‑sentenza, kemm f’termini tal‑eżistenza tal‑Bord tal-Għażla fil‑kuntest tat‑testijiet tad‑dħul kif ukoll f’termini tal‑kompożizzjoni tal‑Bord tal-Għażla. Il‑Kummissjoni tirrileva li fi kwalunkwe każ skont il‑ġurisprudenza, l‑EPSO għandu setgħa diskrezzjonali wiegħsa sabiex jiddetermina l‑kundizzjonijiet u r‑regoli ddettaljati ta’ organizzazzjoni ta’ kompetizzjoni. Għaldaqstant li kieku ġie pprovat mill‑Qorti tal‑Prim’Istanza f’sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2004, Falcone vs il‑Kummissjoni (T‑207/02, ĠabraSP p. I‑A‑305 u II‑1393, punti 38 sa 40) (iktar ’il quddiem is‑“sentenza Falcone”), li l‑organizzazzjoni tal‑fażi inizjali ta’ qabel is‑selezzjoni tal‑kanditati, jiġifieri ta’ fażi preliminari, sabiex ma jinżammux ħlief dawk minnhom li kisbu l‑aħjar marki, tagħmel parti mis‑setgħa diskrezzjonali tal‑EPSO u li din hija konformi mal‑Artikoli 4 u 5 tal‑Anness III tar‑Regolamenti tal-Persunal u ta’ prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. F’din il‑kawża, li tgħaddi t‑test tal‑fażi ta’ qabel is‑selezzjoni kien, fir‑realtà, il‑kundizzjoni għal parteċipazzjoni fil‑provi bil‑miktub u orali. F’din il‑kawża preżenti, it‑testijiet ta’ ammissjoni jikkostitwixxu kundizzjoni ta’ ammissjoni għal provi bil‑miktub u orali. Għalkemm fil‑każ tas‑sentenza Falcone, il‑prova tal‑fażi preliminari kienet tikkonsisti f’test ta’ qabel is‑selezzjoni, filwaqt li fil‑kawża preżenti din tirrigwarda testijiet ta’ ammissjoni, il‑prinċipju jibqa’ l‑istess.

 Il‑kunsiderazzjonijiet tat‑Tribunal għas‑Servizz Pubbliku

48      Preliminarjament, għandu jiġi osservat, li r‑Regolamenti tal-Persunal jagħtu importanza partikolari lir‑reklutaġġ tal‑uffiċjali, billi jeżiġu, b’mod partikolari, hekk kif jeħtieġ mill‑Artikolu 27 tagħhom, li huma jkollhom l‑ogħla kwalitajiet ta’ kompetenza, effiċjenza u integrità. Għalkemm, skont l‑Artikolu 12(1), tal‑iskema applikabbli ta’ persunal ieħor tal‑Unjoni Ewropea, l‑istess eżiġenza hija wkoll imposta fir‑rigward tar‑reklutaġġ ta’ persunal temporanju, għandu jiġi kkonstatat li l‑kwalitajiet inkwistjoni huma ta’ importanza speċjali għall‑uffiċjali, peress li dawn għandhom id‑dmir, minn naħa, li jwettqu l‑kompiti essenzjali tal‑Unjoni Ewropea u, min‑naħa l‑oħra biex jimpenjaw ruħhom għall‑karriera kollha tagħhom għas‑servizz tal‑Unjoni.

49      Sabiex jintlaħaq l‑għan stabbilit mill‑Artikolu 27 tal‑Regolamenti tal-Persunal, il‑leġiżlatur statutorju, wara li jiddetermina, fl‑Artikolu 28, is‑sitt kundizzjonijiet indispensabbli li persuna għandha tissodisfa sabiex tkun tista’ tinħatar uffiċjali, pprovda, minn naħa, fl‑Artikolu 29, li r‑reklutaġġ tal‑uffiċjal isir, b’regola ġenerali, permezz ta’ kompetizzjoni u, fl‑Artikolu 30, li, għal kull kompetizzjoni, l‑Awtorità tal‑Ħatra tinnomina Bord tal-Għażla, li jistabbilixxi l‑lista riżerva ta’ kandidati, u min‑naħa l‑oħra, rregola b’manjiera ddettalljata, fl‑Anness III tar‑Regolamenti tal-Persunal, il‑proċedura tal‑kompetizzjoni.

50      Mill‑Anness III tar‑Regolamenti tal-Persunal jirriżulta, b’mod partikolari, li r‑regoli tal‑proċedura tal‑kompetizzjoni huma bbażati fuq il‑prinċipju ta’ diviżjoni ta’ kompetenzi bejn l‑Awtorità tal‑Ħatra u l‑Bord tal-Għażla. Filwaqt li tikkostitwixxi manifestazzjoni ta’ awtolimitazzjoni tal‑poter amministrattiv, din id‑dijarkija statutorja turi, għall‑fini tal‑protezzjoni tat‑trasparenza tal‑proċedura tal‑għażla tal‑persunal tal‑Unjoni, ir‑rieda tal‑leġiżlatur statutorju li ma jirriżervax biss għall‑amministrazzjoni l‑kompitu delikat ta’ għażla tal‑persunal inkwistjoni, imma li jinvolvi wkoll, permezz tal‑Bord tal-Għażla (fejn l‑amministrazzjoni hija wkoll rappreżentata), nies minn barra l‑ġerarkija amministrattiva, u b’mod partikolari rappreżentanti tal‑persunal.

51      Fil‑kuntest ta’ din id‑diviżjoni ta’ kompetenzi, hija l‑Awtorità tal‑Ħatra, kif jirriżulta b’mod partikolari mill‑ewwel paragrafu tal‑Artikolu 1 tal‑Anness III tar‑Regolamenti tal-Persunal u tal‑Artikolu 4 tal‑imsemmi Anness, minn naħa li tistabbilixxi l‑avviż ta’ kompetizzjoni, wara li tikkonsulta l‑Kumitat Konġunt, u min‑naħa l‑oħra, li tadotta l‑lista ta’ kandidati li jissodisfaw l‑ewwel tlett kundizzjonijiet elenkati fl‑Artikolu 28 tar‑Regolamenti tal-Persunal sabiex ikunu jistgħu jinħatru.

52      Ladarba din il‑lista tiġi pprovduta mill‑Awtorità tal‑Ħatra lill‑President tal‑Bord tal-Għażla, huwa sussegwentement il‑Bord tal-Għażla nnifsu, kif indikat fl‑Artikolu 5 tal‑Anness III tar‑Regolamenti tal-Persunal, l‑ewwel nett, li jiddetermina l‑lista ta’ kandidati li jissodisfaw il‑kundizzjonijiet stabbiliti mill‑avviż tal‑kompetizzjoni, it‑tieni nett sabiex jipproċedu għall‑provi u, t‑tielet nett, li jistabbilixxi l‑lista riżerva ta’ kandidati u li jipprovdiha lill‑Awtorità tal‑Ħatra.

53      Fid‑dawl ta’ dan ir‑rwol kruċjali fdat lill‑Bord tal-Għażla tal‑kompetizzjoni, il‑leġiżlatur statutorju pprovda ċertu numru ta’ garanziji, li jirrigwardaw kemm l‑istituzzjoni tiegħu u l‑kompożizzjoni tiegħu kif ukoll il‑ħidma tiegħu.

54      Għaldaqstant, għal dak li jirrigwarda l‑istituzzjoni u l‑kompożizzjoni tal‑Bord tal-Għażla, l‑Artikolu 30 tar‑Regolamenti tal-Persunal u l‑Artikolu 3 tal‑Annes III tiegħu huwa pprovdut, l‑ewwel nett, li għal kull kompetizzjoni l‑Awtorità tal‑Ħatra tinnomina Bord tal-Għażla, it‑tieni nett, li, apparti mill‑president tal‑Bord tal-Għażla, il‑membri l‑oħra għandhom jiġu nnominati f’numru ugwali mill‑amministrazzjoni u mill‑kumitat tal‑persunal, it‑tielet nett, li l‑membri tal‑Bord tal-Għażla magħżula fost l‑uffiċjali għandhom ikunu ta’ grupp ta’ funzjoni u ta’ grad tal-inqas ugwali għal dak tal‑impjieg li ser jimtelà, ir‑raba’ nett, li Bord tal-Għażla kompost minn aktar minn erba’ membri għandu jkollu minn tal‑inqas żewġ membri ta’ kull sess.

55      Fir‑rigward tal‑ħidma tal‑Bord tal-Għażla, u minbarra l‑obbligu għall‑Bord tal-Għażla li jirriżulta mill‑prinċipji ġenerali tad‑dritt tal‑Unjoni, bħal pereżempju, li jiġi rrispettat il‑prinċipju tat‑trattament ugwali tal‑kandidati kif ukoll il‑prinċipju ta’ oġġettività fl‑evalwazzjoni tagħhom jew il‑prinċipju ta’ stabbilità tal‑kompożizzjoni tal‑Bord tal-Għażla (ara s‑sentenza Gogos vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, u s‑sentenza tal‑Qorti tal‑Prim’Istanza tal‑5 ta’ April 2005, Christensen vs il‑Kummissjoni, T‑336/02, ĠabraSP p. I‑A‑75 u II‑341, punt 38, u l‑ġurisprudenza ċċittata), l‑Artikolu 6 tal‑Anness III tar‑Regolamenti tal-Persunal jipprovdi espressament is‑sigriet tax‑xogħol tal‑Bord tal-Għażla, u dan preċiżament bl‑għan li jiggarantixxi l‑indipendenza tiegħu u l‑oġġettività ta’ xogħolu, billi jipproteġi lill‑Bord tal-Għażla minn kull indħil u pressjonijiet esterni, kemm jekk mill‑amministrazzjoni, mill‑kandidati interessati jew minn terzi (sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tat‑28 ta’ Frar 1980, Bonu vs il‑Kunsill, 89/79, Ġabra p. 553, punt 5).

56      Id‑diviżjoni ta’ kompetenzi bejn l‑Awtorità tal‑Ħatra u l‑Bord tal-Għażla, hekk kif spjegata fil‑punti preċedenti, ma seħħitx bit‑twaqqif, tal‑EPSO, fl‑2002, li l‑att ta’ kostituzzjoni tiegħu jipprovdi espressament, fl‑Artikolu 2 tiegħu, li jeżerċita il‑poteri ta’ selezzjoni akkwistati mill‑Awtorità tal‑Ħatra fil‑qasam tal‑kompetizzjonijiet. Barra minn hekk, mill‑Artikolu 7 tal‑Anness III tar‑Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li, f’dak li jirrigwarda l‑iżvolġiment tal‑kompetizzjoni għar‑reklutaġġ ta’ uffiċjali, il‑kompiti tal‑EPSO huma essenzjalment ta’ natura ta’ organizzazzjoni. Din il‑konstatazzjoni ma hijiex kontradetta mid‑dispożizzjonijiet speċifiċi li jinsabu fid‑deċiżjonijiet li jistabilixxu l‑EPSO u dwar l‑organizzazzjoni u l‑ħidma tal‑EPSO, anki jekk dawn id‑deċiżjonijiet fihom kull tant xi formolazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw fi żball, bħal pereżempju li l‑EPSO “għandu jfassal listi ta’ riżerva” (li tagħti x’tifhem li l‑EPSO huwa kompetenti sabiex jiddetermina liema kandidati għandhom jiġu inklużi fiha), minħabba li d‑deċiżjonijiet inkwistjoni għandhom fi kwalunkwe każ rank ġerarkiku inferjuri minn dak tad‑dispożizzjonijiet tar‑Regolamenti tal-Persunal.

57      Fi kwalunkwe każ, kemm l‑għażla kif ukoll l‑evalwazzjoni tas‑suġġetti tal‑mistoqsijiet magħmula fil‑kuntest ta’ kompetizzjoni ma jaqgħux taħt il‑kompetenza tal‑EPSO. Din hija l‑konklużjoni li għandha ssir minn dak li għadu kif ġie diskuss fil‑punt preċedenti, u li huwa kkonfermat min‑nuqqas, fl‑Artikolu 7 tal‑Anness III tar‑Regolamenti tal-Persunal, ta’ kull riferiment għal kwalunkwe kompitu tal‑EPSO li għandu x’jaqsam mad‑determinazzjoni jew id‑definizzjoni “il‑kontenut ta’ l‑eżami” għall‑kompetizzjonijiet għar‑reklutaġġ ta’ uffiċjali, peress li dan l‑istess Artikolu 7, min‑naħa l‑oħra, jassenja espressament lill‑EPSO tali kompiti b’mod partikolari fil‑qasam taċ‑ċertifikazzjoni tal‑uffiċjali, permezz tal‑paragrafu 2(ċ) tiegħu, jew tas‑selezzjoni tal‑persunal temporanju u tal‑persunal bil‑kuntratt, permezz tal‑paragrafu 4 tiegħu.

58      Bħala konklużjoni, għalkemm il‑kompiti mogħtija lill‑EPSO huma tali li jagħmlu lil dan il‑korp attur importanti fid‑determinazzjoni u t‑tmexxija tal‑politika tal‑Unjoni fir‑rigward ta’ selezzjoni tal‑persunal, għal dak li jirrigwarda, minn naħa l‑oħra, l‑iżvolġiment ta’ kompetizzjonijiet għar‑reklutaġġ ta’ uffiċjali, ir‑rwol tiegħu, li huwa żgur sinjifikattiv sa fejn jassisti l‑Bord tal-Għażla, jibqa’, fi kwalunkwe każ, sussidjarju meta mqabbel ma’ dak ta’ dan tal‑aħħar, għal liema bord għaldaqstant l‑EPSO ma jistax jissostitwixxi ruħu.

59      F’dan il‑każ, ir‑rikorrent jilmenta dwar il-fatt li huwa ġie miċħud fil‑kompetizzjoni kkontestata wara li falla mit‑testijiet ta’ ammissjoni, fejn is‑suġġetti ma ntgħażlux mill‑Bord tal-Għażla tal‑kompetizzjoni kkontestata, iżda mill‑EPSO, li kien inkompetenti sabiex jagħmel din l‑għażla tas‑suġġetti. Il‑Kummissjoni essenzjalment tirrispondi, li d‑dispożizzjonijiet statutorji relatati mal‑attribuzzjoni tal‑Bord tal-Għażla u mal‑garanziji li jipproteġuh ma kinux japplikaw għat‑testijiet inkwistjoni, liema testijiet ma kinux strettament jagħmlu parti mill‑kompetizzjoni, iżda kienu jaqgħu taħt fażi preliminari tal‑imsemmija kompetizzjoni, intiża għas‑selezzjoni tal‑persuni li kellhom aċċess għall‑kompetizzjoni inkwistjoni.

60      Il‑pożizzjoni tal‑Kummissjoni ma tistax tintlaqa’.

61      Fil‑fatt, mid‑dokumenti fil‑proċess jirriżulta li, iż‑żewġ għażliet flimkien, fuq 1772 kandidat li rriżervaw data għat‑testijiet ta’ ammissjoni tal‑kompetizzjoni kkontestata, 140 biss setgħu, skont it‑taqsima B tal‑avviż tal‑kompetizzjoni, jiġu mistiedna sabiex jissottomettu applikazzjoni kompleta għall‑ammissjoni tagħhom għat‑tieni fażi tal‑kompetizzjoni. Issa, proċedura li twassal għall‑eliminazzjoni ta’ aktar minn 90% tal‑kandidati, mhux għal raġunijiet formali, iżda għaliex ma rrispondewx b’mod sodisfaċenti biżżejjed f’testijiet, tagħmel parti essenzjali mill‑kompetizzjoni.

62      In‑natura ta’ “kompetizzjoni” ta’ testijiet ta’ ammissjoni hija għaldaqstant iktar evidenti minn, f’dan il‑każ, dik li kienet prevista fit‑taqsima B tal‑avviż tal‑kompetizzjoni, ma kienx biżżejjed li jinkiseb riżultat medju fit‑testijiet inkwistjoni, iżda, sabiex ikunu jistgħu jiġu ammessi għat‑tieni fażi tal‑kompetizzjoni, kien hemm bżonn, fir‑rigward tal‑għażla 1 (magħżula mir‑rikorrent), li jkunu fost il‑110 kandidat li kisbu l‑aħjar marki fit‑testijiet ta’ ammissjoni. Issa, din in‑natura komparattiva tat‑testijiet tal‑fażi preliminari hija inerenti fil‑kunċett tal‑istess kompetizzjoni, kif intwera wkoll mis‑sentenza tal‑Qorti tal‑Prim’Istanza tat‑2 ta’ Mejju 2001, Giulietti et vs il‑Kummissjoni (T‑167/99 u T‑174/99, ĠabraSP p. I‑A‑93 u II‑441, punt 81), simili għal dak li kienet iddikjarat il‑Qorti tal‑Ġustizzja fis‑sentenza tagħha tal‑4 ta’ Lulju 1996, il‑Parlament vs Innamorati, C‑254/95P (Ġabra p. I‑3423, punt 28).

63      Barra minn hekk, għalkemm huwa veru, kif iddikjarat il‑Kummissjoni, li l‑korrezzjoni tat‑testijiet ta’ ammissjoni twettqet minn kompjuter u li, għaldaqstant, hija ggwidata minn proċedura awtomatika mingħajr marġni ta’ diskrezzjoni suġġettiva, xorta jibqa’ l‑fatt li l‑iżvolġiment ta’ din il‑proċedura awtomatizzata li implikat it‑teħid ta’ deċiżjonijiet dwar il‑mertu, sa fejn il‑“kumitat kosultattiv” imsemmi fil‑punt 26 ta’ din is‑sentenza, minn naħa, iddetermina l‑livell ta’ diffikultà tal‑mistoqsijiet ta’ għażla multipla mitluba fit‑testijiet ta’ ammisjoni u, min‑naħa l‑oħra, jinnewtralizza ċerti mistoqsijiet, kif indikat fl‑istess punt 26. Issa, dan jirrigwarda b’mod manifest kompiti li normalment jaqgħu taħt il‑Bord tal-Għażla tal‑kompetizzjoni.

64      Għal dak li jirrigwarda, barra minn hekk, invokazzjoni mill‑Kummissjoni tas‑sentenza Falcone, għandu jiġi kkonstatat li hemm nuqqas ta’ rilevanza. Fil‑fatt, f’din is‑sentenza, il‑qorti rrikonoxxiet, essenzjalment, biss is‑setgħa diskrezzjonali tal‑Awtorità tal‑Ħatra li tniedi, bħal f’dan il‑każ, kompetizzjoni magħmula minn żewġ fażijiet distinti, jiġifieri fażi inizjali ta’ qabel is‑selezzjoni, ibbażata fuq mistoqsijiet ta’ għażla multipla, u t‑tieni fażi, ta’ kompetizzjoni strettament, ikkundizzjonata mis‑suċċess tal‑ewwel fażi, u fejn l‑ammissjoni għaliha kienet riżervata għal ammont imnaqqas ta’ kandidati. Issa, ir‑raġunament żviluppat fis‑sentenza preżenti ma jiddubita b’ebda mod is‑setgħa tal‑Awtorità tal‑Ħatra. Il‑kwistjoni hawn diskussa hija dik jekk l‑ewwel fażi ta’ kompetizzjoni, hekk kif imsemmija fis‑sentenza Falcone jew f’dan il‑każ, tistax tkun organizzata u mmexxija mill‑EPSO biss u fin‑nuqqas totali tal‑Bord tal-Għażla. Mhux biss din il‑kwistjoni ma hijiex indirizzata fis‑sentenza Falcone, iżda għandu, barra minn hekk, jitfakkar li, fil‑kawża li wasslet għal din is‑sentenza, il‑Bord tal-Għażla kien responsabbli mill‑monitoraġġ u s‑sorveljanza tal‑iżvolġiment tal‑provi kollha tal‑kompetizzjoni, jiġifieri dawk ukoll tal‑ewwel fażi. Għandu wkoll jintqal li, kif il‑Kummissjoni ammettiet matul is‑seduta, skont is‑sistema ġuridika li kienet fis‑seħħ qabel ġie stabbilit l‑EPSO, l‑iżvolġiment tat‑testijiet ta’ qabel is‑selezzjoni, simili għat‑testijiet ta’ ammissjoni ta’ dan il‑każ, kien mogħti biss lill‑Bord tal-Għażla tal‑kompetizzjoni.

65      Minn kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r‑rikorrent ġie miċħud mit‑tieni fażi tal‑operazzjoni tal‑kompetizzjoni wara proċedura mmexxija minn ġurisdizzjoni inkompetenti u minn deċiżjoni meħuda minn din l‑istess ġurisdizzjoni. Id‑deċiżjoni inkwistjoni għandha, għaldaqstant, tiġi annullata.

66      Ma jistax ikun mod ieħor ħlief jekk l‑EPSO jew il‑“kumitat konsultattiv” imsemmi fil‑punt 26 tas‑sentenza preżenti setgħu kienu kkunsidrati bħala “Bord tal-Għażla” fis‑sens statutorju. Issa, dan ma huwiex il‑każ.

67      Fil‑fatt, kif tammetti l‑Kummissjoni stess fil‑punt 4 tar‑risposta tagħha, jeżisti Bord tal-Għażla tal‑kompetizzjoni kkontestata, li l‑ismijiet tal‑membri tiegħu kienu ġew ippublikati ħmistax‑il ġurnata qabel id‑data tal‑prova bil‑miktub. Madankollu, dejjem skont il‑Kummissjoni, dan il‑Bord tal-Għażla ma intervjeniex ħlief fit‑tieni fażi tal‑kompetizzjoni, peress li l‑EPSO organizza u ssorvelja t‑testijiet ta’ ammissjoni “li fil‑kuntest tagħhom il‑Bord tal-Għażla ma assuma l‑ebda rwol”.

68      Barra minn hekk, kemm l‑għadd kbir ta’ kompiti (essenzjalment ta’ parir u ta’ għajnuna lill‑istituzzjonijiet), mogħtija lill‑EPSO, kif ukoll il‑kompożizzjoni (il‑Bord tal‑amministrazzjoni kompost esklussivament minn membri nnominati mill‑istituzzjonijiet, ir‑rappreżentanti tal‑persunal, f’ammont ta’ tlieta, li ma kellhomx ħlief l‑istatut ta’ osservaturi), jopponu kull tentattiv ta’ aprossimazzjoni tal‑EPSO mal‑Bord tal-Għażla, li l‑kompożizzjoni tiegħu tosserva regola konġunta u li, huwa stabbilit għal kull kompetizzjoni, għandu l‑kompitu ferm preċiż ta’ tmexxija sal‑aħħar tal‑kompetizzjoni inkwistjoni.

69      Fl‑aħħar nett, mhux biss il‑Kummissjoni qatt ma allegat li l‑EPSO u l‑“kumitat konsultattiv” imsemmi fil‑punt 26 tas‑sentenza preżenti għamlu x‑xogħol ta’ Bord tal-Għażla, jew li kienu parti minn Bord tal-Għażla, iżda, għall‑kuntrarju, fir‑rigward tal‑“kumitat konsultattiv”, hija ċaħdet espressament fl‑ittra tagħha tal‑24 ta’ Novembru 2009 bħala risposta għall‑miżuri ta’ organizzazzjoni tal‑proċedura msemmija fil‑punt 33 ta’ din is‑sentenza.

70      Minn dan jirriżulta li fin‑nuqqas ta’ emenda statutorja li tagħti espressament lill‑EPSO kompiti li sa dak iż‑żmien kienu tal‑Bord tal-Għażla tal‑kompetizzjoni, l‑EPSO ma għandux il‑kompetenza li jeżerċità tali kompiti, u b’mod partikolari kompiti li, jirrigwardaw reklutaġġ tal‑uffiċjali, li jaffettwaw id‑determinazzjoni tal‑kontenut tal‑provi u l‑korrezzjoni ta’ dawn, inkluż il‑provi f’forma ta’ testijiet ta’ mistoqsijiet b’għażla multipla, intiżi għall‑evalwazzjoni tal‑kapaċitajiet tar‑raġunament verbali u numeriku u/jew il‑konoxxenzi ġenerali u l‑konoxxenzi relatati mal‑Unjoni Ewropea, anki jekk, dawn it‑testijiet jiġu ppreżentati bħala testijiet “ta’ ammissjoni” ta’ kandidati fil‑provi bil‑miktub u orali tal‑kompetizzjoni. Dan japplika iktar jekk, bħal f’dan il‑każ, in‑numru ta’ kandidati ammessi sabiex jipparteċipaw fil‑provi bil‑miktub tal‑kompetizzjoni mhux ħlief perċentaġġ ċkejken mill‑kandidati tal‑fażi preliminari.

71      Barra minn hekk, jekk huwa veru li, permezz tat‑tkabbir tal‑Unjoni u ż‑żieda fl‑ammont ta’ kandidati fil‑kompetizzjonijiet għar‑reklutaġġ ta’ uffiċċjali, il‑piż ta’ xogħol tal‑bordijiet tas‑selezzjoni jiżdied b’mod sinjifikattiv, xorta jibqa’ l‑fatt li l‑piż żejjed ta’ xogħol li jinvolvi għal Bord tal-Għażla l‑monitoraġġ u s‑sorveljanza tat‑testijiet ta’ ammissjoni tal‑fażi preliminari, anki jekk numru inqas ta’ kandidati jkollhom fl‑aħħar nett aċċess għal dawn il‑provi, ma jirrappreżentax ħlief proporzjon żgħir meta mqabbla mal‑piż ta’ xogħol meħtieġ għall‑provi bil‑miktub u orali.

72      Fid‑dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, id‑deċiżjonijiet ikkontestati għandhom jiġu annullati.

 Fuq l‑ammissibbiltà tat‑talbiet għall‑finijiet ta’ annullament ta’ kull att relatat

73      Dawn it‑talbiet għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli, sa fejn huma jillimitaw ruħhom, li jirreferu f’termini impreċiżi, għal deċiżjonijiet tal‑EPSO li ma jistgħux jiġu identifikati (ara f’dan is‑sens, id‑digriet tal‑Qorti tal‑Prim’Istanza tal‑24 ta’ Marzu 1993, Banzler vs il‑Kummissjoni, T‑72/92, Ġabra p. II‑347, punti 16, 18 u 19). Madankollu hija l‑Kummissjoni li għandha tikkonkludi l‑konsegwenzi tal‑annullament mit‑Tribunal għas‑Servizz Pubbliku ta’ deċiżjonijiet ikkontestati u li tipproċedi għall‑irtirar ta’ kull att relatat, sa fejn tali rtirar ikun impost mill‑Artikolu 233KE.

 Fuq l‑ispejjeż

74      Skont l‑Artikolu 87(1) tar‑Regoli tal‑Proċedura, bla ħsara għad‑dispożizzjonijiet l‑oħra tat‑Tmien Kapitolu tat‑Tieni Titolu ta’ dawn ir‑regoli, il‑parti telliefa għandha tbati l‑ispejjeż, jekk dawn ikun ġew mitluba. Skont l‑Artikolu 87(2) tal‑istess regoli, jekk ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ekwità, it‑Tribunal għas‑Servizz Pubbliku jista’ jiddeċiedi li parti telliefa għandha tiġi kkundannata tbati biss parti mill‑ispejjeż, jew saħansitra li hija ma jkollhiex tiġi kkundannata f’dan ir‑rigward. Skont l‑Artikolu 89(4), tal‑istess regolament, il‑parti intervenjenti għandha tħallas l‑ispejjeż tagħha.

75      Mill‑motivi ta’ din is-sentenza jirriżulta li l‑Kummissjoni hija l‑parti telliefa. Barra minn hekk, fit‑talbiet tiegħu, ir‑rikorrent talab espressament li l‑Kummissjoni tiġi kkundannata għall‑ispejjeż. Għalhekk, peress li ċ‑ċirkustanzi ta’ din il‑kawża ma jiġġustifikawx l‑applikazzjoni tad‑dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 87(2) tar‑Regoli tal‑Proċedura, il‑Kummissjoni għandha tiġi kkundannata għall‑ispejjeż. Għal dak li jirrigwarda il‑KEPD, parti intervenjenti, għandu jiġi deċiż li huwa għandu jsostni l‑ispejjeż tiegħu stess.

Għal dawn il‑motivi,

IT‑TRIBUNAL GĦAS‑SERVIZZ PUBBLIKU (L‑Ewwel Awla),

jaqta’ u jiddeċiedi:

1)      Id‑deċiżjonijiet tal‑Uffiċċju Ewropew għas‑Selezzjoni tal‑Persunal, tal‑31 ta’ Mejju 2007 u tas‑6 ta’ Diċembru 2007 li jeskludu lil D. Pachtitis mil‑lista tal‑110 kandidat li kisbu l‑aħjar marki fit‑testijiet ta’ ammissjoni tal‑kompetizzjoni miftuħa EPSO/AD/77/06 huma annullati.

2)      Il‑Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall‑ispejjeż tagħha u dawk ta’ D. Pachtitis.

3)      Il‑Kontrollur Ewropew għall Protezzjoni tad‑Data, parti intervenjenti, għandu jbati l‑ispejjeż tiegħu.

Gervasoni

Tagaras

Kreppel

Mogħtija f’qorti bil‑miftuħ fil‑Lussemburgu, fil‑15 ta’ Ġunju 2010.

W. Hakenberg

 

       H. Tagaras

Reġistratur

 

      President tat‑Tieni Awla


* Lingwa tal‑kawża: il‑Grieg.