Language of document : ECLI:EU:F:2009:85

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(L-Ewwel Awla)

7 ta’ Lulju 2009

Kawża F-39/08

Giorgio Lebedef

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Leave annwali – Attivitajiet ta’ rappreżentant tal- persunal – Kollokament part-time għal finijiet ta’ rappreżentanza sindakali – Attivitajiet ta’ rappreżentanza statutorja – Assenza mhux awtorizzata – Tnaqqis mid-dritt għal leave annwali – Artikolu 60 tar-Regolamenti tal-Persunal”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu G. Lebedef jitlob l-annullament tad-deċiżjonijiet tad-29 ta’ Mejju, tal-20 ta’ Ġunju, tat-28 ta’ Ġunju u tas-6 ta’ Lulju 2007, kif ukoll taż-żewġ deċiżjonijiet tas-26 ta’ Lulju 2007 u tad-deċiżjoni tat-2 ta’ Awwissu 2007, fejn dawn id-deċiżjonijiet kollha flimkien jikkonċernaw it-tnaqqis ta’ 32 jum mid-dritt għal leave tiegħu għas-sena 2007.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrent għandu jbati l-ispejjeż.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Rappreżentanza – Kumitat tal-persunal – Parteċipazzjoni tal-uffiċjali jew tal-aġenti mhux ikkollokati

2.      Uffiċjali – Assenza mhux awtorizzata – Regolarizzazzjoni posterjuri – Kundizzjonijiet

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 60)

3.      Uffiċjali – Rappreżentanza – Kumitat tal-persunal – Obbligu ta’ awtorizzazzjoni minn qabel għal assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 60)

4.      Uffiċjali – Assenza – Kompetenza ta’ kontroll

1.      Ma huwiex possibbli u lanqas ma huwa mixtieq li r-rappreżentanza tal-persunal tkun żgurata biss għal uffiċjali jew aġenti kkollokati, sew jekk ikun għal 50 % sew jekk għal 100 % mill-ħin tax-xogħol tagħhom. Jeżisti interess ċert sabiex parti mill-obbligi ta’ rappreżentanza tal-persunal jiġu koperti minn persunal mhux ikkollokat. Madankollu, is-sistema li tipprovdi speċifikament għall-għoti ta’ kollokamenti lil ċerti rappreżentanti tal-persunal timplika li, fil-każ ta’ uffiċjali jew aġenti mhux ikkollokati, il-parteċipazzjoni fir-rappreżentanza tal-persunal tkun ta’ natura okkażjonali u li, ikkalkolata fuq bażi ta’ sitt xhur jew ta’ tliet xhur, tkopri perċentwali ta’ ħin ta’ xogħol relattivament limitata.

Għalkemm id-delimitazzjoni eżatta tan-natura “okkażjonali” tal-parteċipazzjoni fir-rappreżentanza tal-persunal, kif ukoll id-delimitazzjoni eżatta tal-perċentwali ta’ ħin iddedikat għaliha huma, minnhom infushom, impossibbli u jistgħu jsiru biss fid-dawl tal-każ partikolari, il-każ li wieħed jaċċetta li uffiċjal jew aġent mhux ikkollokat jiddedika għar-rappreżentanza tal-persunal kważi l-ħin tax-xogħol kollu tiegħu jew saħansitra l-ħin tax-xogħol kollu tiegħu, b’tali mod li jiddedika biss ftit jew saħansitra ebda ħin tax-xogħol lid-dipartiment li fih huwa assenjat, għandu bħala effett li tiġi abbużata s-sistema stabbilita mill-ftehim differenti konkluż bejn il-Kummissjoni u l-organizzazzjonijiet sindakali u skont iċ-ċirkustanzi tal-każ jista’ jikkostitwixxi abbuż ta’ dritt, li l-qorti Komunitarja tista’ tasal sabiex tissanzjona.

(ara l-punti 49 u 50)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali: 18 ta’ Diċembru 1997, Angelini vs Il‑Kummissjoni, T‑222/95, ĠabraSP p. I‑A‑491 u II‑1277, punti 35 u 36; 18 ta’ Diċembru 1997, Costantini vs Il-Kummissjoni, T‑57/96, ĠabraSP p. I‑A‑495 u II‑1293, punti 28 u 29; 12 ta’ Ġunju 2001, Gogos vs Il-Kummissjoni, T‑95/98 DEP, ĠabraSP p. I‑A‑123 u II‑571, punt 24

2.      Fil-każ ta’ nuqqas ta’ talba għal awtorizzazzjoni minn qabel ta’ assenza jew, mill-inqas, fil-każ ta’ nuqqas ta’ informazzjoni minn qabel ta’ assenza, ċertifikat ex post li jivvalida l-assenza ta’ uffiċjal jista’ jingħata biss fil-każ ta’ mard jew ta’ inċident, skont l-Artikolu 60 tar-Regolamenti tal-Persunal; fi kwalunkwe każ, anki fil-preżenza ta’ ċertifikati ex post, l-amministrazzjoni kompetenti għandha jkollha l-possibbiltà li żżomm ċertu dritt ta’ kontroll u li tevalwa l-fondatezza ta’ regolarizzazzjoni posterjuri tan-nuqqas meqjus bħala irregolari.

(ara l-punt 55)

3.      Għalkemm, f’ċerti ċirkustanzi, diffikultajiet prattiċi jew restrizzjonijiet ta’ kunfidenzjalità jistgħu jipprekludu lir-rappreżentanti tal-persunal milli josservaw l-obbligu ta’ awtorizzazzjoni minn qabel għal nuqqas (jew, minn tal-inqas, dik tal-informazzjoni minn qabel) mis-superjur ġerarkiku tagħhom, b’mod partikolari, fir-rigward tal-kwistjoni li tikkonċerna l-kunfidenzjalità, u minbarra l-fatt li bosta informazzjoni relatata mal-attivitajiet ta’ rappreżentanza tal-persunal ma humiex kunfidenzjali, b’mod partikolari l-postijiet, il-ħinijiet u l-parteċipanti għal-laqgħat uffiċjali, u li għalhekk l-obbligu ta’ kunfidenzjalità jikkonċerna biss parti minn dawn l-attivitajiet, dejjem jibqa’ possibbli li rappreżentant tal-persunal, anki fil-preżenza ta’ data kunfidenzjali, jipprovdi informazzjoni ġenerali mhux kunfidenzjali lis-superjur ġerarkiku tiegħu, bħat-tul approssimattiv ta’ laqgħa.

Barra minn hekk, għarfien ġenerali u ta’ natura vaga tal-attivitajiet ta’ rappreżentanza tal-persunal tal-uffiċjal mid-dipartiment li fih dan l-uffiċjal huwa assenjat ma jistax jitqies bħala informazzjoni minn qabel, u lanqas a fortiori, bħala awtorizzazzjoni minn qabel tas-superjur ġerarkiku.

(ara l-punti 57 u 58)

4.      Fir-rigward ta’ uffiċjal li jappartjeni għal żewġ strutturi ġerarkiċi, l-ewwel waħda dik tar-rappreżentanza tal-persunal li tikkonċerna l-attivitajiet tiegħu bħala rappreżentant sindakali, it-tieni waħda dik tad-dipartiment tiegħu li fih huwa assenjat, għalkemm ir-rappreżentanza tal-persunal hija kompetenti sabiex teżerċita kontroll tal-assenzi tar-rikorrent fil-kuntest tal-kollokament sindakali tiegħu, l-istess ma jgħoddx fir-rigward tal-assenzi tiegħu li jikkonċernaw il-ħin tax-xogħol li għandu jiddedika għad-dipartiment li fih huwa assenjat, fejn huwa biss dan id-dipartiment li huwa kompetenti fir-rigward ta’ dawn l-assenzi.

(ara l-punt 59)