Language of document :

Digriet tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Marzu 2014 – Magnesitas de Rubián et vs Il-Parlament u Il-Kunsill

(Kawża T-158/11) 1

(“Ambjent – Prevenzjoni u tnaqqis integrat tat-tniġġis – Deċiżjoni individwali li tinsab fl-Artikolu 13(7) tad-Direttiva 2010/75/UE – Talba għal konstatazzjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni – Ċaħda – Rinunzja – Tħassir”)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Magnesitas de Rubián, SA (Incio, Spanja); Magnesitas Navarras, SA (Zubiri, Spanja); u Ellinikoi Lefkolithoi Anonymos Metalleftiki, Viomichaniki, Naftiliaki kai Emporiki Etaireia (Ateni, il-Greċja) (rappreżentanti: H. Brokelmann u P. Martínez-Lage Sobredo, avukati)

Konvenuti: Il-Parlament Ewropew (rappreżentanti: inizjalment minn M. Gómez-Leal, I. Anagnostopoulou u L. Visaggio, sussegwentement minn M. Gómez-Leal u L. Visaggio, aġenti); u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (rappreżentanti: F. Florindo Gijón u K. Michoel, aġenti)

Parti intervenjenti insostenn tal-konvenuti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: inizjalment minn A. Alcover San Pedro u L. Banciella Rodríguez-Miñón, sussegwentement minn S. Petrova u E. Sanfrutos Cano, aġenti)

Suġġett

Talba għal annullament tad-deċiżjoni individwali li tinsab fl-Artikolu 13(7) tad-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Novembru 2010, dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (ĠU L 334, p. 17), sa fejn din toħloq l-obbligu għall-Istati Membri li josservaw il-konklużjonijiet fuq l-aħjar metodi tekniċi disponibbli, li jinsabu fil-paragrafu 3.5 tad-dokument ta’ referenza dwar l-aqwa tekniki disponibbli fl-Industriji tal-Manifattura tas-Siment, il-Ġir u l-Ossidu tal-Manjeżju (ĠU 2010, C 166, p. 5), fil-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjonijiet maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti lill-installazzjonijiet tal-manifattura tal-Ossidu tal-Manjeżju suġġetti għal awtorizzazzjoni skont id-direttiva msemmija.

Dispożittiv

It-talba għal konstatazzjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni hija miċħuda.

Il-Kawża T-158/11 tħassret mir-reġistru tal-Qorti Ġenerali.

Magnesitas de Rubián, SA, Magnesitas Navarras, SA u Ellinikoi Lefkolithoi Anonymos Metalleftiki, Viomichaniki, Naftiliaki kai Emporiki Etaireia għandhom ibatu, minbarra l-ispejjeż tagħhom, dawk tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

____________

1 ĠU C 139, 07.05.2011.