Language of document :

Rikors ippreżentat fil-15 ta' Marzu 2011 - Since Hardware (Guangzhou) vs Il-Kunsill

(Kawża T-156/11)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Since Hardware (Guangzhou) Co., Ltd (Guangzhou, ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina) (rappreżentanti: V. Akritidis u Y. Melin, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1243/2010, tal-20 ta' Diċembru 2010, li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tat-twavel għall-mogħdija li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina prodotti minn Since Hardware (Guangzhou) Co., Ltd. 1;

tikkundanna lill-Kunsill tbati l-ispejjeż kollha.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-fatt li investigazzjoni inizjali mibdija taħt l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku 2 ma setax jikkonċerna kumpannija partikolari, iżda għandu jindirizza pajjiż jew iktar minn pajjiż wieħed u l-produtturi kollha fih. F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li:

ir-regolament ikkontestat jikser l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku u b'mod partikolari l-paragrafu 9 tiegħu, moqri flimkien mal-Artikolu 17 tal-istess regolament, u jinterpreta b'mod konformi mad-dritt tad-WTO, b'mod li dan l-artikolu ma jippermettix il-bidu ta' proċedura antidumping ġdida kontra kumpannija waħda;

ir-regolament ikkontestat jikser l-Artikolu 9(4) sa (6) tar-Regolament bażiku, moqrija b'mod konformi mad-dritt tad-WTO, b'mod li dan l-artikolu ma jippermettix l-impożizzjoni ta' dazji antidumping kontra kumpannija waħda, iżda jeħtieġ l-impożizzjoni ta' dazji kontra l-kumpanniji kollha li jinsabu f'pajjiż jew f'iktar minn pajjiż wieħed;

ir-regolament ikkontestat jikser l-Artikolu 9(3) tar-Regolament bażiku, li permezz tiegħu d-dazju żero ta' kumpannija koperta minn proċedura antidumping jista' biss jiġi rivedut skont investigazzjoni ta' reviżjoni mibdija taħt l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku; sussidjarjament, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni għamlet reviżjoni de facto tad-dazju żero ta' din, bi ksur tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament bażiku, interpretat b'mod konformi ma' rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 3, u b'mod partikolari tal-paragrafi 2, 3 u 5 tar-Regolament bażiku, billi d-dazji antidumping kienu ġew imposti mingħajr ma kien ġie stabbilit li l-industrija tal-Unjoni ġarrbet dannu matul il-perijodu ta' investigazzjoni.

It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-ksur tad-dritt tal-Unjoni minħabba li ġie deċiż li r-rikorrenti ma tingħatax l-istatus ta' kumpannija li topera f'ekonomija tas-suq. F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li:

id-deċiżjoni li ma tingħatax l-istatus ta' kumpannija li topera f'ekonomija tas-suq saret fuq il-bażi ta' dak li l-Kummissjoni Ewropea kienet taf bl-effett ta' tali ċaħda fuq il-marġni dumping tar-rikorrenti, bi ksur tal-aħħar inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, kif interpretat mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali;

l-oneru tal-prova impost mill-Kummissjoni fuq ir-rikorrenti sabiex turi li hija topera f'ekonomija tas-suq huwa eċċessiv u jikser il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u, b'mod partikolari, il-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba.

____________

1 - ĠU L 338, p. 22.

2 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta' Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, p. 51).