Language of document :

Rikors ippreżentat fit-23 ta' April 2010 - Reagens vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-181/10)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Reagens SpA (San Giorgio di Piano, l-Italja) (rappreżentanti: B. O'Connor, solicitor u L. Toffoletti, D. Gullo u E. De Giorgi, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Frar 2010 mogħtija fil-kuntest tal-applikazzjoni konfermatorja għal aċċess ta' dokumenti GESTDEM 2009/5145 (SG.E.3/HP/cr-Ares (2010)95823);

tobbliga lill-Kummissjoni sabiex id-dokumenti elenkati fil-paġna 3 tad-deċiżjoni kkontestata jkunu disponibbli b'mod pubbliku (fil-forma mhux kunfidenzjali tagħhom); u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti titlob, abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-23 ta' Frar 2010, mogħtija fil-kuntest tal-applikazzjoni konfermatorja għal aċċess ta' dokumenti GESTDEM 2009/5145 (SG.E.3/HP/cr-Ares (2010)95823), dwar proċedura taħt ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 1. Id-deċiżjoni kienet tirrigwarda aċċess għal dokumenti dwar applikazzjonijiet għal nuqqas ta' kapaċità li tħallas multa imposta fuq ir-rikorrenti għal ksur tal-Artikoli 81 KE u 53 KEEA (Każ COMP/38589 − Heat Stabilisers).

Insostenn tal-argumenti tagħha, ir-rikorrenti ssostni l-motivi segwenti:

Il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta' liġi meta applikat b'mod wiesa' l-eċċezzjonijiet taħt l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni wettqet żball ta' liġi meta ċaħdet it-talba għal aċċess għal dokumenti fuq il-bażi ta' difiża tal-interessi kummerċjali tal-kumpannija u sabiex tipproteġi l-għan tal-investigazzjoni.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni kisret id-dritt tar-rikorrenti li jkollha aċċess għall-verżjonijiet mhux kunfidenzjali tad-dokumenti taħt ir-Regolament Nru 1049/2001, billi ċaħdet l-aċċess parzjali.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni kisret l-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba, tal-aspettattivi leġittimi, kif ukoll il-prinċipju li l-amministrazzjoni għandha tkun legali, billi ċaħdet l-aċċess għall-informazzjoni meħtieġa sabiex tistabbilixxi kif il-Kummissjoni tapplika l-paragrafu 35 tal-Linji Gwida dwar il-metodu tal-kalkoli tal-multi 2.

____________

1 - Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta' Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1,Vol. 3, p. 331)

2 - Linji Gwida dwar il-metodu tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2)