Language of document :

Rikors ippreżentat fil-5 ta' Diċembru 2011 - Biogas Nord vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-628/11)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Biogas Nord AG (Bielefeld, il-Ġermanja) (rappreżentant: C. Birkemeyer, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla skont l-Artikolu 264 TFUE, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2011) 275, tas-26 ta' Jannar 2011, dwar l-għajnuna mill-Istat C-7/10 implimentata mill-Ġermanja [("]Skema għar-riport ta' telf ta' taxxa fil-każ tar-ristrutturar ta' kumpaniji f'diffikultà["),] "Sanierungsklausel" [notifikata bid-dokument Nru C (2011) 275];

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-osservanza tal-prinċipju ta' kreditur privat

Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti tallega li l-Artikolu 8c(1a) tal-Liġi Ġermaniża dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji (Körperschaftssteuergesetz, iktar 'il quddiem il-"KStG") ma jikkostitwixxix għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE et seq minħabba li l-impriżi benefiċjarji jipprovdu korrispettiv ekwivalenti li jsostni l-paragaun mal-aġir ta' kreditur privat li jopera f'ekonomija tas-suq.

It-tieni motiv ibbażat fuq nuqqas ta' selettività

F'dan ir-rigward ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 8c(1a) tal-KStG ma jikkostitwixxix għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE et seq minħabba li din id-dispożizzjoni ma tipproduċix l-effett li tagħti vantaġġ selettiv.

It-tielet motiv ibbażat fuq l-aspettattivi leġittimi

Fil-kuntest tat-tielet motiv, ir-rikorrenti tallega li l-kumpanniji li ħadu deċiżjonijiet rigward l-assi tagħhom qabel ma saru jafu bil-proċedura mibdija mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108(2) TFUE għandhom id-dritt għall-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi tagħhom fil-konfront tad-deċiżjoni kkontestata.

____________