Language of document : ECLI:EU:T:2014:357

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

26 ta’ Mejju 2014

Kawża T‑288/13 P

AK

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell — Servizz pubbliku — Uffiċjali — Evalwazzjoni — Rapport tal-iżvilupp tal-karriera — Proċeduri ta’ evalwazzjoni 2001/2002, 2004, 2005 u 2008 — Redazzjoni tardiva tar-rapporti tal-iżvilupp tal-karriera — Danni morali — Telf ta’ opportunità ta’ promozzjoni — Appell parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondat”

Suġġett:      Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tielet Awla) tat-13 ta’ Marzu 2013, AK vs Il‑Kummissjoni (F‑91/10), u intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.

Deċiżjoni:      L-appell huwa miċħud. AK għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea fil-kuntest ta’ din l-istanza.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Evalwazzjoni — Rapport tal-iżvilupp tal-karriera — Redazzjoni — Tardività — Nuqqas amministrattiv li ħoloq dannu morali — Kundizzjonijiet — Uffiċjal li jiġi rtirat minħabba invalidità — Portata tad-dannu

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

2.      Uffiċjali — Promozzjoni — Eżami komparattiv tal-merti — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni — Portata — Teħid inkunsiderazzjoni tar-rapporti ta’ evalwazzjoni — Elementi oħra li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45(1))

3.      Appell — Aggravji — Motivazzjoni insuffiċjenti — Kriterji użati mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sabiex jiffissa l-ammont tal-kumpens mogħti bħala kumpens għal dannu — Stħarriġ mill-Qorti Ġenerali

1.      Għal finijiet tal-istabbiliment tad-dannu morali mġarrab minn uffiċjal minħabba l-assenza ta’ rapporti tal-iżvilupp tal-karriera inkwistjoni, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku seta’, mingħajr ma jwettaq żball ta’ liġi, iqis li s-sitwazzjoni ta’ inċertezza u ta’ ansjetà tal-imsemmi uffiċjal fir-rigward tal-futur professjonali tiegħu ma kienx jippermetti li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ dannu morali, reali u ċert, wara li ġie rtirat minħabba invalidità, peress li, wara dan l-avveniment, dan il-futur kien biss ipotetiku. Fil-fatt, wara li ġiet irtirata, ir-rapporti tal-iżvilupp tal-karriera ma lagħbu l-ebda rwol ieħor fl-iżvolġiment tal-karriera tal-persuna kkonċernata, u d-dannu li għalih qed jintalab kumpens għandu jkun reali u ċert.

(ara l-punti 42 u 45)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 21 ta’ Frar 2008, Il‑Kummissjoni vs Girardot, C‑348/06 P, Ġabra p. I‑833, punt 54

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 31 Jannar 2007, C vs Il‑Kummissjoni, T‑166/04, ĠabraSP p. I‑A‑2‑9 u II‑A‑2‑49, punt 67, u l-ġurisprudenza ċċitata

2.      Skont l-Artikolu 45(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, il-promozzjoni ta’ uffiċjal għandha tkun esklużivament bl-għażla, fost l-uffiċjali li għamlu perijodu minimu ta’ sentejn ta’ anzjanità fil-grad tagħhom, wara eżami komparattiv tal-merti tal-uffiċjali eliġibbli għal promozzjoni. Għall-finijiet tal-eżami komparattiv tal-merti, l-Awtorità tal-Ħatra għandha tikkunsidra, partikolarment, ir-rapporti dwar l-uffiċjali, l-użu tal-lingwi fl-eżekuzzjoni tad-dmirijiet tagħhom, għajr il-lingwa li għaliha pproduċew evidenza ta’ għarfien sew skont l-Artikolu 28(f) tar-Regolamenti tal-Persunal u, fil-każ ineżami, il-livell tar-responsabbiltajiet eżerċitat minnhom. Fl-assenza ta’ rapporti tal-iżvilupp tal-karriera, ma hemm xejn li jfixkel lill-uffiċjal milli jressaq quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku punti ta’ fatt u ta’ liġi konkreti li jistgħu jipproduċu prova tal-possibbiltajiet tiegħu li jiġi promoss. Barra minn hekk, jirriżulta mill-Artikolu 45(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, li l-eżami komparattiv tal-merti ma jsirx biss billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rapporti dwar l-uffiċjali, iżda wkoll, b’mod partikolari, abbażi ta’ żewġ kriterji oħra.

(ara l-punt 50)

3.      Meta t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jkun ikkonstata l-eżistenza ta’ dannu, huwa biss għandu kompetenza sabiex jevalwa, fil-limiti tat-talba, il-metodu u l-portata tal-kumpens għal dan id-dannu, sakemm, sabiex il-Qorti Ġenerali tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha fuq is-sentenzi tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, dawn ikunu motivati suffiċjentement u, fir-rigward tal-evalwazzjoni ta’ dannu, jindikaw il-kriterji meħuda inkunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit l-ammont deċiż.

(ara l-punt 57)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 8 ta’ Settembru 2009, ETF vs Landgren, T‑404/06 P, Ġabra p. II‑2841, punt 241, u l-ġurisprudenza ċċitata