Language of document : ECLI:EU:T:2013:641





Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) tat-12 ta’ Diċembru 2013 — ANKO vs Il-Kummissjoni

(Kawża T‑118/12)

“Klawżola ta’ arbitraġġ — Sitt Programm Qafas dwar l-attivitajiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni (2002-2006) — Kuntratt li jikkonċerna l-proġett Persona — Sospensjoni tal-pagamenti — Irregolaritajiet ikkontestati fil-kuntest ta’ awditu dwar proġetti oħra — Interessi moratorji”

Proċedura ġudizzjarja — Kawża mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali abbażi ta’ klawżola ta’ arbitraġġ — Ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali indikata mill-klawżola ta’ arbitraġġ — Ġurisdizzjoni li tidderoga mid-dritt komuni — Interpretazzjoni restrittiva — Talba intiża sabiex tiġi vverifikata l-osservanza minn parti għall-konklużjonijiet ta’ verifika mhux relatata mal-kuntratt kontenzjuż — Talba li ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola ta’ arbitraġġ — Nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali (Artikolu 272 TFUE) (ara l-punti 52-54)

Suġġett

Talba mressqa fuq il-bażi ta’ klawżola ta’ arbitraġġ fis-sens tal-Artikolu 272 TFUE, intiż sabiex il-Qorti Ġenerali tikkonstata, minn naħa, li s-sospensjoni tar-rimbors tal-ammonti mressaq mir-rikorrenti b’eżekuzzjoni tal-kuntratt Nru 045459 dwar il-proġett Persona, konkluż fil-kuntest tas-Sitt Programm Qafas dwar l-attivitajiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni li jikkontribwixxu għall-ħolqien taż-Żona Ewropea tar-Riċerka u tal-Innovazzjoni (2002-2006), tikkostitwixxi ksur tal-obbligi kuntrattwali tal-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, li tikkundanna lil din tal-aħħar tħallas is-somma ta’ EUR 6 752.74 taħt dan il-proġett, flimkien mal-interessi moratorji.

Dispożittiv

1)

Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tħallas lil ANKO AE Antiprosopeion, Emporiou kai Viomichanias is-somom li l-ħlas tagħhom ġie sospiż fuq il-bażi tat-tielet subparagrafu tal-punt II.28(8) tal-kundizzjonijiet ġenerali annessi mal-kuntratt dwar il-proġett Persona, konkluż fil-kuntest tas-Sitt Programm Qafas dwar l-attivitajiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni li jikkontribwixxu għall-ħolqien taż-Żona Ewropea tar-Riċerka u tal-Innovazzjoni (2002-2006), mingħajr ma dan il-ħlas ikun ta’ preġudizzju għall-eliġibbiltà tal-ispejjeż iddikjarati minn ANKO Antiprosopeion, Emporiou kai Viomichanias u għall-implementazzjoni tal-konklużjonijiet tar-rapport finali ta’ verifika 11‑BA134‑011 mill-Kummissjoni. L-ammont tas-somom li għandhom jitħallsu għandu jkun inkluż fil-limiti tal-bilanċ tal-kontribuzzjoni finanzjarja disponibbli fil-mument tas-sospensjoni tal-pagamenti u dawn is-somom għandhom jiżdiedu bl-interessi moratorji li jibdew jiddekorru, għal kull perijodu, mill-iskadenza tat-terminu ta’ ħlas ta’ 45 jum wara l-approvazzjoni tar-rapporti korrispondenti mill-Kummissjoni, mhux iktar tard minn 90 jum mill-wasla tagħhom minn din tal-aħħar. Ir-rata ta’ żieda applikabbli għall-interessi hija dik fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar tal-iskadenza tal-ħlas, kif ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, Serje C.

2)

Il-Kummissjoni hija kkundannata għall-ispejjeż.