Language of document :

Rikors ippreżentat fit-3 ta' Settembru 2010 - Bloufin Touna Ellas Naftiki Etaireia et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-367/10)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Bloufin Touna Ellas Naftiki Etaireia (Ateni, il-Greċja), Chrisderic (St Cyprien, Franza), André Sébastien Fortassier (Grau D'Agde, Franza) (rappreżentanti: V. Akritidis u E. Petritsi, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 498/2010, tad-9 ta' Ġunju 2010, li jipprojbixxi l-attivitajiet tas-sajd għall-bastimenti li jistadu bil-"purse seines" li jtajru l-bandiera ta' Franza jew tal-Greċja jew li jkunu rreġistrati fi Franza jew fil-Greċja, u li jkunu qed jistadu għat-tonn fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45°W, u fil-Mediterran 1;

tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż kolha mwettqa mir-rikorrenti matul din il-proċedura.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti jressqu tliet motivi.

Fl-ewwel lok, huma jsostnu li r-regolament ikkontestat kien adottat bi ksur tal-prinċipji ta' trattament ugwali u ta' nondiskriminazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 18 TFUE, li jipprojbixxi diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza u fl-Artikolu 40(2) TFUE li jipprojbixxi diskriminazzjoni bejn produtturi jew konsumaturi fis-settur agrikolu, kif ukoll bi ksur tal-prinċipju ġenerali tal-Unjoni Ewropea fis-sens tal-Artikolu 21(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ddiskriminat fuq żewġ aspetti. L-ewwel nett, hija projbixxit attivitajiet ulterjuri ta' sajd tal-Greċja, Franza u Spanja 2 qabel tmiem il-perijodu tas-sajd, minkejja li madankollu, l-eżawriment mill-kwota Griega kien ħafna inqas minn dak ta' Spanja. It-tieni nett, filwaqt li l-Kummissjoni kienet informat lit-tliet Stati Membri tal-UE li l-attivitajiet tas-sajd kienu ser jintemmu, hija ppubblikat żewġ regolamenti vinkolanti dwar it-tmiem li kienu differenti, wieħed għal Greċja u Franza u t-tieni wieħed għal Spanja, li effettivament ippermetta lill-flotta Spanjola tkompli bis-sajd sat-tmiem il-perijodu tas-sajd. Ir-rikorrenti jsostnu li sa fejn jafu huma ma kien hemm ebda raġuni oġġettiva li tiġġustifika dan it-trattament differenti.

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ġenerali ta' proporzjonalità stabbilit fl-Artikolu 4(4) TFUE u l-Protokoll Nru 2 anness mat-Trattat u li huwa rikonoxxut fil-ġurisprudenza stabbilita bħala regola superjuri għall-protezzjoni tal-individwu. Fil-fehma tar-rikorrenti, il-Kummissjoni segħet tadotta miżuri iktar xierqa sabiex tiżgura l-konformità tal-Istati Membri tal-UE mal-iskema tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 3 u tipprojbixxi li jsir sajd tat-tonn meta l-kwoti nazzjonali jkunu laħqu livell iktar kritiku, qrib il-100 %. Hija setgħet tipprojbixxi wkoll tali attività fl-istess data għal kull Stati Membru tal-UE kkonċernat.

Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jsostnu li r-regolament ikkontestat kien adottat bi ksur tal-prinċipju ġenerali ta' tmexxija tajba u xierqa u/jew dmir ta' diliġenza kif definit minn ġurisprudenza stabbilita u pprovdut mill-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni.

____________

1 - ĠU 2010 L 142, p. 1

2 - Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 508/2010, tal-14 ta' Ġunju 2010, li jipprojbixxi attivitajiet ta' sajd għal purse seiners li jtajru l-bandiera ta' jew li huma rreġistrati fi Spanja, li jistadu għat-tonn fl-oċean Atlantiku, fil-lvant tal-longitudini ta' 45° Punent, u fil-baħar Mediterran (ĠU 2010 L 149, p. 7).

3 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009, tal-20 ta' Novembru 2009, li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU 2009 L 343, p. 1)