Language of document : ECLI:EU:C:2017:249

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fit-30 ta’ Marzu 2017 (1)

Kawżi magħquda C196/16 u C197/16

Comune di Corridonia et (C196/16)

u

Aldo Alessandrini et (C197/16)

vs

Provincia di Macerata et

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale Amministrativo Regionale per le Marche (qorti amministrattiva għar-reġjun tal-Marche, l-Italja)]

“Talba għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 2011/92/UE – Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent – Impjanti tal-bijogass – Evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent wara l-kostruzzjoni tal-impjanti”






I.      Introduzzjoni

1.        Permezz ta’ din il-proċedura għal deċiżjoni preliminari għandu jiġi ċċarat jekk evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent skont id-Direttiva 2011/92/UE (iktar ’il quddiem id-“Direttiva EEA”) (2) tistax titwettaq wara li l-proġett inkwistjoni jkun diġà twettaq. Id-dubji fir-rigward ta’ dan l-approċċ jirriżultaw mill-fatt li din l-evalwazzjoni tista’ tissodisfa bis-sħiħ l-għanijiet tagħha biss qabel tingħata l-awtorizzazzjoni għat-twettiq ta’ proġett. Minkejja dan, tqum ukoll il-kwistjoni dwar liema alternattivi jeżistu għal evalwazzjoni a posteriori fil-każ ta’ tali żbalji proċedurali daqstant serji.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt internazzjonali

2.        L-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid tad-deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (3) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Aarhus”) jipprevedi l-parteċipazzjoni pubblika f’deċiżjonijiet dwar attivitajiet li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent. Il-mument għal din il-parteċipazzjoni huwa rregolat fl-Artikolu 6(4):

“Kull parti għandha tipprovdi għal parteċipazzjoni pubblika fil-bidu tal-proċedura, jiġifieri meta l-għażliet u s-soluzzjonijiet kollha jkunu għadhom possibbli u l-pubbliku jkun jista’ jeżerċita influwenza effettiva”.

B.      Id-dritt tal-Unjoni

3.        Il-premessa 2 tad-Direttiva EEA tfakkar il-prinċipji bażiċi li hija bbażata fuqhom:

“Skont l-Artikolu 191 [TFUE], il-politika tal-Unjoni dwar l-ambjent hija msejsa fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni u fuq il-prinċipji li għandha tittieħed azzjoni preventiva, li l-ħsara lill-ambjent għandha, bħala prijorità, tissewwa f’ras il-għajn u li min iniġġes għandu jħallas. Effetti fuq l-ambjent għandhom jitqiesu kemm jista’ jkun kmieni fil-proċessi tal-ippjanar tekniku u tat-teħid ta’ deċiżjonijiet”.

4.        L-Artikolu 1(2)(c) tad-Direttiva EEA jiddefinixxi l-kunċett ta’ “kunsens għall-iżvilupp” [awtorizzazzjoni] kif ġej:

“[…] id-deċiżjoni tal-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti li tagħti d-dritt lill-iżviluppatur biex jipproċedi bil-proġett.”

5.        L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva EEA jirregola r-relazzjoni bejn l-awtorizzazzjoni u l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent:

“L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li, qabel ma jingħata l-kunsens [awtorizzazzjoni], il-proġetti li x’aktarx ikun sejjer ikollhom impatt sinifikanti fuq l-ambjent bis-saħħa, fost ħwejjeġ oħra, tan-natura, id-daqs u l-lokalizzazzjoni tagħhom ikunu soġġetti għar-rekwiżit li jkun hemm kunsens għall-iżvilupp u stima [evalwazzjoni] rigward l-effetti tagħhom. […]”

6.        Ir-rekwiżiti fundamentali dwar il-kontenut tal-evalwazzjoni jirriżultaw mill-Artikolu 3 tad-Direttiva EEA:

“L-istima [evalwazzjoni] dwar l-impatt fuq l-ambjent għandha tidentifika, tiddeskrivi u tistma b’manjiera xierqa, fid-dawl ta’ kull każ individwali u b’mod konformi mal-Artikoli 4 sa 12, l-effetti diretti u indiretti ta’ proġett fuq il-fatturi li ġejjin:

(a)      il-bniedem, il-fawna u l-flora;

(b)      il-ħamrija, l-ilma, l-arja, il-klima u l-pajsaġġ;

(c)      il-beni materjali u l-wirt kulturali;

(d)      l-interazzjoni bejn il-fatturi msemmija fil punti (a), (b) u (c).”

7.        Skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva EEA, l-iżviluppatur għandu jippreżenta l-informazzjoni neċessarja għall-evalwazzjoni, filwaqt li l-Artikoli 6 u 7 jirregolaw il-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi u tal-pubbliku.

8.        Skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva EEA, “[g]ħandhom jitqiesu r-riżultati tal-konsultazzjonijiet u tat-tagħrif miġbura skont l-Artikoli 5, 6 u 7 fil-proċedura tal-kunsens [awtorizzazzjoni] għall-iżvilupp”.

C.      Id-dritt Taljan

9.        Fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, id-dritt Taljan ma jinkludi ebda dispożizzjoni li tirregola evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent li titwettaq a posteriori, wara li jinbena l-impjant.

10.      Fir-rigward ta’ impjanti li diġà ġew awtorizzati, l-Artikolu 29(1) tad-Digriet leġiżlattiv Nru 152/2006 jipprevedi biss li d-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni u ta’ approvazzjoni meħuda mingħajr evalwazzjoni preċedenti tal-effetti fuq l-ambjent jistgħu jiġu annullati minħabba li jiksru l-liġi, kif ġara f’dan il-każ.

11.      Fil-każ li l-impjant jinbena mingħajr ma jkunu twettqu minn qabel il-fażijiet ta’ verifika tan-neċessità ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent jew l-evalwazzjoni stess tal-effetti fuq l-ambjent, mill-Artikolu 29(4) tad-Digriet leġiżlattiv Nru 152/2006 jirriżulta li l-awtorità kompetenti, wara li tkun evalwat il-grad tad-danni ambjentali kkawżati u l-grad ta’ dawn id-danni anki wara l-applikazzjoni tas-sanzjonijiet, tordna l-waqfien tax-xogħlijiet u t-twaqqigħ u r-riabilitazzjoni tal-istat oriġinali taż-żona kif ukoll tas-sitwazzjoni ekoloġika bi spejjeż tal-persuna responsabbli jew ex officio jekk dan ma jikkonformax ma’ din l-ordni.

12.      Skont l-Artikolu 29(5) tad-Digriet leġiżlattiv Nru 152/2006, “fil-każ ta’ annullament minn qorti ġenerali jew tal-irtirar, b’konsegwenza ta’ awtoeżami, tal-awtorizzazzjonijiet jew tal-approvazzjoni li ngħataw wara t-twettiq ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent jew jekk tiġi annullata l-evalwazzjoni tal-kompattibbiltà mad-dispożizzjonijiet ambjentali […], il-kompetenzi previsti fl-Artikolu 4 jiġu eżerċitati biss wara li titwettaq evalwazzjoni ġdida tal-effetti fuq l-ambjent”.

III. Il-fatti u t-talba għal deċiżjoni preliminari

13.      It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna żewġ impjanti għall-ġenerazzjoni tal-enerġija mill-bijogass permezz tad-dekompożizzjoni anerobika tal-bijomassa b’kapaċità nominali ta’ 999 kW ta’ kapaċità elettrika kull wieħed, li nbnew minn VBio1 Società Agricola S.r.l. (iktar ’il quddiem “VBio1) fil-muniċipalità ta’ Corridonia (Kawża C‑196/16) u minn VBio2 Società Agricola S.r.l. iktar ’il quddiem “VBio2”) fil-muniċipalità ta’ Loro Piceno (Kawża C‑197/16).

14.      Ir-reġjun tal-Marche awtorizza l-impjant f’Corridonia fil-5 ta’ Ġunju 2012, wara l-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni ta’ Ottubru 2011, u l-impjant f’Loro Piceno fid-29 ta’ Ġunju 2012, wara l-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni ta’ Diċembru 2011.

15.      L-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent kienet taqa’ taħt il-kompetenza tal-provinċja ta’ Macerata, li minkejja dan ma ddeċidietx dwarha, peress li, skont id-dritt tar-reġjun tal-Marche, tali evalwazzjoni ma kinitx meħtieġa għal impjanti ta’ dan id-daqs. Madankollu, din ir-regola tar-reġjun ġiet annullata iktar tard mill-qorti kostituzzjonali Taljana. Għaldaqstant, ir-rikorsi taż-żewġ muniċipalitajiet u rikorsi oħrajn kontra l-awtorizzazzjonijiet intlaqgħu. Iżda, qabel dan, VBio1 u VBio2 kienu diġà bnew l-impjanti rispettivi tagħhom u kienu bdew joperawhom.

16.      B’konsegwenza tar-revoka tal-awtorizzazzjonijiet, l-awtoritajiet kompetenti tal-provinċja ta’ Macerata l-ewwel nett ikkonstataw li l-effetti fuq l-ambjent taż-żewġ impjanti kellhom jiġu evalwati, u finalment, fis-7 ta’ Lulju 2014 (Corridonia) u fl-10 ta’ Frar 2015 (Loro Piceno), ħarġu evalwazzjonijiet pożittivi fir-rigward tal-kompatibbiltà taż-żewġ impjanti mad-dispożizzjonijiet ambjentali. Ir-rikorsi fil-kawża prinċipali huma ppreżentati kontra dawn id-deċiżjonijiet tal-aħħar.

17.      Għaldaqstant, it-Tribunale Amministrativo Regionale per le Marche (qorti amministrattiva tar-reġjun tal-Marche) għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda li ġejja:

“Fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 191 TFUE u tal-Artikolu 2 tad-[Direttiva EEA], huwa kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni l-fatt li ssir verifika sabiex jiġi ddeterminat jekk hemmx lok li ssir evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent (u eventwalment li ssir tali evalwazzjoni tal-effetti) wara l-kostruzzjoni tal-impjant, meta l-awtorizzazzjoni tkun ġiet annullata mill-qorti nazzjonali għar-raġuni li l-proġett ma kienx is-suġġett ta’ verifika sabiex jiġi ddeterminat jekk kienx hemm lok li ssir evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, peress li tali verifika kienet ġiet eskluża abbażi ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jiksru d-dritt tal-Unjoni?”

18.      Il-muniċipalitajiet ta’ Corridonia u Loro Piceno, kif ukoll Alessandrini et bħala rikorrenti, il-provinċja ta’ Macerata u r-reġjun tal-Marche bħala l-konvenuti, VBio1 u VBio2 bħala partijiet oħrajn fil-kawża, kif ukoll ir-Repubblika Taljana u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Kollha ħlief Alessandrini et kienu preżenti waqt is-seduta tat-8 ta’ Marzu 2017.

IV.    Analiżi ġuridika

19.      Il-qorti tar-rinviju tixtieq issir taf jekk evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, li ġiet ommessa bi żball, tistax titwettaq iktar tard, wara li l-impjanti kkonċernati nbnew fuq il-bażi ta’ awtorizzazzjoni li ġiet ikkontestata b’suċċess iktar tard.

20.      L-ewwel nett ser nippreċiża s-suġġett tal-proċedura (ara, f’dan ir-rigward, it-Taqsima A), imbagħad ser niddiskuti r-regoli tad-Direttiva EEA li jikkonċernaw il-mument tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent (ara, f’dan ir-rigward, it-Taqsima B) u, finalment, ser nindirizza l-konsegwenzi ta’ ommissjoni ta’ evalwazzjoni fil-każ ta’ proġetti li diġà twettqu (ara, f’dan ir-rigward, it-Taqsima C).

A.      Osservazzjoni preliminari

21.      Qabelxejn għandu jiġi nnotat li l-Artikolu 191 TFUE ċċitat mill-qorti tar-rinviju ma jistax, meta jitqies waħdu, iservi bħala kriterju għall-evalwazzjoni ta’ miżuri meħuda mill-Istati Membri. Kif tosserva l-Kummissjoni b’mod korrett, din id-dispożizzjoni hija indirizzata lill-Unjoni. Madankollu, din tista’ tkun rilevanti għall-finijiet tal-interpretazzjoni tad-dritt sekondarju (4).

22.      F’dan ir-rigward, it-talba għal deċiżjoni preliminari ġustament tirreferi għad-Direttiva EEA fil-verżjoni tad-Direttiva 2011/92. Huwa minnu li l-ewwel applikazzjonijiet fil-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni rispettivi kienu diġà saru fl-4 ta’ Ottubru 2011 (5) u fis-16 ta’ Diċembru 2011 (6), filwaqt li d-Direttiva 2011/92 daħlet fis-seħħ biss fi Frar tal-2012. Madankollu, bħala prinċipju, dispożizzjoni legali ġdida, b’mod partikolari fi proċeduri pendenti, tapplika sa mid-dħul fis-seħħ tal-att li joħloqha (7). Wieħed jista’ jidderoga minn dan biss b’mod eċċezzjonali, meta tali applikazzjoni twassal għal piżijiet sproporzjonati (8). Iżda hawnhekk ma hawn ebda raġuni għal tali deroga, peress li d-dispożizzjonijiet applikabbli preċedentement u d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/92 essenzjalment huma identiċi (9). Għaldaqstant, l-awtorizzazzjonijiet taż-żewġ impjanti mogħtija f’ Ġunju 2012 għandhom jiġu evalwati skont id-Direttiva 2011/92.

23.      Għandu jiġi ċċarat ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tiddeċiedi dwar jekk l-impjanti tal-bijogass inkwistjoni fir-realtà kinux jeħtieġu evalwazzjoni tal-effetti tagħhom fuq l-ambjent jew skont liema kriterji dan kellu jiġi deċiż. Għaldaqstant, l-argument ta’ VBio1 u ta’ VBio2 dwar ir-regoli Taljani applikabbli llum il-ġurnata, li jeskludu obbligu ta’ evalwazzjoni, huwa ineffettiv. Għalhekk lanqas ma għandha tiġi eżaminata fid-dettall fil-proċedura preżenti l-kwistjoni dwar jekk din ir-regola l-ġdida, minħabba r-riskji ambjentali tal-impjanti tal-bijogass – pereżempju l-perikolu ta’ splużjoni, emissjonijiet tal-metan u formaldehyde jew inputs tan-nitrat minħabba l-użu ta’ fermentazzjoni għall-fertilizzazzjoni – hijiex kompatibbli mad-Direttiva EEA.

B.      Fuq il-mument tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent

24.      Skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva EEA, l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent għandha tidentifika, tiddeskrivi u tistma l-effetti diretti u indiretti ta’ proġett fuq l-ambjent. F’dan ir-rigward din l-evalwazzjoni għandha tkun ibbażata, inter alia, fuq il-parteċipazzjoni pubblika prevista fl-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva. Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 1(2)(c) din għandha ssir qabel tingħata l-awtorizzazzjoni li tiġġustifika d-dritt għat-twettiq tal-proġett.

25.      Barra minn hekk, skont il-premessa 2 tad-Direttiva EEA, l-effetti fuq l-ambjent għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm jista’ jkun kmieni fil-proċessi tal-ippjanar tekniku u ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet kollha. Kif sostnut hemmhekk, dan huwa konformi mal-prinċipji ta’ prekawzjoni u ta’ azzjoni preventiva u mal-prinċipju li l-ħsara fuq l-ambjent għandha, bħala prijorità, tissewwa f’ras il-għajn, kif ukoll mal-prinċipju li min iniġġes għandu jħallas, li skont l-Artikolu 191(2) TFUE huma kollha prinċipji tal-politika ambjentali tal-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja tifhem dan fis-sens li l-għan tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent jikkonsisti fl-evitar tal-piżijiet ambjentali minn qabel, minflok ma jiġu miġġielda l-effetti tagħhom biss sussegwentement (10).

26.      Barra minn hekk, għandu jsir riferiment għall-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, li hija trasposta permezz tad-Direttiva EEA (11). Il-parteċipazzjoni pubblika prevista hemmhekk f’deċiżjonijiet li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent, għandha ssir kmieni, fi żmien meta jkun għadhom miftuħa l-għażliet kollha u tkun tista’ ssir parteċipazzjoni pubblika effettiva (12). Din l-ispeċifikazzjoni turi l-għan tal-parteċipazzjoni kmieni: din tkun iktar effettiva meta tkun tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni meta jkun qed jitwettaq il-proġett. B’hekk, b’mod partikolari, din tista’ turi kif impjant għandu jinbena, mingħajr piż addizzjonali evitabbli, sabiex jitnaqqsu kemm jista’ jkun l-effetti negattivi fuq l-ambjent.

27.      Iżda jekk l-impjant ikun diġà nbena, bħala regola, mhux l-għażliet kollha jkunu għadhom miftuħa. Il-modifika ta’ impjant eżistenti normalment tkun tiswa iktar milli kieku l-proġett ikun jinkorpora miżuri korrispondenti mill-bidu nett.

28.      Meta l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent titwettaq biss wara li jkun diġà nbena l-impjant, hija tista’ tkun effettiva biss sa fejn din jew tiżvela rekwiżiti ambjentali li neċessarjament ikunu jirrikjedu modifiki fl-impjant, jew tagħti lok għal modifika fid-deċiżjonijiet diskrezzjonali, jew inkella sa fejn tipprovdi indikazzjonijiet għall-eżerċizzju tal-għażliet li jkun għad fadal b’mod favur l-ambjent.

29.      Jekk, għall-kuntrarju, l-evalwazzjoni turi kif l-impjant seta’ jiġi ddisinjat aħjar sabiex jiġu mminimizzati l-effetti negattivi fuq l-ambjent, id-Direttiva EEA ma tirrikjedix l-impożizzjoni tal-modifiki korrispondenti fuq l-iżviluppatur. Fil-fatt, hija ma tinkludi ebda dispożizzjoni materjali dwar l-ibbilanċjar tal-effetti fuq l-ambjent ma’ fatturi oħra u lanqas ma tipprojbixxi l-implementazzjoni ta’ proġetti li jista’ jkollhom effetti negattivi fuq l-ambjent (13).

30.      Barra minn hekk, id-diffikultajiet prattiċi fl-identifikazzjoni korretta tal-effetti fuq l-ambjent jimmilitaw kontra l-fatt li l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent titwettaq wara l-kostruzzjoni tal-impjant. Dan għaliex dan l-impjant ikun diġà biddel il-kundizzjonijiet ambjentali lokali mingħajr ma dawn il-bidliet setgħu jiġu identifikati b’ċertezza minn qabel. Jekk pereżempju tkun inqerdet speċi protetta mhux skoperta, pereżempju friefet-il-lejl jew ċerti gremxul, ma huwiex iggarantit li wieħed ikun għadu jista’ jinduna b’dan iktar tard.

31.      Dawn in-nuqqasijiet prattiċi inevitabbli ta’ evalwazzjoni a posteriori l-iktar l-iktar jistgħu jiġu parzjalment ikkumpensati billi jkunu jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti fuq l-ambjent tal-operat tal-impjant li jkunu jistgħu jiġu identifikati attwalment, filwaqt li evalwazzjoni korretta tkun sempliċiment bassrithom.

32.      Għaldaqstant għandu jiġi nnotat li l-effetti fuq l-ambjent ta’ proġett jridu jiġu evalwati b’mod definittiv qabel l-għoti ta’ awtorizzazzjoni u li evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent wara l-kostruzzjoni ta’ impjant ma tistax tissostitwixxi b’mod ekwivalenti l-ommissjoni oriġinali ta’ tali evalwazzjoni (14).

33.      Din il-konstatazzjoni tenfasizza wkoll il-ħtieġa ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva u kawtelatorja f’tilwimiet dwar l-evalwazzjoni tal-effetti ta’ proġetti fuq l-ambjent. Jekk ma tingħatax protezzjoni ġudizzjarja kawtelatorja, is-suċċess ta’ rikors ma jġibx miegħu rimedju effettiv. Ikun iktar u iktar ta’ dispjaċir jekk il-qrati li għandhom ġurisdizzjoni, kif isostnu VBio1 u VBio2, irrifjutaw effettivament is-sospensjoni tal-awtorizzazzjoni u b’hekk ippermettew il-kostruzzjoni prematura tal-impjanti.

C.      Fuq il-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ evalwazzjoni

34.      Iżda x’għandu jsir jekk, minkejja dan, jiġi rrikonoxxut biss wara li jitwettaq proġett li l-effetti tiegħu fuq l-ambjent kellhom jiġu evalwati? B’mod impliċitu, l-argumenti ta’ Corridonia u ta’ Loro Piceno kif ukoll ta’ Alessandrini et possibbilment huma bbażati fuq l-aspettattiva li l-proġetti inkwistjoni ma jistgħux jibqgħu jiġu awtorizzati u li l-impjanti għalhekk iridu jitneħħew.

35.      Għalkemm din il-konsegwenza legali hija mill-inqas teoretikament possibbli, bħala regola hija ma tistax tkun ikkunsidrata. Għalkemm huwa minnu li r-regolarizzazzjoni sħiħa tad-difett proċedurali wara t-twettiq tal-proġett ma tkunx għadha possibbli (ara, f’dan ir-rigward, it-taqsima 1), ikun għadu possibbli li l-konsegwenzi ta’ dan id-difett jitnaqqsu ħafna (ara, f’dan ir-rigward, it-taqsima 2).

1.      Fuq ir-regolarizzazzjoni tad-difett proċedurali

36.      Għal dak li jikkonċerna r-regolarizzazzjoni ta’ nuqqas ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, il-partijiet iddiskutew b’mod intensiv kif għandha tiġi interpretata sentenza mogħtija kontra l-Irlanda. Skont din is-sentenza, ir-regolarizzazzjoni ta’ attivitajiet jew ta’ atti li jiksru d-dritt tal-Unjoni hija permessa biss jekk il-partijiet ikkonċernati ma jingħataw l-ebda opportunità li jevadu d-dritt tal-Unjoni jew li ma japplikawhx, u jekk din ir-regolarizzazzjoni tibqa’ l-eċċezzjoni (15).

37.      Iżda l-partijiet ma ndunawx li l-Qorti tal-Ġustizzja iktar tard, b’riferiment għal din is-sentenza, iċċarat ir-rekwiżiti sabiex tiġi rregolarizzata l-parteċipazzjoni pubblika ommessa fil-kuntest tad-Direttiva IPPC (16). Skont din il-kjarifika, fil-mument tar-regolarizzazzjoni, l-għażliet u s-soluzzjonijiet kollha jridu jkunu għadhom possibbli u r-regolarizzazzjoni f’dan l-istadju tal-proċedura trid tibqa’ tippermetti lill-pubbliku kkonċernat jeżerċita influwenza reali fuq l-eżitu tal-proċess deċiżjonali (17). Dawn il-kunsiderazzjonijiet għandhom japplikaw ukoll għall-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent.

38.      Iżda, peress li wara li jkun twettaq proġett mhux l-għażliet kollha jkunu għadhom miftuħa u peress li, għalhekk, l-effettività tal-parteċipazzjoni pubblika tkun ristretta, f’dan il-mument l-ommissjoni tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ma tkunx tista’ tiġi rregolarizzata bis-sħiħ. Il-proġett għalhekk ma jistax jiġi ttrattat fil-futur daqslikieku ġie awtorizzat b’osservanza tal-obbligu ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent.

2.      Fuq l-eliminazzjoni tal-konsegwenzi tad-difett proċedurali

39.      Għaldaqstant, minkejja dan, għadu ma ġiex iċċarat b’mod eżawrjenti kif għandhom jiġu indirizzati l-konsegwenzi tad-difett proċedurali. F’dan ir-rigward inqis li huma meħtieġa miżuri prammatiċi, li madankollu ma għandhom jagħtu ebda inċentiva għall-evitar tad-Direttiva EEA.

40.      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà enfasizzat li l-Istati Membri, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali previst fl-Artikolu 4(3) TUE, huma obbligati jħassru l-konsegwenzi illegali ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni. Tali obbligu huwa impost fuq kull awtorità tal-Istat Membru kkonċernat fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha. Għaldaqstant, huwa kompitu tal-awtoritajiet kompetenti li jieħdu, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, il-miżuri ġenerali jew speċjali kollha meħtieġa sabiex ikun jista’ jiġi ddeterminat jekk il-proġetti jistax ikollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent u, b’hekk, fil-każ li dan ikun minnu, sabiex jiġu eżaminati dawn l-effetti. Jikkostitwixxu tali miżuri, pereżempju, l-irtirar jew is-sospensjoni ta’ awtorizzazzjoni li tkun diġà ngħatat, bl-iskop li titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent tal-proġett inkwistjoni fis-sens tad-Direttiva EEA. Madankollu f’dan ir-rigward trid titqies l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri (18).

41.      Barra minn hekk, bħala regola ġenerali, fil-każ tal-irtirar jew tas-sospensjoni tal-awtorizzazzjoni, bħal fil-kawża prinċipali, ikun meħtieġ li fl-ewwel lok jitwaqqaf l-operat tal-impjant inkwistjoni (19). Fil-fatt, skont l-Artikolu 1(2)(c) u l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva EEA, din l-awtorizzazzjoni tikkostitwixxi l-kundizzjoni għat-twettiq tal-proġett, jiġifieri wkoll għall-operat tiegħu. Dan l-approċċ barra minn hekk huwa konformi mal-prinċipji ta’ prekawzjoni u ta’ azzjoni preventiva. Kieku kienet neċessarja evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, ikun dubjuż jekk l-awtorizzazzjoni kinitx tissodisfa l-istandards ambjentali kollha applikabbli mingħajr din l-evalwazzjoni. Ir-riskju tal-waqfien tal-operat barra minn hekk joħloq inċentiva qawwija sabiex wieħed josserva d-Direttiva EEA waqt l-awtorizzazzjoni ta’ tali proġetti.

42.      Meta, għall-kuntrarju, ikun eskluż l-irtirar jew is-sospensjoni tal-awtorizzazzjoni, minħabba li din tkun diġà saret definittiva, l-Istati Membri għandhom mill-inqas jieħdu inkunsiderazzjoni l-ommissjoni ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent fl-istadju tal-għoti ta’ awtorizzazzjoni ulterjuri relatata mal-proġett, u għandhom jiżguraw l-effett utli ta’ din id-direttiva billi jiżguraw li mill-inqas issir tali evalwazzjoni f’dan l-istadju (20).

43.      Min-naħa l-oħra, la l-aspettattivi leġittimi tal-iżviluppatur tal-proġett u lanqas iċ-ċertezza legali, li jinvokaw VBio1 u VBio2, ma jistgħu jkunu rilevanti fil-kawżi prinċipali.

44.      Sakemm awtorizzazzjoni ma tkunx definittiva, din ma tista’ tiġġustifika ebda aspettattiva leġittima. Jekk żviluppatur ta’ proġett iwettaq il-proġett tiegħu minkejja rikors ippreżentat kontra l-awtorizzazzjoni, huwa jġorr ir-riskju li l-awtorizzazzjoni iktar tard tinstab li tkun illegali. Jekk dan ma jkunx hekk, tiddaħħal fid-dubju l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva ta’ terzi, kif prevista fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u, fil-proċeduri ambjentali, fl-Artikolu 9(4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

45.      Sa fejn l-aspettattiva tal-iżviluppatur tal-proġett tkun ibbażata fuq regoli nazzjonali li jiksru d-dritt tal-Unjoni, l-iktar l-iktar wieħed jista’ jikkontempla kawża għall-kumpens għad-danni kontra l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli (21).

46.      Għal dak li jikkonċerna l-prinċipju ta’ ċertezza legali, dan jipprekludi li l-obbligi għall-individwi jkunu bbażati fuq direttivi. Id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva jistgħu jiġġustifikaw biss drittijiet ta’ individwi. Konsegwentement, individwu ma jistax jinvoka direttiva kontra Stat Membru meta jkun involut obbligu tal-Istat li jkun marbut direttament mal-eżekuzzjoni ta’ obbligu ieħor impost, skont din id-direttiva, fuq terz. Min-naħa l-oħra, sempliċi effetti negattivi fuq id-drittijiet ta’ terzi, anki jekk ikunu ċerti, ma jiġġustifikawx li tiġi rrifjutata lil individwu l-opportunità li jinvoka d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva kontra l-Istat Membru kkonċernat (22).

47.      Għaldaqstant il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li l-obbligu tal-Istat Membru kkonċernat li jiżgura t-twettiq ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent mill-awtoritajiet kompetenti ma huwiex direttament relatat mat-twettiq ta’ obbligu impost fuq l-iżviluppatur tal-proġett skont id-Direttiva EEA. Il-fatt li l-operat irid jitwaqqaf sakemm jinkisbu r-riżultati ta’ din l-evalwazzjoni huwa l-konsegwenza tal-fatt li dan l-Istat issodisfa l-obbligu tard. Iżda din il-konsegwenza ma tistax titqies bħala impożizzjoni indiretta ta’ obbligi permezz tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva fir-rigward tal-iżviluppatur tal-proġett (23).

48.      Għaldaqstant huwa stabbilit li l-ommissjoni ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent trid tiġi rrimedjata iktar tard, sa fejn dan ikun għadu effettivament possibbli. Il-fatt li jkun twettaq il-proġett ikkonċernat, fil-kawżi preżenti l-kostruzzjoni tal-impjanti tal-bijogass, ma jistax jikkostitwixxi ostakolu għal dan.

49.      Tali evalwazzjoni a posteriori hija rilevanti wkoll minħabba li din dejjem tista’ twettaq, mill-inqas parzjalment, l-għanijiet tad-Direttiva EEA msemmija fil-punt 25.

50.      L-evalwazzjoni, b’mod partikolari, xorta għadha tista’ tidentifika ħafna effetti fuq l-ambjent tal-proġett, u possibbilment ukoll, f’ċerti każijiet, kollha kemm huma. Għalhekk hija tipprovdi l-bażi għall-eżami tal-ammissibbiltà tal-proġett. Jekk fil-fatt din turi li l-proġett jikser rekwiżiti legali imperattivi, dan irid jiġi adattat b’mod korrispondenti jew saħansitra jintemm. Il-fatt li l-proġett ikun diġà twettaq ma jistax ikun rilevanti għal din l-evalwazzjoni mill-ġdid (24), sabiex jiġi evitat kwalunkwe inċentiv li b’mod abbużiv proġett jitwettaq minn qabel, mingħajr evalwazzjoni (25).

51.      L-evalwazzjoni a posteriori hija ta’ importanza partikolari wkoll fir-rigward ta’ marġni ta’ diskrezzjoni eventwali li tingħata lill-awtorità ta’ awtorizzazzjoni. Dan peress li fl-eżerċizzju ta’ din id-diskrezzjoni, din trid tieħu inkunsiderazzjoni r-riżultati tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. Għalhekk, id-deċiżjonijiet diskrezzjonali fil-kuntest ta’ evalwazzjoni a posteriori għandhom jiġu evalwati fid-dawl tar-riżultati u, eventwalment, għandhom jiġu emendati. Minkejja dan, fil-każ ta’ tali deċiżjoni diskrezzjonali, anki d-drittijiet fundamentali tal-iżviluppatur tal-proġett għandhom ikunu rilevanti (26).

52.      Barra minn hekk, permezz ta’ din l-evalwazzjoni, il-pubbliku kkonċernat, l-awtoritajiet kompetenti u l-iżviluppatur jiġu informati dwar dawn l-effetti u r-riskji possibbli (27).

53.      L-eżempju ta’ impjanti tal-bijogass juri l-importanza ta’ tali informazzjoni tal-iżviluppatur. Meta tali impjanti, bħal ma jiġri ta’ spiss, jiġu operati bħala attività anċillari, il-persuni responsabbli mhux bilfors ikollhom diġà t-tagħlim speċifiku u l-esperjenza rilevanti f’dan il-qasam, li jippermettulhom jassumu li mingħajr evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent se jkunu jistgħu jimminimizzaw l-effetti negattivi u r-riskji tal-impjant li jkunu involuti fl-operazzjoni ta’ kuljum.

54.      Dak li jkun jista’ jistaqsi wkoll jekk tistax tiġi rrimedjata wkoll iċ-ċirkustanza li, fin-nuqqas ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, eventwalment mhux l-għażliet kollha tat-tnaqqis tal-effetti negattivi fuq l-ambjent setgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod volontarju waqt it-tfassil tal-proġett. Tali rimedju ċertament ikun konformi mal-obbligu li jiġu eliminati l-konsegwenzi ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni, iżda, min-naħa l-oħra, id-Direttiva EEA ma tobbligax lill-iżviluppatur jiddisinja l-proġett tiegħu b’mod kemm jista’ jkun sostenibbli, anki meta titwettaq evalwazzjoni fil-ħin tal-effetti fuq l-ambjent.

55.      Finalment, f’din il-proċedura l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tiddeċiedi dwar din il-kwistjoni tal-aħħar, minħabba li ma hemmx indikazzjonijiet li din hija rilevanti għad-deċiżjoni tal-kawża quddiem il-qorti nazzjonali.

56.      Għaldaqstant, għalkemm huwa ammissibbli li l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent titwettaq wara l-kostruzzjoni tal-impjant inkwistjoni, dan madankollu, b’kuntrast mar-regolarizzazzjoni sħiħa tad-difett proċedurali, ma jistax iwassal sabiex l-impjant u l-effetti tiegħu jitqiesu bħala awtorizzati b’mod leġittimu mingħajr ebda restrizzjoni. Minbarra r-riskju tal-għeluq tal-operat, li diġà ġie enfasizzat, l-ommissjoni tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent tista’ tiġġustifika wkoll azzjonijiet għal kumpens għal danni kontra l-awtorità ta’ awtorizzazzjoni u possibbilment ukoll għall-waqfien tad-disturbi, speċjalment meta l-funzjoni ta’ twissija tal-evalwazzjoni (28) ma setgħetx titwettaq (fil-ħin).

V.      Konklużjoni

57.      Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

Id-Direttiva 2011/92/UE dwar l-evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, interpretata fid-dawl tal-Artikolu 191 TFUE, tirrikjedi t-twettiq tal-proċedura ta’ verifika tan-neċessità ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent u eventwalment tal-evalwazzjoni stess qabel l-awtorizzazzjoni u t-twettiq tal-proġett inkwistjoni. Meta dan l-obbligu jinkiser, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu din il-proċedura a posteriori u għandhom jisiltu l-konsegwenzi mir-riżultati. Madankollu, il-proġett ma jistax jitqies bħallikieku ġie awtorizzat b’osservanza sħiħa tad-Direttiva 2011/92.


1      Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2      Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU 2012 L 26, p. 1). L-emendi permezz tad-Direttiva 2014/52/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta‘ April 2014, (ĠU 2014 L 124, p. 1) għadhom ma humiex applikabbli fil-proċedura preżenti.


3      ĠU 2005, L 124, p. 4, adottata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE, tas-17 ta’ Frar 2005 (ĠU L 164M, 16.6.2006, p. 17).


4      Ara s-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 2010, ERG et (C‑378/08, EU:C:2010:126, punt 46) u ERG et (C‑379/08 u C‑380/08, EU:C:2010:127, punt 39), kif ukoll tal-4 ta’ Marzu 2015, Fipa Group et (C‑534/13, EU:C:2015:140, punt 42).


5      Osservazzjonijiet bil-miktub ta’ VBio1, punt 34.


6      Osservazzjonijiet bil-miktub ta’ VBio2, punt 33.


7      Sentenza tas-7 ta’ Novembru 2013, Gemeinde Altrip et (C‑72/12, EU:C:2013:712, punt 22).


8      Hekk nifhem is-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 1998, Gedeputeerde Staten van Noord-Holland (C‑81/96, EU:C:1998:305, punt 23), u l-ġurisprudenza bbażata fuqha.


9      Ara s-sentenza tas-16 ta’ April 2015, Gruber (C‑570/13, EU:C:2015:231, punti 26 sa 28).


10      Sentenza tat-3 ta’ Lulju 2008, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑215/06, EU:C:2008:380, punt 58).


11      Premessa 11 tad-Direttiva 2003/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Mejju 2003, li tipprovdi għall-parteċipazzjoni pubblika rigward it-tfassil ta’ ċerti pjani u programmi li għandhom x’jaqsmu mal-ambjent u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/337/KEE u 96/61/KE rigward il-parteċipazzjoni pubblika u l-aċċess għall-ġustizzja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 466).


12      Ara s-sentenzi tal-15 ta’ Jannar 2013, Križan et (C‑416/10, EU:C:2013:8, punti 88 sa 90), u tat-8 ta’ Novembru 2016, Lesoochranárske zoskupenie VLK (C‑243/15, EU:C:2016:838, punt 46).


13      Sentenza tal-14 ta’ Marzu 2013, Leth (C‑420/11, EU:C:2013:166, punt 46).


14      Sentenza tat-3 ta’ Lulju 2008, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑215/06, EU:C:2008:380, punt 61).


15      Sentenza tat-3 ta’ Lulju 2008, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑215/06, EU:C:2008:380, punt 57).


16      Dik li kienet id-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE, tal-24 ta’ Settembru 1996, dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġis (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 80), issa parti mid-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsil, tal-24 ta’ Novembru 2010, dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (ĠU 2010 L 334, p. 17).


17      Sentenza tal-15 ta’ Jannar 2013, Križan et (C‑416/10, EU:C:2013:8, punt 90).


18      Sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Wells (C‑201/02, EU:C:2004:12, punti 64, 65 u 68), kif ukoll tas-17 ta’ Novembru 2016, ASA Abfall Service (C‑348/15, EU:C:2016:882, punt 46).


19      Ara s-sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Wells (C‑201/02, EU:C:2004:12, punt 58).


20      Sentenzi tas-17 ta’ Marzu 2011, Brussels Hoofdstedelijk Gewest et (C‑275/09, EU:C:2011:154, punt 37), u tas-17 ta’ Novembru 2016, ASA Abfall Service (C‑348/15, EU:C:2016:882, punt 44).


21      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Grüne Liga Sachsen (C‑399/14, EU:C:2015:631, punt 65).


22      Sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Wells (C‑201/02, EU:C:2004:12, punti 56 u 57).


23      Sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Wells (C‑201/02, EU:C:2004:12, punt 58).


24      Ara s-sentenza tal-14 ta’ Jannar 2016, Grüne Liga Sachsen et (C‑399/14, EU:C:2016:10, punt 77).


25      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Grüne Liga Sachsen (C‑399/14, EU:C:2015:631, punt 70).


26      Fuq id-distinzjoni bejn id-drittijiet fundamentali tal-Unjoni u d-drittijiet fundamentali tal-Istati Membri, ara s-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2014, Siragusa (C‑206/13, EU:C:2014:126).


27      Ara, dwar l-informazzjoni għall-pubbliku kkonċernat, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Leth (C‑420/11, EU:C:2012:701, punt 51).


28      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Leth (C‑420/11, EU:C:2012:701, punt 51).