Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-28 ta’ April 2022 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Korkein oikeus - il-Finlandja) – C, CD vs Syyttäjä

(Kawża C-804/21 PPU) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Mandat ta’ arrest Ewropew – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Artikolu 23(3) – Rekwiżit ta’ intervent mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni – Artikolu 6(2) – Dipartimenti tal-pulizija – Esklużjoni – Forza maġġuri – Kunċett – Ostakoli ġuridiċi għall-konsenja – Azzjonijiet legali mressqa mill-persuna rikjesta – Applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Esklużjoni – Artikolu 23(5) – Skadenza tat-termini previsti għall-konsenja – Konsegwenzi – Ħelsien – Obbligu li tiġi adottata kull miżura oħra neċessarja sabiex tiġi evitata l-ħarba)

Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż

Qorti tar-rinviju

Korkein oikeus

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: C, D

Konvenut: Syyttäjä

Dispożittiv

L-Artikolu 23(3) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, kif emendata permezz tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ forza maġġuri ma jestendix għall-ostakoli ġuridiċi għall-konsenja, li jirriżultaw minn azzjonijiet legali mressqa mill-persuna li hija s-suġġett tal-mandat ta’ arrest Ewropew u bbażati fuq id-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, meta d-deċiżjoni finali dwar il-konsenja tkun ġiet adottata mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni skont l-Artikolu 15(1) tal-imsemmija deċiżjoni qafas.

L-Artikolu 23(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif emendata permezz tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299, għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rekwiżit ta’ intervent mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, imsemmi f’din id-dispożizzjoni, ma jkunx issodisfatt meta l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jafda lil dipartiment tal-pulizija l-kompitu li jivverifika l-eżistenza ta’ każ ta’ forza maġġuri kif ukoll l-osservanza tal-kundizzjonijiet meħtieġa għaż-żamma tad-detenzjoni tal-persuna li tkun is-suġġett tal-mandat ta’ arrest Ewropew u li jiddeċiedi, jekk ikun il-każ, data ġdida ta’ konsenja, u dan anki jekk din il-persuna jkollha d-dritt li tadixxi fi kwalunkwe mument lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni sabiex din tiddeċiedi dwar l-elementi msemmija hawn fuq.

L-Artikolu 23(5) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif emendata permezz tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299, għandu jiġi interpretat fis-sens li t-termini msemmija fil-paragrafi 2 sa 4 ta’ dan l-Artikolu 23 għandhom jitqiesu li skadew, bil-konsegwenza li l-imsemmija persuna għandha tinħeles, meta r-rekwiżit ta’ intervent mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, imsemmi fl-Artikolu 23(3) tal-imsemmija deċiżjoni qafas, ma jkunx ġie ssodisfatt.

____________

1     ĠU C 95, 28.2.2022.