Language of document :

Rikors ippreżentat fit-23 ta' Jannar 2011 - Koninklijke Luchtvaart Maatschappij vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-28/11)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Koninklijke Luchtvaart Maatschappij (Amstelveen, il-Pajjizi l-Baxxi) (rappreżentant: M. Smeets, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2010) 7694 finali tad-9 ta' Novembru 2010, u, sussidjarjament,

tnaqqas il-multa imposta.

Motivi u argumenti prinċipali

Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 263 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (iktar 'il quddiem "TFUE") (li qabel kien l-Artikolu 230 KE) għall-istħarriġ u l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2010) 7694 finali, tad-9 ta' Novembru 2010, dwar proċedura skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (li qabel kien l-Artikolu 81 KE), l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u l-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-Trasport bl-Ajru (Każ COMP/39258 - Trasport ta' merkanzija bl-ajru), indirizzata lil KLM N.V.; u, sussidjarjamanet, għat-tnaqqis tal-multa imposta skont l-Artikolu 261 TFUE (li qabel kien l-Artikolu 229 KE).

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba' motivi.

1. L-ewwel motiv, ibbażat fuq in-nuqqas, fid-deċiżjoni kkontestata, ta' motivazzjoni fis-sens tal-Artikolu 296 TFUE u tal-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti tqajjem l-argumenti li ġejjin:

inkoerenza fundamentali bejn id-dispożittiv tad-deċiżjoni u l-motivazzjoni;

l-inkoerenzi bejn id-dispożittiv tad-deċiżjoni u l-motivazzjoni li jipprekludu l-istħarriġ ġudizzjarju effettiv tad-deċiżjoni mill-Qorti Ġenerali;

l-inkoerenzi u l-ambigwità fil-motivazzjoni fir-rigward (i) tal-portata tal-ksur u d-destinatarji tad-deċiżjoni, (ii) tan-nuqqas ta' kommissjoni fuq it-taxxi addizzjonali (iii) tal-introduzzjoni ta' taxxi addizzjonali fuq il-karburant jipprekludu l-istħarriġ ġudizzjarju effettiv tad-deċiżjoni mill-Qorti Ġenerali;

l-inkoerenzi u l-ambigwità fil-motivazzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tal-linji gwida tal-2006 dwar il-multi u l-impożizzjoni ta' multi jipprekludu l-istħarriġ ġudizzjarju effettiv tad-deċiżjoni mill-Qorti Ġenerali.

2. It-tieni motiv, ibbażat fuq l-adozzjoni tad-deċiżjoni bi ksur tad-dritt għal smigħ xieraq fis-sens tal-Artikoli 41, 47, 48, 49, u 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti tqajjem l-argumenti li ġejjin:

il-Kummissjoni naqset milli tirrispetta d-dritt għal smigħ xieraq, id-dritt għal proċess imparzjali u l-preżunzjoni tal-innoċenza taħt l-Artikoli 41(2)(a), 47 u 48 tal-Karta, billi naqset milli tisma' lid-destinatarji fuq il-bidliet varji li seħħew fil-portata tal-kawża u n-numru ta' destinatarji;

ksur tal-prinċipju ta' legalità u ta' proporzjonalità tal-multi taħt l-Artikolu 49 tal-Karta, billi inkludiet il-qligħ totali ta' KLM Cargo fil-valur tal-bejgħ skont il-linji gwida tal-2006 dwar il-multi, u ksur tad-dritt tar-rikorrenti li tinstema' f'dan ir-rigward;

ksur tal-prinċipju ta' legalità u ta' proporzjonalità tal-multi taħt l-Artikolu 49 tal-Karta u tal-prinċipju ta' non bis in idem fl-Artikolu 50 tal-Karta, billi l-Kummissjoni inkludiet il-bejgħ li sar barra miż-ŻEE fil-valur tal-bejgħ skont il-linji gwida tal-2006 dwar il-multi u billi użat kriterju mhux distint sabiex tillimita dan il-valur tal-bejgħ, u ksur tad-dritt tar-rikorrenti li tinstema' f'dan ir-rigward.

3. It-tielet motiv, ibbażat fuq l-iffissar tal-multa bi ksur tal-Artikolu 101 TFUE, tal-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 1 u tal-linji gwida tal-2006 dwar il-multi, peress li:

il-linji gwida tal-2006 dwar il-multi ma jippermettux li l-valur ta' bejgħ li ma huwiex direttament jew indirettament marbut mal-ksur jiġi inkluż fil-valur tal-bejgħ;

il-linji gwida tal-2006 dwar il-multi ma jippermettux li l-multa tiġi ffissata abbażi ta' bejgħ li seħħ barra miż-ŻEE.

4. Ir-raba' motiv, ibbażat fuq il-fatt li d-determinazzjoni tal-multi skont il-linji gwida tal-2006 dwar il-multi huwa manifestament żbaljat u jikser il-prinċipji tal-aspettattivi leġittimi, ta' proporzjonalità u ta' trattament ugwali. F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti tqajjem l-argumenti li ġejjin:

il-konstatazzjoni li tipprovdi li l-bejgħ marbut direttament jew indirettament mal-ksur huwa l-bejgħ totali ta' KLM Cargo hija manifestament żbaljata u tikser il-prinċipji tal-aspettativi leġittimi, ta' proporzjonalità u ta' trattament ugwali;

il-konstatazzjoni li tipprovdi li l-bejgħ marbut direttament jew indirettament mal-ksur għandu jinkludi l-bejgħ ta' KLM Cargo li jseħħ barra miż-ŻEE hija manifestament żbaljata u tikser il-prinċipji tal-aspettativi leġittimi, ta' proporzjonalità u ta' trattament ugwali;

id-determinazzjoni tal-gravità tal-ksur mingħajr riferiment għan-natura tat-taxxi addizzjonali kif ukoll id-determinazzjoni tal-valur tal-bejgħ u tal-gravità tal-ksur b'riferiment għall-portata globali tal-ksur huma manifestament żbaljati u jiksru l-prinċipji tal-aspettativi leġittimi, ta' proporzjonalità u ta' trattament ugwali;

id-determinazzjoni tal-ammont addizzjonali tal-multa ("miżata għad-dħul") indipendentement mid-dewmien tal-ksur hija manifestament żbaljata u tikser il-prinċipji ta' proporzjonalità u ta' trattament ugwali;

it-tnaqqis tal-multa ta' 15% minħabba l-intervent tal-Gvern huwa manifestament żbaljat u jikser il-prinċipji ta' proporzjonalità u ta' trattament ugwali.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta' Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).