Language of document :

Rikors ippreżentat fl-14 ta' Jannar 2011 - Technische Universität Dresden vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-29/11)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Technische Universität Dresden (Dresden, il-Ġermanja) (rappreżentant: G. Brüggen, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' Novembru 2010, bin-nota ta' debitu Nru 3241011712, dwar il-ħlas lura ta' somma fl-ammont ta' EUR 55 377.62;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċeduri.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka :

1.    Ksur tad-dritt Komunitarju minħabba evalwazzjoni żbaljata tal-fatti jew minħabba nuqqas li ssir evalwazzjoni tal-fatti

Ir-rikorrenti ssostni li saret evalwazzjoni żbaljata tal-fatti, jew li ma saret ebda evalwazzjoni tal-fatti, fir-rigward tal-eliġibbiltà ta' ċertu nfiq marbut mal-persunal, bħalma huwa l-infiq marbut mal-għajxien u mal-ivvjaġġar. Barra minn hekk, hija ssostni li saret evalwazzjoni żbaljata tal-fatti, jew li ma saret ebda evalwazzjoni tal-fatti, inkonnessjoni ma' diversi servizzi.

2.    Ksur tad-dritt Komunitarju minħabba żball serju fil-motivazzjoni.

Ir-rikorrenti ssostni f'dan ir-rigward li n-nota ta' debitu hija nieqsa minn motivazzjoni, li l-motivazzjoni għall-aċċettazzjoni jew għar-rifjut tal-infiq marbut mal-għajxien u mal-ivvjaġġar hija żbaljata u li ż-żieda fl-ammont li ma huwiex eliġibbli taħt it-titolu "servizz varji" hija nieqsa minn motivazzjoni.

____________