Language of document : ECLI:EU:C:2004:614

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

14 ta' Ottubru 2004 (*)

"Moviment liberu tas-servizzi – Moviment liberu tal-merkanzija – Restrizzjonijiet – Ordni pubblika – Dinjità umana – Protezzjoni tal-valuri fundamentali ddikjarati mill-Kostituzzjoni nazzjonali – 'Tilgħab biex toqtol'"

Fil-kawża C-36/02

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE,

ppreżentata mill-Bundesverwaltungsgericht (Il-Germanja), b'deċiżjoni ta' l-24 ta' Ottubru 2001, li waslet lill-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta' Frar 2002, fil-proċedura:

Omega Spielhallen- und Automatenaufstellungs GmbH

vs

Oberbürgermeisterin der Bundesstadt Bonn,

 

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta' l-Awla, A. Rosas (Relatur), R. Silva de Lapuerta, K. Lenaerts, u S. von Bahr, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: C. Stix-Hackl,

Reġistratur: M.-F. Contet, Amministratur Prinċipali,

 wara li kkunsidrat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta' l-4 ta' Frar 2004,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

·għal Omega Spielhallen- und Automatenaufstellungs GmbH, minn P. Tuxhorn, Rechtsanwalt,

·għall-Oberbürgermeisterin der Bundesstadt Bonn, minn F. Montag, Rechtsanwalt,

·għall-Gvern Ġermaniż, minn W.-D. Plessing, bħala aġent,

·għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropew, minn M. Patakia u C. Schmidt, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ppreżentati fis-seduta tat-18 ta' Marzu 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 49 KE sa 55 KE fuq il-moviment liberu tas-servizzi u ta' l-Artikoli 28 KE sa 30 KE fuq il-moviment liberu tal-merkanzija.

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' appell fuq punt ta' dritt, ippreżentat quddiem il-Bundesverwaltungsgericht mill-kumpannija Omega Spielhallen- und Automatenaufstellungs- GmbH (iktar 'il quddiem "Omega"), li bih din ta' l-aħħar ikkuntestat il-kompatibbiltà mad-dritt komunitarju ta' deċiżjoni ta' projbizzjoni adottata kontra tagħha mill-Oberbürgermeisterin der Bundesstadt Bonn (iktar 'il quddiem l-"Awtorità tal-Pulizija ta' Bonn") fl-14 ta' Settembru 1994.

 Il-fatti, il-proċedura prinċipali u d-domanda preliminari

3       Omega, kumpannija taħt id-dritt Ġermaniż, mexxiet f'Bonn (Il-Ġermanja), mill-1 ta' Awissu 1994, lokal magħruf bħala "laserdrome", normalment iddestinat għall-prattika tal-"laser-sport". Din l-attività kompliet tiġi eżerċitata wara l-14 ta' Settembru 1994, peress li Omega kienet kisbet l-awtorizzazzjoni għat-tkomplija ta' l-eżerċizzju tagħha fuq bażi provviżorja b'digriet tal-Verwaltungsgericht Köln (Il-Ġermanja) fit-18 ta' Novembru 1994. It-tagħmir użat minn Omega fl-istabbiliment tagħha, li jinkludi b'mod partikolari apparat ta' mira tal-lażer simili għal armi tan-nar kif ukoll sensuri installati jew fil-kurituri tat-tir jew fil-ġkieket imlibbsa mil-lagħba, ġie inizjalment żviluppat minn ġugarell għat-tfal li huwa disponibbli fis-suq. Billi dan it-tagħmir instab li kien teknikament inadegwat, Omega kienet irrikorriet, minn data mhux speċifikata iżda iktar tard mit-2 ta' Diċembru 1994, għat-tagħmir ipprovdut minn kumpannija Brittannika, Pulsar International Ltd (li saret Pulsar Advanced Games Systems Ltd, iktar 'il quddiem "Pulsar"). Madankollu, kuntratt ta' rappreżentanza ma' Pulsar ġie konkluż biss fid-29 ta' Mejju 1997.

4       Qabel il-ftuħ innifsu għall-pubbliku tal-"laserdrome", parti mill-popolazzjoni kienet uriet l-oppożizzjoni tagħha għal dan il-proġett. Fil-bidu tas-sena 1994, l-awtorità tal-pulizija ta' Bonn ordnat lill-Omega tipprovdilha deskrizzjoni preċiża tat-tħaddim tal-logħba prevista għal-"laserdrome" u, b'ittra tat-22 ta' Frar 1994, infurmatha bl-intenzjoni tagħha li tadotta mandat ta' sekwestru fil-każ li jkun possibbli fiha li "tilgħab biex toqtol" in-nies. Omega rrispondiet, fit-18 ta' Marzu 1994, li l-logħba kienet tinvolvi unikament li jiġu milquta s-sensuri installati fil-kurituri tat-tir.

5       Peress li kienet osservat li l-logħba prattikata fil-"laserdrome" kellha wkoll bħala skop li jiġu milquta s-sensuri fuq il-ġkieket imlibbsa mil-lagħba, l-awtorità tal-pulizija ta' Bonn, fl-14 ta' Settembru 1994, adottat deċiżjoni kontra Omega li biha pprojbixxietha "milli tippermetti jew tittollera fl-[…] istabbiliment tagħha l-logħob li għandhom bħala skop li jisparaw fuq miri umani bl-użu ta' raġġ tal-lażer jew ta' mezzi tekniċi oħra (per eżempju, infra-aħmar), u għaldaqstant, li tirreġistra t-tiri li jkunu laqtu l-mira tagħhom, li 'tilgħab biex toqtol' in-nies", taħt multa ta' 10000 DEM għal kull logħba li tintlagħab kontra din id-deċiżjoni.

6       L-imsemmija deċiżjoni ġiet adottata abbażi tas-setgħa mogħtija mill-Artikolu 14(1) ta' l-Ordnungsbehördengesetz Nordrhein-Westfalen (liġi applikabbli għall-awtoritajiet tal-pulizija fir-Rin tan-Nord tal-Vestfalja, iktar 'il quddiem l-"OBG NW"), li jipprovdi:

"L-awtoritajiet tal-pulizija jistgħu jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jipprevjenu, f'każijiet partikolari, periklu li jhedded is-sigurtà pubblika jew l-ordni pubblika."

7       Skond id-deċiżjoni ta' projbizzjoni ta' l-14 ta' Settembru 1994, il-logħbiet li seħħew fl-istabbiliment użat minn Omega kienu jikkostitwixxu periklu għall-ordni pubblika, billi l-atti ta' qtil simulat u t-trivjalizzazzjoni tal-vjolenza li jiġġeneraw huma kuntrarji għall-valuri fundamentali prevalenti fl-opinjoni pubblika.

8       L-oġġezzjoni ppreżentata minn Omega kontra din id-deċiżjoni ġiet miċħuda mill-Bezirksregierung (awtorità amministrattiva lokali) ta' Kolonja fis-6 ta' Novembru 1995. B'deċiżjoni tat-3 ta' Settembru 1998, il-Verwaltungsgericht Köln ċaħad ir-rikors kontenżjuż. L-appell ippreżentat minn Omega ġie wkoll miċħud, fis-27 ta' Settembru 2000, mill-Oberverwaltungsgericht für das Land Nordrhein-Westfalen (Il-Ġermanja).

9       Konsegwentement, Omega ppreżentat appell fuq punt ta' dritt quddiem il-Bundesverwaltungsgericht. In sostenn ta' l-appell tagħha hija tinvoka, fost diversi motivi oħra, il-ksur li kkawżat id-deċiżjoni lid-dritt komunitarju, b'mod partikolari għal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi msemmija fl-Artikolu 49 KE, billi l-"laserdrome" tagħha kellu juża t-tagħmir u t-teknika pprovduta mill-kumpannija Brittannika Pulsar.

10     Il-Bundesverwaltungsgericht iqis, b'applikazzjoni tad-dritt nazzjonali, li l-appell fuq punt ta' dritt ippreżentat minn Omega għandu jiġi miċħud. Huwa jsaqsi lilu nnifsu, madankollu, jekk din is-soluzzjoni hijiex kompatibbli mad-dritt komunitarju, b'mod partikolari l-Artikoli 49 KE sa 55 KE, fuq il-moviment liberu tas-servizzi, u l-Artikoli 28 KE sa 30 KE, fuq il-moviment liberu tal-merkanzija.

11     Skond il-qorti tar-rinviju, l-Oberverwaltungsgericht ġustament ikkonkluda li l-isfruttament kummerċjali ta' "logħba tal-qtil" fil-"laserdrome" ta' Omega kkostitwixxa ksur tad-dinjità umana, kunċett stabbilit fl-Artikolu 1(1) tal-Kostituzzjoni Ġermaniża.

12     Il-qorti tar-rinviju tesponi li d-dinjità umana huwa prinċipju kostituzzjonali li jista' jiġi miksur jew bi trattament degradanti ta' avversarju, li mhuwiex il-każ f'din il-kawża, jew b'qawmien jew tisħih fil-lagħab ta' attitudni li tiċħad id-dritt fundamentali ta' kull persuna li tiġi rrikonoxxuta u rrispettata, bħar-rappreżentazzjoni, bħal f'dan il-każ, ta' atti fittizji ta' vjolenza għall-finijiet ta' logħba. Valur suprem kostituzzjonali bħad-dinjità umana m'għandux jiġi mwarrab fil-kuntest ta' logħba ta' divertiment. Id-drittijiet fundamentali mqajma minn Omega m'għandhomx, fir-rigward tad-dritt nazzjonali, jimmodifikaw din il-kunsiderazzjoni.

13     Fir-rigward ta' l-applikazzjoni tad-dritt komunitarju, il-qorti tar-rinviju tqis li d-deċiżjoni in kwistjoni tikser il-moviment liberu tas-servizzi previsti fl-Artikolu 49 KE. Fil-fatt, Omega kienet tkun ikkonkludiet kuntratt ta' frankiġja ma' kumpannija Brittannika, li kienet tkun imwaqqfa milli tipprovdi servizzi lil klijent Ġermaniż tagħha filwaqt li hija tipprovdi servizzi simili fl-Istat Membru fejn għandha s-sede tagħha. Għandu jiġi kkunsidrat ukoll ksur tal-moviment liberu tal-merkanzija previst fl-Artikolu 28 KE, peress li Omega tixtieq takkwista fir-Renju Unit bini ta' tagħmir għal-"laserdrome" tagħha, b'mod partikolari l-apparat ta' mira tal-lażer.

14     Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-kawża prinċipali tagħti l-opportunità li tippreċiża ulterjorment il-kundizzjonijiet li d-dritt komunitarju jimponi fuq ir-restrizzjoni ta' ċerta kategorija ta' provvista ta' servizzi jew ta' importazzjoni ta' ċerta merkanzija. Hija tirrileva li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ostakli għall-moviment liberu tas-servizzi li jirriżultaw minn provvedimenti nazzjonali applikabbli indistintament ma jistgħux jiġu aċċettati ħlief jekk il-provvedimenti huma ġġustifikati b'raġunijiet imperattivi ta' interess ġenerali, jekk huma tali li jiggarantixxu t-twettiq ta' l-obbjettiv li huma għandhom u jekk huma ma jmorrux lil hinn dak li huwa neċessarju sabiex jilħquh. Huwa rrilevanti, għall-finijiet ta' l-evalwazzjoni tan-neċessità u l-proporzjonalità ta' dawn il-miżuri, li Stat Membru ieħor kien jkun ħa miżuri ta' protezzjoni differenti (ara s-sentenzi tal-21 ta' Settembru 1999, Läärä et, C-124/97, Ġabra p. I-6067, punti 31, 35 u 36, u tal-21 ta' Ottubru 1999, Zenatti, Ġabra p. I‑7289, punti 29, 33 u 34).

15     Il-qorti tar-rinviju ssaqsi lilha nnifisha madankollu jekk, fid-dawl tas-sentenza ta' l-24 ta' Marzu 1994, Schindler (C-275/92, Ġabra p. I-1039), kunċett komuni tad-dritt fl-Istati Membri kollha huwiex rekwiżit meħtieġ sabiex dawn l-Istati jkunu abilitati li jirrestrinġu b'mod diskrezzjonarju ċerta kategorija ta' provvista protetti mit-Trattat KE. Fuq il-bażi ta' din l-interpretazzjoni tas-sentenza Schindler, iċċitata iktar 'il fuq, id-deċiżjoni kontenzjuża tista' diffiċilment tiġi kkonfermata jekk mhuwiex possibbli li jiġi dedott kunċett komuni tad-dritt fir-rigward ta' l-evalwazzjoni, fl-Istati Membri, ta' logħob ta' divertiment b'azzjonijiet simulati ta' qtil.

16     Hija tirrileva li ż-żewġ sentenzi ċċitati iktar 'il fuq, Läärä et u Zenatti, mogħtija wara s-sentenza Schindler, iċċitata iktar 'il fuq, jistgħu jagħtu l-impressjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja ma baqatx issegwi b'mod strett il-kunċett komuni tad-dritt bl-iskop li tirrestrinġi l-moviment liberu tas-servizzi. Jekk dan kien il-każ, id-dritt komunitarju ma kienx jimpedixxi, skond il-qorti tar-rinviju, il-konferma tad-deċiżjoni in kwistjoni. Minħabba l-importanza fundamentali tal-prinċipju tad-dinjità umana, fid-dritt komunitarju kif ukoll fid-dritt Ġermaniż, ma hemmx lok li wieħed jinterroga ruħu aktar fuq in-natura proporzjonata tal-provvediment nazzjonali li jirrestrinġi l-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

17     Huwa f'dawn iċ-ċirkustanzi li l-Bundesverwaltungsgericht iddeċida li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

"Huwa kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar il-moviment liberu tas-servizzi u l-moviment liberu tal-merkanzija li dritt nazzjonali jimponi l-projbizzjoni ta' attività ekonomika partikolari – f'dan il-każ l-isfruttament ta' 'laserdrome' fejn jiġu simulati atti ta' qtil – għaliex hija kuntrarja għall-valuri fundamentali msemmija mill-Kostituzzjoni?"

 Fuq l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari

18     L-awtorità tal-pulizija ta' Bonn ssaqsi lilha nnifisha fuq l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari u, iktar preċiżament, fuq l-applikabbiltà tar-regoli tad-dritt komunitarju dwar il-libertajiet fundamentali f'din il-kawża. Skond hi, id-deċiżjoni ta' projbizzjoni, meħuda fl-14 ta' Settembru 1994, ma affettwat l-ebda operazzjoni li għandha natura li taqsam il-fruntieri u għaldaqstant ma setgħatx tirrestrinġi l-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat. Hija tirrileva li, fid-data ta' l- adozzjoni ta' l-imsemmija deċiżjoni, l-installazzjoni li Pulsar kienet offriet li tipprovdi lil Omega ma kinitx għadha ġiet ikkonsenjata u l-ebda kuntratt ta' frankiġja ma kien jobbliga din ta' l-aħħar tadotta l-varjanti tal-logħba kkonċernata mill-projbizzjoni.

19     Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, skond ġurisprudenza stabbilita, huma biss il-qrati nazzjonali li quddiemhom jitressqu l-kawżi li għandhom jassumu r-responsabbiltà tas-sussegwenti deċiżjoni ġudizzjarja, li għandhom jevalwaw, fid-dawl tal-karatteristiċi ta' kull kawża, kemm il-bżonn ta' deċiżjoni preliminari sabiex jippermettilhom li jagħtu l-ġudizzju kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li huma jirreferu lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, fejn id-domandi rriferiti jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-dritt komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, obbligata li tagħti deċiżjoni (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta' Marzu 2001, PreussenElektra, C-379/98, Ġabra p. I-2099, punt 38; tat-22 ta' Jannar 2002, Canal Satélite Digital, C-390/99, Ġabra p. I-607, punt 18; tas-27 ta' Frar 2003, Adolf Truley, C-373/00, Ġabra p. I-1931, punt 21; tat-22 ta' Mejju 2003, Korhonen et, C-18/01, Ġabra p. I-5321, punt 19, u tad-29 ta' April 2004, Kapper, C-476/01, li għadha mhiex ippubblikata fil-Ġabra, punt 24).

20     Barra minn hekk, jirriżulta minn din l-istess ġurisprudenza li r-rifjut li tiddeċiedi fuq domanda preliminari rriferita minn qorti nazzjonali mhijiex possibbli ħlief meta jidher b'mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt komunitarju mitluba m'għandha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew l-iskop tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta' natura ipotetika jew anki meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma tiddisponix minn fatti u provi neċessarji biex tirrispondi b'mod effikaċi għad-domandi li jsirulha (ara s-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq PreussenElektra, punt 39; Canal Satélite Digital, punt 19; Adolf Truley, punt 22; Korhonen et, punt 20, u Kapper, punt 25).

21     Dan mhuwiex il-każ hawnhekk. Fil-fatt, anki jekk jirriżulta mill-inkartament li, fil-mument ta' l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta' l-14 ta' Settembru 1994, Omega ma kinitx għadha kkonkludiet formalment kuntratti ta' provvista jew ta' frankiġja mal-kumpannija stabbilita fir-Renju Unit, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li din id-deċiżjoni tista' f'kull każ, fir-rigward tan-natura prospettiva tagħha u tal-kontenut tal-projbizzjoni li tistabbilixxi, tirrestrinġi l-iżvilupp futur ta' relazzjonijiet kuntrattwali bejn iż-żewġ partijiet. Għaldaqstant, ma jirriżultax b'mod manifest li d-domanda rriferita mill-qorti tar-rinviju, li tikkonċerna l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jiggarantixxu l-libertajiet li jiġu pprovduti servizzi u ta' moviment tal-merkanzija, m'għandha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew l-iskop tal-kawża prinċipali.

22     Konsegwentement, id-domanda preliminari magħmula mill-Bundesverwaltungsgericht għandha tiġi ddikjarata ammissibbli.

 Fuq id-domanda preliminari

23     Bid-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, min-naħa, jekk il-projbizzjoni ta' attività ekonomika għal raġunijiet li jirriżultaw mill-protezzjoni ta' valuri fundamentali protetti mill-Kostituzzjoni nazzjonali, bħal, f'dan il-każ, id-dinjità umana, hijiex kompatibbli mad-dritt komunitarju u, min-naħa l-oħra, jekk il-fakultà li jiddisponu minnha l-Istati Membri li jirrestrinġu, għal dawn ir-raġunijiet, il-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat, jiġifieri l-libertajiet li jiġu pprovduti servizzi u ta' moviment tal-merkanzija, hijiex suġġetta, kif tista' tindika s-sentenza Schindler, iċċitata iktar 'il fuq, għall-kundizzjoni li din ir-restrizzjoni hija bbażata fuq kunċett tad-dritt komuni ma l-Istati Membri kollha.

24     Preliminarjament, għandu jiġi ddeterminat f'liema miżura r-restrizzjoni kkonstatata mill-qorti tar-rinviju tista' taffettwa l-eżerċizzju tal-libertajiet li jiġu pprovduti servizzi u ta' moviment tal-merkanzija, li huma rregolati minn dispożizzjonijiet differenti tat-Trattat.

25     F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kontenzjuża, bil-projbizzjoni lil Omega li tisfrutta l-"laserdrome" tagħha skond il-mudell tal-logħba żviluppata minn Pulsar u kkumerċjalizzata legalment minn din ta' l-aħħar fir-Renju Unit, b'mod partikolari taħt l-iskema ta' frankiġja, jaffettwa l-libertà li jiġu pprovduti servizzi li l-Artikolu 49 KE jiggarantixxi kemm lill-fornituri kif ukoll lid-destinatarji ta' dawn is-servizzi stabbiliti fi Stat Membru ieħor. Barra minn hekk, sakemm l-isfruttament tal-mudell ta' logħba żviluppata minn Pulsar jimplika l-użu ta' tagħmir speċifiku, li huwa kkumerċjalizzat ukoll b'mod leċitu fir-Renju Unit, il-projbizzjoni imposta fuq Omega hija ta' natura li tiddisswadi lil din ta' l-aħħar milli takwista t-tagħmir in kwistjoni, b'tali mod li tippreġudika l-moviment liberu tal-merkanzija ggarantita mill-Artikolu 28 KE.

26     Madankollu, għandu jiġi mfakkar li meta provvediment nazzjonali jaffettwa kemm il-moviment liberu tas-servizzi u kemm il-moviment liberu tal-merkanzija, il-Qorti tal-Ġustizzja teżaminah, bħala prinċipju, fir-rigward ta' waħda biss minn dawn iż-żewġ libertajiet fundamentali jekk jirriżulta li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, waħda minn dawn ta' l-aħħar hija kompletament sekondarja meta mqabbla ma' l-oħra u tista' tkun konnessa magħha (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi Schindler, iċċitata iktar 'il fuq, punt 22, Canal Satélite Digital, iċċitata iktar 'il fuq, punt 31, Canal Satélite Digital, iċċitata iktar 'il fuq, punt 31, u Karner, C-71/02, tal-25 ta' Marzu 2004, li għadha mhiex ippubblikata fil-Ġabra, punt 46).

27     Fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, l-aspett tal-moviment liberu tas-servizzi jipprevali fuq dak tal-moviment liberu tal-merkanzija. Fil-fatt, l-awtorità tal-pulizija ta' Bonn u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropew enfasizzaw sewwa li d-deċiżjoni kontenzjuża ma tirrestrinġix l-importazzjonijiet ta' merkanzija ħlief fir-rigward tat-tagħmir speċifikament iddiżinjat għall-varjanti pprojbita ta' logħba tal-lażer u li dan huwa konsegwenza inevitabbli tar-restrizzjoni imposta fir-rigward tal-provvista tas-servizzi pprovduti minn Pulsar. Konsegwentement, hekk kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 32 tal-konklużjonijiet tagħha, m'hemmx bżonn li tiġi eżaminata b'mod awtonomu l-kompatibbiltà ta' din id-deċiżjoni mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jirregolaw il-moviment liberu tal-merkanzija.

28     Fir-rigward tal-ġustifikazzjoni tar-restrizzjoni imposta mid-deċiżjoni ta' l-14 ta' Settembru 1994 fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, l-Artikolu 46 KE, applikabbli f'dan ir-rigward fis-sens ta' l-Artikolu 55 KE, jaċċetta restrizzjonijiet iġġustifikati għal raġunijiet ta' ordni pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika. F'dan il-każ, jirriżulta mill-inkartament li l-motivi mqajma mill-awtorità tal-pulizija ta' Bonn għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta' projbizzjoni jsemmu espressament il-fatt li l-attività kkonċernata tikkostitwixxi periklu għall-ordni pubblika. Barra minn hekk, ir-riferiment għall-periklu li jhedded l-ordni pubblika jidher ukoll fl-Artikolu 14(1) ta' l-OBG NW, li jawtorizza l-awtoritajiet tal-pulizija sabiex jieħdu l-miżuri neċessarji għall-prevenzjoni ta' dan il-periklu.

29     F'din il-proċedura, huwa stabbilit li d-deċiżjoni kontenzjuża ġiet adottata indipendentement minn kull kunsiderazzjoni marbuta man-nazzjonalità tal-prestatarji jew destinatarji tas-servizzi suġġetti għar-restrizzjoni. F'kull każ, billi l-miżuri ta' salvagwardja ta' l-ordni pubblika jirriżultaw minn deroga għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi pprovduta fl-Artikolu 46 KE, mhuwiex neċessarju li jiġi aċċertat li dawn il-provvedimenti huma applikabbli bla distinzjoni kemm lill-prestatarji ta' servizzi nazzjonali kif ukoll lil dawk stabbiliti fi Stati Membri oħra.

30     Madankollu, il-possibbiltà għal Stat Membru li juża deroga prevista fit-Trattat ma teskludix l-istħarriġ ġudizzjarju tal-provvedimenti ta' applikazzjoni ta' din id-deroga (ara s-sentenza ta' l-4 ta' Diċembru 1974, Van Duyn, 41/74, Ġabra p. 1337, punt 7). Barra minn hekk, il-kunċett ta' "ordni pubblika" fil-kuntest komunitarju u, b'mod partikolari, bħala ġustifikazzjoni ta' deroga għal-libertà fundamentali li jiġu pprovduti servizzi, għandu jiġi mifhum b'mod strett, b'tali mod li l-portata tiegħu m'għandhiex tkun stabbilita unilateralment minn kull wieħed mill-Istati Membri bla kontroll mill-istituzzjonijiet tal-Komunità (ara, b'analoġija mal-libertà ta' moviment tal-ħaddiema, is-sentenzi Van Duyn, iċċitat, punt 18, u Bouchereau, 30/77, tas-27 ta' Ottubru 1977, Ġabra p. 1999, punt 33). Għaldaqstant, l-ordni pubblika ma tistax tiġi mqajma ħlief f'każ ta' theddida reali u suffiċjentement gravi, li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà (ara s-sentenza ta' l-14 ta' Marzu 2000, Église de scientologie, C-54/99, Ġabra p. I-1335, punt 17). 

31     Il-fatt jibqa' li ċ-ċirkustanzi speċifiċi li jistgħu jiġġustifikaw li jsir riferiment għall-kunċett ta' ordni pubblika jistgħu jvarjaw minn pajjiż għall-ieħor u minn żmien għall-ieħor. Għaldaqstant għandu, f'dan ir-rigward, jiġi rrikonoxxut lill-awtoritajiet kompetenti marġni ta' evalwazzjoni fil-limiti imposti mit-Trattat (sentenzi ċċitati iktar 'il fuq Van Duyn, punt 18, u Bouchereau, punt 34).

32     Fil-kawża prinċipali, l-awtoritajiet kompetenti kkunsidraw li l-attività konċernata mid-deċiżjoni ta' projbizzjoni thedded l-ordni pubblika minħabba l-fatt li, skond il-kunċett prevalenti fl-opinjoni pubblika, l-isfruttament kummerċjali ta' logħob ta' divertiment li jimplika s-simulazzjoni ta' atti ta' qtil jippreġudika valur fundamentali protett mill-Kostituzzjoni nazzjonali, jiġifieri d-dinjità umana. Skond il-Bundesverwaltungsgericht, il-qrati nazzjonali li kienu semgħu l-kawża kkondividew u kkonfermaw il-kunċett ta' l-eżiġenzi tal-protezzjoni tad-dinjità umana li fuqhom tistrieħ id-deċiżjoni kontenzjuża, billi dan il-kunċett għandu konsegwentement jiġi kkunsidrat bħala konformi mad-dispożizzjonijiet tal-liġi fundamentali Ġermaniża.

33     F'dan il-kuntest, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, id-drittijiet fundamentali jifformaw parti integrali mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li l-Qorti tal-Ġustizzja tiggarantixxi r-rispett tagħhom u li, għal dan l-iskop, din ta' l-aħħar tispira ruħha mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni ta' l-Istati Membri kif ukoll li l-indikazzjonijiet ipprovduti mit-trattati internazzjonali dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem li l-Istati Membri kkooperaw magħhom jew adegwaw ruħhom għalihom. Il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali għandhom sinjifikat partikolari (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta' Ġunju 1991, ERT, C-260/89, Ġabra p. I-2925, punt 41; tas-6 ta' Marzu 2001, Connolly vs Il-Kummissjoni, C-274/99 P, Ġabra p. I-1611, punt 37; tat-22 ta' Ottubru 2002, Roquette Frères, C-94/00, Ġabra p. I-9011, punt 25, u tat-12 ta' Ġunju 2003, Schmidberger, C-112/00, Ġabra p. I-5659, punt 71).

34     Hekk kif tesponi l-Avukat Ġenerali fil-punti 82 sa 91 tal-konklużjonijiet tagħha, l-ordni ġuridiku komunitarju għandu inkontestabbilment bħala għan li jiżgura r-rispett tad-dinjità umana bħala prinċipju ġenerali tad-dritt. Għaldaqstant m'hemmx dubju li l-obbjettiv ta' protezzjoni tad-dinjità umana huwa kompatibbli mad-dritt komunitarju, anki jekk, fil-Ġermanja, il-prinċipju tar-rispett tad-dinjità umana jibbenefika minn status partikolari bħala dritt fundamentali awtonomu.

35     Billi r-rispett tad-drittijiet fundamentali li huwa impost kemm fuq il-Komunità kif ukoll fuq l-Istati Membri tagħha, il-protezzjoni ta' l-imsemmija drittijiet tikkostitwixxi interess leġittimu ta' natura li tiġġustifika, bħala prinċipju, restrizzjoni ta' l-obbligi imposti mid-dritt komunitarju, anki fid-dawl ta' libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat bħal-moviment liberu tas-servizzi (ara, fir-rigward tal-moviment liberu tal-merkanzija, is-sentenza Schmidberger, iċċitata iktar 'il fuq, punt 74).

36     Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-miżuri restrittivi tal-moviment liberu tas-servizzi ma jistawx ikunu ġġustifikati b'raġunijiet marbuta ma' l-ordni pubblika ħlief jekk huma jkunu neċessarji għall-protezzjoni ta' l-interessi li jridu jilħqu sabiex jiggarantixxu, u biss sakemm dawn l-obbjettivi ma jistgħux issirilhom ħsara minn miżuri inqas restrittivi (ara, fir-rigward tal-moviment liberu tal-kapital, is-sentenza Église de scientologie, iċċitata iktar il fuq, punt 18).

37     Mhuwiex indispensabbli, f'dan ir-rigward, li l-miżura restrittiva maħruġa mill-awtoritajiet ta' Stat Membru tikkorrispondi għal kunċett kondiviż mill-Istati Membri kollha fir-rigward tal-modalitajiet ta' protezzjoni tad-dritt fundamentali jew ta' l-interess leġittimu in kwistjoni. Jekk huwa veru li, fil-punt 60 tas-sentenza Schindler, iċċitata iktar 'il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet riferiment għall-kunsiderazzjonijiet ta' ordni morali, reliġjuż jew kulturali li jwasslu l-Istati Membri kollha li jissuġġettaw l-organizzazzjoni ta' lotteriji u logħob ieħor ta' flus għal restrizzjonijiet, hija ma kellhiex l-intenzjoni, biċ-ċitazzjoni ta' dan il-kunċett komuni, li tifformula kriterju ġenerali għall-valutazzjoni tal-proporzjonalità ta' kull miżura nazzjonali li tillimita l-eżerċizzju ta' attività ekonomika.

38     Għall-kuntrarju, hekk kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita sewwa u sussegwenti għas-sentenza Schindler, iċċitata iktar 'il fuq, in-neċessità u l-proporzjonalità tad-dispożizzjonijiet adottati f'dan ir-rigward mhumiex esklużi minħabba l-fatt biss li Stat Membru għażel sistema ta' protezzjoni differenti minn dik adottata minn Stat ieħor (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi Läärä et, iċċitata iktar 'il fuq, punt 36; Zenatti, iċċitata iktar 'il fuq, punt 34, u Anomar et, C-6/01, tal-11 ta' Settembru 2003, li għadha mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 80).

39     F'dan il-każ, hemm lok li jiġi rrilevat, min-naħa, li, skond il-qorti tar-rinviju, il-projbizzjoni ta' l-isfruttament kummerċjali ta' logħob ta' divertiment li jinvolv s-simulazzjoni ta' atti ta' vjolenza kontra l-persuni, b'mod partikolari r-rappreżentazzjoni ta' atti ta' qtil ta' bnedmin, tikkorrispondi mal-livell ta' protezzjoni tad-dinjità umana li l-kostituzzjoni nazzjonali hija intenzjonata tiggarantixxi fuq it-territorju tar-Repubblika federali tal-Ġermanja. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li, billi jipprojbixxi biss il-varjanti tal-logħba tal-lażer li għandha bħala skop l-isparar fuq miri umani u għaldaqstant li "tilgħab biex toqtol" il-persuni, id-deċiżjoni kontenzjuża ma marx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-obbjettiv li ried jintlaħaq mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

40     F'dawn iċ-ċirkustanzi, id-deċiżjoni ta' l-14 ta' Settembru m'għandhiex tiġi kkunsidrata bħala miżura li tikkawża dannu inġustifikat lill-moviment liberu tas-servizzi.

41     Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li d-dritt komunitarju ma jipprekludix li attività ekonomika li tikkonsisti fl-isfruttar kummerċjali ta' logħob ta' simulazzjoni ta' atti ta' qtil tkun suġġetta għal miżura nazzjonali ta' projbizzjoni adottata għal raġunijiet ta' protezzjoni ta' l-ordni pubblika minħabba l-fatt li din l-attività tippreġudika lid-dinjità umana.

 Fuq l-ispejjeż

42     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Id-dritt komunitarju ma jipprekludix attività ekonomika li tikkonsisti fl-isfruttament kummerċjali ta' logħob ta' simulazzjoni ta' atti ta' qtil milli tkun suggetta għal miżura nazzjonali ta' projbizzjoni adottata għal raġunijiet ta' protezzjoni ta' l-ordni pubblika minħabba l-fatt li din l-attività tippreġudika d-dinjità umana.

Firem.


* Lingwa tal-każ: il-Ġermaniż.