Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil du Contentieux des Étrangers (il-Belġju) fl24 ta’ Ottubru 2023 – X vs État belge

(Kawża C637/23, Boghni )1

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Conseil du Contentieux des Étrangers

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: X

Konvenut: État belge, irrappreżentat mis-Secrétaire d’État à l’Asile et la Migration

Domandi preliminari

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(4), tal-Artikolu 8(1) u (2) u tal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2008/115 , moqrija flimkien jew separatament fid-dawl tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/115 u tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li n-nuqqas ta’ għoti ta’ terminu għal tluq volontarju jitqies bħala sempliċi miżura ta’ eżekuzzjoni li ma tbiddilx is-sitwazzjoni ġuridika taċ-ċittadin barrani kkonċernat, peress li l-għoti jew in-nuqqas ta’ għoti ta’ terminu għal tluq volontarju ma jbiddel xejn mill-ewwel konstatazzjoni tar-residenza irregolari fit-territorju?1

Barra minn hekk, id-dritt għal rimedju effettiv, iggarantit mill-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/115 u mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jimplika li tkun tista’ tiġi kkontestata, fil-kuntest ta’ rikors kontra d-deċiżjoni ta’ ritorn, il-legalità ta’ deċiżjoni li ma jingħatax terminu għat-tluq volontarju, jekk fin-nuqqas ta’ dan, il-legalità tal-bażi ġuridika tal-projbizzjoni ta’ dħul ma tkunx tista’ iktar tiġi kkontestata b’mod utli?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, il-kliem “tipprevedi perijodu adegwat” tal-Artikolu 7(1) u “u […] l-obbligu ta’ ritorn” tal-punt 4 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115 għandhom jiġu interpretati fis-sens li dispożizzjoni dwar it-terminu, jew, fi kwalunkwe każ, in-nuqqas ta’ għoti ta’ terminu, fil-kuntest tal-obbligu ta’ tluq tikkostitwixxi element essenzjali ta’ deċiżjoni ta’ ritorn, b’mod li jekk tiġi kkonstatata illegalità fir-rigward ta’ dan it-terminu, id-deċiżjoni ta’ ritorn issir nulla u bla effett fl-intier tagħha u jkollha tittieħed deċiżjoni ġdida ta’ ritorn?

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tal-fehma li r-rifjut li jingħata terminu ma huwiex element essenzjali tad-deċiżjoni ta’ ritorn, u fl-ipoteżi fejn l-Istat Membru kkonċernat ma jkunx għamel użu, fil-kuntest tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2008/115, mill-possibbiltà li jiffissa terminu biss fuq talba taċ-ċittadin ikkonċernat, x’portata prattika u x’saħħa eżekuttiva għandhom jingħataw lil deċiżjoni ta’ ritorn, fis-sens tal-punt 4 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115, li tkun tiġi mċaħħda mill-komponent tagħha relatat mat-terminu?

____________

1L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.

1Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98).