Language of document :

Sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta' Settembru 2011 - LPN vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-29/08) 1

"Aċċess għal dokumenti - Regolament (KE) Nru 1049/2001 - Rifjut ta' aċċess - Dokumenti relatati ma' proċedura pendenti ta' nuqqas ta' twettiq ta' obbligu li tikkonċerna proġett ta' diga fix-xmara Sabor - Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta' spezzjoni, ta' investigazzjoni u ta' verifika - Informazzjoni dwar l-ambjent - Regolament (KE) Nru 1367/2006 - Obbligu li jitwettaq eżami konkret u individwali - Interess pubbliku ikbar"

Lingwa tal-kawża: il-Portugiż

Partijiet

Rikorrent: Liga para Protecção da Natureza (LPN) (Lisbona, il-Portugall) (rappreżentant: P. Vinagre u Silva, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: P. Costa de Oliveira u D. Recchia, aġenti)

Partijiet intervenjenti insostenn tar-rikorrenti: Ir-Renju tad-Danimarka (rappreżentanti: inizjalment B. Weis Fogh, sussegwentement C. Vang, aġenti); Ir-Repubblika tal-Finlandja (rappreżentanti: inizjalment J. Heliskoski, A. Guimaraes-Purokoski, M. Pere u H. Leppo, sussegwentement M. Heliskoski u Guimaraes-Purokoski, aġenti); u r-Renju tal-Isvezja (rappreżentanti: A. Falk, S. Johannesson u K. Petkovska, aġenti)

Suġġett

Talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Novembru 2007 li tikkonferma r-rifjut li jingħata aċċess għal dokumenti inklużi fil-proċess ta' proċedura ta' nuqqas ta' twettiq ta' obbligu mibdija kontra r-Repubblika Portugiża li tikkonċerna l-proġett ta' bini ta' diga fix-xmara Sabor (il-Portugall), li seta' jikser id-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE, tat-2 ta' April 1979, dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 98), u d-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta' Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102).

Dispożittiv

Ir-rikors huwa miċħud sa fejn jirrigwarda dokumenti u partijiet minn dokumenti li l-aċċess għalihom inċaħad lil Liga para Protecção da Natureza (LPN) fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni SG.E.3/MIB/psi D (2008) 8639, tal-24 ta' Ottubru 2008.

Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq il-kumplament.

Il-Liga para Protecção da Natureza (LPN) għandha tbati l-ispejjeż kollha tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Isvezja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

____________

1 - ĠU C 79, 29.03.2008.