Language of document : ECLI:EU:C:2023:424

Kawża C290/21

Staatlich genehmigte Gesellschaft der Autoren, Komponisten und Musikverleger Reg. Gen. mbH (AKM)

vs

Canal+ Luxembourg Sàrl

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof)

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal25 ta’ Mejju 2023

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur applikabbli għax-xandir bis-satellita u għat-trażmissjoni mill-ġdid bil-cable – Direttiva 93/83/KEE – Artikolu 1(2) – Komunikazzjoni lill-pubbliku permezz tas-satellita – Kunċett – Fornitur ta’ pakketti bis-satellita – Xandir ta’ programmi fi Stat Membru ieħor – Post tal-att ta’ sfruttament li permezz tiegħu dan il-fornitur jipparteċipa f’tali komunikazzjoni”

1.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 93/83 – Xandir bis-satellita u trażmissjoni mill-ġdid bil-cable – Awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur – Kundizzjonijiet

(Direttiva tal-Kunsill 93/83, premessa 17 u l-Artikoli 1(2)(a) sa (ċ) u 2)

(ara l-punti 22 sa 28)

2.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 93/83 – Xandir bis-satellita u trażmissjoni mill-ġdid bil-cable – Awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur – Portata – Intervent ta’ operaturi fil-kuntest ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku permezz tas-satellita li tagħmel ix-xogħlijiet jew l-oġġetti protetti aċċessibbli għal pubbliku ġdid – Assenza ta’ kopertura mill-awtorizzazzjoni mogħtija lill-organizzazzjoni tax-xandir ikkonċernata – Inklużjoni

(Direttiva tal-Kunsill 93/83, Artikolu 1(2))

(ara l-punt 29)

3.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 93/83 – Xandir bis-satellita u trażmissjoni mill-ġdid bil-cable – Obbligu għal fornitur ta’ pakketti bis-satellita li jikseb l-awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati kkonċernati – Kundizzjonijiet – Kisba tal-awtorizzazzjoni biss fl-Istat Membru fejn jiġu introdotti s-sinjali li jittrażmettu l-programmi fil-katina tal-komunikazzjoni li twassal għas-satellita – Ammissibbiltà

(Direttiva tal-Kunsill 93/83, premessi 5, 14 u 15 u l-Artikoli 1(2)(b))

(ara l-punti 30 sa 33, u d-dispożittiv)


Sunt

Trażmissjoni mill-ġdid transkonfinali ta’ programmi bis-satellita: il-prinċipju tal-Istat emittenti japplika wkoll għall-fornitur ta’ pakketti bis-satellita

Konsegwentement, meta huwa jkun obbligat jikseb l-awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati kkonċernati għall-att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku li jipparteċipa fih, il-fornitur ta’ pakketti bis-satellita għandu jfittex din l-awtorizzazzjoni biss fl-Istat Membru li fih is-sinjali li jittrażmettu l-programmi huma introdotti fil-katina ta’ komunikazzjoni li twassal għas-satellita

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, Staatlich genehmigte Gesellschaft der Autoren, Komponisten und Musikverleger Reg. Gen. mbH (AKM), hija soċjetà Awstrijaka għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur. Hija proprjetarja ta’ liċenzja ta’ sfruttament għal xogħlijiet mużikali, li tawtorizzaha teżerċita, fuq bażi fiduċjarja, drittijiet ta’ xandir fit-territorju Awstrijak. Il-kumpannija Canal+ Luxembourg Sàrl (iktar ’il quddiem “Canal+”) hija operatur tat-televiżjoni stabbilit fil-Lussemburgu li joffri, permezz tas-satellita, fl-Awstrija, pakketti ta’ programmi kriptati (pakketti bis-satellita) ta’ diversi organizzazzjonijiet tax-xandir li jinsabu fi Stati Membri oħra, f’definizzjoni għolja jew f’definizzjoni standard.

L-introduzzjoni ta’ kull wieħed mis-sinjali satellitari li jittrażmettu l-programm fil-katina ta’ komunikazzjoni (trażmissjoni ’l fuq) issir ħafna drabi minn dawn l-organizzazzjonijiet tax-xandir stess, xi drabi minn Canal+, f’dawn l-Istati Membri l-oħra. Jinħareġ fluss li jinkludi l-programm kollu bil-kwalità ta’ definizzjoni għolja u informazzjoni addizzjonali, bħad-data awdjo u d-data tas-sottotitoli. Wara li jkun ġie “mibgħut lura” bis-satellita, dan il-fluss jinqabad minn installazzjonijiet ta’ riċezzjoni satellitari ġewwa ż-żona ta’ kopertura. L-imsemmi fluss huwa għalhekk maqsum u l-utent jista’ jaċċedi għal kull wieħed mill-programmi fuq terminal permezz ta’ dekodifikatur. Il-pakketti bis-satellita pprovduti minn Canal+ jinkludu programmi televiżivi bi ħlas u mingħajr ħlas. Bil-kontra ta’ dawk bil-ħlas, dawn tal-aħħar ma humiex kriptati u jistgħu jiġu rċevuti minn kwalunkwe persuna bi kwalità standard fit-territorju Awstrijak.

Peress li qieset li Canal+ kienet qiegħda tikser id-drittijiet li hija tamministra, AKM ressqet azzjoni, quddiem il-qrati Awstrijaċi, intiża, essenzjalment, għall-waqfien tat-trażmissjoni, minn Canal+, tas-sinjali bis-satellita fl-Awstrija kif ukoll għall-ħlas ta’ kumpens, billi sostniet li, fl-Istati Membri li fihom seħħ l-att ta’ xandir jew ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku bis-satellita, ebda awtorizzazzjoni ma kienet inkisbet għal tali sfruttament u li hija ma kinitx awtorizzat dan ix-xandir fl-Awstrija.

Adita b’appell għal reviżjoni mis-sentenza tal-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna, l-Awstrija), li kienet qieset b’mod partikolari li l-pakketti bis-satellita inkwistjoni kienu jolqtu pubbliku ġdid, jiġifieri pubbliku differenti minn dak intiż mit-trażmissjonijiet b’aċċess liberu tal-operaturi tax-xandir, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija) iddeċidiet li tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 93/83 (1) u, b’mod partikolari, tal-Artikolu 1(2)(b) tagħha. Skont din id-dispożizzjoni, il-komunikazzjoni lill-pubbliku permezz ta’ satellita sseħħ biss fl-Istat Membru li fih, taħt il-kontroll u r-responsabbiltà tal-organizzazzjoni tax-xandir, is-sinjali li jittrażmettu l-programm huma introdotti f’katina mhux interrotta ta’ komunikazzjoni li twassal lejn is-satellita u ’l isfel lejn id-dinja.

Ilkunsiderazzjonijiet talQorti tal-Ġustizzja

Il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li, fil-każ fejn fornitur tal-pakketti bis-satellita jkun obbligat jikseb, għall-att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku permezz tas-satellita li fih jipparteċipa, l-awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati kkonċernati, din l-awtorizzazzjoni għandha tinkiseb, bħal dik mogħtija lill-organizzazzjoni tax-xandir ikkonċernat, biss fl-Istat Membru li fih is-sinjali li jittrażmettu l-programmi huma introdotti fil-katina ta’ komunikazzjoni li twassal għas-satellita.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar, qabelxejn, li, sabiex tapplika r-regola stabbilita fl-Artikolu 1(2)(b) tad-Direttiva 93/83, għandu jkun hemm “komunikazzjoni lill-pubbliku permezz tas-satellita”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 1(2)(a) u (ċ), peress li dawn id-dispożizzjonijiet jistabbilixxu kundizzjonijiet kumulattivi għal dan l-għan. Għaldaqstant, trażmissjoni tikkostitwixxi “komunikazzjoni lill-pubbliku permezz tas-satellita” waħda jekk din tiġi attivata minn “att ta’ introduzzjoni” ta’ sinjali li jittrażmettu programmi mwettqa “taħt il-kontroll u r-responsabbiltà ta’ l-organizzazzjoni tax-xandir”; jekk dawn is-sinjali jiġu introdotti “f’katina mhux interrotta ta’ komunikazzjoni li twassal lejn is-satellita u ‘l isfel lejn id-dinja”; jekk l-imsemmija sinjali jkunu “maħsuba għal reception mill-pubbliku”, u jekk, fil-każ li l-istess sinjali jkunu kriptati, l-apparati ta’ dekodifikazzjoni tagħhom “ikunu provduti lill-pubbliku mill-organizzazzjoni tax-xandir jew bil-kunsens tagħha”.

Sussegwentement, kemm trażmissjoni indiretta kif ukoll trażmissjoni diretta ta’ programmi televiżivi li tissodisfa dawn il-kundizzjonijiet kumulattivi kollha għandhom jiġu kkunsidrati, kull waħda minnhom, bħala li tikkostitwixxi komunikazzjoni waħda lill-pubbliku permezz tas-satellita u għalhekk bħala indiviżibbli. Madankollu, l-indiviżibbiltà ta’ tali komunikazzjoni ma tfissirx li l-intervent tal-fornitur ta’ pakkett bis-satellita f’din il-komunikazzjoni jista’ jitwettaq mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet ikkonċernati.

Fl-aħħar nett, tali awtorizzazzjoni għandha b’mod partikolari tinkiseb mill-persuna li tagħti bidu għal din il-komunikazzjoni jew li tintervjeni fiha, b’tali mod li tagħmel, permezz tal-imsemmija komunikazzjoni, ix-xogħlijiet protetti aċċessibbli għal pubbliku ġdid, jiġifieri pubbliku li ma kienx ittieħed inkunsiderazzjoni mill-awturi tax-xogħlijiet protetti fil-kuntest ta’ awtorizzazzjoni mogħtija lil persuna oħra. Issa, komunikazzjoni lill-pubbliku permezz tas-satellita, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tinbeda mill-organizzazzjoni tax-xandir li taħt il-kontroll u r-responsabbiltà tagħha s-sinjali li jittrażmettu l-programmi huma introdotti fil-katina ta’ komunikazzjoni li twassal għas-satellita. Barra minn hekk, huwa stabbilit li din l-organizzazzjoni tagħmel ix-xogħlijiet protetti aċċessibbli, bħala regola ġenerali, għal pubbliku ġdid. Konsegwentement, din l-organizzazzjoni hija obbligata tikseb l-awtorizzazzjoni prevista fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 93/83.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva wkoll li, sa fejn tali komunikazzjoni lill-pubbliku permezz tas-satellita titqies li sseħħ biss fl-Istat Membru li fih is-sinjali li jittrażmettu l-programmi huma introdotti fil-katina ta’ komunikazzjoni li twassal għas-satellita, l-organizzazzjoni tax-xandir għandha l-obbligu li tikseb din l-awtorizzazzjoni biss f’dan l-Istat Membru. Madankollu, hija tippreċiża li, sabiex tiġi ddeterminata r-remunerazzjoni xierqa tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur għal tali komunikazzjoni tax-xogħlijiet tagħhom, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-parametri kollha tax-xandira, bħan-numru effettiv ta’ telespettaturi u n-numru potenzjali ta’ telespettaturi ta’ din tal-aħħar. Minn dan hija tiddeduċi li meta parti minn numru effettiv ta’ telespettaturi u n-numru potenzjali ta’ telespettaturi tkun tinsab fi Stati Membri differenti minn dak li fih is-sinjali li jittrażmettu l-programmi jkun introdotti fil-katina ta’ komunikazzjoni li twassal għas-satellita, huma, skont il-każ, id-diversi soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva kkonċernati li għandhom isibu soluzzjonijiet adegwati sabiex jiżguraw ħlas ekwu għal dawn id-detenturi.

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li ma jistax jiġi eskluż li operaturi oħra jintervjenu fil-kuntest ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku permezz tas-satellita, b’tali mod li jagħmlu aċċessibbli x-xogħlijiet jew l-oġġetti protetti lil pubbliku iktar wiesa’ minn dak intiż mill-organizzazzjoni tax-xandir ikkonċernata. F’tali każ, l-intervent ta’ dawn l-operaturi ma huwiex kopert mill-awtorizzazzjoni mogħtija lill-imsemmija organizzazzjoni. Dan jista’ jkun b’mod partikolari l-każ meta operatur ikabbar iċ-ċirku ta’ persuni li jkollhom aċċess għal din il-komunikazzjoni u b’hekk jagħmel ix-xogħlijiet jew l-oġġetti protetti aċċessibbli għal pubbliku ġdid.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li mill-premessi 5, 14 u 15 tad-Direttiva 93/83 jirriżulta li l-Artikolu 1(2)(b) huwa intiż sabiex jiżgura li kull “komunikazzjoni lill-pubbliku permezz tas-satellita” tkun suġġetta esklużivament għal-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati fis-seħħ fl-Istat Membru li fih is-sinjali li jittrażmettu l-programmi huma introdotti fil-katina ta’ komunikazzjoni li twassal għas-satellita. Għaldaqstant, ikun kuntrarju għal dan l-għan li fornitur ta’ pakketti bis-satellita jkollu jikseb l-awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati kkonċernati wkoll fi Stati Membri oħra.


1      Direttiva tal-Kunsill 93/83/KEE tas‑27 ta’ Settembru 1993 dwar il-kordinazzjoni ta’ ċerti regoli dwar id-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati ma’ drittijiet ta’ l-awtur applikabbli għal xandir bis-satellita u ritrasmissjoni bil-cable (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 134).