Language of document : ECLI:EU:C:2016:406

DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

2 ta’ Ġunju 2016 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà ta’ stabbiliment – Drittijiet fundamentali – Rispett tad-dritt għall-proprjetà – Skema speċjali ta’ suċċessjoni fir-rigward tal-irziezet agrikoli – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Kamp ta’ applikazzjoni – Implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni – Assenza – Fatti fil-kawża prinċipali preċedenti għad-data tal-adeżjoni tal-Istat Membru kkonċernat mal-Unjoni Ewropea – Nuqqas manifest ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja”

Fil-Kawża C‑50/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Rejonowy w Koninie (qorti distrettwali ta’ Konin, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Jannar 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Jannar 2016, fil-proċeduri mibdija minn

Halina Grodecka

fil-preżenza ta’:

Józef Konieczka et,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn F. Biltgen, President tal-Awla, A. Borg Barthet u M. Berger (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat, skont l-Artikolu 53(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

tagħti l-preżenti

Digriet

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2 u 8 TFUE, tal-Artikolu 1 tal-Protokoll Addizzjonali Nru 1 għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem, rispettivament, il-“Protokoll Nru 1” u l-“KEDB”), tal-Artikolu 14 tal-KEDB kif ukoll tal-Artikolu 17(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri mibdija minn Halina Grodecka, dwar talba għal dikjarazzjoni ta’ suċċessjoni, wara l-mewt ta’ Kazimierz Konieczka fl-10 ta’ Ottubru 2000.

 Il-kuntest ġuridiku

3        L-Artikoli 1058 et seq tal-Kodeks cywilny (kodiċi ċivili), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kienu jipprevedu skema speċjali għat-trasferiment legali, wara suċċessjoni, ta’ rziezet agrikoli li jinkludu art agrikola ta’ superfiċji ikbar minn 1 ha. Għaldaqstant, l-Artikolu 1059 tal-kodiċi ċivili essenzjalment kien jipprovdi li biss l-eredi li, fid-data tal-ftuħ tas-suċċessjoni, kienu jaħdmu fis-settur tal-produzzjoni agrikola jew kellhom, b’mod partikolari, taħriġ professjonali sabiex jeżerċitaw attività ta’ produzzjoni agrikola setgħu jirtu legalment ir-razzett agrikolu, bl-esklużjoni tal-eredi li ma kinux jissodisfaw dawn il-kundizzjonijiet. L-Artikolu 1064 ta’ dan il-kodiċi kien jipprevedi li d-definizzjoni, b’mod partikolari, tat-taħriġ professjonali meqjus adatt għall-eżerċizzju ta’ attività agrikola, li kien jippermetti li jintiret razzett agrikolu, kienet stabbilita minn regolament tal-kunsill tal-ministri.

4        Skont l-Artikolu 1063 tal-kodiċi ċivili, razzett agrikolu kien ittrasferit lill-eredi, b’applikazzjoni tal-prinċipji ġenerali, biss jekk la l-konjuġi tad-de cujus u lanqas wieħed mill-ġenituri legalment intitolati għas-suċċessjoni ma kienu jissodisfaw il-kundizzjonjiet previsti sabiex jirtu tali razzett agrikolu.

5        Fl-aħħar, l-Artikolu 925 tal-kodiċi ċivili jipprovdi li l-patrimonju ereditarju huwa ttrasferit lill-eredi fid-data tal-mewt tad-de cujus.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

6        It-tilwima pendenti quddiem is-Sąd Rejonowy w Koninie (qorti distrettwali ta’ Konin, il-Polonja), tirrigwarda talba għal dikjarazzjoni ta’ suċċessjoni, imressqa minn H. Grodecka wara l-mewt ta’ K. Konieczka fl-10 ta’ Ottubru 2000. Is-suċċessjoni inkwistjoni hija komposta, b’mod partikolari, minn razzett agrikolu ta’ iktar minn 1 ha.

7        Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-proċedura ta’ dikjarazzjoni ta’ suċċessjoni, abbażi tad-dispożizzjonijiet applikabbli għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija intiża sabiex tistabbilixxi, b’mod partikolari, l-istatus bħala razzett agrikolu tal-patrimonju ereditarju jew ta’ parti minn dan il-patrimonju, kif ukoll l-eredi. Ir-rekwiżit li dan l-istatus għandu jiġi stabbilit jikkonċerna biss is-suċċessjonijiet li l-ftuħ tagħhom, bħal f’dan il-każ, jippreċedi l-14 ta’ Frar 2001, data li fiha ġiet ippubblikata sentenza tat-Trybunał Konstytucyjny (qorti kostituzzjonali, il-Polonja), tal-31 ta’ Jannar 2001, li tiddikjara inkostituzzjonali d-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-iskema speċjali inkwistjoni, li sussegwentement tħassru.

8        Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-konformità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet mal-Protokoll Nru 1 u mal-Artikolu 17(1) tal-Karta. Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet iċaħħdu lill-eredi minn wirt li huma għandhom dritt għalih, billi jistabbilixxu limitazzjonijiet sostantivi għas-suċċessjonijiet relatati ma’ razzett agrikolu. Għaldaqstant, eredi li ma jkollux il-kwalifiki neċessarji sabiex ikun jista’ jiret razzett agrikolu jiġi de facto esproprijat, mill-Istat Pollakk, minn din il-parti tal-patrimonju tad-de cujus.

9        Barra minn hekk, skont il-qorti tar-rinviju, peress li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħu jkunu kuntrarji għall-Artikolu 14 tal-KEDB u għall-Artikolu 8 TFUE, tqum il-kwistjoni dwar jekk il-fatt li ssir distinzjoni bejn l-eredi intitolati għas-suċċessjoni skont il-kriterji sostantivi previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata huwiex iġġustifikat.

10      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Rejonowy w Koninie (qorti distrettwali ta’ Konin) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikoli 2 u 8 TFUE, l-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1, l-Artikolu 14 tal-KEDB, l-Artikolu 17(1) tal-Karta, li jistabbilixxu l-prinċipji ta’ supremazija tad-dritt, ta’ ugwaljanza, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ protezzjoni tal-proprjetà, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjonijiet nazzjonali li jirrestrinġu t-trasferiment, wara suċċessjoni, ta’ rziezet agrikoli meta l-eredi, ta’ nazzjonalità Pollakka jew ċittadin barrani, ma jissodisfax ċerti kriterji sostantivi previsti mil-liġi u ppreċiżati f’att ta’ implementazzjoni?”

 Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

11      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix dispożizzjonijiet nazzjonali li jirrestrinġu t-trasferiment, wara suċċessjoni, ta’ razzett agrikolu meta l-eredi ma jissodisfax ċerti kriterji sostantivi relatati mal-kapaċità tiegħu li jħaddem tali razzett agrikolu.

12      Skont l-Artikolu 53(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-Qorti tal-Ġustizzja manifestament ma jkollhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ kawża hija tista’, f’kull ħin u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat, mingħajr ma tkompli l-proċedura.

13      Hemm lok li din id-dispożizzjoni tiġi applikata f’din il-kawża.

14      Fil-fatt, l-ewwel nett, hemm lok li jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dritt tal-Unjoni, f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tiegħu fi Stat Membru ġdid, biss mid-data tal-adeżjoni ta’ dan tal-aħħar mal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 1999, Andersson u Wåkerås‑Andersson, C‑321/97, EU:C:1999:307, punt 31; tal-10 ta’ Jannar 2006, Ynos, C‑302/04, EU:C:2006:9, punt 36, kif ukoll id-digriet tal-5 ta’ Novembru 2014, VG Vodoopskrba, C‑254/14, mhux ippubblikat, EU:C:2014:2354, punt 10).

15      Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma preċedenti għad-data tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Polonja mal-Unjoni, jiġifieri l-1 ta’ Mejju 2004. Fil-fatt id-de cujus li s-suċċessjoni tiegħu hija s-suġġett tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali miet fl-10 ta’ Ottubru 2000. Skont l-Artikolu 925 tal-kodiċi ċivili, il-patrimonju ereditarju ġie ttrasferit lill-eredi f’din l-aħħar data.

16      It-tieni nett, fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-interpretazzjoni mitluba tal-Artikoli 2 u 8 TFUE u tal-Artikolu 17 tal-Karta, mill-Artikolu 51(1) tal-Karta jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tagħha huma indirizzati lill-Istati Membri biss meta dawn ikunu qegħdin jimplementaw id-dritt tal-Unjoni. L-Artikolu 6(1) TUE, l-istess bħall-Artikolu 51(2) tal-Karta, jispeċifika li d-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar bl-ebda mod ma għandhom jestendu l-kompetenzi tal-Unjoni kif iddefiniti mit-Trattati.

17      Issa, il-proċeduri fil-kawża prinċipali jirrigwardaw talba għal dikjarazzjoni ta’ suċċessjoni, abbażi ta’ dispożizzjonijiet sostantivi u proċedurali tad-dritt Pollakk, mingħajr ma ebda element tad-deċiżjoni tar-rinviju ma jippermetti li jiġi konkluż li dawn id-dispożizzjonijiet jimplementaw id-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, jew li dawn jirrigwardaw “azzjoni” tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 8 TFUE.

18      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domanda magħmula sa fejn din tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2 u 8 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 17 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Diċemrbu 2010, Omalet, C‑245/09, EU:C:2010:808, punt 18, kif ukoll id-digriet tat-30 ta’ Mejju 2013, Fierro u Marmorale, C‑106/13, mhux ippubblikat, EU:C:2013:357, punti 11 sa 14 u l-ġurisprudenza ċċitata).

19      Fl-aħħar, fir-rigward tal-interpretazzjoni mitluba tal-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 kif ukoll tal-Artikolu 14 tal-KEDB, huwa ċertament veru li dawn id-dispożizzjonijiet parzjalment jikkoinċidu mal-Artikolu 17 tal-Karta, li jistabbilixxi l-protezzjoni tad-dritt għall-proprjetà, kif ukoll mal-Artikolu 21 tagħha, li jirrigwarda l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni. Madankollu, hekk kif diġà ġie kkonstatat fil-punt 17 ta’ dan id-digriet, id-deċiżjoni tar-rinviju ma fiha ebda element konkret li jippermetti li jitqies li s-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali għandu rabta mad-dritt tal-Unjoni. F’din is-sitwazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għal talba għal deċiżjoni preliminari (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-1 ta’ Marzu 2011, Chartry, C‑457/09, EU:C:2011:101, punti 25 u 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

20      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li jiġi kkonstatat, abbażi tal-Artikolu 53(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li din tal-aħħar manifestament ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi d-domanda magħmula mis-Sąd Rejonowy w Koninie (qorti distrettwali ta’ Konin).

 Fuq l-ispejjeż

21      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tordna:

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea manifestament ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi d-domanda magħmula mis-Sąd Rejonowy w Koninie (qorti distrettwali ta’ Konin, il-Polonja).

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.