Language of document :

Rikors ippreżentat fil-25 ta' Marzu 2010 - Hynix Semiconductor vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-149/10)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Hynix Semiconductor, Inc. (Icheon-si, il-Korea) (rappreżentanti: A. Woodgate u O. Heinisch, Solicitors)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2010) 150 tal-15 ta' Jannar 2010;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż;

tieħu kwalunkwe miżura oħra skont kif il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li huwa xieraq.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta' dan ir-rikors, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2010) 150 li tiċħad, minħabba nuqqas ta' interess Komunitarju, l-ilment tar-rikorrenti fir-rigward ta' allegat ksur minn Rambus tal-Artikoli 102 TFUE dwar it-talba għal drittijiet allegatament abbużivi għall-użu ta' ċerti privattivi għal "Dynamic Random Access Memory" (DRAM) (Każ COMP/38.636 - Rambus) wara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tad-9 ta' Diċembru 2009, li permezz tagħha hija imponiet fuq Rambus ċerti impenji vinkolanti skont l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 1 u ddeċidiet li ma kienx għad hemm raġunijiet għal azzjoni.

Insostenn tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti tressaq ħames motivi.

L-ewwel nett, hija ssostni li l-Kummissjoni kisret rekwiżiti proċedurali essenzjali billi hija naqset milli tagħti lir-rikorrenti aċċess xieraq għad-dokumenti kkonċernati.

It-tieni nett, ir-rikorrenti tqis li jibqa' interess Komunitarju qawwi sabiex jinstema' l-ilment tagħha. Hija ssostni li l-Kummissjoni bbażat iċ-ċaħda tagħha esklużivament fuq il-fatt li ma għadx hemm interess Komunitarju fid-dawl tal-fatt li hija adottat id-deċiżjoni skont l-Artikolu 9. Skont ir-rikorrenti, f'dan il-każ il-pożizzjoni u r-raġunament adottati mill-Kummissjoni jagħmlu l-kwistjoni tal-interess tal-Komunità u l-validità tad-deċiżjoni ta' ċaħda intrinsikament marbuta mal-validità tad-deċiżjoni tal-Artikolu 9 li hija kkontestata mir-rikorrenti fil-Kawża T-148/10.

It-tielet, ir-raba' u l-ħames motivi mqajjma mir-rikorrenti huma identiċi għall-ewwel, it-tieni u t-tielet motivi mressqa fil-Każ T-148/10 u jirrigwardaw l-allegat ksur imwettaq mill-Kummissjoni meta adottat id-deċiżjoni skont l-Artikolu 9 billi imponiet ċerti impenji vinkolanti fuq Rambus.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205)