Language of document : ECLI:EU:C:2019:924

Kawża C192/18

Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Repubblika tal-Polonja

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal5 ta’ Novembru 2019

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – Stat tad-dritt – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni – Prinċipji ta’ irremovabbiltà u ta’ indipendenza tal-imħallfin – Tnaqqis tal-età ta’ rtirar għal imħallfin fil-qrati ordinarji Pollakki – Possibbiltà li mħallef ikompli fil-kariga tiegħu lil hinn mill-età stabbilita mill-ġdid suġġetta għall-awtorizzazzjoni tal-Ministru għall-Ġustizzja – Artikolu 157 TFUE – Direttiva 2006/54/KE – Artikolu 5(a) u Artikolu 9(1)(f) – Projbizzjoni tad-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq is-sess fil-qasam tar-remunerazzjoni, tal-impjieg u tax-xogħol – Introduzzjoni ta’ etajiet ta’ rtirar differenti għan-nisa u għall-irġiel għal imħallfin fil-qrati ordinarji Pollakki u fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja) kif ukoll għal avukati tal-Istat”

1.        Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Eżami tal-fondatezza mill-Qorti tal-Ġustizzja – Sitwazzjoni li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni – Sitwazzjoni fl-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-opinjoni motivata

(Artikolu 258 TFUE)

(ara l-punt 38)

2.        Politika soċjali – Ħaddiema rġiel u ħaddiema nisa – Ugwaljanza fir-remunerazzjoni – Remunerazzjoni – Kunċett – Skema tal-pensjonijiet ta’ rtirar tal-imħallfin li jitħallsu lilhom minħabba r-relazzjoni ta’ impjieg – Inklużjoni

(Artikolu 157 TFUE)

(ara l-punti 52 sa 60)

3.        Politika soċjali – Ħaddiema rġiel u ħaddiema nisa – Aċċess għall-impjiegi u kundizzjonijiet tax-xogħol – Ugwaljanza fit-trattament – Direttiva 2006/54 – Kamp ta’ applikazzjoni – Skema tal-pensjonijiet ta’ rtirar tal-imħallfin li jitħallsu lilhom minħabba r-relazzjoni ta’ impjieg – Inklużjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2006/54, premessa 14 u Artikoli 5, 7(2) u 9)

(ara l-punti 64 sa 66)

4.        Politika soċjali – Ħaddiema rġiel u ħaddiema nisa – Ugwaljanza fir-remunerazzjoni – Aċċess għall-impjiegi u kundizzjonijiet tax-xogħol – Ugwaljanza fit-trattament – Direttiva 2006/54 – Età ta’ rtirar differenti għan-nisa u għall-irġiel għal imħallfin fil-qrati ordinarji u fil-Qorti Suprema u għal avukati tal-Istat – Diskriminazzjoni diretta bbażata fuq is-sess – Ġustifikazzjoni – Assenza

(Artikolu 157 TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropea u tal-Kunsill 2006/54, Artikoli 3(5)(a) u 9(1)(f))

(ara l-punti 70, 71, 73, 75, 77, u d-dispożittiv 1)

5.        Stati Membri – Obbligi – Stabbiliment tar-rimedji ġudizzjarji neċessarji sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Portata

(Artikoli 2 u 19 TUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47)

(ara l-punti 91 sa 96)

6.        Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Prinċipju ta’ indipendenza tal-imħallfin – Portata

(Artikolu 2 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47)

(ara l-punti 98, 99, 101 sa 108)

7.        Stati Membri – Obbligi – Stabbiliment tar-rimedji ġudizzjarji neċessarji sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Osservanza tal-prinċipji tal-irremovabbiltà u tal-indipendenza tal-imħallfin – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza lill-Ministru tal-Ġustizzja li jiddeċiedi dwar jekk jawtorizzax it-tkomplija tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tal-imħallfin tal-qrati ordinarji lil hinn mill-età ta’ rtirar imnaqqsa – Ksur

(Artikoli 2 u 19 TUE)

(ara l-punti 111 sa 113, 115 sa 117, 119 sa 123, 129 u d-dispożittiv 2

Sunt

Ir-regoli Pollakki dwar l-età ta’ rtirar tal-imħallfin u tal-avukati tal-Istat, adottati f’Lulju 2017, imorru kontra d-dritt tal-Unjoni

Fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-qrati ordinarji) (C‑192/18), mogħtija fil‑5 ta’ Novembru 2019, il-Qorti tal-Ġustizzja, komposta bħala Awla Manja, laqgħet ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentat mill-Kummissjoni kontra r-Repubblika tal-Polonja u kkonstatat li dan l-Istat Membru naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt id-dritt tal-Unjoni, minn naħa, bl-introduzzjoni ta’ età ta’ rtirar differenti għall-irġiel minn dik għan-nisa għal imħallfin jew avukati tal-Istat Pollakk u, min-naħa l-oħra, billi naqqas l-età ta’ rtirar tal-imħallfin tal-qrati ordinarji, filwaqt li ta s-setgħa lill-Ministru tal-Ġustizzja li jestendi l-perijodu ta’ attività ta’ dawn l-imħallfin.

Liġi Pollakka tat‑12 ta’ Lulju 2017 naqqset l-età ta’ rtirar tal-imħallfin tal-qrati ordinarji u tal-avukati tal-Istat kif ukoll l-età ta’ rtirar kmieni tal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) minn 60 sena għan-nisa u minn 65 sena għall-irġiel, filwaqt li dawn l-etajiet qabel kienu ġew stabbiliti għal 67 sena għaż-żewġ sessi. Barra minn hekk, din il-liġi tat lill-Ministru tal-Ġustizzja s-setgħa li jestendi l-perijodu ta’ attività tal-imħallfin tal-qrati ordinarji lil hinn mill-etajiet ġodda ta’ rtirar, b’distinzjoni skont is-sess, hekk stabbiliti. Peress li qieset li dawn ir-regoli jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni (1), il-Kummissjoni adixxiet lill-Qorti tal-Ġustizzja b’rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tat deċiżjoni dwar id-differenzi hekk stabbiliti minn din il-liġi f’dak li jirrigwarda l-etajiet ta’ rtirar li japplikaw rispettivament għall-imħallfin u l-avukati tal-Istat nisa u għall-imħallfin u l-avukati tal-Istat irġiel. F’dan ir-rigward, hija, qabelxejn, irrilevat li l-pensjonijiet ta’ rtirar li jibbenefikaw minnhom l-imsemmija mħallfin u avukati tal-Istat jaqgħu taħt l-Artikolu 157 TFUE, li jipprovdi li kull Stat Membru għandu jiżgura l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ remunerazzjoni ugwali għall-ħaddiema rġiel u ħaddiema nisa għall-istess xogħol. L-iskemi tal-pensjoni inkwistjoni jaqgħu wkoll taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/54 iddedikati għall-ugwaljanza fit-trattament fl-iskemi professjonali ta’ sigurtà soċjali. Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din l-istess liġi introduċiet kundizzjonijiet ibbażati fuq is-sess direttament diskriminatorji, b’mod partikolari, fir-rigward tal-mument li fih il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jibbenefikaw minn aċċess effettiv għall-vantaġġi previsti mill-iskemi tal-pensjoni kkonċernati. Fl-aħħar nett, hija ċaħdet l-argument tar-Repubblika tal-Polonja li d-differenzi hekk previsti bejn imħallfin u avukati tal-Istat nisa u mħallfin u avukati tal-Istat irġiel fir-rigward tal-età ta’ aċċess għal pensjoni ta’ rtirar jikkostitwixxu miżura ta’ diskriminazzjoni pożittiva. Fil-fatt, dawn id-differenzi ma humiex ta’ natura li jikkumpensaw għall-iżvantaġġi li għalihom huma esposti l-karrieri tal-uffiċjali nisa billi jgħinu lil dawn in-nisa fil-ħajja professjonali tagħhom u billi jagħtuhom rimedju għall-problemi li jistgħu jiltaqgħu magħhom matul il-karriera tagħhom. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tikser l-Artikolu 157 TFUE, kif ukoll id-Direttiva 2006/54.

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat il-miżura li tikkonsisti fl-għoti lill-Ministru tal-Ġustizzja tas-setgħa li jiddeċiedi jekk jawtorizzax it-tkomplija tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tal-imħallfin tal-qrati ordinarji lil hinn mill-età ġdida ta’ rtirar hekk imnaqqsa. Fid-dawl, b’mod partikolari, tas-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema) (2), hija l-ewwel adottat pożizzjoni dwar l-applikabbiltà u l-portata tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, li jobbliga lill-Istati Membri jimplimentaw ir-rimedji ġudizzjarji neċessarji sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, hija rrilevat li l-qrati ordinarji Pollakki jistgħu jissejħu sabiex jiddeċiedu dwar kwistjonijiet marbuta mad-dritt tal-Unjoni, b’tali mod li dawn għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti inerenti għal tali protezzjoni. Issa, sabiex jiġi żgurat li dawn ikunu f’pożizzjoni li joffru din il-protezzjoni, il-preżervazzjoni tal-indipendenza tagħhom hija fundamentali.

Din l-indipendenza teħtieġ, skont ġurisprudenza stabbilita, li l-qorti kkonċernata teżerċita l-funzjonijiet tagħha b’awtonomija sħiħa u b’mod imparzjali. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-fatt li korp bħall-Ministru għall-Ġustizzja jkollu s-setgħa li jiddeċiedi jagħtix estensjoni possibbli tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet ġudizzjarji lil hinn mill-età normali ta’ rtirar ma huwiex, ċertament, suffiċjenti, waħdu, sabiex jiġi konkluż li hemm l-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipju ta’ indipendenza tal-imħallfin. Madankollu, hija kkonstatat li l-kundizzjonijiet sostantivi u l-modalitajiet proċedurali fir-rigward ta’ din is-setgħa ta’ deċiżjoni huma, f’dan il-każ, ta’ natura li joħolqu dubji leġittimi dwar l-impermeabbiltà tal-imħallfin ikkonċernati fir-rigward tal-fatturi esterni u tan-newtralità tagħhom. Fil-fatt, minn naħa, il-kriterji li abbażi tagħhom il-Ministru jintalab jieħu d-deċiżjoni tiegħu huma wisq vagi u mhux verifikabbli, u l-imsemmija deċiżjoni ma għandhiex bżonn tkun motivata u ma tistax tkun is-suġġett ta’ rimedju ġudizzjarju. Min-naħa l-oħra, it-tul tal-perijodu li matulu l-imħallfin jistgħu jibqgħu jistennew id-deċiżjoni tal-Ministru huwa suġġett għad-diskrezzjoni ta’ dan tal-aħħar.

Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita wkoll, l-impermeabbiltà indispensabbli tal-imħallfin fir-rigward ta’ kwalunkwe interventi jew pressjonijiet esterni tirrikjedi ċerti garanziji li jipproteġu lill-persuna minn dawk li jkollhom il-kompitu li jieħdu deċiżjoni, bħall-irremovabbiltà. Il-prinċipju ta’ irremovabbiltà jirrikjedi, b’mod partikolari, li l-imħallfin ikunu jistgħu jibqgħu fil-kariga sakemm jilħqu l-età obbligatorja ta’ rtirar jew sa tmiem il-mandat tagħhom meta dan tal-aħħar ikun għal perijodu speċifiku. Mingħajr ma jkun totalment assolut, dan il-prinċipju jista’ jiġi suġġett għal eċċezzjonijiet sakemm ikun hemm raġunijiet leġittimi u imperattivi li jiġġustifikawh, u dan fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Issa, f’dan il-każ, il-kombinazzjoni tal-miżura ta’ tnaqqis tal-età normali ta’ rtirar tal-imħallfin fil-qrati ordinarji u ta’ dik li tikkonsisti fl-għoti tas-setgħa diskrezzjonali lill-Ministru għall-Ġustizzja li jiddeċiedi dwar jekk jawtorizzax it-tkomplija tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ dawn lil hinn mill-età ġdida ta’ rtirar hekk stabbilita, għal għaxar snin għall-imħallfin nisa u għal ħames snin għall-imħallfin irġiel, tmur kontra dan il-prinċipju. Fil-fatt, din il-kombinazzjoni ta’ miżuri hija ta’ natura li toħloq, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, dubji leġittimi dwar il-fatt li s-sistema l-ġdida setgħet fir-realtà kienet intiża sabiex tippermetti lill-Ministru li jeskludi, ladarba jilħqu l-età normali ta’ rtirar li tkun ġiet stabbilita mill-ġdid, ċerti gruppi ta’ mħallfin filwaqt li jżomm parti oħra minnhom fil-kariga. Barra minn hekk, peress li d-deċiżjoni tal-Ministru ma hija suġġetta għal ebda terminu u l-imħallef ikkonċernat jibqa’ fil-kariga sakemm tingħata tali deċiżjoni, deċiżjoni negattiva tal-Ministru tista’ tingħata wara li l-persuna kkonċernata tkun baqgħet fil-kariga lil hinn mill-età ġdida ta’ rtirar.


1      Artikolu 157 TFUE, Artikolu 5(a) u Artikolu 9(1)(f) tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (ĠU 2006, L 204, p. 23), kif ukoll it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.


2      Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema) (C‑619/18, EU:C:2019:531).