Language of document :

Rikors ippreżentat fl-4 ta’ Ġunju 2013 – Tameio Pronias Prosopikou Trapezis Kiprou vs Il-Kummissjoni u Il-Bank Ċentrali Ewropew

(Kawża T-328/13)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Rikorrenti: Tameio Pronias Prosopikou Trapezis (Levkosia, Ċipru) (rappreżentanti: E. Efstathiou, K. Efstathiou, K. Liasidou, avukati)

Konvenuti: Il-Bank Ċentrali Ewropew u Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tiddikjara r-rikors tagħha ammissibbli u fondat;

tannulla d-deċiżjoni tal-Grupp tal-Euro, tal-25 ta’ Marzu 2013, li saret definittiva bid-deċiżjoni tal-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Ċipru, fil-kwalità ta’ esponent u/jew rappreżentant tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali tal-Bank Ċentrali Ewropew, tad-29 ta’ Marzu 2013, KDP [kanonistiki diokitiki praxi; Att Leġiżlattiv] 104/2013, li biha ġie deċiż “il-bejgħ ta’ prodotti determinati” tas-Cyprus Popular Bank Public Co Ltd u li essenzjalment tikkostitwixxi deċiżjoni komuni tal-Bank Ċentrali Ewropew u tal-Kummissjoni Ewropea;

sussidjarjament, tiddikjara li d-deċiżjoni tal-Grupp tal-Euro, imsemmija iktar ’il fuq, essenzjalment tikkostitwixxi deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew u/jew deċiżjoni adottata flimkien mal-Kummissjoni Ewropea irrispettivament mill-forma tagħha.

tikkundanna lill-Bank Ċentrali Ewropew u/jew lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż tal-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata hija nulla sa fejn teċċedi s-setgħa mogħtija mit-Trattat tal-Unjoni Ewropea lill-Bank Ċentrali Ewropew kif ukoll lill-Kummissjoni Ewropea u b’hekk iż-żewġ korpi adottawha b’eċċess tas-setgħat tagħhom.

It-tieni motiv, ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata tikser id-dritt ta’ proprjetà żgurat mill-Artikolu 1 tal-Protokoll 1 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u mill-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, kif ikkonfermat mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

It-tielet motiv, ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata hija manifestament infondata u mingħajr bażi legali, u tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata tikser ukoll il-prinċipji legali ġeneralment aċċettati derivanti mid-dritt tal-Unjoni Ewropea kif ukoll il-prinċipju li jgħid li ħadd ma jista’ jinvoka ommissjoni tiegħu stess biex jikseb benefiċċju u/jew jirregolarizza aġir inġust u/jew illegali.