Language of document :

Rikors ippreżentat fl-4 ta’ Ġunju 2013 – Chatziioannou vs Il-Kummissjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew

(Kawża T-330/13)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Rikorrenti: Lella Chatziioannou (Lefkosia, Ċipru) (rappreżentanti: E. Efstathiou, K. Efstathiou u K. Liasidou, avukati)

Konvenuti: Il-Bank Ċentrali Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara r-rikors tagħha ammissibbli u fondat;

tannulla d-deċiżjoni tal-Grupp tal-Euro tal-25 ta’ Marzu 2013, li saret definittiva bid-deċiżjoni tal-gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Ċipru, bħala esponent u/jew rappreżentant tas-Sistema Ewropew tal-Bankijiet Ċentrali tal-Bank Ċentrali Ewropew, tad-29 ta’ Marzu 2013, KDP [kanonistiki diokitiki praxi; att regolamentari] 104/2013, li biha ġie deċiż il-“bejgħ ta’ prodotti determinati” tas-Cyprus Popular Bank Public Co Ltd u li tikkostitwixxi essenzjalment deċiżjoni komuni tal-Bank Ċentrali Ewropew u tal-Kummissjoni Ewropea;

sussidjarjament, tiddikjara li d-deċiżjoni tal-Grupp tal-Euro, imsemmija hawn fuq, tikkostitwixxi essenzjalment deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew u/jew deċiżjoni adottata flimkien mal-Kummissjoni Ewropea, tkun liema tkun il-forma tagħha.

tikkundanna l-Bank Ċentrali Ewropew u/jew il-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata hija nulla inkwantu tmur lil hinn mill-poteri mogħtija mit-Trattat tal-Unjoni Ewropea lill-Bank Ċentrali Ewropew kif ukoll lill-Kummissjoni Ewropea u għalhekk iż-żewġ korpi adottawha b’mod li qabżu l-poteri tagħhom.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata tikser id-dritt għall-proprjetà ggarantit mill-Artikolu 1 tal-Protokoll 1 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u mill-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, kif ikkonfermat mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata hija manifestament infondata u mingħajr bażi legali u tikkuntrasta mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata tmur ukoll kontra l-prinċipji legali ġeneralment aċċettati li ġejjin mid-dritt tal-Unjoni Ewropea u anki mal-prinċipju li ħadd ma jista’ jinvoka omissjoni tiegħu stess sabiex jikseb vantaġġ u/jew jirregolarizza mġieba inġusta u/jew illeġittima.