Language of document :

Rikors ippreżentat fit-30 ta' Jannar 2009 - Al Barakaat International Foundation vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-45/09)

Lingwa tal-kawża: L-Iżvediż

Partijiet

Rikorrenti: Al Barakaat International Foundation (Spånga, l-Iżvezja) (rappreżentanti: L. Silbersky u T. Olsson, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

Tannulla r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1190/2008 inkwantu dan jikkonċerna lill-Al-Barakaat International Foundation;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti titlob l-annullament tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1190/2008 tat-28 ta' Novembru 2008 li jemenda għall-101 darba r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma' Usama bin Laden, in-netwerk ta' Al-Qaida u t-Taliban1, li jipprevedi ż-żamma tar-rikorrenti fuq il-lista ta' persuni u entitajiet li l-fondi u l-mezzi finanzjarji oħra tagħhom huma ffriżati skont ir-Regolament Nru 881/20022. Ir-Regolament (KE) Nru 1190/2008 kien ġie adottat wara s-sentenza tat-3 ta' Settembru 2008, Kadi u Al-Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C-402/05 P u C-415/05 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra) li kienet annullat il-lista preċedenti li fuqha kienet tidher ir-rikorrenti.

Ir-rikorrenti tinvoka l-motivi segwenti insostenn tar-rikors tagħha:

Il-Kummissjoni eċċediet il-poter tagħha peress li l-obbligu li tirrimedja għall-irregolaritajiet tal-proċedura amministrattiva ma jagħtihiex il-poter temenda jew tikkompleta l-lista inkwistjoni.

Il-Kummissjoni kisret l-obbligu li tagħti raġunijiet, il-prinċipju ta' diliġenza, id-drittijiet tad-difiża kif ukoll id-dritt għal rikors effettiv peress li l-motivazzjoni li tiġġustifika ż-żamma tar-rikorrenti fuq il-lista naqset li tippreċiża l-allegata rabta bejn, minn naħa, ir-rikorrenti u, min-naħa l-oħra, in-netwerk ta' Al-Qaida, Usama bin Laden u t-Taliban.

Il-Kummissjoni kisret il-projbizzjoni tar-retroattività tal-liġijiet peress li l-inklużjoni tar-rikorrenti fuq il-lista hija bbażata fuq avvenimenti li seħħew 10 snin qabel.

Il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta' proporzjonalità peress li l-miżuri ta' ffriżar previsti mir-Regolament ikkontestat jikkostitwixxu restrizzjoni sproporzjonata u inaċċettabbli li taffettwa d-dritt għar-rispett tal-proprjetà.

____________

1 - ĠU L 322, p. 25.

2 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 tas-27 ta' Mejju 2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma' Usama bin Laden, in-network ta' Al-Qaida u t-Taliban, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 467/2001 li jipprojbixxi l-esportazzjoni ta' ċerti merkanzija u servizzi lejn l-Afganistan, waqt li jsaħħaħ il-projbizzjoni ta' titjiriet u jestendi l-friża fuq fondi u riżorsi finanzjarji oħra rigward it-Taliban tal-Afganistan (ĠU L 139, p. 9).