Language of document : ECLI:EU:T:2019:170

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

20 ta’ Marzu 2019 (*)

“Dumping – Importazzjonijiet ta’ madum taċ-ċeramika li joriġina miċ-Ċina – Artikolu 11(4) u (5) u Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 [li saru Artikolu 11(4) u (5), u Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2016/1036] – Rifjut li jingħata l-istatus ta’ produttur-esportatur ġdid fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 917/2011 – Teħid ta’ kampjuni – Eżaminazzjoni individwali – Kunfidenzjalità”

Fil-Kawża T‑310/16,

Foshan Lihua Ceramic Co. Ltd, stabbilita f’Foshan (iċ-Ċina), irrappreżentata minn B. Spinoit, D. Philippe u A. Wese, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn A. Demeneix, M. França u T. Maxian Rusche, sussegwentement minn A. Demeneix, T. Maxian Rusche u N Kuplewatzky, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Cerame-Unie AISBL, stabbilita fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentata minn V. Akritidis, avukat,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C (2016) 2136 finali, tal-15 ta’ April 2016, li tiċħad talba għall-istatus ta’ produttur esportatur ġdid f’dak li jikkonċerna l-miżuri antidumping definittivi imposti fuq l-importazzjonijiet tal-madum taċ-ċeramika li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 917/2011,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

komposta minn H. Kanninen, President, J. Schwarcz (Relatur) u C. Iliopoulos, Imħallfin,

Reġistratur: P. Cullen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Lulju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Foshan Lihua Ceramic Co. Ltd, stabbilita f’Foshan (iċ-Ċina), hija produttur ta’ madum taċ-ċeramika li tappartjeni lill-grupp Foshan Lihua.

2        Fit-12 ta’ Settembru 2011, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 917/2011 li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tal-madum taċ-ċeramika li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU 2011, L 238, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Definittiv”). Ir-rati ta’ dazju antidumping ġew ibbażati fuq il-marġni ta’ dumping stabbiliti mill-investigazzjoni li wasslet għall-istabbiliment ta’ dawn il-miżuri definittivi (iktar ’il quddiem l-“investigazzjoni inizjali”), peress li dawn kienu iżjed baxxi mill-marġini ta’ ħsara.

3        Fil-kuntest tal-investigazzjoni inizjali, il-Kummissjoni Ewropea użat it-teħid ta’ kampjuni, skont l-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 2009, L 343, p. 51), kif emendat l-aħħar bir-Regolament (UE) Nru 37/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2014 li jemenda ċerti Regolamenti relatati mal-politika kummerċjali komuni fir-rigward tal-proċeduri għall-adozzjoni ta’ ċerti miżuri (ĠU 2014, L 18, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Bażiku”) (issostitwit bir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, L 176, p. 21)). Il-produtturi-esportaturi meħuda bħala kampjuni, li bbenefikaw minn trattament individwali, skont l-Artikolu 9(5) tar-Regolament Bażiku (li sar l-Artikolu 9(5) tar-Regolament 2016/1036), ġew suġġetti għal rati individwali ta’ dazji antidumping. Il-produtturi-esportaturi li kkooperaw fl-investigazzjoni inizjali, iżda li ma ġewx inklużi fil-kampjun, kif ukoll produttur-esportatur li ġie inkluż fil-kampjun, iżda li ma bbenefikax minn trattament individwali, ġew suġġetti għal rata ta’ dazji antidumping ikkalkolata, skont l-Artikolu 9(6) tar-Regolament Bażiku (li sar l-Artikolu 9(6) tar-Regolament 2016/1036), bħala l-medja ponderata tal-marġni ta’ dumping tal-produtturi-esportaturi inklużi fil-kampjun, jiġifieri 30.6 %. Tmien produtturi-esportaturi li kkooperaw ressqu talbiet għal eżami individwali, abbażi tal-Artikolu 17(3) tar-Regolament Bażiku (li sar l-Artikolu 17(3) tar-Regolament 2016/1036). Ġie deċiż li jsir eżami individwali biss għal wieħed minn dawn il-produtturi-esportaturi, għaliex dan ma kienx jikkomplika b’mod indebitu l-kompitu tal-Kummissjoni. Dan il-produttur-esportatur kien, bil-kbir, l-iktar produttur-esportatur importanti mit-tmien produtturi-esportaturi li talbu eżami individwali. Madankollu, wara n-notifika tal-konklużjonijiet finali, irriżulta li dan il-produttur-esportatur ma kienx ipprovda ċerta informazzjoni neċessarja, għalkemm il-konklużjonijiet dwar dan il-produttur-esportatur ġew stabbiliti fuq il-bażi tal-fatti disponibbli, bis-saħħa tal-Artikolu 18 tar-Regolament Bażiku (li sar l-Artikolu 18 tar-Regolament 2016/1036). L-imsemmi produttur-esportatur kif ukoll il-produtturi-esportaturi li ma kkooperawx fl-investigazzjoni inizjali ġew suġġetti għal rati ta’ dazju antidumping stabbiliti bl-użu tal-ogħla marġni ta’ dumping ikkonstatati għal prodott rappreżentattiv ta’ produttur-esportatur li kkoopera, jiġifieri 69.7 %.

4        Ir-rikorrenti ma pparteċipatx fil-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament Definittiv, tant li isimha ma jidhirx fl-Anness I tar-Regolament Definittiv. Għaldaqstant l-importazzjonijiet tagħha tal-prodott ikkonċernat huma suġġetti għal dazju antidumping bir-rata ta’ 69.7 %.

5        Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Settembru 2013, ir-rikorrenti talbet lill-Kummissjoni twettaq eżami mill-ġdid intermedju, limitat għad-dumping, abbażi tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament Bażiku (li sar l-Artikolu 11(3) tar-Regolament 2016/1036). Din it-talba kienet immotivata, minn naħa, mill-implimentazzjoni, mir-rikorrenti, ta’ sistema ġdida ta’ distribuzzjoni permezz ta’ impriża marbuta, u min-naħa l-oħra, bl-introduzzjoni ta’ tip ġdid ta’ prodott li ma kienx jeżisti matul il-perijodu ta’ bejn l-1 ta’ April 2009 u l-31 ta’ Marzu 2010 (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ investigazzjoni inizjali”). Fit-talba tagħha għal eżami mill-ġdid ir-rikorrenti indikat li hija ma kinitx ipparteċipat fl-investigazzjoni inizjali, peress li hija ma kinitx taf id-destinazzjoni finali tal-prodotti tagħha li hija kienet tbigħ biss, matul il-perijodu ta’ investigazzjoni inizjali, lil kumpannija kummerċjali Ċiniża ta’ kummerċ.

6        Il-Kummissjoni wieġbet għall-ittra tar-rikorrenti fil-25 ta’ Ottubru 2013. Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni kkomunikat lir-rikorrenti informazzjoni ta’ natura kemm ġenerali u ta’ tħejjija li tikkonċerna, b’mod partikolari, l-eżamijiet mill-ġdid taħt l-istatus ta’ produttur-esportatur ġdid skont l-Artikolu 3 tar-Regolament definittiv.

7        L-Artikolu 3 tar-Regolament Definittiv jipprevedi dan li ġej:

“Fejn kwalunkwe produttur [Ċiniż] jipprovdi evidenza biżżejjed lill-Kummissjoni li ma esportax il-merkanzija deskritta fl-Artikolu 1(1) li toriġina [miċ-Ċina] waqt il-perjodu tal-investigazzjoni (mill-1 ta’ April 2009 sal-31 ta’ Marzu 2010), li mhuwiex relatat ma’ esportatur jew produttur soġġett għall-miżuri imposti minn dan ir-Regolament u li jew effettivament esporta l-merkanzija kkonċernata jew daħal f’obbligu kuntrattwali irrevokabbli li jesporta kwantità sinifikanti lejn l-Unjoni wara li jkun spicċa l-perjodu tal-investigazzjoni, il-Kunsill, waqt li jaġixxi b’maġġoranza sempliċi fuq proposta magħmula mill-Kummissjoni, wara li jikkonsulta l-Kumitat Konsultattiv, jista’ jemenda l-Artikolu 1(2) sabiex jattribwixxi lil dak il-produttur id-dazju applikabbli għall-produtturi li qegħdin jikkoperaw li mhumiex fil-kampjun, jiġifieri 30.6 %”.

8        Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Frar 2014, ir-rikorrenti, minn naħa, reġgħet tenniet it-talba tagħha għal eżami mill-ġdid intermedju skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament Bażiku u, min-naħa l-oħra, talbet, sussidjarjament, il-ftuħ ta’ eżami mill-ġdid abbażi tal-istatus ta’ produttur-esportatur ġdid skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Definittiv. F’dan il-kuntest, hija b’mod partikolari indikat li biegħet, waqt il-perijodu tal-investigazzjoni inizjali, il-produzzjoni kollha tagħha lil kumpannija waħda ta’ kummerċ u li ma kellha ebda konjizzjoni dwar id-destinazzjoni finali tal-prodotti tagħha. Hija ammettiet li diversi madumiet tagħha setgħu ġew esportati lejn l-Unjoni Ewropea minn din l-impriża ta’ negozju u mill-imsieħba tagħha, iżda indikat li ma tafx b’liema mod. Hija sostniet ukoll li ma kinitx marbuta ma’ impriża suġġetta għad-dazji antidumping inkwistjoni u li hija kienet ikkonkludiet kuntratt irrevokabbli għall-provvista tal-prodotti tagħha li jmiss.

9        Permezz ta’ ittri tat-8 ta’ April, tat-2 u tas-17 ta’ Ġunju 2014, ir-rikorrenti tenniet mill-ġdid it-talbiet tagħha għal eżami mill-ġdid intermedju u tal-għoti ta’ status ta’ produttur-esportatur ġdid. F’dan il-kuntest, hija ddikjarat li ma kinitx “direttament” esportat il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni u kienet vittma ta’ trattament diskriminatorju meta mqabbel ma’ kompetitur li talab u kiseb eżami mill-ġdid intermedju u nnotifikat lill-Kummissjoni b’rikors futur possibbli għal nuqqas li tittieħed azzjoni kontra din tal-aħħar jekk deċiżjoni ma kinitx adottata f’dan is-sens.

10      Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Settembru 2014, il-Kummissjoni wieġbet li hija kienet teħtieġ l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex tkun tista’ tipproċedi bil-ftuħ u l-għeluq tal-investigazzjoni ta’ eżami mill-ġdid intermedju, hija ċċarat diversi punti dwar il-proċedura li għandha tiġi segwita u kkonkludiet li hija kien għad ma kellhiex id-dokumenti kollha meħtieġa. F’dan il-kuntest, hija talbet lir-rikorrenti biex timla l-formola tal-applikazzjoni għall-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq, previst fl-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament Bażiku [li sar l-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament Nru 2016/1036]. Il-Kummissjoni talbet ukoll lir-rikorrenti sabiex tipproduċi provi tal-allegazzjonijiet tagħha dwar in-nuqqas ta’ esportazzjonijiet lejn l-Unjoni matul il-perijodu ta’ investigazzjoni oriġinali, in-nuqqas ta’ rabtiet ma’ kumpaniji suġġetti għad-dazji antidumping inkwistjoni u l-eżistenza ta’ kuntratt ta’ provvista tal-prodott ikkonċernat wara l-perijodu ta’ esportazzjoni. Hija affermat mill-ġdid li, jekk il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3 tar-Regolament Definittiv kienu sodisfatti, ir-rikorrenti hija suġġetta għall-istess rata ta’ dazju antidumping li l-produtturi-esportaturi li kkooperaw mal-investigazzjoni inizjali, iżda li ma ġewx inklużi fil-kampjun, jiġifieri 30.6 %.

11      B’ittra tad-9 ta’ Ottubru 2014, ir-rikorrenti rrispondiet billi sostniet li l-Kummissjoni kienet imponitilha oneru ta’ prova li kien imur lil hinn mir-rekwiżiti legali. Ir-rikorrenti talbet ukoll li l-istatus tal-parti kkonċernata jingħatalha fil-kuntest tal-eżami mill-ġdid intermedju dwar kompetitur.

12      Fit-18 ta’ Diċembru 2014, ir-rikorrenti ngħatat dan l-istatus u rċeviet id-dokumenti ta’ informazzjoni.

13      Permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Diċembru 2014, ir-rikorrenti pprovdiet iktar informazzjoni dwar it-talba tagħha għal rieżami abbażi tal-istatus ta’ produttur-esportatur ġdid u, sussidjarjament u b’mod awżiljarju, dwar it-talba tagħha għall-eżami mill-ġdid intermedju. Ir-rikorrenti pprovdiet ukoll il-kwestjonarju dwar l-istatus ta’ impriża li topera f’kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq. Hija indikat li taċċetta, bħala soluzzjoni temporanja, l-applikazzjoni tal-istess rata ta’ dazju antidumping li l-produtturi-esportaturi kienu kkooperaw fl-investigazzjoni inizjali, iżda mhux inklużi fil-kampjun. Hija madankollu sostniet li kellha dritt għal eżami individwali.

14      Permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Frar 2015, il-Kummissjoni kkonfermat li hija kienet analizzat il-fajl li r-rikorrenti kienet għamlitilha fl-11 ta’ Diċembru 2014. Hija talbet ukoll lir-rikorrenti tikkonferma li hija kienet qed taċċetta li tiġi ttrattata bħala produttur esportatur ġdid skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Definittiv u, b’mod paralleli, kienet qed iżżomm it-talba tagħha għall-eżami mill-ġdid intermedju.

15      Permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Frar 2015, ir-rikorrenti kkonfermat li hija kienet aċċettat li tiġi ttrattata bħala produttur-esportatur ġdid skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Definittiv u pproponiet lill-Kummissjoni tissospendi l-applikazzjoni għall-eżami mill-ġdid intermedju sabiex ma jkunx hemm dewmien fir-riżultati tal-eżami mill-ġdid ta’ din l-aħħar dispożizzjoni.

16      Permezz ta’ posta elettronika tat-23 ta’ Frar 2015, il-Kummissjoni talbet lir-rikorrenti biex timla l-kwestjonarju għall-operaturi peress li talbet l-istatus ta’ produttur-esportatur ġdid. Hija speċifikat li t-talba tiġi eżaminata mal-wasla tar-risposta għall-imsemmi kwestjonarju u li r-rikorrenti setgħet tirreferi għal informazzjoni preċedentement ipprovduta lill-Kummissjoni.

17      Fil-25 ta’ Marzu 2015, ir-rikorrenti talbet estensjoni tat-terminu biex jintbagħt lura dan il-kwestjonarju. Estensjoni ta’ dak il-perijodu ngħatat mill-Kummissjoni sas-17 ta’ April 2015. Verżjoni kunfidenzjali tar-risposta ntbagħtet sat-terminu mogħti u verżjoni mhux kunfidenzjali fit-30 ta’ April 2015.

18      B’risposta għal talba għal informazzjoni, dwar l-orizzont li fih il-Kummissjoni tadotta d-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti, fit-28 ta’ Mejju 2015, li kienet qed tanalizza il-fajl u li hija dalwaqt kienet ser tibgħat talba għal kjarifiki.

19      Fit-23 ta’ Ġunju 2015, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti l-ewwel talba għal kjarifiki dwar l-informazzjoni trażmessa dwar it-talba minħabba status ta’ produttur-esportatur ġdid kif stipulat fl-Artikolu 3 tar-Regolament Definittiv.

20      Fit-13 ta’ Lulju 2015, ir-rikorrenti ppreżentat risposta kunfidenzjali fuq talba tal-Kummissjoni. Verżjoni mhux kunfidenzjali ġiet ippreżentata fl-14 u l-24 ta’ Awwissu 2015.

21      Fis-27 ta’ Awwissu 2015, l-assoċjazzjoni Ewropea tal-industrija taċ-ċeramika Cerame-Unie AISBL (iktar ’il quddiem l-“intervenjenti” jew “Cerame-Unie”), stabbilita fi Brussell (il-Belġju), bagħtet lill-Kummissjoni informazzjoni li tikkonċerna lir-rikorrenti. Din ma ġietx trażmessa lill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva. Madankollu, f’ittra tat-18 ta’ Settembru 2015 (punt 23 iktar ’il quddiem), ir-rikorrenti ġiet informata bil-fatt li l-Kummissjoni kienet irċeviet informazzjoni dwar is-suġġett tal-investigazzjoni inizjali minn rappreżentanti tal-industrija tal-Unjoni.

22      Fis-16 ta’ Settembru 2015, ir-rikorrenti bagħtet tfakkira lill-Kummissjoni sabiex tadotta deċiżjoni dwar it-talba tagħha.

23      Fit-18 ta’ Settembru 2015, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti dwar is-sitwazzjoni attwali tat-talba għall-istatus ta’ produttur-esportatur ġdid. Billi din it-talba baqgħet ma kinitx sostanzjata biżżejjed, hija bagħtet it-tieni talba għal kjarifiki b’anness li jiddeskrivi l-informazzjoni meħtieġa. Hija osservat, b’mod partikolari, differenzi bejn l-informazzjoni pubblika u l-informazzjoni trażmessa mir-rikorrenti u xtaqet tikseb kjarifika fuq dawn il-punti. Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-kundizzjoni ta’ nuqqas ta’ esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perijodu ta’ investigazzjoni oriġinali, il-Kummissjoni ppreċiżat dan li ġej:

“L-unika informazzjoni kkomunikata s’issa fir-rigward tal-bejgħ ta’ Foshan Lihua matul il-perijodu ta’ investigazzjoni [inizjali] hija lista ta’ kull xahar bl-idejn tal-bejgħ li twettaq fl-2009 u fl-2010. Ma tinstabx f’din il-lista la l-kwantitajiet mibjugħa jew in-numri tal-fatturi, u lanqas id-destinazzjonijiet jew l-ismijiet tal-klijenti. Aħna nifhmu li l-klijent tiegħek ma kellux kontabbiltà kompjuterizzata waqt il-perijodu ta’ investigazzjoni [inizjali]. Sfortunatament, kif inhuma l-affarijiet bħalissa, din l-informazzjoni limitata ma tippermettix li jinstiltu l-konklużjonijiet dwar [dan il-kriterju].”

24      Bil-posta elettronika tad-29 ta’ Settembru 2015, ir-rikorrenti rrispondiet għat-tieni talba għal kjarifiki. Verżjoni mhux kunfidenzjali ntbagħtet lill-Kummissjoni fil-5 ta’ Novembru 2015. Ir-rikorrenti qieset li l-Kummissjoni ma kinitx awtorizzata li titlobha l-informazzjoni inkwistjoni u li dawn it-talbiet kienu jikkostitwixxu abbuż ta’ poter. Ir-rikorrenti kkonkludiet billi talbet il-ftuħ ta’ eżami mill-ġdid abbażi tal-għoti ta’ status ta’ produttur-esportatur ġdid u marġni ta’ dumping individwali.

25      Fl-4 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti, lil Cerame-Unie u lill-Missjoni tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina quddiem l-Unjoni id-dokument ta’ informazzjoni ġenerali li jippreżenta l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom il-Kummissjoni pproponiet li tiċħad it-talba għal eżami mill-ġdid abbażi tal-istatus ta’ produttur-esportatur ġdid skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Definittiv. B’mod partikolari, il-Kummissjoni kkonstatat li r-rikorrenti kienet produttur-esportatur tal-prodott ikkonċernat u li hija kienet effettivament esportat dan il-prodott lejn l-Unjoni wara l-perijodu ta’ investigazzjoni inizjali, anki jekk it-tielet kundizzjoni għall-għoti tal-istatus in kwistjoni kienet ikkunsidrata bħala sodisfatta. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni qieset li r-rikorrenti ma kinitx uriet li ma kien hemm l-ebda esportazzjoni lejn l-Unjoni matul il-perijodu ta’ investigazzjoni inizjali, u lanqas in-nuqqas ta’ rabtiet ma’ kumpanniji suġġetti għad-dazji antidumping inkwistjoni. B’hekk, l-ewwel żewġ kundizzjonijiet ma kinux ġew meqjusa bħala ssodisfatti.

26      Fil-11 ta’ Diċembru 2015, id-dokument ta’ informazzjoni ġenerali ntbagħat lid-delegazzjonijiet tal-Kumitat tal-Istrumenti għad-Difiża tal-Kummerċ.

27      Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Diċembru 2015, ir-rikorrenti wieġbet għad-dokument ta’ informazzjoni ġenerali u talbet li tinstema’ mill-Kummissjoni. Qabel ma ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar dan id-dokument, hija indikat li l-Kummissjoni kienet obbligata teżamina fl-ewwel lok it-talba tagħha għal eżami mill-ġdid intermedju. Dan kien biss sussidjarjament u bil-kundizzjoni li din tqies li eżami mill-ġdid intermedju kien iġġustifikat biss jekk il-Kummissjoni kellha tiddeċiedi fuq talba tagħha għall-eżami mill-ġdid abbażi tal-istatus ta’ produttur-esportatur ġdid. Barra minn hekk, ir-rikorrenti intimat lill-Kummissjoni sabiex tiddeċiedi fuq it-talba tagħha għal eżami mill-ġdid intermedju sal-20 ta’ Jannar 2016. Ir-rikorrenti kienet ukoll ċaħdet li ssottomettiet talba għall-għoti tar-rata antidumping ta’ 30.6 % applikabbli għall-produtturi li kkooperaw iżda li ma ġewx inklużi fil-kampjun. Hija kienet talbet eżami individwali. Barra minn hekk, ir-rikorrenti sostniet li l-Kummissjoni ma wasslitx l-investigazzjoni tagħha (iktar ’il quddiem l-“investigazzjoni inkwistjoni”) b’mod imparzjali, li ma kinitx qed tibbaża ruħha fuq fatti, iżda fuq suppożizzjonijiet, u imponitilha oneru tal-prova ogħla minn dak għall-applikanti l-oħra ta’ eżami mill-ġdid abbażi tal-istatus ta’ produttur-esportatur ġdid.

28      Fil-11 ta’ Jannar 2016, ir-rikorrenti pprovdiet verżjoni mhux kunfidenzjali tal-osservazzjonijiet tagħha.

29      Fit-13 ta’ Jannar 2016 saret seduta tar-rikorrenti mal-Kummissjoni, li fiha ħadu sehem ukoll żewġ rappreżentanti tal-Kamra tal-Kummerċ Internazzjonali taċ-Ċina. Ma hemm l-ebda Minuti jew Rapporti Verbatim ta’ din is-seduta. Fil-15 ta’ Jannar 2016, ir-rikorrenti bagħtet sommarju tal-fehma tagħha dwar il-pożizzjoni adottata mill-Kummissjoni matul is-seduta.

30      Fit-18 ta’ Jannar 2016, ir-rikorrenti bagħtet ittra lill-Kummissjoni wara s-seduta. Hija indikat b’mod partikolari li, skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament Bażiku (li sar l-Artikolu 11(4) tar-Regolament Nru 2016/1036), avviż ta’ ftuħ ta’ eżami mill-ġdid abbażi tal-istatus ta’ produttur-esportatur ġdid għandu jkun uffiċjalment ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li ma kienx il-każ. Ir-rikorrenti sostniet ukoll li l-Kummissjoni ma ppreżentatilha ebda dokument li seta’ jixħet dubji dwar il-fatt li l-ewwel żewġ kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ produttur-esportatur ġdid kienu ġew sodisfatti.

31      Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Jannar 2016, il-Kummissjoni ċċarat li l-bażi legali li jirregola l-eżami mill-ġdid abbażi tal-istatus ta’ produttur-esportatur ġdid fil-każijiet fejn, bħal f’dan il-każ, l-istituzzjonijiet kienu għamlu l-użu ta’ kampjuni fl-investigazzjoni inizjali ma kinitx l-Artikolu 11(4) tar-Regolament Bażiku, iżda dispożizzjoni speċjali stipulata mir-regolamenti li jimponu miżuri antidumping definittivi. Hija tenniet il-konstatazzjoni li, f’każ ta’ riżultat pożittiv tal-eżami mill-ġdid, ir-rikorrenti kienet obbligata tħallas l-istess rata ta’ dazju antidumping li l-produtturi-esportaturi li kkooperaw fl-investigazzjoni inizjali, iżda mhux inklużi fil-kampjun, u mhux rata individwali.

32      Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Jannar 2016, ir-rikorrenti indikat li hija ma kinitx aċċettat li, wara eżami mill-ġdid skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Definittiv, tiġi applikata l-istess rata ta’ dazju antidumping li l-produtturi-esportaturi li kkooperaw fl-investigazzjoni inizjali iżda mhux inklużi fil-kampjun, peress li kien jitqies diskriminatorju li jiġu applikati kundizzjonijiet differenti ta’ ftuħ għal produtturi-esportaturi ġodda skont jekk it-teħid ta’ kampjuni kien użat jew le. Ir-rikorrenti sostniet li hija kienet ipproduċiet provi li hija ma kinitx, prima facie, esportat il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perijodu ta’ investigazzjoni inizjali u li hija ma kinitx marbuta ma’ kumpaniji suġġetti għal dazji antidumping inkwistjoni. Ir-rikorrenti kkontestat il-legalità tal-proċedura fid-dawl tar-regoli tal-Ftehim dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ 1994 (GATT) (ĠU 1994, L 336, p. 103, iktar ’il quddiem il-“Ftehim antidumping”), li jinsab fl-Anness 1 A tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) (ĠU 1994, L 336, p. 3). F’din l-istess ittra, ir-rikorrenti pprovdiet dettalji dwar l-istruttura tal-grupp u l-użu prattiku li kienet għamlet taċ-ċertifikazzjoni “KE” tal-prodotti tagħha.

33      Fil-15 ta’ April 2016, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni finali C(2016) 2136, li tirrifjuta talba għall-istatus ta’ produttur-esportatur ġdid f’dak li jikkonċerna l-miżuri antidumping definittivi imposti fuq l-importazzjonijiet tal-madum taċ-ċeramika li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina bir-Regolament Definittiv (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Preliminarjament, hija ppreċiżat li l-Artikolu 11(4) tar-Regolament Bażiku ma jistax iservi bħala bażi legali meta t-teħid ta’ kampjuni kien użat fl-investigazzjoni inizjali, u li l-bażi legali għat-talba tagħha kienet l-Artikolu 3 tar-Regolament Definittiv.

34      Dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ status ta’ produttur-esportatur ġdid kif previst minn din id-dispożizzjoni, l-ewwel nett, il-Kummissjoni kkonstatat li r-rikorrenti kienet produttur-esportatur tal-prodott ikkonċernat u li hija kienet effettivament esportat dan il-prodott lejn l-Unjoni wara l-perijodu ta’ investigazzjoni inizjali. B’hekk, it-tielet kundizzjoni għall-għoti tal-istatus inkwistjoni tqieset bħala sodisfatta.

35      Sussegwentement, f’dak li jirrigwarda t-tieni kundizzjoni, li tgħid li l-impriża li titlob l-istatus inkwistjoni ma għandhiex tkun marbuta ma’ kumpannija suġġetta għad-dazji antidumping inkwistjoni, il-Kummissjoni, min-naħa l-oħra, kienet tal-fehma li l-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti ma kinitx kompleta u kienet tikkontradixxi d-data aċċessibbli għall-pubbliku. Għaldaqstant, l-investigazzjoni inkwistjoni ma ppermettietx lill-Kummissjoni li tikkonferma li r-rikorrenti ma kinitx marbuta ma’ tali impriża, ġie konkluż li r-rikorrenti ma kinitx tissodisfa t-tieni kundizzjoni.

36      Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda l-ewwel kundizzjoni, li tgħid li l-impriża li titlob l-istatus inkwistjoni ma jkollhiex esportat il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perijodu ta’ investigazzjoni inizjali, il-Kummissjoni, billi qieset li l-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti ma kinitx kompleta u kienet tikkontradixxi l-informazzjoni oħra disponibbli, ma setax jiġi eskluż li, matul l-imsemmi perijodu, ir-rikorrenti kienet esportat il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni direttament jew indirettament permezz ta’ kumpaniji relatati jew fil-kuntest ta’ ftehimiet ta’ manifattura konklużi ma’ kumpanniji oħra indipendenti. Konsegwentement, il-Kummissjoni kkonkludiet li r-rikorrenti ma kinitx tissodisfa lanqas l-ewwel kriterju.

37      Filwaqt li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma kinitx stabbilixxiet li hija kienet tissodisfa l-ewwel u t-tieni kundizzjoni għall-għoti tal-istatus previst fl-Artikolu 3 tar-Regolament Definittiv, minkejja li, f’diversi okkażjonijiet, kellha l-opportunità li tipprovdi informazzjoni addizzjonali, il-Kummissjoni ċaħdet it-talba tagħha għall-għoti tal-istatus ta’ produttur-esportatur ġdid.

38      Barra minn hekk, b’deċiżjoni tal-11 ta’ Lulju 2016, il-Kummissjoni ċaħdet it-talba għall-eżami mill-ġdid intermedju skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament Bażiku, ċaħda li hija s-suġġett tal-kawża li wasslet għas-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2018, Foshan Lihua Ceramic vs Il-Kummissjoni (T-654/16, EU:T:2018:525).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

39      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-20 ta’ Ġunju 2016, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

40      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ Ottubru 2016, Cerame-Unie talbet sabiex tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

41      Fis-7 ta’ Diċembru 2016, fir-replika, ir-rikorrenti talbet li din il-kawża tingħaqad mal-kawża li tat lok għas-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2018, Foshan Lihua Ceramic vs Il-Kummissjoni (T-654/16, EU:T:2018:525). Hija talbet ukoll li l-informazzjoni kunfidenzjali li tikkonċernaha ma tiġix ikkomunikata lil Cerame-Unie u pprovdiet verżjoni mhux kunfidenzjali tad-dokumenti inkwistjoni.

42      Fis-16 ta’ Diċembru 2016, il-Kummissjoni opponiet li din il-kawża tingħaqad mal-kawża li fil-frattemp tat lok għas-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2018, Foshan Lihua Ceramic vs Il-Kummissjoni (T-654/16, EU:T:2018:525).

43      Permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Jannar 2017, il-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali ddeċieda li l-kawżi inkwistjoni ma jiġux magħquda.

44      Permezz ta’ digriet tas-7 ta’ April 2017, il-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali ammetta l-intervent ta’ Cerame-Unie insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

45      L-intervenjenti ma qajmitx oġġezzjonijiet fir-rigward tat-talba għal kunfidenzjalità tar-rikorrenti.

46      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

47      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

48      L-intervenjenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

49      Ir-rikorrenti tqajjem tmien motivi, ibbażati, l-ewwel, fuq ksur tal-Artikolu 11(4) u tal-Artikolu 11(5) tar-Regolament Bażiku (li sar l-Artikolu 11(5) tar-Regolament Nru 2016/1036) u tal-Artikoli 6.1 u 9.5 tal-Ftehim Antidumping, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, it-tielet, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti, ir-raba’ nett, fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, il-ħames wieħed, fuq użu ħażin ta’ poter u żball ta’ liġi, is-sitt nett, żball legali manifest, is-seba’ nett, fuq ksur tad-dritt għal smigħ u fuq motivazzjoni fondata mhux fuq il-fatti, iżda fuq suppożizzjonijiet, u, it-tmien wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 9.5 tal-Ftehim Antidumping.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 11(4) u (5) tar-Regolament Bażiku u tal-Artikoli 6.1 u 9.5 tal-Ftehim Antidumping

50      Permezz tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti tikkritika l-premessa 8 tad-deċiżjoni kkontestata. Dan jaqra kif ġej:

“[Ir-rikorrenti] iddikjarat li [hija] kellha tingħata dazju individwali fil-kuntest ta’ eżami mill-ġdid dwar produttur-esportatur ġdid skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament Bażiku. Il-Kummissjoni ċaħdet dan l-argument billi enfasizzat li l-Artikolu 11(4) tar-Regolament Bażiku ma jistax iservi bħala bażi legali fejn it-teħid ta’ kampjuni kien użat fl-investigazzjoni inizjali, u li l-bażi legali għat-talba kienet l-Artikolu 3 tar-regolament [Definittiv].” (traduzzjoni mhux uffiċjali)

51      Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-użu, mill-Kummissjoni, tal-proċedura prevista fl-Artikolu 3 tar-Regolament Definittiv minflok dik prevista fl-Artikolu 11(4) tar-Regolament Bażiku jkollha konsegwenzi negattivi. Fil-fatt, anki jekk l-Artikolu 5(10) tar-Regolament Bażiku (li sar l-Artikolu 5(10) tar-Regolament 2016/1036), li jipprevedi l-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ ftuħ ta’ investigazzjoni antidumping, kien japplika, skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament Bażiku, fil-kuntest tal-proċeduri ta’ eżami mill-ġdid, l-ebda avviż ta’ ftuħ ta’ proċedura ta’ eżami mill-ġdid ma ġie ppubblikat f’dan il-każ, tant li l-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 6(7) tar-Regolament Bażiku (li sar l-Artikolu 6(7) tar-Regolament 2016/1036), jiġifieri l-importaturi u l-Gvern Ċiniż, ma setgħux jintervjenu fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva. Madankollu, il-Gvern Ċiniż seta’ jippreżenta informazzjoni ta’ natura li tikkonferma li r-rikorrenti kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha biex tibbenefika mill-istatus ta’ produttur-esportatur ġdid kif stipulat fl-Artikolu 3 tar-Regolament Definittiv.

52      Xejn ma jiġġustifika li, fil-każ ta’ teħid ta’ kampjuni fil-kuntest tal-investigazzjoni inizjali, il-partijiet terzi interessati ma għandhomx id-dritt li jintervjenu fi proċedura ta’ eżami mill-ġdid abbażi tal-istatus ta’ produttur-esportatur ġdid, waqt li huma mistiedna jagħmlu dan fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 11(4) tar-Regolament Bażiku. Dan huwa iktar u iktar il-każ minħabba li l-Kummissjoni kienet aċċettat li l-kriterji għall-għoti ta’ status ta’ produttur-esportatur ġdid kienu, essenzjalment, identiċi kemm fir-rigward ta’ investigazzjoni segwita skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament Bażiku jew investigazzjoni segwita skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Definittiv. L-applikanti għall-istatus ta’ produttur-esportatur ġdid, kif stipulat fl-Artikolu 3 tar-Regolament Definittiv, jiġu b’hekk iddiskriminati meta mqabbla ma’ dawk li jitolbu dan l-istatus skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament Bażiku. Ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tar-Regolament Bażiku (li sar ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tar-Regolament 2016/1036) ma jkunx jikkostitwixxi lex specialis meta mqabbel mal-Artikolu 11(5) tar-Regolament Bażiku.

53      Fir-replika, ir-rikorrenti ssostni li l-prattika tal-Kummissjoni, implimentata wkoll fid-deċiżjoni kkontestata, meħuda fuq il-bażi tal-Artikolu 3 tar-Regolament Definittiv, u li tikkonsisti f’li jiġu informati l-partijiet interessati kollha msemmija fl-Artikolu 5(11) tar-Regolament Bażiku (li sar l-Artikolu 5(11) tar-Regolament 2016/1036) u l-Artikolu 6(7) tar-Regolament Bażiku, imur kontra l-Artikolu 6.1 tal-Ftehim Antidumping.

54      Fir-rigward tal-Artikolu 9.5 tal-Ftehim Antidumping, dan huwa traspost fid-dritt tal-Unjoni permezz tal-Artikolu 11(4) tar-Regolament Bażiku, li jirriproduċih kważi testwalment. Fir-rigward għalhekk tal-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ta’ obbligu assunt fil-kuntest tad-dritt tad-WTO, ikun ta’ effett dirett fid-dritt tal-Unjoni. Madankollu, l-Artikolu 9.5 tal-Ftehim Antidumping ma jippermettix li jiġi applikat trattament derogatorju għall-kumpaniji skont l-inklużjoni tagħhom fil-kampjun jew le. Dan japplika għal kull produttur-esportatur ġdid.

55      Barra minn hekk, anki l-kumpanniji li ma nżammux fil-kampjun għandhom id-dritt, kemm bis-saħħa tal-Artikolu 17(3) tar-Regolament Bażiku kif ukoll tal-Artikolu 6.10.2 tal-Ftehim Antidumping, li huwa b’effett dirett fid-dritt tal-Unjoni, għal eżami individwali u ma għandhomx għalhekk jingħataw rata ta’ dazju antidumping stabbilit billi jużaw l-ogħla tal-marġni ta’ dumping konstatati għal prodott rappreżentattiv ta’ produttur-esportatur li kkoopera, jiġifieri 69.7 %. Peress li r-rikorrenti kienet l-unika esportatur li talbet l-istatus ta’ produttur-esportatur ġdid u li r-raġunijiet għall-użu ta’ kampjuni kienu għebu, il-Kummissjoni kien missha tagħtiha eżami individwali.

56      Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

57      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li l-argument tar-rikorrenti huwa intiż, fis-sustanza, li jikkunsidra li d-deċiżjoni kkontestata hija kuntrarja għall-Artikolu 11(4) u (5) tar-Regolament Bażiku u l-Artikolu 9.5 tal-Ftehim Antidumping, sa fejn l-investigazzjoni li tkun wasslet għall-adozzjoni tiegħu ma saritx pubblika permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ ftuħ f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

58      Issa, hekk kif issostni l-Kummissjoni, id-deċiżjoni kkontestata ma setgħetx tiġi adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 11(4) tar-Regolament Bażiku. Fil-fatt, jirriżulta mir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tar-Regolament Bażiku li d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu ma għandhomx japplikaw fejn id-dazji jkunu ġew imposti taħt l-Artikolu 9(6) tal-istess regolament, jiġifieri meta, fl-investigazzjoni inizjali, l-istituzzjonijiet użaw il-kampjuni, kif ġara f’dan il-każ.

59      Għaldaqstant, l-Artikolu 11(5) tar-Regolament Bażiku, li jittrasponi biss il-proċeduri ta’ eżami mill-ġdid skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament Bażiku (li sar l-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 2016/1036) u l-Artikolu 11(3) u (4) tar-Regolament Bażiku d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Bażiku rigward proċeduri u t-twettiq ta’ investigazzjonijiet, fosthom l-Artikolu 5(10) u (11) tar-Regolament Bażiku u l-Artikolu 6(7) ta’ dan l-istess regolament, ma huwiex applikabbli fil-kuntest ta’ investigazzjoni bbażata fuq l-Artikolu 3 tar-Regolament Definittiv.

60      Ir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jeskludi l-applikazzjoni tal-ewwel sat-tielet subparagrafi tal-Artikolu 11(4) tar-Regolament Bażiku (li saru l-ewwel sat-tielet subparagrafi tal-Artikolu 11(4) tar-Regolament 2016/1036) fil-każ ta’ teħid ta’ kampjuni fil-kuntest tal-investigazzjoni inizjali, kif ukoll l-applikazzjoni tal-Artikolu 11(5) tal-istess regolament għal eżamijiet mill-ġdid oħra għajr dawk previsti fl-Artikolu 11(2) sa (4) tar-Regolament Bażiku, huwa kkonfermat min-nuqqas ta’ emenda ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, wara l-istabbiliment, tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 285/97, tas-17 ta’ Frar 1997, li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 738/92 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ ħjut tal-qoton li joriġinaw mill-Brażil u mit-Turkija (ĠU 1997, L 48, p. 1), u tal-prassi tal-Kunsill u tal-Kummissjoni li jagħtu, taħt ċerti kundizzjonijiet, lill-produtturi-esportaturi ġodda l-marġni ta’ dumping ikkalkolat skont l-Artikolu 9(6) tar-Regolament Bażiku.

61      Barra minn hekk, huwa stabbilit li r-rikorrenti talbet l-applikazzjoni tal-Artikolu 3 tar-Regolament Definittiv u li ġiet debitament informata dwar ir-rata ta’ dazju anti-dumping li kienet applikata f’każ ta’ riżultat pożittiv tal-investigazzjoni in kwistjoni.

62      Id-Deċiżjoni kkontestata ġiet adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 3 tar-Regolament Definittiv, li jistabbilixxi proċedura partikolari ta’ estensjoni tar-rata ta’ dazju antidumping ta’ 30.6 %, applikabbli għall-produtturi li kkooperaw iżda li mhumiex inklużi fil-kampjun, għall-operaturi li juru, permezz ta’ tliet kundizzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni, li huma produtturi esportaturi ġodda. Issa, l-Artikolu 3 tar-Regolament Definittiv ma jipprovdix għall-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ ftuħ ta’ investigazzjoni ta’ eżami mill-ġdid, jew saħansitra n-notifika tal-ftuħ tiegħu lil partijiet interessati oħra fis-sens ta’ l-Artikolu 5(10) u (11), u tal-Artikolu 6(7) tar-Regolament Bażiku.

63      Sa fejn ir-rikorrenti ssostni fir-replika li l-prattika tal-Kummissjoni, implimentata wkoll fid-deċiżjoni kkontestata, meħuda fuq il-bażi tal-Artikolu 3 tar-Regolament Definittiv, u li tikkonsisti f’li ma jiġux informati l-partijiet interessati kollha msemmija fl-Artikolu 5(11) u fl-Artikolu 6(7) tar-Regolament Bażiku, tmur kontra l-Artikolu 6.1 tal-Ftehim Antidumping, għandu jiġi kkonstatat li dan huwa argument ġdid, imqajjem għall-ewwel darba fl-istadju tar-replika. Madankollu, kif ir-rikorrenti, essenzjalment, sostniet matul is-seduta, jikkostitwixxi amplifikazzjoni tal-argumenti l-oħra mressqa fil-kuntest tar-rikors li huma intiżi li jikkritikaw in-nuqqas ta’ pubblikazzjoni ta’ avviż tal-ftuħ tal-proċedura ta’ eżami mill-ġdid inkwistjoni u l-assenza ta’ informazzjoni lill-partijiet interessati kollha. Dan l-argument huwa, għaldaqstant, ammissibbli. F’dak li jirrigwarda l-fondatezza ta’ dan l-argument, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 6.1 tal-Ftehim Antidumping, li jgħid li “il-partijiet kollha interessati f’investigazzjoni antidamping għandhom jiġu notifikati dwar l-informazzjoni li l-awtoritajiet jinħtieġu u jingħataw ħafna opportunitajiet sabiex jippreżentaw bil-miktub l-evidenza kollha li huma jqisu bħala rilevanti fir-rigward tal-investigazzjoni in kwistjoni”, huwa traspost fid-dritt tal-Unjoni permezz tal-Artikolu 5(10) tar-Regolament Bażiku. Issa, diġà ġie deċiż fil-punt 59 hawn fuq li l-Artikolu 11(5) tar-Regolament Bażiku, li jittrasponi biss għall-proċeduri ta’ eżami mill-ġdid previsti fl-Artikolu 11(2) sa (4) tar-Regolament Bażiku d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Bażiku rigward proċeduri u t-twettiq ta’ investigazzjonijiet, li l-Artikolu 5(10) tar-Regolament Bażiku mhuwiex applikabbli fil-kuntest ta’ investigazzjoni bbażata fuq l-Artikolu 3 tar-Regolament Definittiv.

64      Fit-tieni lok, sa fejn ir-rikorrenti tqis, essenzjalment, li d-deċiżjoni kkontestata tmur kontra l-Artikolu 9.5 tal-Ftehim Antidumping, sa fejn l-Artikolu 11(4) tar-Regolament Bażiku huwa stess imur kontra din id-dispożizzjoni, minħabba li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ eżami mill-ġdid li huwa jipprevedi sitwazzjonijiet fejn l-istituzzjonijiet użaw kampjuni fl-investigazzjoni inizjali, fatt li kien obbliga lill-Kummissjoni tuża l-Artikolu 3 tar-Regolament Definittiv, jeħtieġ, hekk kif issostni l-Kummissjoni, li jiġi vverifikat, l-ewwel nett, jekk l-Artikolu 9.5 tal-Ftehim Antidumping huwa effett dirett fl-ordni legali tal-Unjoni.

65      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, għalkemm il-formulazzjoni tal-ewwel sat-tielet subparagrafi tal-Artikolu 11(4) tar-Regolament Bażiku huwa, bl-eċċezzjoni tat-tielet kundizzjoni marbuta mal-eżistenza ta’ esportazzjonijiet ta’ wara l-perijodu ta’ investigazzjoni inizjali, analogu mal-kliem tal-Artikolu 9.5 tal-Ftehim Antidumping, l-Artikolu 11(4) tar-Regolament Bażiku timplika wkoll ir-raba’ paragrafu li jgħid li dan l-Artikolu ma japplikax fejn id-dazji jkunu ġew imposti taħt l-Artikolu 9(6) tal-istess regolament, jiġifieri ladarba l-istituzzjonijiet, fil-kuntest tal-investigazzjoni inizjali, użaw kampjun. Din l-eċċezzjoni għandha l-għan li ma jitqiegħdux il-produtturi-esportaturi ġodda f’sitwazzjoni proċedurali iktar favorevoli minn dawk li kkooperaw fl-investigazzjoni oriġinali iżda ma ġewx inklużi fil-kampjun. Dan it-tħassib mhuwiex meqjus fil-Ftehim Antidumping. B’hekk ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tar-Regolament Bażiku jikkostitwixxi l-espressjoni tar-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jadotta, f’dan il-qasam, approċċ partikolari għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Minn dan isegwi li l-imsemmija dispożizzjoni ma tistax titqies li hija miżura intiża li tiżgura fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni t-twettiq ta’ obbligu partikolari assunt fil-kuntest tad-WTO. Il-leġiżlatur tal-Unjoni eżerċita l-kompetenza leġiżlattiva tiegħu, f’dak li jikkonċerna l-kundizzjonijiet ta’ ftuħ ta’ eżami mill-ġdid għall-produtturi-esportaturi ġodda, billi qies li approċċ proprju għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u, għaldaqstant, ir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jimplimenta, permezz tal-adozzjoni tal-Artikolu 11(4) tar-Regolament Bażiku, l-obbligi partikolari li jinkludu l-Artikolu 9.5 tal-Ftehim Antidumping ma tistax tiġi stabbilita (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, il-Kummissjoni vs Rusal Armenal, C‑21/14 P, EU:C:2015:494, punti 48, 50 u 53). Minn dan isegwi li l-Artikolu 9.5 tal-Ftehim Antidumping ma għandux effett dirett fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

66      It-tielet nett, peress li l-għanijiet tal-investigazzjoni mwettqa skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Definittiv huma iktar limitati minn dawk tal-investigazzjoni li twettqet skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament Bażiku, huwa ġġustifikat li numru iżgħar ta’ persuni jiġi infurmat bil-ftuħ ta’ investigazzjoni skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Definittiv. Filwaqt li l-investigazzjoni mwettqa skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament Bażiku għandha l-għan li tiddetermina mhux biss jekk l-operatur ikkonċernat huwa produttur-esportatur ġdid, iżda wkoll, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għal din l-ewwel domanda, il-marġni tiegħu ta’ dumping individwali, l-investigazzjoni mwettqa skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Definittiv għandha biss l-għan li tivverifika jekk l-operatur inkwistjoni huwa produttur-esportatur ġdid. Matul din l-investigazzjoni, dan għandu juri li huwa ma esportax il-prodotti msemmija fl-Artikolu 1(1) tar-Regolament Definittiv, li joriġinaw miċ-Ċina matul il-perijodu ta’ investigazzjoni inizjali, li mhuwiex relatat ma’ esportatur jew produttur suġġett għall-miżuri imposti minn dan ir-regolament u li effettivament esporta l-oġġetti kkonċernati jew daħal f’obbligu kuntrattwali irrevokabbli li jesporta kwantità sinjifikanti lejn l-Unjoni wara t-tmiem tal-perijodu ta’ investigazzjoni inizjali. Peress li dawn il-kondizzjonijiet rigward is-sitwazzjoni proprja tal-operatur inkwistjoni, huwa, evidentement, dan tal-aħħar, bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe parti terz, li jinsab fl-aħjar pożizzjoni biex jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa.

67      Fir-raba’ lok, u fi kwalunkwe każ, anki jekk jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni kienet marbuta, fil-kuntest tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, permezz tal-Artikolu 5(10) u (11), u tal-Artikolu 6(7) tar-Regolament Bażiku, irregolarità ta’ proċedura twassal għall-annullament ta’ deċiżjoni sħiħa jew ta’ parti minnha biss jekk jiġi stabbilit li, fl-assenza tagħha, id-deċiżjoni kkontestata setgħet kellha kontenut differenti (digriet tal-24 ta’ Settembru 2007, Torres vs UASI u Bodegas Muga (C-405/06 P, mhux ippubblikat, EU:C:2007:546, punt 29; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ Ottubru 1980, van Landewyck et vs Il-Kummissjoni, 209/78 sa 215/78 u 218/78, mhux ippubblikata, EU:C:1980:248, punt 47, u tas-6 ta’ Frar 2013, Bopp vs UASI (Rappreżentazzjoni ta’ qafas ottagonali aħdar), T-263/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:61, punt 49).

68      Hija l-parti li tinvoka din l-irregolarità proċedurali li għandha turi li, fl-assenza tagħha, id-deċiżjoni kkontestata setgħet kellha kontenut differenti.

69      Fir-rikors, ir-rikorrenti indikat li, f’dan il-każ, l-importaturi u, fuq kollox, il-Gvern Ċiniż setgħu jikkummentaw favur ir-rikorrenti u, probabbilment għamluh. Hija mbagħad tenniet kemm-il darba l-konstatazzjoni li l-Gvern Ċiniż intervjena insostenn tar-rikorrenti fil-proċedura amministrattiva jekk kien ġie informat u li b’mod partikolari kien ipprovda informazzjoni ta’ natura li tikkjarifika lill-Kummissjoni. Fl-aħħar nett, fir-replika, ir-rikorrenti sostniet li l-ebda assoċjazzjoni ta’ esportaturi, ta’ importaturi jew konsumaturi u li l-ebda kummerċjant, u li lanqas il-pubbliku, ma kienu informati u li, konsegwentement, l-ipoteżi tal-intervent tagħhom fil-proċedura amministrattiva ma tistax tiġi eskluża.

70      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-Gvern Ċiniż irċieva d-dokument ta’ informazzjoni ġenerali, iżda ma ppreżenta l-ebda osservazzjoni f’dan ir-rigward u inqas ukoll data preċiża. Dwar il-Kamra tal-Kummerċ Internazzjonali taċ-Ċina, ma huwiex ikkontestat li wieħed mir-rappreżentanti tagħha waqt is-seduta għamel dikjarazzjoni ġenerali f’isem ir-rikorrenti, iżda ma pprovda ebda preċiżjoni dwar il-mertu tal-kawża. F’dak li jirrigwarda l-assoċjazzjonijiet tal-esportaturi, tal-importaturi jew tal-konsumaturi, il-kummerċjanti u l-pubbliku, ir-rikorrenti bl-ebda mod ma indikat kif eżattament dawn setgħu jikkompletaw l-informazzjoni li l-Kummissjoni kienet ikkonstatat fin-nuqqas fil-fajl tar-rikorrenti jew tiċċara dawk li l-Kummissjoni kienet tqies bħala kontradittorji. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma għamlitx użu mill-possibbiltà li hija kellha, skont l-Artikoli 91 sa 102 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li titlob li r-rappreżentanti ta’ dawn l-assoċjazzjonijiet jiġu msemmija quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex jikkonfermaw l-allegazzjonijiet tagħha (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il-Kummissjoni, C-413/14 P, EU:C:2017:632, punt 101).Barra minn hekk, kif ġie indikat fil-punt 66 iktar ’il fuq, peress li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3 tar-Regolament Definittiv ittrattaw is-sitwazzjoni proprja tal-operatur in kwistjoni, din hija b’mod ċar dan tal-aħħar li jinsab fl-aħjar pożizzjoni biex jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa, bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe parti terza.

71      Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma kinitx f’pożizzjoni li tistabbilixxi li, fin-nuqqas tal-irregolarità proċedurali allegat, id-deċiżjoni kkontestata seta’ kellha kontenut differenti.

72      Fil-ħames lok, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, l-Artikolu 17(3) tar-Regolament Bażiku u l-Artikolu 6.10.2 tal-Ftehim Antidumping, li jipprevedu l-possibbiltà li produttur-esportatur mhux fil-kampjun li jitlob l-eżami individwali sabiex jikseb marġni ta’ dumping individwali, mhumiex dispożizzjonijiet rilevanti f’dan il-każ. Kif issostni, essenzjalment, l-intervenjenti, din hija regola speċjali, jiġifieri tal-ewwel sat-tielet subparagrafi tal-Artikolu 11(4) tar-Regolament Bażiku, li tipprevedi, fil-qasam ta’ eżami mill-ġdid ta’ produttur-esportatur ġdid, il-possibbiltà ta’ determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping individwali. Madankollu, kif diġà ġie indikat hawn fuq, ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 11(4) ta’ dan ir-regolament jipprevedi eċċezzjoni għal din ir-regola fil-każ ta’ teħid ta’ kampjuni fil-kuntest tal-investigazzjoni inizjali.

73      Fis-sitt lok, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, ma hemm l-ebda diskriminazzjoni bejn l-operaturi li jitolbu status ta’ produttur-esportatur ġdid abbażi tal-Artikolu 3 tar-Regolament Definittiv, meta mqabbla ma’ dawk li jistgħu jitolbuh skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament Bażiku. Fil-fatt, l-Artikolu 3 tar-Regolament Definittiv u r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tar-Regolament Bażiku jiggarantixxi li, fil-każ ta’ teħid ta’ kampjuni, minn naħa, il-produtturi-esportaturi ġodda ma jingħatawx trattament proċedurali preferenzjali meta mqabbla ma’ produtturi-esportaturi li kkooperaw fl-investigazzjoni inizjali, iżda mhux inklużi fil-kampjun, u, min-naħa l-oħra, huma jistgħu jibbenefikaw mill-istess rati antidumping bħal dawn tal-aħħar. B’hekk, kull differenza fit-trattament bejn it-tipi ta’ produtturi-esportaturi żvelati mir-rikorrenti huwa inerenti għall-użu tat-teknika ta’ teħid ta’ kampjuni, skont l-Artikolu 17 tar-Regolament Bażiku. Issa, ir-rikorrenti ma qajmitx eċċezzjoni ta’ illegalità ta’ din id-dispożizzjoni fid-dawl tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

74      Minn dan isegwi li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni

75      Ir-rikorrenti tindika li, reċentement, fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2179 tal-25 ta’ Novembru 2015 li jagħti bidu għal reviżjoni ta’ Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 102/2012 li jimponi dazju definittiv anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ħbula u kejbils tal-azzar li joriġinaw, fost l-oħrajn, fir-Repubblika tal-Poplu Popolari taċ-Ċina, kif estiż għall-importazzjonijiet ta’ ħbula u kejbils tal-azzar ikkunsinnati mir-Repubblika tal-Korea, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw fir-Repubblika tal-Korea kemm jekk le għall-finijiet li tiġi ddeterminata l-possibbiltà li tingħata eżenzjoni minn dawk il-miżuri lil esportatur Korean wieħed, li jirrevoka d-dazju anti-dumping dwar l-importazzjonijiet minn dak l-esportatur u li l-importazzjonijiet minn dak l-esportatur jagħmilhom suġġetti għar-reġistrazzjoni (ĠU 2015, L 309, p. 3), il-Kummissjoni korrettament applikat għal produttur-esportatur Korean id-dispożizzjoni tar-Regolament Bażiku dwar esportaturi ġodda, jiġifieri l-Artikolu 11(4) tar-Regolament Bażiku. Mill-premessi 6 sa 13 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2179 jirriżulta li l-produttur-esportatur inkwistjoni kellu jipprovdi biss provi li juru prima facie li huwa jissodisfa t-tliet kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 11(4) tar-Regolament Bażiku, li l-Kummissjoni sussegwentement eżentat l-importazzjonijiet kollha mwettqa minn dan l-esportatur Korean mid-dazji kollha antidumping waqt l-imsemmija investigazzjoni u li hija kienet stiednet lill-partijiet terzi interessati biex jagħtu l-fehmiet tagħhom. Barra minn hekk, il-proċedura li twassal għall-adozzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2179 kien dam biss xahrejn.

76      Issa, f’dan il-każ, trattament diskriminatorju ġie rriżervat lir-rikorrenti minħabba l-użu ta’ kampjunaġġ fl-investigazzjoni oriġinali u, għaldaqstant, għall-proċedura prevista fl-Artikolu 3 tar-Regolament Definittiv. Hija kienet, bħall-produttur-esportatur Korean, ipprovdiet fit-talba tagħha ta’ Settembru 2013 biżżejjed provi prima facie, iżda ma kinitx tibbenefika minn eżenzjoni matul l-investigazzjoni in kwistjoni u kellha tistenna iktar minn sentejn u nofs għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni. Barra minn hekk, fir-replika, ir-rikorrenti ssostni li, kuntrarjament għal dak li huwa previst fl-Artikolu 16(2) tar-Regolament Bażiku (li sar l-Artikolu 16(2) tar-Regolament 2016/1036), il-Kummissjoni ma fittxitx, fil-kawża li wasslet għar-Regolament ta’ Implementazzjoni 2015/2179, li tikkompleta l-informazzjoni li kienet ġiet pprovduta mir-rikorrenti permezz ta’ żjara fuq il-post.

77      Peress li hija kienet suġġetta għal dazji antidumping li kienu jammontaw għal 69.7 % tul l-investigazzjoni inkwistjoni, li damet iktar minn sentejn u nofs, sar impossibbli għar-rikorrenti li tiżviluppa l-attivitajiet tagħha fi ħdan l-Unjoni, liema fatt wassal għal konsegwenzi ekonomiċi serji ħafna.

78      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

79      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, billi tirreferi għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2179, li jiftaħ għal eżami mill-ġdid tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 102/2012 tas-27 ta’ Jannar 2012 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ ħbula u kejbils tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u mill-Ukraina kif estiż għal importazzjonijiet ta’ ħbula u kejbils tal-azzar mibgħutin mill-Marokk, mill-Moldova u mir-Repubblika tal-Korea, sew jekk iddikjarati bħala li joriġinaw minn dawn il-pajjiżi u sew jekk le, wara reviżjoni tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament Bażiku u li ttemm il-proċediment tar-reviżjoni tal-iskadenza li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ ħbula u kejbils tal-azzar li joriġinaw mill-Afrika t’Isfel skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament Bażiku (ĠU 2012, L 36, p. 1), ir-rikorrenti ssostni li hija ġiet iddiskriminata fid-dawl tal-produttur-esportatur Korean ikkonċernat minn din il-proċedura. Hija ssostni, essenzjalment, li, kuntrarjament għal dak li kien il-każ fil-proċedura li wasslet għall-adozzjoni ta’ dak ir-regolament tal-ftuħ, il-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma saritx pubblika permezz ta’ avviż ta’ ftuħ, jew saħansitra il-partijiet ikkonċernati ma ġewx innotifikati, li l-investigazzjoni inkwistjoni ħadet wisq fit-tul, li hija ma bbenefikat minn ebda sospensjoni tad-dazji antidumping fis-seħħ matul din l-investigazzjoni u li l-livell ta’ prova li hija kellha tipproduċi kien ogħla.

80      Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rispett tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jew ta’ nondiskriminazzjoni jeħtieġ li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2007, Asda Stores, C-372/06, EU:C:2007:787, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

81      Issa, hekk kif issostni l-Kummissjoni, is-sitwazzjonijiet li jikkaratterizzaw iż-żewġ kawżi mqabbla mir-rikorrenti huma differenti, b’mod li diskriminazzjoni ma tiġix kkonstatata.

82      Fil-fatt, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti talbet l-istatus ta’ produttur-esportatur ġdid kif previst fl-Artikolu 3 tar-Regolament Definittiv. Min-naħa l-oħra, il-produttur-esportatur Korean imsemmi mir-rikorrenti talab li jiġi inkluż fil-lista ta’ produtturi-esportaturi li jibbenefikaw minn eżenzjoni mill-ħlas tad-dazji antidumping, kif estiżi għall-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat ikkunsinnati mir-Repubblika tal-Korea, skont il-ħames subparagrafu tal-Artikolu 13(4) tar-regolament Bażiku (li sar il-ħames subparagrafu tal-Artikolu 13(4) tar-Regolament 2016/1036), li jirreferi għall-applikazzjoni ta’ dan il-paragrafu għall-Artikolu 11(4) tar-Regolament Bażiku, f’dak li jikkonċerna l-impriżi li jitolbu l-eżenzjoni mid-dazji antidumping wara l-adozzjoni ta’ regolament ta’ estensjoni ta’ dazji antidumping. Issa, fil-kuntest ta’ tali proċedura, ma huwiex suffiċjenti li jiġi pprovat li huma sodisfatti l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 11(4) tar-Regolament Bażiku. L-impriża inkwistjoni għandha turi wkoll, li skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(4) tar-Regolament Bażiku (li sar it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(4) tar-Regolament 2016/1036), li ma tkunx involuta fi prattiki ta’ ċirkomvenzjoni. Barra minn hekk, hija r-raġuni għalfejn il-premessi 6 u 8 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2179 jippreċiżaw li l-produttur-esportatur Korean pprovda biżżejjed provi prima facie li ma evitax il-miżuri applikabbli għall-prodott in kwistjoni fl-imsemmija kawża. Il-firxa ta’ dan it-tip ta’ investigazzjoni hija għalhekk ikbar minn dik tal-investigazzjoni prevista fl-Artikolu 3 tar-Regolament Definittiv.

83      It-tieni nett, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2179 ma tax l-eżenzjoni mitluba mill-produttur-esportatur Korean, iżda biss fetaħ l-investigazzjoni inkwistjoni. Għalhekk, il-fatt li l-Kummissjoni llimitat ruħha, f’dan l-istadju tal-proċedura ta’ eżenzjoni, għal provi li dak il-produttur esportatur Korean kien, prima facie, jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa ma jfissirx li din l-impriża kienet suġġetta għal grad ta’ prova iktar baxx minn dak impost fuq ir-rikorrenti. Dan ifisser biss li l-provi rrapportati minn din l-impriża kienu konklużivi biżżejjed biex tinfetaħ l-imsemmija investigazzjoni, li l-għan tagħha kien li jiġi kkonfermat b’mod definittiv l-allegazzjonijiet tagħha. Barra minn hekk, għalkemm ir-rikorrenti ssostni b’mod ripetut li l-istatus ta’ produttur-esportatur ġdid kellu jingħata lilha, peress li hija kienet ipproduċiet provi li juru prima facie li hija kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa, ma hemm xejn fl-Artikolu 3 tar-Regolament Definittiv, u wisq inqas fl-Artikolu 11(4) tar-Regolament Bażiku ma jħalli x’jinftiehem li huwa biżżejjed li l-impriża kkonċernata tipproduċi tali provi biex tissodisfa l-oneru tal-prova tagħha. Fiż-żewġ każijiet, il-leġiżlatur ippreveda li hija l-impriża kkonċernata permezz tal-istatus ta’ produttur-esportatur ġdid li għandha turi li l-kundizzjonijiet meħtieġa huma ssodisfatti.

84      Fit-tielet lok, b’kuntrast mal-investigazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament Definittiv, peress li din wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 102/2012 ma kinitx tinkludi l-użu ta’ teħid ta’ kampjuni, tant li l-użu tal-ewwel sat-tielet subparagrafi tal-Artikolu 11(4) tar-Regolament Bażiku kien possibbli għall-produttur-esportatur Korean. Issa, diġà ġie deċiż fil-kuntest tal-ewwel motiv li ma jistax jiġi konkluż li hemm diskriminazzjoni minħabba l-impossibbiltà għall-produtturi-esportaturi ġodda li jiksbu eżami mill-ġdid fuq il-bażi tal-Artikolu 11(4) tar-Regolament Bażiku jekk intuża t-teħid ta’ kampjuni fl-investigazzjoni inizjali u li jistgħu biss, konsegwentement, jingħataw ir-rata ta’ dazju antidumping applikabbli għall-produtturi-esportaturi li kkooperaw, iżda li mhux inklużi fil-kampjun.

85      Fir-raba’ lok, l-istess japplika għall-kwistjoni tad-diverġenzi dwar in-notifika ta’ ftuħ tal-investigazzjoni lill-partijiet ikkonċernati, li jvarja skont l-użu jew tal-Artikolu 3 tar-Regolament Definittiv, jiġifieri fl-Artikolu 11(4) tar-Regolament Bażiku, u li tiddependi wkoll fuq l-użu ta’ kampjuni fl-investigazzjoni inizjali.

86      Fil-ħames lok, peress li l-investigazzjoni miftuħa permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2179 hija mwettqa abbażi wkoll tal-Artikolu 11(4) tar-Regolament Bażiku, din għandha tkun akkumpanjata, skont it-tielet subparagrafu, mill-eżenzjoni mid-dazji antidumping fis-seħħ u mir-reġistrazzjoni ta’ importazzjonijiet matul il-perijodu ta’ din l-istess investigazzjoni. Xejn minn dan ma huwa previst fl-Artikolu 3 tar-Regolament Definittiv, li fuqu hija bbażata l-investigazzjoni inkwistjoni.

87      Fis-sitt lok, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti tqabbel il-ħin meħtieġ biex il-Kummissjoni tiftaħ investigazzjoni abbażi tal-Artikolu 13(4) tar-Regolament Bażiku, biż-żmien li tittieħed deċiżjoni fuq il-mertu dwar l-għoti tal-istatus ta’ produttur-esportatur ġdid skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Definittiv. Madankollu, dawn is-sitwazzjonijiet ma humiex paragunabbli. Barra minn hekk, iż-żewġ kawżi jiddistingwu ruħhom permezz tan-natura li tissodisfa il-fajl tal-produttur-esportatur Korean, għall-kuntrarju għall-fajl insuffiċjentement ddokumentat tar-rikorrenti, kif ukoll mill-fatt li r-rikorrenti kienet inizjalment talbet eżami mill-ġdid intermedju abbażi tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament Bażiku u li, għal ċertu perijodu, kien hemm dubju dwar liema tip ta’ eżami mill-ġdid mixtieq minn din tal-aħħar jew l-ordni ta’ prijorità li fiha t-talbiet tagħha għal eżami mill-ġdid intermedju u tal-għoti ta’ status ta’ produttur-esportatur ġdid kellhom jiġu eżaminati.

88      Fis-seba’ lok, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 16(2) tar-Regolament Bażiku u imqajjem għall-ewwel darba fir-replika, għandha tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tiegħu. Meta ġiet mistoqsija dwar dan waqt is-seduta, ir-rikorrenti ma xtaqitx tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha. Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, sostniet li l-imsemmi argument kien jikkostitwixxi motiv ġdid, tant li għandu jiġi ddikjarat inammissibbli. F’dan ir-rigward, għalkemm huwa minnu li r-rikorrenti tilmenta fir-rikors li l-Kummissjoni ma wettqitx żjara waħda fuq il-post, ma jirriżultax b’mod ċar li dan kien motiv ta’ annullament minflok kumment ġenerali. Għalhekk huwa biss fl-istadju tar-replika li r-rikorrenti allegat għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali l-ksur tad-dispożizzjoni msemmija hawn fuq. Għaldaqstant, dan huwa motiv ġdid, u għalhekk inammissibbli.

89      Fi kwalunkwe każ, huwa biżżejjed li jiġi osservat li l-Artikolu 16(2) tar-Regolament Bażiku, dwar żjarat ta’ verifika, jipprovdi li, “[i]l-Kummissjoni tista’ tagħmel investigazzjonijiet f’pajjiżi terzi kif meħtieġ”. B’hekk, anki f’każ ta’ xi dubju dwar l-informazzjoni li tinsab fil-fajl ta’ produttur esportatur, il-Kummissjoni ma għandhiex l-obbligu li twettaq verifiki fuq il-post, kif barra minn hekk sostniet waqt is-seduta. Ir-rikorrenti ma tirreferi għal ebda obbligu f’dan is-sens fuq il-Kummissjoni. Dan huwa iktar u iktar il-każ fil-kuntest tal-eżamijiet mill-ġdid, sa fejn l-oneru tal-prova tas-sodisfazzjoni tal-kundizzjonijiet previsti hija bbażata b’mod ċar fuq l-operatur li jitlob l-għoti tal-istatus ta’ produttur-esportatur ġdid, kemm jekk bis-saħħa tal-Artikolu 11(4) tar-Regolament Bażiku jew bis-saħħa tal-Artikolu 3 tar-Regolament Definittiv.

90      Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti ma hijiex ġustifikata ssostni li hija kienet il-vittma ta’ diskriminazzjoni, tant li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Dwar it-tielet motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti

91      Permezz tat-tielet motiv tagħha, ir-rikorrenti tikkritika l-premessi 11, 12 u 16 tad-deċiżjoni kkontestata. Dawn huma fformulati kif ġej:

“(11)      Fir-rigward tal-kriterju (b), jiġifieri li [r-rikorrenti] mhijiex [marbuta] ma’ esportatur jew ma’ produttur li huwa suġġett għall-miżuri antidumping imposti mir-regolament inizjali, Foshan Lihua iddikjarat, fir-risposta tagħha għall-kwestjonarju, li hija kienet tikkonsisti fi grupp ta’ sitt kumpaniji marbutin. Iż-żewġ risposti għal talbiet ta’ informazzjoni addizzjonali żvelaw l-eżistenza ta’ żewġ kumpaniji oħra marbutin li ma kinux imsemmija fir-risposta għall-kwestjonarju. Madankollu, ma ġiex ippreċiżat fir-risposti f’liema data dawn iż-żewġ kumpanniji kienu ġew stabbiliti u jekk dawn kienu investew f’entitajiet legali oħra.

(12)      Wara l-komunikazzjoni tal-konklużjonijiet, Foshan Lihua iddikjarat li dawn iż-żewġ kumpanniji ma kinux inklużi fir-risposta inizjali minħabba li ma kienux jipproduċu jew ma kienux ibiegħu l-prodott ikkonċernat u kienu temmew l-attivitajiet tagħhom. Madankollu, il-kumpanija ma pproduċietx provi addizzjonali biżżejjed biex tissostanzja dawn l-affermazzjonijiet, b’mod partikolari dwar l-eżistenza u l-attivitajiet tal-kumpannija ta’ investiment tagħha bbażata f’Ħong Kong.

[…]

(16)      [Ir-rikorrenti] sostniet li matul il-perijodu ta’ investigazzjoni [inizjali], żewġ kumpaniji biss fil-grupp kienu attivament involuti fil-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott ikkonċernat: Foshan Lihua timmanifattura l-prodott ikkonċernat u biegħetu esklużivament fis-suq domestiku, minkejja li l-kummerċjant marbut Foshan Henry (iktar ’il quddiem ‘Henry’) esporta l-prodott ikkonċernat lejn pajjiżi oħra, iżda mhux lejn l-Unjoni. Madankollu, il-provi prodotti mi[r-rikorrenti] ma kinux kompluti, peress li r-reġistri tal-bejgħ ta’ Foshan Lihua dwar il-perijodu tal-investigazzjoni [inizjali] ma kien fihom ebda informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tal-kunsinna, l-indirizzi tal-klijenti jew id-destinazzjonijiet u li r-reġistru tal-bejgħ ta’ Foshan Henry ma kien jinkludi ebda ismijiet tal-klijenti għas-sena 2009. Konsegwentement, il-Kummissjoni ma setgħetx tistabbilixxi jekk Foshan Lihua esportat il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perijodu ta’ investigazzjoni [inizjali]. Barra minn hekk, [ir-rikorrenti] ma kkomunikatx ir-reġistri dettaljati tal-bejgħ ta’ Foshan Lihua għas-snin ta’ wara l-perijodu ta’ investigazzjoni [inizjali].”

92      Sa fejn il-premessi 11 u 12 tad-deċiżjoni kkontestata, minn naħa, u l-premessa 16 ta’ din l-istess deċiżjoni, min-naħa l-oħra, jikkonċernaw rispettivament it-tieni u l-ewwel kundizzjoni għall-għoti tal-istatus previst fl-Artikolu 3 tar-Regolament Definittiv, dan il-motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet. Jeħtieġ għaldaqstant li dawn jiġu eżaminati separatament.

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti mwettqa fil-premessi 11 u 12 tad-deċiżjoni kkontestata

93      Fil-premessi 11 u 12 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni essenzjalment tikkritika lir-rikorrenti talli tatha informazzjoni inkompleta dwar l-istruttura tal-grupp u fuq l-attivitajiet tal-kumpanniji li kienu jikkomponuh. Dawn il-motivi jaqgħu taħt l-eżami tat-tieni kundizzjoni ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3 tar-Regolament Definittiv, peress li jittrattaw in-nuqqas ta’ rabta mal-produtturi-esportaturi suġġetti għal dazji antidumping. Il-Kummissjoni kkonstatat b’mod partikolari li, kuntrarjament għall-informazzjoni inizjalment ipprovduta mir-rikorrenti, ir-risposti għat-talbiet ta’ kjarifika wrew li waħda mill-impriżi tal-grupp, jiġifieri Foshan Nanhai Huachangsheng Textile Co. Ltd, kienet proprjetà ta’ żewġ impriżi oħra mhux imsemmija fir-risposta inizjali, jiġifieri Lihua International (HK) Holding Ltd u Foshan Huachang Textile Development Co. Ltd, miżmuma, min-naħa tagħhom, mill-membri tal-unika u l-istess familja u li fir-rigward tagħhom ir-rikorrenti ma kinitx f’pożizzjoni li tistabbilixxi, permezz ta’ provi, id-dati tal-ħolqien, l-attivitajiet preċiżi, li fosthom l-eventwali investiment f’kumpanniji oħra, u l-istatuti attwali.

94      Ir-rikorrenti tikkontesta dawn il-konklużjonijiet u ssostni li hija pprovdiet l-informazzjoni kollha meħtieġa fuq l-organizzazzjoni interna tal-kumpanniji kif ukoll fuq il-grupp tagħhom fl-ittri tal-11 ta’ Diċembru 2014 u tat-22 ta’ Jannar 2016.

95      Fl-Anness 3 tal-ittra tal-11 ta’ Diċembru 2014, hija kienet diġà indikat, permezz tal-liċenzja tal-operat tagħha, id-data tal-ħolqien ta’ Foshan Nanhai Huachangsheng Textile kif ukoll tal-azzjonisti tagħha.

96      Iż-żewġ kumpaniji skoperti fl-ittra tat-22 ta’ Jannar 2016 kienu attivi fil-produzzjoni tat-tessuti u tal-karta u ma ġewx imsemmija inizjalment, peress li huma ma kellhom l-ebda rabta mal-produzzjoni jew il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott ikkonċernat. B’mod partikolari, ir-rikorrenti informat lill-Kummissjoni f’din l-ittra li Lihua International (HK) Holding kienet attiva fis-settur tat-tessuti u eżistiet bejn l-2006 u l-1 ta’ Jannar 2015 b’għan purament kummerċjali. Din l-ittra kien fiha ukoll sommarju tal-kumpanniji tal-grupp inkwistjoni, bid-dati tal-ħolqien tagħhom.

97      Liċenzji tal-operat mogħtija lill-Kummissjoni u li jidhru fl-Annessi A9 u A 10 tar-rikors indikaw id-dati tal-ħolqien tal-impriżi tal-grupp u n-nuqqas ta’ rabta tagħhom ma’ impriżi oħra.

98      Il-Kummissjoni qatt ma kkontestat li, skont id-dritt Ċiniż, kumpannija li għandha liċenzja operattiva fil-qasam tat-tessuti, tal-karta jew tal-investimenti għandha l-projbizzjoni formali li tipproduċi madum taċ-ċeramika u li tikkummerċjalizzahom b’xi mod, taħt piena li twettaq reat kriminali. Għalhekk, huwa eskluż li dawn il-kumpanniji esportaw madum taċ-ċeramika lejn l-Unjoni matul il-perijodu ta’ investigazzjoni inizjali jew li kienu marbutin ma’ esportaturi ta’ dan il-prodott.

99      Għalhekk ir-rikorrenti hija sorpriża li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq “nuqqas ta’ provi addizzjonali” li l-Kummissjoni ma kienet qatt talbet li tipprovdi.

100    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

101    F’dan ir-rigward, l-Artikolu 3 tar-Regolament Definittiv jipprovdi, essenzjalment, li fejn produttur-esportatur ġdid Ċiniż jipprovdi biżżejjed provi lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi l-ewwel nett li huwa ma esportax il-prodotti kkonċernati matul il-perijodu ta’ investigazzjoni inizjali, it-tieni nett, li mhuwiex marbut ma’ esportatur jew produttur suġġett għall-miżuri imposti mir-Regolament Definittiv u, it-tielet nett, li huwa effettivament esporta l-oġġetti kkonċernati jew daħal f’obbligu kuntrattwali irrevokabbli li jesporta kwantità sinjifikanti lejn l-Unjoni wara t-tmiem tal-perijodu tal-investigazzjoni inizjali, il-Kunsill, peress li jiddeċiedi b’maġġoranza sempliċi fuq proposta tal-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, jemenda l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Definittiv biex japplika għal dan il-produttur ir-rata ta’ 30.6 %, applikabbli għall-produtturi li kkooperaw iżda li mhumiex fil-kampjun.

102    Din id-dispożizzjoni għalhekk tissottometti l-għoti tal-istatus ta’ produttur-esportatur ġdid biex jintwera mill-operatur ikkonċernat li jissodisfa t-tliet kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 101 iktar ’il fuq. Peress li dawn il-kundizzjonijiet huma ta’ applikazzjoni kumulattiva, il-fatt li ma tiġix sodisfatta waħda minnhom għandha bħala konsegwenza r-rifjut għall-għoti ta’ dan l-istatus.

103    Għandu jitfakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li, fil-qasam tal-miżuri ta’ difiża kummerċjali, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa minħabba l-kumplessità ta’ sitwazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u legali li għandhom jeżaminaw. Minn dan jirriżulta li l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni fuq l-evalwazzjonijiet tal-istituzzjonijiet għandu jkun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura, tal-eżattezza materjali tal-fatti kkunsidrati biex issir l-għażla kkontestata, tan-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti jew tan-nuqqas ta’ abbuż ta’ poter. Madankollu, fil-każijiet fejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkollhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa, l-osservanza tal-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi għandha importanza iktar u iktar fundamentali. Fost dawn il-garanziji hemm b’mod partikolari l-obbligu tal-istituzzjoni kompetenti li teżamina, b’akkuratezza u imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ ineżami u d-dritt tal-persuna kkonċernata li tesponi l-opinjoni tagħha kif ukoll dak li tipprovdi motivazzjoni suffiċjenti għad-deċiżjoni (ara s-sentenza tat-28 ta’ Frar 2017, Yingli Energy (China) et vs Il-Kunsill, T-160/14, mhux ippubblikata, EU:T:2017:125, punt 203 u l-ġurisprudenza ċċitata).

104    Huwa fid-dawl ta’ dawn l-elementi li għandu jiġi vverifikat jekk ir-rikorrenti setgħet tipprova li l-Kummissjoni kienet wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti fil-premessi 11 u 12 tad-deċiżjoni kkontestata.

105    Huwa stabbilit li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kundizzjoni li tgħid li l-operatur interessat mill-istatus ta’ produttur-esportatur għandu juri li mhuwiex marbut ma’ esportatur jew ma’ produttur suġġett għall-miżuri imposti bir-Regolament definittiv, il-Kummissjoni talbet fil-kwestjonarju mibgħut lir-rikorrenti tippreżentalha l-kompożizzjoni tal-grupp tagħha, filwaqt li ppreċiżat li din il-preżentazzjoni kellha tippermettilha li tidentifika b’mod ċar in-natura preċiża tar-rabtiet li r-rikorrenti setgħet kellha ma’ kumpaniji oħra. Fir-risposta għall-imsemmija kwestjonarju, ir-rikorrenti ssemmi ħames kumpanniji marbutin, tant li l-grupp kien jinkludi sitta b’kollox. Peress li l-Kummissjoni ma kinitx sodisfatta mill-kompletezza tal-informazzjoni sottomessa, hija b’mod partikolari ħeġġet ir-rikorrenti, fl-ewwel talba għal kjarifiki, tipprovdilha lista ta’ azzjonisti ta’ Foshan Nanhai Huachangsheng Textile.

106    Ir-risposta għal din it-talba żvelat li din l-impriża tal-aħħar kienet miżmuma minn żewġ kumpanniji oħra li ma kinux imsemmija fir-risposta għall-kwestjonarju, jiġifieri Lihua International (HK) Holding u Foshan Huachang Textile Development.

107    Fl-ittra tat-18 ta’ Settembru 2015, il-Kummissjoni, b’mod partikolari, infurmat lir-rikorrenti li t-talba tagħha ma kinitx sostanzjata biżżejjed u hija bagħtitilha t-tieni talba għal kjarifiki. Hija talbitha, speċifikament, tipprovdi iktar informazzjoni dwar id-dokument ippreżentat fl-Anness B 15 tar-risposta u li kienet turi li Foshan Nanhai Huachangsheng Textile kellha bħala azzjonisti Lihua International (HK) Holding u Foshan Huachang Textile Development. B’mod konkret, il-Kummissjoni talbet lir-rikorrenti sabiex tiddeskrivi l-attivitajiet kummerċjali ta’ dawn iż-żewġ kumpanniji.

108    Fir-risposta tagħha tad-29 ta’ Settembru 2015, ir-rikorrenti llimitat ruħha li tindika, f’dak li jikkonċerna l-attivitajiet kummerċjali għaż-żewġ kumpaniji, l-attivitajiet ta’ “finanzjament u [ta’] Investiment” għal Lihua International (HK) Holding u ta’ “produzzjoni u [ta’] bejgħ ta’ prodotti tat-tessuti” għal Foshan Huachang Textile Development.

109    Fil-premessa 9 tad-dokument ta’ informazzjoni ġenerali, il-Kummissjoni indikat li r-risposti tar-rikorrenti ma tawx informazzjoni la fuq id-dati ta’ stabbiliment taż-żewġ kumpanniji u lanqas fuq investimenti eventwali tagħhom f’kumpanniji oħra. Fil-fatt, kif issostni, essenzjalment, il-Kummissjoni, jekk ikun stabbilit li dawn iż-żewġ kumpanniji jkunu investew f’impriża oħra tal-istess grupp, jiġifieri Foshan Nanhai Huachangsheng Textile, ir-rikorrenti ma pprovdietx informazzjoni li tippermetti li jiġi stabbilit li dawn il-kumpaniji ma kinux investew f’impriżi oħra. Għandu jiġi kkonstatat li din il-kwistjoni hija partikolarment importanti fir-rigward ta’ Lihua International (HK) Holding, li kienet kumpannija ta’ finanzjament u ta’ investiment. Fin-nuqqas ta’ dik l-informazzjoni, ma jkunx possibbli li jiġi vverifikat jekk din il-kumpannija, u għaldaqstant il-grupp sħiħ, ma kellu l-ebda rabta ma’ kumpanniji suġġetti għad-dazji anti-dumping fis-seħħ.

110    Fl-ittra tal-20 ta’ Diċembru 2015 li fiha osservazzjonijiet fuq id-dokument ta’ informazzjoni ġenerali u matul is-seduta, ir-rikorrenti indikat li dawn iż-żewġ kumpaniji kienu waqfu l-attivitajiet tagħhom fl-2008. Madankollu, fil-fajl quddiem il-Qorti Ġenerali ir-rikorrenti ma indikat ebda dokument ta’ natura li jistabbilixxi li hija kienet tat lill-Kummissjoni provi dwar id-dati tat-tmiem tal-attività taż-żewġ kumpaniji kif ukoll il-parteċipazzjonijiet tagħhom f’kumpanniji oħra. Kif din ġiet indikata fil-punt 109 iktar ’il fuq, dan in-nuqqas ta’ informazzjoni huwa importanti speċjalment fir-rigward ta’ Lihua International (HK) Holding.

111    Kif issostni essenzjalment il-Kummissjoni, sussegwentement ir-rikorrenti biddlet il-pożizzjoni tagħha, biex issostni, fl-ittra tat-22 ta’ Jannar 2016, l-ewwel nett, li l-waqfien mill-attività ta’ Lihua International (HK) Holding seħħ fl-1 ta’ Jannar 2015, it-tieni nett, li Foshan Huachang Textile Development kienet inħolqot fl-2001 u li l-azzjonisti tagħha kienu jappartjenu għall-familja li kellha wkoll Lihua International (HK) Holding u Foshan Huachang Textile Development (ara l-punt 93 iktar ’il fuq) u, it-tielet nett, li Foshan Nanhai Huachang Textile kienet dejjem fl-attività u ma kinitx attiva la fil-kummerċjalizzazzjoni u lanqas fin-negozju, iżda biss fil-finanzjament. Madankollu, fil-fajl quddiem il-Qorti Ġenerali ir-rikorrenti ma indikat ebda dokument ta’ natura li jistabbilixxi li hija kienet tat lill-Kummissjoni provi insostenn ta’ dawn l-affermazzjonijiet.

112    Jekk iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ta’ Lihua International (HK) Holding ġie ipprovdut, ma jagħtix informazzjoni dwar l-informazzjoni msemmija fil-punt 111 iktar ’il fuq. Fir-replika, ir-rikorrenti terġa’ ssostni li dan iċ-ċertifikat jindika li skada fl-2007. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument, jekk għandu jinftiehem bħala intiż sabiex jipprova d-data ta’ waqfien tal-attività ta’ dik l-impriża, jirrappreżenta bidla ulterjuri tal-pożizzjoni tar-rikorrenti u li, għaldaqstant, huwa nieqes minn kull kredibbiltà. Fi kwalunkwe każ, imkien ma huwa stabbilit li d-data ta’ skadenza taċ-ċertifikat, li kien stabbilit eżattament sena wara r-reġistrazzjoni tal-impriża, hija d-data effettiva tal-waqfien tal-attività ta’ dik l-impriża.

113    Barra minn hekk, hemm lok li tiġi miċħuda l-allegazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq “nuqqas ta’ elementi addizzjonali” li l-Kummissjoni ma kienet qatt talbet li tipprovdi.

114    Fl-ittra tat-18 ta’ Settembru 2015, il-Kummissjoni talbet lir-rikorrenti sabiex tiddeskrivi l-attivitajiet kummerċjali taż-żewġ kumpanniji li l-eżistenza tagħhom ġiet żvelata fir-risposta għall-ewwel talba għal kjarifiki. Il-premessa 9 tad-dokument ta’ informazzjoni ġenerali tindika li l-informazzjoni pprovduta ma tipprovdix informazzjoni dwar id-dati tal-ħolqien taż-żewġ impriżi u lanqas il-kwistjoni dwar jekk dawn investew f’kumpanniji oħra. Barra minn hekk, il-kwestjonarju tat-talba għal produttur-esportatur ġdid diġà kien jippreċiża li r-risposta tar-rikorrenti kellha tippermetti lill-Kummissjoni tidentifika b’mod ċar in-natura preċiża tar-rabtiet li r-rikorrenti setgħet kellha ma’ kumpanniji oħra. Għalhekk, hija r-rikorrenti li għandha tipprovdi provi tali li tirrispondi għad-domandi li l-Kummissjoni kienet għadha tqis bħala li ma rċevietx risposta dwarhom. Barra minn hekk, jirriżulta mill-espressjoni tar-rikorrenti “[t]istgħu ssibu hawn anness l-informazzjoni addizzjonali mitluba”, użata fl-ittra tat-22 ta’ Jannar 2016, li r-rikorrenti kienet konxja li l-Kummissjoni kienet talbitha iktar informazzjoni f’dan ir-rigward.

115    Ir-rikorrenti terġa’ ssostni wkoll li peress li ebda minuti tas-seduta ma ġew stabbiliti, hija ma tiftakarx li l-kwistjoni ta’ data tat-tmiem tal-attività taż-żewġ kumpanniji kienet ġiet diskussa. Il-Kummissjoni qatt ma talbet kjarifiki dwar id- “dati ta’ waqfien”. Dawn l-affermazzjonijiet li huma kontradetti mid-dokumenti prodotti mir-rikorrenti stess lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-preżentazzjoni tagħha fis-seduta, fejn hija indikat li Lihua International (HK) Holding kienet waqqfet l-attivitajiet tagħha fl-2008.

116    Minn dan isegwi li, fid-dawl tan-natura kontradittorja u mhux kompluta tal-informazzjoni ppreżentata mir-rikorrenti lill-Kummissjoni dwar il-kundizzjoni eżaminata, huwa żbaljat li r-rikorrenti ssostni li l-premessi 11 u 12 tad-deċiżjoni kkontestata huma vvizzjati minn żball manifest ta’ evalwazzjoni.

117    Għalhekk, l-ewwel parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti mwettqa fil-premessa 16 tad-deċiżjoni kkontestata

118    Skont il-premessa 16 tad-deċiżjoni kkontestata, essenzjalment, jekk ir-rikorrenti sostniet li matul il-perijodu ta’ investigazzjoni inizjali, żewġ kumpaniji biss fil-grupp li kienu attivament involuti fil-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott ikkonċernat, fis-sens li Foshan Lihua mmanifatturat l-prodott ikkonċernat u begħtitu esklużivament fis-suq domestiku, filwaqt li n-negozjant tagħha marbut, Foshan Henry Trading, esporta l-prodott ikkonċernat lejn pajjiżi oħra barra mill-Unjoni, hija ma ppreżentatx lill-Kummissjoni provi li jippermettulha li tiżgura li r-rikorrenti u l-impriżi tal-grupp tagħha ma esportawx il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perijodu ta’ investigazzjoni inizjali. Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, il-provi prodotti ma kinux kompluti, peress li, minn naħa, ir-reġistri tal-bejgħ ta’ Foshan Lihua li kienu jirrigwardaw l-perijodu tal-investigazzjoni oriġinali ma kien fihom l-ebda informazzjoni rigward il-kundizzjonijiet tal-kunsinna, l-indirizzi tal-klijenti jew ukoll id-destinazzjonijiet ta’ kunsinna u, min-naħa l-oħra, ir-reġistru tal-bejgħ ta’ Foshan Henry Trading ma kien jinkludi l-ebda isem ta’ klijent għas-sena 2009. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma kkomunikatx reġistri dettaljati tal-bejgħ ta’ Foshan Lihua għas-snin ta’ wara l-perijodu ta’ investigazzjoni inizjali.

119    Ir-rikorrenti ssostni li, peress li, sal-2013, in-negozju ta’ Foshan Lihua ma kienx tajjeb, jiġifieri li huma biss ftit klijenti li xtraw il-prodotti u li Foshan Henry Trading kellha volum baxx ħafna ta’ bejgħ, Foshan Henry Trading qies li ma kienx meħtieġ li tinżamm il-lista tal-ismijiet u l-indirizzi tal-klijenti tagħha, għalkemm ma kinux jidhru fir-reġistru trażmess lill-Kummissjoni. Fir-replika, ir-rikorrenti ssostni li dan kien pjuttost minħabba n-numru żgħir ta’ klijenti. Fil-fatt, fl-2009, hija kkummerċjalizzat il-prodotti tagħha mingħand negozjant indipendenti fil-Malasja. Madankollu, ir-rikorrenti indikat fir-rikors illi matul il-perijodu tal-investigazzjoni inizjali, hija biegħet il-prodotti kollha tagħha, jew kważi kollha, permezz ta’ Foshan Guangchengda Import & Export Co. Ltd, kumpannija ta’ negozju Ċiniża li ma kinitx marbuta, u li kienet irċeviet il-prezz tal-bejgħ għall-kunsinna. Dan il-bejgħ kien “nazzjonali”.

120    Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li, sa mis-sena 2013, il-bejgħ tagħha żdied u li Foshan Henry Trading ddeċidiet li ssegwi regoli ta’ kontabbiltà iktar stretti u sabiex tinżamm lista tal-ismijiet, tal-indirizzi tal-klijenti tagħha u tal-kundizzjonijiet ta’ kunsinna. Hija ma kellha iżjed l-ebda rabta kummerċjali ma’ kumpanniji ta’ negozju indipendenti, imsemmija fil-punt 119 iktar ’il fuq. Ir-reġistri ta’ bejgħ u ta’ esportazzjoni ta’ Foshan Henry Trading mogħtija lill-Kummissjoni għas-snin finanzjarji 2009 u 2010 jinkludu effettivament l-indikazzjoni tan-numri ta’ kuntratt u tal-fattura, il-metodu ta’ ħlas, id-destinazzjoni tal-kunsinna, kwantitajiet u valuri ta’ bejgħ kif ukoll id-destinazzjoni finali.

121    Fir-replika, ir-rikorrenti ssostni li l-assenza ta’ indikazzjoni tal-ismijiet u tal-indirizzi tal-klijenti minħabba n-nuqqas ta’ komputerizzazzjoni tar-reġistri fl-2009 u fl-2010, kif ukoll in-natura tagħhom mhux aġġornata.

122    Madankollu, il-kontabbiltà allegatament insuffiċjenti qabel l-2013 u r-reġistri kummerċjali ta’ Foshan Henry Trading kienu konformi mar-regoli Ċiniżi li japplikaw għall-impriżi żgħar.

123    Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni qatt ma kienet ikkontestat dawn il-fatti.

124    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

125    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma wrietx li pprovdiet matul l-investigazzjoni inkwistjoni d-dokumenti li l-Kummissjoni kkonstatat l-assenza tagħhom fil-premessa 16 tad-deċiżjoni kkontestata. B’mod partikolari, hija ma ressqet ebda argument u ma pproduċiet l-ebda prova ta’ natura li tistabbilixxi n-natura manifestament żbaljata tal-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni li jinsabu fl-imsemmija premessa tad-deċiżjoni kkontestata, li jikkonċernaw l-impriża Foshan Lihua. Ir-rikorrenti pjuttost irrikonoxxiet in-nuqqas ta’ informazzjoni inkwistjoni u ressqet argumenti sabiex tiġġustifika. Madankollu, dawn l-argumenti ma humiex ta’ natura li tipprekludi l-konklużjoni, li tinsab fl-istess premessa, li tgħid li, essenzjalment, il-Kummissjoni ma setgħetx tiżgura fuq il-bażi tad-dokumentazzjoni pprovduta mir-rikorrenti li din tal-aħħar u l-impriżi tal-grupp tagħha ma esportawx il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perijodu ta’ investigazzjoni inizjali.

126    Fl-ewwel lok, l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-kumpannija ta’ esportazzjoni Foshan Henry Trading ma kellha, sal-2013, ebda lista tal-klijenti tagħha u tal-indirizzi tagħhom minħabba l-volum baxx ta’ bejgħ jew minħabba numru żgħir tagħhom ma jistax iwassal għall-konvinċiment tal-Qorti Ġenerali. Qabel kollox, il-Kummissjoni fakkret li ċ-ċifri ta’ bejgħ ikkomunikati għal Foshan Henry Trading kien fihom l-informazzjoni kollha meħtieġa, inklużi l-ismijiet tal-klijenti, għas-snin 2010 sa 2014, iżda l-ismijiet tal-klijenti kienu neqsin għas-sena 2009. Sussegwentement, kif issostni l-Kummissjoni, il-volumi ta’ bejgħ tar-rikorrenti mwettqa minn Foshan Henry Trading ppreżentati fir-reġistru tagħha għas-snin 2009 u 2010 u riprodotti fl-Anness B 12 tar-risposta ma jistgħu bl-ebda mod jiġu kkunsidrati bħala negliġibbli. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma kkontestatx l-eżattezza taċ-ċifri inkwistjoni, imfakkra mill-Kummissjoni kemm fl-atti tagħha kif ukoll waqt is-seduta. Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li l-argument li jipprovdi li n-nuqqas ta’ informazzjoni meħtieġa huwa pjuttost minħabba l-eżistenza ta’ numru ta’ klijenti ristrett (punt 119 iktar ’il fuq) ma huwa bl-ebda mod sostnut u n-nuqqas ta’ kredibbiltà tal-informazzjoni ppreżentata mir-rikorrenti lill-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, dan l-argument jikkostitwixxi bidla ġdida tal-pożizzjoni tar-rikorrenti.

127    Fit-tieni lok, l-argument tar-rikorrenti li kważi kollha jew saħansitra kollha mill-esportazzjonijiet tagħha qabel is-sena 2013 seħħew permezz tal-impriża tan-negozju Foshan Guangchengda Import & Export huwa kkuntestat kemm mid-dokument ippreżentat fl-Annessi B 19 u B 29 tar-risposta, li minnu jirriżulta li r-rikorrenti biegħet kwantitajiet sinjifikanti tal-prodotti tagħha wkoll lill-impriżi oħra ta’ esportazzjoni, li permezz tad-dikjarazzjonijiet proprji tar-rikorrenti, li jgħidu li hija biegħet fl-2009 il-prodotti tagħha lil negozjant indipendenti fil-Malasja.

128    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti dwar il-konformità mar-regoli Ċiniżi li japplikaw għall-impriżi żgħar, tal-kontabbiltà u tar-reġistri li hija ppreżentat quddiem il-Kummissjoni, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li ma ġiex sostnut b’mod suffiċjenti fid-dritt. Il-prinċipju iura novit curia ma jestendix għad-dritt tal-Istati Membri u wisq inqas għad-dritt ta’ pajjiżi terzi, din hija kwistjoni ta’ fatt, li għandha tintwera, jekk ikun il-każ, min-naħa tar-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Ottubru 2017, Moravia Consulting vs EUIPO – Citizen Systems Europe (SDC-444S), T‑318/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:719, punt 72). Issa, ir-rikorrenti ma ppreżentat xejn insostenn tal-allegazzjoni tagħha. B’mod partikolari, ir-rikorrenti ma għamlet l-ebda referenza għall-ebda paġna speċifika mill-fajl ta’ din il-kawża sabiex turi dan il-punt. Fi kwalunkwe każ, l-osservanza tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-kontabbiltà mhijiex fiha nfisha prova fil-kuntest ta’ proċedura antidumping, bħal dik inkwistjoni, li ssegwi għanijiet differenti minn dawk ta’ din il-leġiżlazzjoni.

129    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li kif tagħmel il-Kummissjoni, li lanqas ma tista’ tiġi kkritikata fir-rigward tagħha li ma tkunx qieset eventwali punti ta’ fatt u ta’ liġi li setgħu jitressqu quddiemha matul il-proċedura amministrattiva, iżda li ma tressqux, peress li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata teżamina, ex officio u billi tippreżumi, il-fatturi li setgħu ġew sottomessi quddiemha. Bl-istess mod, il-legalità ta’ deċiżjoni amministrattiva għandha tiġi evalwata skont l-elementi ta’ informazzjoni li l-korp tal-Unjoni, l-awtur tal-imsemmija deċiżjoni, seta’ kellu meta huwa adotta din id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, C-74/00 P u C-75/00 P, EU:C:2002:524, punt 168, u tal-14 ta’ Jannar 2004, Fleuren Compost vs Il-Kummissjoni, T-109/01, EU:T:2004:4, punt 49). Issa, ir-rikorrenti ammettiet li l-kwistjoni tal-allegata konformità mar-regoli Ċiniżi li japplikaw għall-impriżi żgħar tal-kontabbiltà u tar-reġistri li hija ssottomettiet lill-Kummissjoni ma kinitx tqajmet matul il-proċedura amministrattiva.

130    Fir-raba’ lok, għalkemm ir-rikorrenti ssostni li r-reġistri ta’ bejgħ u ta’ esportazzjoni ta’ Foshan Henry Trading, li ntbagħtu lill-Kummissjoni għas-snin finanzjarji 2009 u 2010, kienu jinkludu indikazzjoni tan-numri ta’ kuntratt u tal-fattura, tal-metodu ta’ ħlas, tad-destinazzjoni tal-kunsinna, tal-kwantitajiet u tal-valuri ta’ bejgħ kif ukoll tad-destinazzjoni finali, ma wrietx li huma kienu jinkludu wkoll l-ismijiet tal-klijenti għas-sena 2009. Madankollu, dan huwa fatt li fuqu hija bbażata l-premessa 16 tad-deċiżjoni kkontestata.

131    Minn dan isegwi li t-tieni parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda, tant li għandu jiġi miċħud it-tielet motiv kollu kemm hu.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża

132    Permezz tar-raba’ motiv tagħha, ir-rikorrenti tikkritika l-premessi 13, 14 u 22 tad-deċiżjoni kkontestata. Dawn huma fformulati kif ġej:

“(13)      Barra minn hekk, xi elementi juru l-eżistenza ta’ fergħat u/jew sussidjarji li ma ġewx iddikjarati mi[r-rikorrenti] fir-risposti suċċessivi tagħha lill-Kummissjoni. Informazzjoni addizzjonali dwar in-natura ta’ dawn l-elementi, bħall-eżistenza ta’ sussidjarja [li tinsab f’]Shiwan imsemmija fl-organigramma interna tal-kumpannija, u f’informazzjoni oħra disponibbli pubblikament, ġiet ikkomunikata [lir-rikorrenti] matul seduta organizzata mal-Kummissjoni fit-13 ta’ Jannar 2016. Din l-informazzjoni la kienet ikkonfermata u lanqas miċħuda mir-[rikorrenti].

(14)       Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-informazzjoni pprovduta mir-[rikorrenti] għal dan il-kriterju mhijiex kompluta u kontradittorja mad-data disponibbli għall-pubbliku. L-investigazzjoni [inizjali] ma setgħetx, għalhekk, tikkonferma li [r-rikorrenti] ma kienet relatata ma’ ebda esportaturi jew produtturi Ċiniżi li huma soġġetti għall-miżuri fis-seħħ. Konsegwentement, [ir-rikorrenti] ma tissodisfax dan il-kriterju.

[…]

(22)       Il-Kummissjoni tqis li, peress li l-informazzjoni pprovduta [mir-rikorrenti] mhijiex kompluta u hija kontradittorja ma’ informazzjoni oħra li għandha, ma jistax jiġi eskluż li, matul il-perijodu ta’ investigazzjoni [inizjali], Foshan Lihua esportat il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni jew direttament, jew inkella permezz ta’ kumpanniji marbutin jew taħt ftehimiet ta’ manifattura konklużi ma’ kumpanniji oħra indipendenti. Għaldaqstant, l-investigazzjoni ma setgħetx tistabbilixxi li [r-rikorrenti] ma esportatx lejn l-Unjoni madum taċ-ċeramika li joriġina fir-[Repubblika Popolari taċ-Ċina] matul il-perijodu ta’ investigazzjoni [inizjali]. Konsegwentement, [ir-rikorrenti] ma tissodisfax dan il-kriterju.”

133    Il-premessi 13 u 14 tad-deċiżjoni kkontestata huma parti, l-istess bħall-premessi 11 u 12 tagħha, li l-Qorti Ġenerali eżaminat fil-kuntest tal-ewwel parti tat-tielet motiv, mill-analiżi tal-kundizzjoni li biha l-operatur li jitlob status ta’ produttur-esportatur ġdid għandu jipprova li dan mhuwiex marbut ma’ impriża oħra suġġetta għal dazji antidumping eżistenti. Minn naħa waħda, fil-premessa 13 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat li r-rikorrenti ma kinitx uriet l-istruttura kollha tal-grupp tagħha u li hija kienet naqset milli tinnotifikaha bil-kumpaniji jew sussidjarji marbutin u li hija wkoll żvelat permezz ta’ informazzjoni pubblika. Il-Kummissjoni ppreżentat dawn il-fatti lir-rikorrenti waqt is-seduta u speċifikament saqsietha dwar sussidjarja f’Shiwan (iċ-Ċina). Min-naħa l-oħra, fil-premessa 14 tad-deċiżjoni kkontestata, hija kkonkludiet li l-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti sabiex turi li hija kienet tissodisfa l-kundizzjoni inkwistjoni ma kinitx kompluta u hija kontradittorja mad-data disponibbli għall-pubbliku, tant li din il-kundizzjoni ma tistax titqies sodisfatta.

134    Fil-premessa 22 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija parti, l-istess bħall-premessa 16 ta’ dik id-deċiżjoni, li l-Qorti Ġenerali eżaminat fit-tieni parti tat-tielet motiv, mill-analiżi tal-kundizzjoni dwar l-assenza ta’ esportazzjonijiet lejn l-Unjoni matul il-perijodu ta’ investigazzjoni inizjali mill-grupp ta’ kumpanniji tar-rikorrenti, il-Kummissjoni tikkonstata, essenzjalment, li n-natura inkompleta u kontradittorja tal-informazzjoni ppreżentata mir-rikorrenti, ma tippermettix li jiġi konkluż li din tal-aħħar jew il-grupp tagħha ma wettqux l-esportazzjonijiet inkwistjoni.

135    Dan il-motiv jinkludi, essenzjalment, żewġ partijiet, wieħed dirett kontra l-premessi 13 u 14 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar it-tieni kundizzjoni, u l-oħra kontra l-premessa 22 tad-deċiżjoni kkontestata, li tirrigwarda l-ewwel kundizzjoni, jiġu analizzati separatament.

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża fir-rigward tal-premessi 13 u 14 tad-deċiżjoni kkontestata

136    L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-ebda minuti jew reġistrazzjoni ta’ smigħ tas-seduta u ma ġie stabbilit u l-ebda informazzjoni ma ngħatatilha dwar is-sussidjarja f’Shiwan. Għaldaqstant ir-rikorrenti ma hijiex f’pożizzjoni li tivverifika dak li seħħ waqt din is-seduta u jekk il-Kummissjoni kienet fehmet tajjeb il-proposti mitluba mir-rikorrenti f’din l-okkażjoni. Fir-replika, ir-rikorrenti tindika li l-kwistjoni ta’ din is-sussidjarja kienet ġiet invokata mill-Kummissjoni matul is-seduta. Madankollu, ir-rikorrenti ma tiftakarx preċiżament il-kummenti magħmula mill-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta’ minuti jew reġistrazzjoni li fuqhom ir-rikorrenti kellha d-dritt li tesprimi ruħha u, jekk ikun il-każ, li tagħmel korrezzjonijiet, il-Kummissjoni ma tistax tirreferi għal dikjarazzjonijiet li allegatament seħħew matul is-seduta sabiex tibbaża d-deċiżjoni kkontestata. Is-seduta kienet ibbażata fuq id-dokument ta’ informazzjoni ġenerali, iżda dan tal-aħħar ma jsemmix is-sussidjarja f’Shiwan.

137    Huwa għaldaqstant fil-kuntest tad-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni infurmat lir-rikorrenti, għall-ewwel darba bil-miktub, dwar l-eżistenza ta’ din is-sussidjarja f’Shiwan u l-importanza tagħha għad-deċiżjoni tagħha li tintervjeni. Hija ma ssemmietx la fid-dokument ta’ informazzjoni ġenerali u lanqas f’xi dokument ieħor, tant li r-rikorrenti tinjora għal liema data disponibbli pubblikament, il-Kummissjoni rreferiet. Il-Kummissjoni qatt ma poġġiet lir-rikorrenti f’pożizzjoni li tesprimi ruħha dwar l-imsemmija data disponibbli għall-pubbliku, jew saħansitra li tieħu konjizzjoni ta’ din.

138    Ir-rikorrenti ssostni li, kieku kellha l-opportunità li tikkummenta dwar is-sussidjarja f’Shiwan, hija spjegat li ma kinitx kumpannija kummerċjali, iżda kooperattiva li l-produtturi kollha ta’ madum taċ-ċeramika tar-reġjun ta’ Foshan, fosthom ir-rikorrenti, huma obbligati li jaderixxu u li hija intiża sabiex tiżgura, taħt il-kontroll tal-Istat, programmi flimkien ta’ riċerka u ta’ teknoloġija fil-qasam tal-madum taċ-ċeramika għall-benefiċċju tal-membri tagħha. Hija ma twettaq ebda attività operazzjonali, ta’ produzzjoni, ta’ bejgħ jew ta’ kummerċjalizzazzjoni, liema fatt il-gvern Ċiniż seta’ jikkonferma li kien ġie informat bl-investigazzjoni inkwistjoni. Ikun tabilħaqq eskluż li, matul il-perijodu tal-investigazzjoni inizjali, din il-kumpannija f’Shiwan esportat il-prodotti ikkonċernati lejn l-Unjoni jew setgħet tiġi kkunsidrata li tistabbilixxi rabta ma’ esportaturi oħrajn fuq il-livell tad-dritt tal-kumpanniji.

139    It-tieni nett, matul l-investigazzjoni, il-Kummissjoni ma ppreċiżatx lir-rikorrenti għal liema data pubblikament disponibbli kienet qiegħda tirreferi sabiex tibbaża l-premessa 14 tad-deċiżjoni kkontestata. Hija lanqas ma ppreċiżat ir-raġunijiet li għalihom hemm ħafna informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti li hija inkompleta u kontradittorja.

140    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

141    Hija tammetti li ma stabbilixxietx minuti tas-seduta. Preżentazzjoni kienet madankollu saret matul is-seduta u r-rikorrenti kienet abbozzat sommarju tal-punti diskussi matul is-seduta. Is-seduta kienet, barra minn hekk, ġiet segwita minn skambju ta’ korrispondenza. Għalhekk, ir-rikorrenti kellha l-possibbiltà li tippreżenta osservazzjonijiet matul u wara s-seduta.

142    Fir-rigward tas-sussidjarja f’Shiwan, hija l-organigramma tal-impriża (Anness B 30 tar-risposta) li kienet irrivelatha. Ma ġiet ipprovduta ebda spjegazzjoni f’dan ir-rigward, għalkemm kienet biss taħt is-superviżjoni tad-Direttur Ġenerali tal-bejgħ. Il-Kummissjoni pproduċiet il-provi lir-rikorrenti waqt is-seduta, iżda r-rikorrenti ma pprovdiet l-ebda osservazzjoni f’dan ir-rigward.

143    Bl-istess mod, it-Taqsima “Attwalitajiet” tas-sit internet tar-rikorrenti tagħmel riferiment għas-salon “China Import & Export” li sar f’Canton (iċ-Ċina) fl-2015 (Anness B 32 tar-risposta), li fuqu tidher sussidjarja bl-isem ta’ Meta, Inc. Kif ukoll prodotti promossi taħt l-isem Meta Tiles, Inc. Il-Kummissjoni tinjora jekk Meta Tiles hija biss trade mark kummerċjali jew jekk tirrigwarda entità legali distinta. Din l-informazzjoni ġiet ikkomunikata wkoll lir-rikorrenti matul is-seduta, iżda la kienet invalidata u lanqas ikkonfermata.

144    Għaldaqstant, l-ispjegazzjonijiet tar-rikorrenti fir-rigward tal-kumpannija f’Shiwan, li jidhru fil-punt 75 tar-rikors, fihom elementi ġodda li ma kinux ġew kkomunikati matul l-investigazzjoni inkwistjoni. Billi tipprovdihom, ir-rikorrenti tikkonferma fir-realtà li din is-sussidjarja f’Shiwan hija persuna ġuridika u li Foshan Lihua għandha ishma fiha. Din l-informazzjoni ġdida turi għal darb’oħra li l-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti dwar l-entitajiet marbutin nstabu li mhumiex kompletati mill-bidu nett u li d-dikjarazzjonijiet miksuba mir-rikorrenti ma humiex affidabbli. L-informazzjoni pprovduta fil-punt 75 tar-rikors ma tagħmilx ħlief isaħħaħ il-konklużjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata.

145    Fi kwalunkwe każ, il-kwistjoni ta’ sussidjarja li tkun tinsab f’Shiwan ma kinitx determinanti fiha nnifisha għar-riżultat tal-eżami mill-ġdid tal-istatus ta’ produttur-esportatur ġdid. Hija pjuttost is-somma tal-lakuni u kontradizzjonijiet fl-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti li kienet wasslet għaċ-ċaħda tat-talba għall-għoti tal-istatus ta’ produttur-esportatur ġdid.

146    Fir-rigward tal-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku, iċċitata fil-premessa 14 tad-deċiżjoni kkontestata, din tirrigwarda diversi siti Internet li jirreferu għal impriża msejħa “Foshan Lehua” f’Shiwan (Anness B 31 tar-risposta), is-sit Internet tal-impriża li pprovdiet l-informazzjoni fuq Meta Tiles (Anness B 32 tar-risposta) u r-riżultati ta’ riċerka fir-reġistru tal-kumpanniji ta’ Hong Kong (iċ-Ċina) (Anness B 34 tar-risposta).

147    F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li d-dritt għal smigħ jagħmel parti integrali mir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u dan id-dritt jiżgura lill-persuni kollha l-possibbiltà li jesprimu, b’mod utli u effettiv, l-opinjoni tagħhom matul il-proċedura amministrattiva u qabel l-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni li tista’ taffettwa b’mod sfavorevoli l-interessi tagħhom (sentenzi tal-5 ta’ Novembru 2014, Mukarubega, C-166/13, EU:C:2014:2336, punt 46, u tad-9 ta’ Frar 2017, M, C-560/14, EU:C:2017:101, punt 25).

148    Ir-regola li tgħid li d-destinatarju ta’ deċiżjoni li tikkawżalu preġudizzju għandha titqiegħed f’pożizzjoni li tressaq l-osservazzjonijiet tiegħu qabel ma din tittieħed għandha bħala għan b’mod partikolari li dik il-persuna tkun tista’ tikkoreġi żball jew tressaq dawk l-elementi relattivi għas-sitwazzjoni personali tagħha li jimmilitaw fis-sens li d-deċiżjoni tittieħed jew ma tittiħidx jew li jkollha kontenut partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Novembru 2014, Mukarubega, C-166/13, EU:C:2014:2336, punt 47, u tal-11 ta’ Diċembru 2014, Boudjlida, C-249/13, EU:C:2014:2431, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

149    Barra minn hekk, kif jirriżulta, essenzjalment, mir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 6(6) tar-Regolament Bażiku (li sar ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 6(6) tar-Regolament 2016/1036), li jirreferi għall-informazzjoni mogħtija oralment għandha tagħti prova tal-eżistenza tagħhom.

150    L-ewwel nett, għalkemm il-Kummissjoni ssostni li talbet ir-rikorrenti matul is-seduta fir-rigward tas-sussidjarja f’Shiwan u dan huwa aċċettat mir-rikorrenti fil-kuntest tar-replika, hija ma żammitx minuti tas-seduta u lanqas allegat li għamlet reġistrazzjoni. Il-Kummissjoni lanqas ma setgħet tidentifika fil-fajl kwalunkwe dokument li fih jinsabu d-domandi li saru lir-rikorrenti dwar din is-sussidjarja matul is-seduta.

151    F’dak li jirrigwarda l-kwistjoni tal-allegata eżistenza ta’ Meta Tiles, ir-rikorrenti ma tammettix li hija kienet invokata matul is-seduta mill-Kummissjoni.

152    Fir-rigward tal-informazzjoni disponibbli pubblikament, jiġifieri id-diversi siti internet, il-Kummissjoni lanqas ma wriet li hija invokathom matul is-seduta jew wara u li hija qiegħdet lir-rikorrenti f’pożizzjoni li tikkummenta dwarhom.

153    Għaldaqstant, ir-rikorrenti stabbilixxiet li l-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża ruħha, fil-premessi 13 u 14 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar il-proposti li saru matul is-seduta, jew saħansitra fuq l-informazzjoni li abbażi tagħha r-rikorrenti ma setgħetx tiddeċiedi b’mod utli.

154    Barra minn hekk, l-organigramma ta’ Foshan Lihua, li tinkludi r-referenza għal fergħa li tinsab f’Shiwan, ġiet ipprovduta lill-Kummissjoni diġà fl-ittra tar-rikorrenti tas-7 ta’ Settembru 2013, li tidher fl-Anness B 2 tar-risposta. B’hekk, il-Kummissjoni setgħet tistaqsi lir-rikorrenti dwar dan is-suġġett ferm qabel is-seduta.

155    Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat jekk il-konklużjoni li tinsab fil-punt 153 iktar ’il fuq għandha bħala konsegwenza li tinvalida dik li tidher fl-aħħar tal-premessa 14 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li l-investigazzjoni inkwistjoni ma setgħetx tikkonferma li r-rikorrenti ma kienet marbuta ma’ ebda esportaturi jew produtturi Ċiniżi li huma suġġetti għall-miżuri fis-seħħ.

156    Mill-premessa 14 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li hija bbażata fuq żewġ tipi ta’ nuqqasijiet ikkritikati lir-rikorrenti. Minn naħa, jirrigwarda n-natura kontradittorja tal-informazzjoni ppreżentata mir-rikorrenti fir-rigward ta’ data disponibbli għall-pubbliku u li jirrigwarda l-konklużjonijiet esposti fil-premessa 13 tad-deċiżjoni kkontestata, li dwarha ġie kkonstatat fil-punt 153 iktar ’il fuq li kienet ivvizzjata bi ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti.

157    Min-naħa l-oħra, il-premessa 14 tad-deċiżjoni kkontestata hija wkoll ibbażata fuq in-natura mhux kompluta tal-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti. Jekk jista’, ċertament, jirreferi wkoll għan-nuqqas ta’ dettall fir-rigward tas-sussidjarja f’Shiwan, tindirizza l-fatti kkonstatati fil-premessi 11 u 12 tad-deċiżjoni kkontestata u li l-fondatezza tagħha ġiet stabbilita fil-kuntest tal-ewwel parti tat-tielet motiv.

158    Fil-premessi 11 u 12 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni b’mod partikolari semmiet in-nuqqas ta’ provi dwar l-eżistenza u l-attivitajiet taż-żewġ impriżi skoperti permezz ta’ talbiet għal kjarifiki, u b’mod partikolari dwar l-attivitajiet ta’ investiment ta’ Lihua International (HK) Holding, li hija kumpannija kummerċjali u ta’ investiment. Fin-nuqqas ta’ informazzjoni preċiża u verifikabbli fir-rigward ta’ dawn il-kwistjonijiet, il-Kummissjoni ma setgħetx tiżgura li l-grupp tar-rikorrenti ma għandux rabtiet ma’ kumpanniji oħra suġġetti għal dazji anti-dumping eżistenti.

159    Għaldaqstant, il-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti fir-rigward tal-premessa 13 tad-deċiżjoni kkontestata ma timplikax li tiġi invalidata l-konklużjoni finali li tinsab fil-premessa 14 ta’ din id-deċiżjoni dwar il-kundizzjoni eżaminata. Dan huwa iktar il-każ kif jirriżulta mill-frażi “[b]arra minn hekk”, li tinsab fil-bidu tal-premessa 13 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-raġunijiet mogħtija fl-imsemmija premessa għandhom natura superfluwa u sekondarja relattivament għal dawk indikati fil-premessi 11 u 12 tad-deċiżjoni kkontestata. Dawn l-argumenti huma għalhekk ineffettivi u jistgħu biss, fi kwalunkwe każ, jiġu miċħuda minkejja n-natura fondata tagħhom.

160    Għaldaqstant, l-ewwel parti tar-raba’ motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża fir-rigward tal-premessa 22 tad-deċiżjoni kkontestata

161    Fil-kuntest tar-replika, ir-rikorrenti sostniet li qatt ma ġiet informata peress li r-rappreżentant tal-industrija tal-Unjoni kien ġiet mistieden mill-Kummissjoni biex jissieħeb fil-kawża. Ir-rikorrenti tgħallmet biss fl-okkażjoni tal-intervent ta’ din il-parti f’dawn il-proċedimenti. Mill-Anness B 16 tar-risposta jirriżulta li Cerame-Unie kienet ipprovdiet lill-Kummissjoni fajl voluminuż li fih b’mod partikolari allegazzjonijiet dwar l-istruttura tal-grupp tar-rikorrenti u l-attivitajiet ta’ esportazzjoni tiegħu. Skont dan id-dokument, huwa essenzjali li l-Kummissjoni tivverifika bir-reqqa jekk ir-rikorrenti u waħda mill-fergħat tagħha esportaw jew le madum taċ-ċeramika matul il-perijodu tal-investigazzjoni inizjali. Issa, huwa qatt ma tqiegħed għad-dispożizzjoni tar-rikorrenti, tant li hija ma kellhiex il-possibbiltà li tikkummentah. Barra minn hekk, il-premessa 22 tad-deċiżjoni kkontestata tinkludi l-formulazzjoni użata minn Cerame-Unie, fejn indikat li “ma [setax] jiġi eskluż” li l-esportazzjonijiet saru matul il-perijodu tal-investigazzjoni inizjali. Għaldaqstant, il-Kummissjoni bbażat id-deċiżjoni tagħha fuq informazzjoni li r-rikorrenti ma kellhiex il-possibbiltà li tikkummenta.

162    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

163    F’dan ir-rigward, l-ewwel għandha tiġi eżaminata l-ammissibbiltà ta’ din il-parti, li tressqet biss fl-istadju tar-replika.

164    Meta ġiet mistoqsija dwar dan waqt is-seduta, ir-rikorrenti sostniet li n-nuqqas ta’ sottomissjoni tal-argumenti inkwistjoni fir-rikors kien iġġustifikat mill-fatt li dawn kienu bbażati fuq informazzjoni li r-rikorrenti kienet taf biss fil-kuntest ta’ din il-proċedura ġudizzjarja.

165    Issa, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, jirriżulta mill-ittra tat-18 ta’ Settembru 2015 li hija ġiet mgħarrfa li l-Kummissjoni kienet irċeviet, mingħand l-industrija tal-Unjoni, l-informazzjoni dwar l-investigazzjoni in kwistjoni. Għalkemm il-Kummissjoni ma ttrażmettietx b’mod spontanju din l-informazzjoni, madankollu kien perfettament permissibbli għar-rikorrenti li titlob komunikazzjoni sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha, liema fatt hija ma għamlitx (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Frar 2017, Yingli Energy (China) et vs Il-Kunsill, T-160/14, mhux ippubblikata, EU:T:2017:125, punt 252).

166    Għaldaqstant, l-argumenti inkwistjoni għandhom jiġu kklassifikati bħala ġodda u, għaldaqstant, jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

167    Fi kwalunkwe każ, l-argument għandu wkoll jiġi miċħud fuq il-mertu.

168    Ir-rikorrenti ma stabbilixxietx li l-konklużjonijiet li wasslet għalihom Cerame-Unie kienu ġew riprodotti tali kwali mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-premessa 22 tad-deċiżjoni kkontestata, kkritikata mir-rikorrenti, hija r-riżultat ta’ investigazzjoni segwita mill-Kummissjoni. Juża, ċertament, formulazzjoni simili jew saħansitra identika għal dik li tinsab fl-ittra ta’ Cerame-Unie, jiġifieri li “ma jistax jiġi eskluż” li l-esportazzjonijiet saru matul il-perijodu tal-investigazzjoni inizjali. Madankollu, dan jirriżulta biss minħabba li l-oneru tal-prova fir-rigward tal-kwistjoni jekk il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3 tar-Regolament Definittiv huma ssodisfatti huwa impost fuq ir-rikorrenti, u mhux il-Kummissjoni.

169    Għaldaqstant, it-tieni parti tar-raba’ motiv għandha tiġi miċħuda, tant li għandu jiġi miċħud l-imsemmi motiv fl-intier tiegħu.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter u fuq żball ta’ liġi

170    Permezz tal-ħames motiv tagħha, ir-rikorrenti tikkritika l-premessi 11, 12 u 16 sa 19 tad-deċiżjoni kkontestata. Il-premessi 11, 12 u 16 ta’ din id-deċiżjoni diġà ġew riprodotti fil-punt 91 iktar ’il fuq. F’dak li jirrigwarda l-premessi 17 sa 19, huma fformulati kif ġej:

“(17)      Barra minn hekk, hemm ukoll dubji serji dwar il-preċiżjoni tad-data tal-produzzjoni pprovduta mi [r-rikorrenti]. Il-kapaċità tal-produzzjoni medja matul is-snin 2009–2015 indikat fir-risposta għall-kwestjonarju huwa ħafna inqas mill-produzzjoni murija minn Foshan Lihua fuq is-sit [tal-internet] tagħha kif ukoll fuq siti [tal-internet] kummerċjali oħrajn.

(18)      [Ir-rikorrenti] ipprovdiet ukoll numri interni ta’ kull xahar dwar il-produzzjoni ta’ tipi ġodda ta’ prodotti ġodda introdotti fl-2013. Madankollu, meta dawn iċ-ċifri jiġu estrapolati fuq bażi annwali, il-produzzjoni annwali totali tal-firxa ta’ prodotti l-ġodda hija ogħla mill-kapaċità totali tal-produzzjoni indikat fir-risposta għall-kwestjonarju, għalkemm dawn iċ-ċifri jeskludu l-prodotti klassiċi u ma jikkunsidrawx it-tipi kollha tal-prodotti fi ħdan il-firxa l-ġdida.

(19)       Barra minn hekk, il-bejgħ tal-esportazzjoni totali ta’ [Foshan Henry Trading] għas-snin 2011 u 2012, kif jirriżulta miċ-ċifri tal-bejgħ tagħha, huma lil hinn mill-kapaċità ta’ produzzjoni totali ddikjarata minn Foshan Lihua. Fl-2013, l-esportazzjonijiet imwettqa minn [Foshan Henry Trading] xorta jirrappreżentaw iktar minn 90 % tal-kapaċità ta’ produzzjoni ddikjarata. [Ir-rikorrenti] iddikjarat li dan kien minħabba differenzi bejn id-dati ta’ kontabbiltà u l-bejgħ ta’ riżervi ta’ stokkijiet ta’ [Foshan Henry Trading]. Madankollu, riżervi ta’ stokkijiet ma jistgħux jispjegaw xejra kontinwa fuq perijodu ta’ tliet snin.”

171    Fil-premessi 17 sa 19 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni essenzjalment tirrileva, inkonsistenzi fid-data pprovduta mir-rikorrenti jew kontradizzjonijiet mad-data murija fuq l-internet fir-rigward tal-kapaċità ta’ produzzjoni, il-produzzjoni attwali tagħha u l-bejgħ għall-esportazzjoni ta’ Foshan Henry Trading.

172    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma għandhiex l-awtorizzazzjoni li tagħmel domandi mingħajr relazzjoni mal-istatus ta’ produttur-esportatur ġdid. Għalkemm ir-rikorrenti kienet talbet fir-risposta tagħha għad-dokument ta’ informazzjoni ġenerali, il-Kummissjoni qatt ma spjegat kif iċ-ċifri kummerċjali ta’ kumpannija attiva fis-settur tat-tessuti, tal-karta jew ta’ finanzjament huma rilevanti f’kawża dwar madum taċ-ċeramika.

173    Sa fejn, fil-premessa 16 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rreferiet għal reġistri tal-bejgħ wara l-perijodu ta’ investigazzjoni inizjali u fejn d-deċiżjoni tagħha tibbaża fuq dan l-element, hija wettqet ukoll żball ta’ liġi, peress li dan il-bejgħ ma għandu ebda relazzjoni mal-eżami mill-ġdid inkwistjoni.

174    Il-premessa 17 tad-deċiżjoni kkontestata tinkludi, min-naħa tagħha, dikjarazzjoni “irrilevanti” fil-kuntest tal-eżami ta’ produttur-esportatur ġdid, li tirrigwarda biss l-esportazzjonijiet imwettqa matul il-perijodu tal-investigazzjoni inizjali u r-rabtiet ma’ esportaturi. Il-figuri tal-produzzjoni u d-data ta’ wara l-perijodu tal-investigazzjoni inizjali ma għandhom l-ebda relazzjoni ma’ dan l-eżami mill-ġdid.

175    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

176    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li att huwa biss ivvizzjat minn użu ħażin ta’ poter jekk jidher, fuq il-bażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti, li ttieħed bil-għan esklużiv, jew għall-inqas determinanti, li jintlaħqu għanijiet oħra għajr dawk iddikjarati jew li tiġi evitata proċedura speċjalment prevista mit-Trattat sabiex jiġu rrimedjati ċ-ċirkustanzi f’dan il-każ (sentenza tat-13 ta’ Novembru 1990, Fedesa et, C-331/88, EU:C:1990:391, punt 24; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Lulju 1994, Matra Hachette vs Il-Kummissjoni, T-17/93, EU:T:1994:89, punt 173). Issa, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, kif tagħmel il-Kummissjoni, li, peress li naqset ir-rikorrenti li tistabbilixxi, jew saħansitra tallega b’mod utli li l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata għal finijiet oħra minbarra dawk iddikjarati, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

177    Sa fejn ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi billi bbażat ruħha, fil-premessa 16 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar reġistri dettaljati tal-bejgħ ta’ Foshan Lihua għas-snin ta’ wara l-perijodu ta’ investigazzjoni inizjali, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti tikkritika raġuni superfluwa introdotta bil-frażi “barra minn hekk”. L-argument inkwistjoni huwa għaldaqstant ineffettiv.

178    Għall-bqija għalkemm hija allegata b’insistenza, ir-rikorrenti b’ebda mod ma wriet li d-data ta’ wara l-perijodu ta’ investigazzjoni inizjali u dik dwar kumpanniji attivi fil-qasam tal-karta, tat-tessuti u tal-finanzjamenti ma għandha ebda rabta mal-investigazzjoni inkwistjoni (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 103 iktar ’il fuq).

179    Issa, kif issostni, essenzjalment, il-Kummissjoni, id-data msemmija fil-punt 178 iktar ’il fuq tista’ tintuża b’mod partikolari biex tivverifika l-informazzjoni dwar l-attivitajiet tal-grupp matul il-perijodu tal-investigazzjoni inizjali, fosthom l-impriżi attivi fil-qasam tal-prodott ikkonċernat. Għalhekk, il-Kummissjoni ma marritx manifestament lil hinn minn dak li kien meħtieġ sabiex tagħti istruzzjonijiet lill-fajl inkwistjoni.

180    Minn dan isegwi li l-ħames motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq żball manifest legali

181    Permezz tas-sitt motiv tagħha, ir-rikorrenti tikkritika l-premessi 16 u 22 tad-deċiżjoni kkontestata. Dawn il-premessi diġà ġew riprodotti fil-punti 91 u 132 iktar ’il fuq.

182    Fir-rigward tal-premessa 16 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li “il-Kummissjoni ma setgħetx tistabbilixxi jekk Foshan Lihua esportat il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perijodu ta’ investigazzjoni [inizjali]”, l-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li ħadd ma jista’ jistabbilixxi b’ċertezza li hija wettqet esportazzjonijiet lejn l-Unjoni matul il-perijodu ta’ investigazzjoni [inizjali], peress li ma kien hemm l-ebda esportazzjoni. L-operatur li jixtieq jikseb l-istatus ta’ produttur-esportatur ġdid għandu biss jipproduċi provi li prima facie juru li ma esportax il-prodott inkwistjoni lejn l-Unjoni matul dan il-perijodu u li ma kellu ebda rabta ma’ esportaturi oħrajn tal-prodott inkwistjoni li kienu suġġetti għal dazji antidumping fis-seħħ, bħalma kien il-każ għall-produttur-esportatur Korean fil-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2179. It-tieni nett, bħala awtorità oġġettiva, il-Kummissjoni ma tistax tkun obbligata, skont ir-Regolament Bażiku, li tfittex li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ dawn l-esportazzjonijiet.

183    Fir-rigward tal-premessa 22 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti ssostni li l-espressjoni “ma jistax jiġi eskluż” ma ssib ebda bażi legali fir-Regolament Bażiku u fir-Regolament Definittiv. Din hija konklużjoni arbitrarja, ibbażata fuq ipoteżi. L-ewwel nett, il-Kummissjoni ma tippreżenta ebda indizju ta’ esportazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni jew direttament jew permezz ta’ kumpaniji marbutin jew fil-kuntest ta’ ftehimiet ta’ manifattura konklużi ma’ kumpanniji oħra indipendenti. It-tieni nett, meta l-oneru tal-prova fuq ir-rikorrenti tobbligaha tipproduċi provi li juru prima facie li hija ma esportatx il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perijodu ta’ investigazzjoni inizjali u ma għandha l-ebda rabta ma’ esportaturi oħrajn tal-prodott inkwistjoni li huwa suġġett għad-dazji antidumping li huma fis-seħħ, tkun ħaġa loġika li l-eżistenza ta’ esportazzjonijiet jew ta’ rabtiet qatt ma tista’ tkun totalment eskluża.

184    Minn dan isegwi li ż-żewġ konklużjonijiet inkwistjoni huma vvizzjati bi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni.

185    Barra minn hekk, fir-replika, ir-rikorrenti ssostni li l-argumenti mressqa fil-punti 182 u 183 iktar ’il fuq juru wkoll ksur ċar tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni.

186    Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

187    F’dan ir-rigward, is-sitt motiv jikkonċerna kwistjonijiet relatati mal-oneru tal-prova u l-livell ta’ prova li trid tiġi rrapportata minn dak fuq min jaqa’ dan il-piż. Xorta waħda dawn ġew diskussi b’mod estensiv u eżaminati fil-kuntest tat-tieni motiv.

188    Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar (ara l-punt 83 iktar ’il fuq) li, għalkemm ir-rikorrenti tinvoka ripetutament li l-istatus ta’ produttur-esportatur ġdid kellu jingħata lilha, peress li kienet ipproduċiet provi li juru prima facie li hija tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa, xejn fl-Artikolu 3 tar-Regolament Definittiv u wisq inqas fl-Artikolu 11(4) tar-Regolament Bażiku ma jħalli x’jinftiehem li dan huwa l-livell ta’ prova meħtieġ mil-leġiżlatur. Fiż-żewġ każijiet, il-leġiżlatur sempliċement ippreveda li kienet l-impriża interessata mill-istatus ta’ produttur-esportatur ġdid li kellha turi li l-kundizzjonijiet meħtieġa kienu ġew issodisfatti.

189    Kif ġie konkluż fil-punti 82 sa 90 iktar ’il fuq, minn naħa, ma jirriżulta xejn iktar mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2179 u, min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma sofriet l-ebda diskriminazzjoni fir-rigward tal-produttur-esportatur Korean inkwistjoni.

190    Fit-tieni lok, jekk ir-rikorrenti ssostni li prova impossibbli ġiet mitluba minnha, hemm lok li jiġi osservat li prova ta’ fatt ineżistenti jista’, ċertament, ma jkunx possibbli. Madankollu, il-piż tal-prova li jsostni l-applikant għall-istatus ta’ produttur-esportatur ġdid, kemm skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Definittiv kif ukoll skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament Bażiku, fih nnifsu ma għandu xejn impossibbli x’jissodisfa. Il-forniment ta’ informazzjoni u provi kompluti, konsistenti u verifikabbli, b’mod partikolari dwar il-bejgħ kollu tagħha u dwar l-istruttura tal-grupp tagħha, kif mitluba fil-kwestjonarju tal-eżami mill-ġdid u fi kwalunkwe mistoqsijiet għal kjarifiki, tippermetti lill-Kummissjoni teskludi, jekk dan ma huwiex effettivament il-każ, li l-prodott ikkonċernat ġie esportat lejn l-Unjoni matul il-perijodu ta’ investigazzjoni inizjali, jew saħansitra li tikkonkludi li r-rikorrenti ma hijiex marbuta ma’ xi produttur-esportatur suġġett għad-dazji antidumping inkwistjoni.

191    Fit-tielet lok, sa fejn ir-rikorrenti tikkritika l-espressjonijiet partikolari “il-Kummissjoni ma setgħetx tistabbilixxi jekk Foshan Lihua esportat il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perijodu ta’ investigazzjoni [inizjali]” u “ma jistax jiġi eskluż li, matul dan il-perijodu, Foshan Lihua esportat il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni jew direttament, jew permezz ta’ kumpanniji marbutin jew fil-kuntest ta’ ftehimiet ta’ manifattura konklużi ma’ kumpanniji oħra indipendenti”, dawn jirriżultaw direttament, minn naħa, mill-attribuzzjoni tal-oneru tal-prova meħtieġa sabiex issir taf jekk it-tliet kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ produttur-esportatur ġdid lill-operaturi kkonċernati huma sodisfatti u, min-naħa l-oħra, mil-livell ta’ prova meħtieġ f’dan il-kuntest (ara l-punt 188 iktar ’il fuq). Għalhekk, kuntrarjament għal dak li tinsinwa r-rikorrenti, ma huwiex l-obbligu tal-Kummissjoni la li turi l-eżistenza ta’ esportazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mir-rikorrenti lejn l-Unjoni jew tar-rabtiet ma’ kumpaniji suġġetti għad-dazji antidumping inkwistjoni, u lanqas li tipprovdi indikazzjonijiet f’dan is-sens. Sabiex tiċħad talba għall-għoti ta’ dan l-istatus, huwa biżżejjed, bażikament, li l-provi prodotti mill-operatur inkwistjoni ma kinux biżżejjed biex isostnu l-allegazzjonijiet tagħha, kif kien il-każ f’dan il-każ. Kif issostni ġustament il-Kummissjoni, huwa l-obbligu tagħha, fil-kuntest tar-rwol tagħha fl-investigazzjonijiet dwar l-għoti tal-istatus ta’ produttur-esportatur ġdid, li tivverifika permezz tal-mezzi kollha li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tagħha l-preċiżjoni tal-allegazzjonijiet u tal-provi prodotti minn tali operatur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Marzu 2012, GLS, C-338/10, EU:C:2012:158, punt 32). B’dan il-mod fil-kuntest tal-investigazzjoni li twassal għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma eċċediet il-kompetenzi tagħha, ma wettqet ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni u ma ħarġitx mill-pożizzjoni tagħha ta’ awtorità oġġettiva.

192    Fir-raba’ lok, f’dak li jirrigwarda l-allegazzjoni, li tinsab fir-replika, li l-argumenti mressqa fil-punti 182 u 183 iktar ’il fuq juru wkoll ksur ċar tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li din ma żżid xejn mal-argumenti diġà mressqa fil-kuntest ta’ dan il-motiv u li ġew miċħuda fil-punti 188 sa 191 iktar ’il fuq.

193    Minn dan isegwi li s-sitt motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ u fuq motivazzjoni bbażata mhux fuq il-fatti, iżda fuq suppożizzjonijiet

194    Permezz tas-seba’ motiv tagħha, ir-rikorrenti tikkritika l-premessi 17 sa 22 tad-deċiżjoni kkontestata. Il-premessi 17 sa 19 ta’ din id-deċiżjoni diġà ġew riprodotti fil-punt 170 iktar ’il fuq u l-premessa 22 ta’ din tal-aħħar fil-punt 132 iktar ’il fuq. Fir-rigward tal-premessi 20 u 21 tad-deċiżjoni kkontestata, dawn huma fformulati kif ġej:

“(20)      Fl-aħħar nett, [ir-rikorrenti] indikat fuq diversi siti web li l-Unjoni hija suq fil-mira għall-kumpannija u l-madum taċ-ċeramika tagħha huma deskritti bħala ‘iċċertifikati KE sa mill-2004’ u ‘popolari fl-Ewropa’. Għalhekk, [ir-rikorrent] setgħet tesporta madum taċ-ċeramika lejn l-Unjoni sa mill-inqas 2004. Jidher għalhekk improbabbli li wara li tkun kisbet iċ-ċertifikat KE meħtieġ għall-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni, [ir-rikorrenti] ma għamlitx hekk qabel l-2012, jiġifieri tmien snin wara l-kisba taċ-ċertifikat.

(21)      [Ir-rikorrenti] targumenta li l-eżistenza ta’ ċertifikazzjoni KE ma kinitx tikkostitwixxi prova li kien hemm esportazzjonijiet matul il-perijodu ta’ investigazzjoni [inizjali] u li ċ-ċertifikat KE ntuża għall-bejgħ lill-klijenti stabbiliti fl-Afrika, kif ukoll fil-Korea, fir-Russja, fil-Belarus u fl-Ukraina, li jaraw fil-marka KE garanzija ta’ kwalità. Madankollu, dan ma jibdel xejn ir-raġunament tal-Kummissjoni espost fil-premessa 20 hawn fuq. Filwaqt li huwa minnu li ċ-ċertifikat KE jista’ jkun għodda utli ta’ kummerċjalizzazzjoni f’ċerti pajjiżi, jidher improbabbli li dan kien jiġġustifika fih innifsu l-proċedura għalja għall-akkwist taċ-ċertifikazzjoni KE jekk l-intenzjoni ma kinitx li tibda tesporta lejn l-Unjoni. Fil-fatt, din il-proċedura jimplika, fost oħrajn, adattament tal-proċess ta’ produzzjoni, metodi ġodda ta’ ttestjar, bidliet eventwali fid-disinn biex titwaħħal it-tikketta kif ukoll ċertifikazzjoni minn organu terz. Barra minn hekk, iċ-ċertifikat KE huwa obbligatorju għall-bejgħ tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni, peress li l-madum taċ-ċeramika huwa prodott ta’ kostruzzjoni li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 305/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-9 ta’ Marzu 2011, li jistabbilixxi kondizzjonijiet armonizzati għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti għall-bini u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE (ĠU 2011, L 88, p. 5). Dan l-argument ġie konsegwentement miċħud.”

195    B’riferiment, b’mod partikolari, għad-digriet tat-18 ta’ Ġunju 1986, British American Tobacco u Reynolds Industries vs Il-Kummissjoni (142/84, mhux ippubblikata, EU:C:1986:250, punt 13), għas-sentenzi tas-17 ta’ Novembru 1987, British American Tobacco u Reynolds Industries vs Il-Kummissjoni (142/84 u 156/84, EU:C:1987:490), u mill-1 ta’ Ottubru 2009, Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware vs Il-Kunsill (C-141/08 P, EU:C:2009:598, punt 83), u għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Slynn fil-Kawża Hasselblad vs Il-Kummissjoni (86/82, EU:C:1983:204), ir-rikorrenti ssostni qabelxejn li d-dritt għal smigħ huwa dritt fundamentali li jiggarantixxi lil kull persuna l-possibbiltà li tesprimi, b’mod utli u effettiv, il-fehma tagħha matul il-proċedura amministrattiva u qabel l-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni li tista’ taffettwa b’mod sfavorevoli l-interessi tagħha. Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra elementi li jirriżultaw mill-risposta tal-impriża kkonċernata jew biex tabbanduna lmenti li jkunu infondati jew sabiex tfassal u tikkompleta kemm fil-fatt kif ukoll fid-dritt l-argumentazzjoni tagħha insostenn tal-ilmenti li hija tqis. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kellha teżamina mill-ġdid il-konklużjonijiet li hija tkun ġabret matul l-investigazzjoni inkwistjoni u, b’mod partikolari, fid-dokument ta’ informazzjoni ġenerali, fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet u tal-argumenti tar-rikorrenti. Għalkemm, skont ir-rikorrenti, fid-deċiżjoni finali tagħha, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tirrispondi l-argumenti kollha li hija ressqet, kellha tkun riċettiva, miftuħa għal dawn l-argumenti u lesta li tkun konvinta u tinkludi fid-deċiżjoni finali, mill-inqas, l-argumenti ewlenin tagħha. Għalhekk, il-Kummissjoni hija obbligata li teżamina l-punti kollha ta’ fatt u ta’ dritt li jinġiebu għall-konjizzjoni tagħha mir-rikorrenti.

196    Issa, il-Kummissjoni ma osservatx f’dan il-każ id-dritt għal smigħ u d-dritt għal amministrazzjoni tajba b’mod leali u effettiva. Fil-fatt, filwaqt li awtorizzat u stiednet lir-rikorrenti sabiex tiddefendi lilha nnifisha bil-miktub u bil-fomm, il-Kummissjoni kienet, fil-fatt, totalment injorat il-fatti kollha ppreżentati u l-argumenti mressqa. B’hekk, ir-rikorrenti ma nstemgħetx b’mod effettiv.

197    Fir-rigward tal-premessa 17 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-argumenti kontra diversi tagħha fil-punt 3 tal-Parti II tar-risposta tagħha tal-20 ta’ Diċembru 2015 fid-dokument ta’ informazzjoni ġenerali. Fil-fatt, il-kliem ta’ din il-premessa jirriproduċu litteralment il-premessa 14 tad-dokument ta’ informazzjoni ġenerali. Il-Kummissjoni ma indikatx liema “siti web kummerċjali oħrajn” kienet qed tirreferi fil-premessa 17 tad-deċiżjoni kkontestata, li kien ipprekluda lir-rikorrenti milli tiddefendi ruħha.

198    Ir-rikorrenti ssostni li hija spjegat li ċ-ċifri ta’ produzzjoni pprovduti lill-Kummissjoni kienu bbażati fuq il-kontijiet ivverifikati tagħha, li jinsabu fil-fajl tal-Kummissjoni. Min-naħa l-oħra, l-informazzjoni miksuba minn siti tal-internet bl-għan li timpressjona lill-klijenti futuri jkollhom skop kompletament differenti mill-kontijiet ivverifikati u ma għandhomx ikunu daqshekk preċiżi daqsi d-dikjarazzjonijiet finanzjarji ivverifikati. Iċ-ċifri vverifikati huma biss huma determinanti.

199    Fir-rigward tal-premessi 18 u 19 tad-deċiżjoni kkontestata, id-differenzi inkwistjoni jistgħu jiġu spjegati faċilment u l-Kummissjoni kienet ġiet informata fil-punti 3 u 4 tar-risposta tar-rikorrenti għad-dokument ta’ informazzjoni ġenerali. Huma dovuti għall-fatt li Foshan Lihua u Foshan Henry Trading huma żewġ kumpanniji differenti tal-istess grupp u għad-differenzi bejn id-dati ta’ kontabbiltà. Skont il-liġi Ċiniża, produttur bħar-rikorrenti għandha toħroġ fattura li ssemmi t-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) lil Foshan Henry Trading meta l-merkanzija kienet tgħabbiet u kienu ħallew liċ-Ċina. Dan jista’ jseħħ diversi ġimgħat wara li l-merkanzija fiżikament telqet miċ-Ċina. Min-naħa l-oħra, esportatur bħal Foshan Henry Trading għandha tiddikjara l-merkanzija lill-awtoritajiet doganali Ċiniżi fil-mument eżatt tal-esportazzjoni tagħha, jiġifieri meta l-merkanzija fiżikament telqet miċ-Ċina, tant li spiss kien hemm differenzi kunsiderevoli bejn id-dati ta’ kontabbiltà tar-rikorrenti u ta’ Foshan Henry Trading, speċjalment lejn tmiem is-sena, meta kultant ammonti enormi tal-oġġetti kienu esportati. Foshan Henry Trading tieħu f’idejha u spiss tesporta l-merkanzija matul l-aħħar xahrejn tas-sena, iżda l-fatturi li jsemmu l-VAT jinħarġu minn Foshan Lihua s-sena ta’ wara. Għalhekk, Foshan Henry Trading taħżen u tesporta ċerta merkanzija biss is-sena ta’ wara. Huwa għal din ir-raġuni li l-esportazzjonijiet ta’ Foshan Henry Trading jirrappreżentaw kultant 90 % tal-kapaċità ta’ produzzjoni. Issa, din is-sitwazzjoni tkun riprodotta mingħajr interruzzjoni matul is-snin sa u inkluża s-sena 2013.

200    Il-Kummissjoni ma spjegatx kif waslet għall-konklużjoni, li tinsab fil-premessa 19 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li dewmien fl-istabbiliment tal-inventarji ma setgħux jispjegaw ix-xejra kontinwa fuq perijodu ta’ tliet snin. Jidher li, fiċ-Ċina, tali dewmien huwa pjuttost frekwenti minħabba prattiki ta’ kontabbiltà u ta’ reġistrazzjoni f’reġistri pubbliċi.

201    Il-Kummissjoni injorat dawn l-argumenti, sa fejn il-premessi 18 u 19 tad-deċiżjoni kkontestata jirriproduċu testwalment il-premessi 15 u 16 tad-dokument ta’ informazzjoni ġenerali.

202    Fir-rigward tal-premessi 20 sa 22 tad-deċiżjoni kkontestata, għalkemm il-Kummissjoni aċċettat li ċertifikat “KE” kien strument ta’ sigurtà u tikketta ta’ kwalità użata fi swieq oħra minbarra dak tal-Unjoni, hija ssostni madankollu li jidher improbabbli li dan kien jiġġustifika fih innifsu l-proċedura għolja għall-akkwist taċ-ċertifikazzjoni “KE”, jekk l-intenzjoni ma kinitx li tibda tesporta lejn l-Unjoni.

203    Fil-premessa 22 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet f’dan ir-rigward li, peress li l-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti ma kinitx kompluta u hija kontradittorja ma’ informazzjoni oħra disponibbli, ma jistax jiġi eskluż li matul il-perijodu ta’ investigazzjoni inizjali, Foshan Henry Trading kienet esportat il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni jew direttament, permezz ta’ kumpanniji marbutin jew fil-kuntest ta’ ftehimiet ta’ manifattura konklużi ma’ kumpanniji oħra indipendenti. L-investigazzjoni inkwistjoni għalhekk ma setgħetx tistabbilixxi li r-rikorrenti ma esportatx il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perijodu ta’ investigazzjoni inizjali. Billi tirriproduċi litteralment il-premessi 17 sa 19 tad-dokument ta’ informazzjoni ġenerali, il-Kummissjoni kienet injorat l-argumenti kontra li r-rikorrenti kienet ressqet fil-punti 5 u 6 tar-risposta tagħha għal dan id-dokument u li jidhru fl-Anness A 5 tar-rikors. Ir-rikorrenti kienet wriet kemm iċ-ċertifikat “KE” kien importanti, anki għall-klijenti Koreani. L-osservanza tal-istandards ta’ sigurtà tal-UE tkun għodda promozzjonali sinjifikanti fil-bejgħ barra mill-Unjoni, liema fatt il-Kummissjoni injorat billi żammet il-pożizzjoni tagħha li tgħid li l-ispejjeż għoljin taċ-ċertifikat maħruġ fl-2004 kienu juru l-intenzjoni tar-rikorrenti li tibda tesporta lejn l-Unjoni.

204    Għalkemm huwa minnu li r-rikorrenti kienet dejjem xtaqet tesporta lejn l-Unjoni, hija sfortunatament ma rnexxilhiex tagħmel dan qabel l-2013 u l-Kummissjoni ma kellha ebda prova tar-realizzazzjoni ta’ din l-intenzjoni. Barra minn hekk hija kienet ġarrbet l-ispejjeż neċessarji sabiex iġġib iċ-ċertifikat “KE” mhux biss biex tkun tista’ tesporta lejn l-Unjoni, iżda wkoll lejn swieq oħra, fejn ċertifikat bħal dan seta’ jikkostitwixxi vantaġġ kummerċjali.

205    Fil-premessa 22 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikklassifika l-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti bħala inkompleta u kontradittorja, iżda hija ma kinitx fil-pożizzjoni li tippreċiża liema informazzjoni hija inkompleta jew inkonsistenti, jew għaliex din hija hekk.

206    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

207    F’dan ir-rigward, u kif tfakkar fil-kuntest tar-raba’ motiv, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li d-dritt għal smigħ huwa parti integrali mir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u li dan id-dritt jiggarantixxi lil kull persuna l-possibbiltà li tesprimi, b’mod utli u effettiv, il-fehma tagħha matul il-proċedura amministrattiva u qabel l-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni li tista’ taffettwa b’mod sfavorevoli l-interessi tagħha (ara l-punt 147 iktar ’il fuq).

208    Ir-regola li tgħid li d-destinatarju ta’ deċiżjoni li tikkawżalu preġudizzju għandu jitqiegħed f’pożizzjoni li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu qabel ma din tittieħed għandha bħala għan b’mod partikolari li dik il-persuna tkun tista’ tikkoreġi żball jew ssostni dawk l-elementi relattivi għas-sitwazzjoni personali tagħha li jimmilitaw fis-sens li d-deċiżjoni tittieħed jew ma tittiħidx jew li jkollha kontenut partikolari (ara l-punt 148 iktar ’il fuq).

209    Madankollu, iċ-ċirkustanza li l-premessi 17 sa 20 u 22 tad-deċiżjoni kkontestata huma fformulati bl-istess mod li l-premessi 14 sa 18 tad-dokument ta’ informazzjoni ġenerali ma jfissirx ukoll, kif il-Kummissjoni ssostni, li din naqqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-ispjegazzjonijiet mogħtija mir-rikorrenti u li hija kisret id-dritt tagħha li tinstema’ matul il-proċedura amministrattiva. Bħal fil-każ tal-partijiet prinċipali, hemm lok li jitfakkru l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Slynn fil-Kawża Hasselblad vs Il-Kummissjoni (86/82, EU:C:1983:204), li jgħidu li din iċ-ċirkustanza tindika li l-argumenti u l-provi prodotti mir-rikorrenti ma kinux f’pożizzjoni li jwasslu għall-konvinċiment tal-Kummissjoni, u hija għalhekk miċħuda. Barra minn hekk, jirriżulta mill-ittra tar-rikorrenti tal-15 ta’ Jannar 2016, indirizzata lill-Kummissjoni sabiex tiġbor fil-qosor il-kontenut tas-smigħ tat-13 ta’ Jannar 2016, li r-rikorrenti ħadet nota li l-argumenti u d-dokumenti pprovduti lill-Kummissjoni, inklużi dawk li segwew l-iżvelar tad-dokument ta’ informazzjoni ġenerali, ma kinux ta’ natura li jikkonvinċu lill-Kummissjoni li ż-żewġ kundizzjonijiet kontenzjużi sabiex jinkiseb l-istatus ta’ produttur-esportatur ġdid previst fl-Artikolu 3 tar-Regolament Definittiv kienu ġew sodisfatti. Għalhekk, hija ma tistax issostni li l-Kummissjoni purament u sempliċement injorat l-informazzjoni li hija kienet irċeviet.

210    Din il-konklużjoni hija koerenti mal-ġurisprudenza li tgħid li l-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 KE għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament segwit mill-istituzzjoni, awtriċi tal-att inkriminat, b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjoni tal-miżura adottata sabiex jiddefendi d-drittijiet tagħhom u lill-qorti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Madankollu, ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-fatti u l-punti kollha ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni ta’ jekk il-motivazzjoni tkunx tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-kliem tagħha iżda wkoll tal-kuntest tagħha u tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-materja inkwistjoni. Barra minn hekk, il-motivazzjoni ta’ att ikkontestat għandha tiġi evalwata billi tiġi kkunsidrata b’mod partikolari l-informazzjoni li ġiet mibgħuta lir-rikorrenti u billi jiġu kkunsidrati l-osservazzjonijiet li hija ssottomettiet matul il-proċedura amministrattiva. B’mod partikolari, ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet dwar anti-dumping tispeċifika l-elementi differenti ta’ fatt u ta’ dritt, ta’ spiss numerużi u kumplessi, li jkunu s-suġġett tagħha, peress li dawn id-deċiżjonijiet jidħlu fil-kuntest sistematiku tal-miżuri kollha li jiffurmaw parti minnu. F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li r-raġunament tal-istituzzjonijiet f’dawk id-deċiżjonijiet jidher b’mod ċar u mhux ekwivoku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Mejju 2014, Guangdong Kito Ceramics et vs Il-Kunsill, T-633/11, mhux ippubblikata, EU:T:2014:271, punt 120 u l-ġurisprudenza ċċitata).

211    Barra minn hekk, il-premessa 21 tad-deċiżjoni kkontestata tirrispondi speċifikament għall-osservazzjonijiet ippreżentati mir-rikorrenti wara n-notifika tad-dokument ta’ informazzjoni ġenerali.

212    Minn dan isegwi li l-argumenti tar-rikorrenti li permezz tagħhom hija tixtieq tistabbilixxi li ksur tad-dritt tagħha għal smigħ permezz tas-sempliċi identità ta’ diversi motivi kkunsidrati fid-deċiżjoni kkontestata u d-dokument ta’ informazzjoni ġenerali għandhom jiġu miċħuda.

213    Barra minn hekk, hemm il-ħtieġa li jiġu eżaminati l-kritiki speċifiċi magħmula mir-rikorrenti fir-rigward tal-premessi speċifiċi tad-deċiżjoni kkontestata.

214    Fl-ewwel lok, f’dak li jikkonċerna l-kritika mressqa kontra l-premessa 17 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punti 197 u 198 iktar ’il fuq), l-argument tar-rikorrenti li jgħid li hija ma setgħetx tesprimi lilha nnifisha dwar is-sorsi ta’ informazzjoni li għalihom tirreferi l-Kummissjoni hija kkontestata mit-tieni talba għal kjarifiki li tidher fl-Anness B 18 tar-risposta. Il-Kummissjoni tindika ċarament li s-sorsi ta’ informazzjoni tagħha huma s-siti tal-internet tar-rikorrenti stess u dak ta’ Global Manufacturer Certification (iktar ’il quddiem “GMC”), impriża ta’ fama internazzjonali, li wettqet verifika tar-rikorrenti fl-2009 fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ċertifikazzjoni. Għaldaqstant, dan l-argument għandu tiġi rrifjutat.

215    Għalkemm ir-rikorrenti tallega li ppreżentat fir-risposta tagħha għad-dokument ta’ informazzjoni ġenerali spjegazzjonijiet f’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li żewġ ittri li jidhru fl-Anness A 6 tar-rikors ma fihom ebda informazzjoni ta’ natura li tispjega d-differenzi li jeżistu fuq il-livell ta’ kapaċità ta’ produzzjoni bejn ir-risposta mogħtija għall-kwestjonarju u d-data li tirriżulta kemm minn fuq is-sit tal-internet tagħha kif ukoll minn dak tal-GMC. L-argument għandu għalhekk jiġi miċħud.

216    F’dak li jikkonċerna l-argument li jgħid li r-risposti tar-rikorrenti għall-kwestjonarju huma bbażati fuq ir-rapporti vverifikati u ssottomessi lill-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li hija ma tidentifikax eżattament fejn l-informazzjoni meħtieġa tinsab fil-fajl tal-Qorti Ġenerali. Hija ma tikkonfutax, barra minn hekk, l-argument tal-Kummissjoni li dawn il-verifiki ma jinkludux l-informazzjoni inkwistjoni.

217    Lanqas ma huwa kredibbli li tipprova tiġġustifika d-differenzi sinjifikanti daqs dawk rrilevati mill-Kummissjoni permezz tal-argument li l-informazzjoni pprovduta fuq is-sit ta’ Internet tagħha stess jew saħansitra fuq is-sit ta’ Internet ta’ GMC, ma hijiex preċiża, għaliex din ma kinitx miksuba wara analiżi rigoruża. Dan l-argument għalhekk ma setax jiġi milqugħ.

218    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi enfasizzat li, quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti llimitat ruħha li tagħmel allegazzjonijiet ġenerali. Ir-rikorrenti ma tat ebda analiżi sabiex turi n-natura żbaljata taċ-ċifri kkunsidrati mill-Kummissjoni jew in-natura manifestament żbaljata tal-konklużjonijiet li għalihom kienet waslet.

219    Fit-tieni lok, għalkemm il-premessa 18 tad-deċiżjoni kkontestata tissemma fost il-premessi kkontestati, ir-rikorrenti ammettiet fis-seduta li ma għamlet ebda kritika speċifika fir-rigward tagħha. Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma stabbilixxietx li l-motivi kkunsidrati f’din il-premessa kienu vvizzjati minn illegalità allegata f’dan il-motiv.

220    It-tielet nett, fir-rigward tal-premessa 19 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma turix l-eżistenza ta’ regola ta’ dritt Ċiniża fil-qasam tal-VAT li hija tinvoka (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Ottubru 2017, Moravia Consulting vs EUIPO – Citizen Systems Europe (SDC-444S), T-318/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:719, punt 72). Ir-rikorrenti lanqas ma pprovat li l-maġġoranza tal-esportazzjonijiet tagħha effettivament seħħet fi tmiem is-sena. Barra minn hekk, jirriżulta mill-Anness B 12 tar-risposta li, bejn l-2009 u l-2015, il-bejgħ ta’ Foshan Henry Trading matul l-aħħar xahrejn ta’ kull waħda minn dawn is-snin ma jaqbżu l-ebda bejgħ imwettaq matul ix-xhur l-oħra. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ġustament issostni li d-differenzi fid-dati ta’ reġistrazzjoni jistgħu jispjegaw bidla fil-volumi biss f’sena waħda. Issa, ir-rikorrenti argumentat li din is-sitwazzjoni tirrepeti ruħha mingħajr interruzzjoni matul is-snin sa u inkluża s-sena 2013. Għalhekk, jekk l-istess bidla sseħħ matul perijodu ta’ diversi snin, ma hemm iktar l-ebda differenza, peress li kwalunkwe volum mingħajr kontabbiltà f’sena partikolari għandha ssirlu l-kontabbiltà matul is-sena ta’ wara u l-volum globali fuq diversi snin se jibqa’ l-istess jew ser ikun simili ħafna. L-argumenti mressqa kontra l-premessa 19 tad-deċiżjoni kkontestata għandhom għalhekk jiġu miċħuda.

221    Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-argumenti relatati mal-impatt tal-pussess mir-rikorrenti taċ-ċertifikat “KE” fuq l-evalwazzjoni tal-kundizzjoni li tgħid li l-applikant għall-istatus ta’ produttur-esportatur ġdid għandu juri li huwa ma esportax il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perijodu ta’ investigazzjoni inizjali, it-talbiet tal-Kummissjoni għandhom jiġu evalwati fil-kuntest tal-kawża. Il-Kummissjoni taċċetta li ċertifikat bħal dan jista’ jikkostitwixxi għodda ta’ kummerċjalizzazzjoni f’ċerti pajjiżi terzi. Madankollu, l-ispejjeż u l-isforzi li għandhom jiġu impenjati għall-kisba tiegħu huma tali li huwa jitneħħa mis-sens li tixtieq tikseb fin-nuqqas ta’ intenzjoni ċara li tesporta wkoll il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni. Issa, ir-rikorrenti ammettiet espressament fir-rikors li dejjem xtaqet tesporta l-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni. Ċertament, dan il-fatt ma jurix li r-rikorrenti kienet effettivament wettqet esportazzjonijiet lejn l-Unjoni matul il-perijodu tal-investigazzjoni inizjali. Madankollu, l-intenzjoni tagħha li tesporta lejn l-Unjoni mill-2002, flimkien mal-kisba tal-imsemmi ċertifikat, huwa element li, fid-dawl tan-natura kontradittorja ta’ ċerta informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti u n-nuqqas tagħha li tipprovdi l-informazzjoni neċessarja, hija ta’ natura li ssaħħaħ il-konklużjoni li tinsab fil-premessa 22 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li hija ma wrietx in-nuqqas ta’ esportazzjonijiet lejn l-Unjoni matul il-perijodu inkwistjoni.

222    Peress li din il-konklużjoni tirriżulta diġà suffiċjentement mill-premessi 16 sa 19 tad-deċiżjoni kkontestata, l-iżviluppi li jidhru fil-premessi 20 u 21 tad-deċiżjoni kkontestata għandhom jiġu kkunsidrati bħala superfluwi. Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li r-rikorrenti, fl-ittra tagħha tal-15 ta’ Jannar 2016, li tagħmel sunt tal-kontenut tas-seduta tat-13 ta’ Jannar 2016, indikat, essenzjalment, li ħadet nota tal-fatt li l-motiv tal-Kummissjoni dwar il-marka CE, kien fattur addizzjonali.

223    Għaldaqstant, l-eventwali fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti diretti kontra l-premessi 20 u 21 tad-deċiżjoni kkontestata ma tistax twassal li tiġi invalidata l-konklużjoni li tinsab fil-premessa 22 ta’ din id-deċiżjoni, dwar il-kundizzjoni eżaminata. Barra minn hekk, ta’ min jerġa’ jfakkar li din il-premessa hija bbażata wkoll fuq il-fatt, li diġà ssemmiet fil-premessa 18 tad-dokument ta’ informazzjoni ġenerali, li ma jistax jiġi eskluż li r-rikorrenti esportat il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni fil-kuntest ta’ ftehimiet ta’ manifattura konklużi ma’ kumpanniji oħra indipendenti. Issa, ġie stabbilit li l-argument tar-rikorrenti li jgħid li kważi kollha, jew saħansitra l-esportazzjonijiet tagħha kollha qabel l-2013 kienu seħħew permezz ta’ kumpannija ta’ negozju Foshan Guangchengda Import & Export kien ikkontestat kemm mid-dokument ippreżentat fl-Annessi B 19 u B 29 tar-risposta, li minnu jirriżulta li r-rikorrenti biegħet kwantitajiet sinjifikanti tal-prodotti tagħha wkoll lil impriżi oħra ta’ esportazzjoni, kif ukoll permezz tad-dikjarazzjonijiet proprji tar-rikorrenti, li jgħidu li hija biegħet il-prodotti tagħha fl-2009 lil negozjant indipendenti fil-Malasja. Issa, hija ma ssemmi ebda element ta’ natura li jistabbilixxi li l-prodotti tagħha ma kinux sussegwentement ġew esportati minn dawn il-kumpaniji lejn l-Unjoni. Minflok, hija ammettiet li tilfet t-traċċa wara l-bejgħ tagħhom lin-negozjanti.

224    Għaldaqstant, is-seba’ motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tmien motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 9.5 tal-Ftehim Antidumping

225    Ir-rikorrenti ssostni li, billi talbitha tagħti prova ta’ volumi rappreżentattivi jew ta’ kwalunkwe volum ta’ esportazzjoni lejn l-Unjoni wara l-perijodu inizjali ta’ investigazzjoni, il-Kummissjoni imponitilha kundizzjoni illegali, peress li hija ma kinitx prevista fl-Artikolu 9.5 tal-Ftehim Antidumping.

226    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

227    F’dan ir-rigward, il-premessa 10 tad-deċiżjoni kkontestata tikkonstata li r-rikorrenti kienet produttur-esportatur tal-prodott ikkonċernat u li hija kienet effettivament wettqet esportazzjonijiet lejn l-Unjoni wara l-perijodu ta’ investigazzjoni oriġinali. Għalhekk, l-eventwali konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ konformità mat-tielet kundizzjoni prevista fl-Artikolu 3 tar-Regolament Definittiv fid-dawl tal-Artikolu 9.5 tal-Ftehim Antidumping ma kinitx se twassal għal titjib fis-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti. Dan l-aggravju huwa, għaldaqstant, ineffettiv.

228    Għalhekk, peress li t-tmien motiv għandu jiġi miċħud, tant li r-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

229    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

230    Peress li r-rikorrenti tilfet, hija għandha tiġi kkundannata minbarra għall-ispejjeż tagħha, kif ukoll għal dawk sostnuti mill-Kummissjoni kif mitlub minn din tal-aħħar.

231    Skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tordna li parti intervenjenti differenti minn dawk imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-artikolu tbati l-ispejjeż tagħha. F’dan il-każ, hemm lok li jiġi deċiż li l-intervenjenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Foshan Lihua Ceramic Co. Ltd għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess, kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

3)      Cerame-Unie AISBL għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

Kanninen

Schwarcz

Iliopoulos

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-20 ta’ Marzu 2019.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.