Language of document :

Rikors ippreżentat fid-29 ta' Jannar 2013 - Donnici vs Il-Parlament

(Kawża T-43/13)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrent: Beniamino Donnici (Casrolibero, l-Italja) (rappreżentanti: V. Vallefuoco u J. Van Gyseghem, avukati)

Konvenut: Il-Parlament Ewropew

Talbiet

tikkonstata n-nuqqas serju min-naħa tal-Parlament Ewropew għal dak li jirrigwarda d-deċiżjoni adottata fl-24 ta' Mejju 2007, li tikkawża preġudizzju lir-rikorrent, u li sussegwentement tħassret permezz ta' sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta' April 2009, u, konsegwentement, tikkundanna lill-Parlament Ewropew għall-għoti ta' kumpens għad-danni materjali u dawk mhux materjali, li sofra u ser isofri b'konsegwenza tal-imsemmi att illegali, fuq bażi ta' ekwità skont il-każ, li jammonta għal EUR 1 720 470, jew għal ammont inqas kif stabbilit mill-qorti.

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjez.

Motivi u argumenti prinċipali

L-istess bħal fil-kawżi T-215/07 u C-9/08, Donnici vs Il-Parlament, ir-rikorrent jitlob kumpens għad-dannu li huwa sofra wara li l-konvenut irrifjuta li jirrikonoxxi l-validità tal-mandat tiegħu bħala membru tal-Parlament Ewropew, li sussegwentement ġie annullat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent isostni li, f'dan il-kawża, il-kundizzjonijiet kollha meħtieġa mill-ġurisprudenza sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-instituzzjonijiet tal-Unjoni huma ssodisfatti, u b'mod partikolari:

l-illegalità tal-aġir ikkontestat;

ir-realtà tad-dannu;

ir-rabta kawżali, kif ukoll

il-ħtija tal-Unjoni, jew il-gravità tal-ksur imwettaq minn din tal-aħħar. F'dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li billi adotta d-deċiżjoni li tat lok għal din il-kawża, il-konvenut kiser b'mod suffiċjentement gravi u manifest dispożizzjoni legali intiża sabiex tagħti drittijiet lill-individwi.

____________