Language of document :

Rikors ippreżentat fl-20 ta' Frar 2013 - Synergy Hellas vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-106/13)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Rikorrenti: d.d. Synergy Hellas Anonimi Emporiki Etairia Parokhis Ipiresion Pliroforikis (Ateni, il-Greċja) (rappreżentanti: M. Angelopoulos u K. Damis, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara li l-esklużjoni tal-kumpannija min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea mill-parteċipazzjoni fil-programm ARTreat tikkostitwixxi ksur tal-obbligi kuntrattwali tal-Kummissjoni fid-dawl tal-prinċipji ta' proporzjonalità u ta' protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, u tordna lill-Kummissjoni tħallas lir-rikorrenti s-somma ta' tliet mija tlieta u erbgħin elf, tmien mija tmienja u għoxrin euro u tmienja u tmenin ċenteżmu (EUR 343 828.88) fir-rigward tal-pagamenti dovuti mill-Kummissjoni fir-rigward tal-proġett ARTreat, flimkien mal-interessi kkalkolati mid-data tal-preżentata ta' dan ir-rikors;

tordna lill-Kummissjoni tħallas lir-rikorrenti s-somma ta' disgħa u tmenin elf, disa' mija tlieta u tletin euro u sittax-il ċenteżmu (EUR 89 933.16) bħala kumpens għad-dannu finanzjarju u għall-ħsara lir-reputazzjoni professjonali tagħha li r-rikorrenti ġarrbet minħabba l-użu ħażin min-naħa tal-Kummissjoni tas-setgħat tagħha u minħabba ksur tal-kunfidenzalità, flimkien ma' interessi kumpensatorji mill-14 ta' Ġunju 2012 sal-għoti ta' sentenza f'din il-kawża u interessi moratorji mill-għoti tas-sentenza f'din il-kawża sal-ħlas finali;

tordna lill-Kummissjoni tħallas l-ispejjeż tar-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta' dan ir-rikors, ir-rikorrenti tressaq żewġ azzjonijiet.

Fl-ewwel lok, azzjoni, skont l-Artikolu 272 TFUE, fir-rigward tar-responsabbiltà tal-Kummissjoni taħt il-Kuntratt FP7-224297 li jirrigwarda t-twettiq tal-proġett "Multi-level patient-specific artery and artherogenesis model for outcome prediction, decision support treatment, and virtual hand-on training (ARTreat)". B'mod partikolari, ir-rikorrenti ssostni li, minkejja li min-naħa tagħha hija kienet wettqet debitament u kompletament l-obbligi kuntrattwali tagħha, il-Kummissjoni, mingħajr ma kienet intitolata tagħmel dan u bi ksur tal-kuntratt u tal-prinċipji ta' protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta' proporzjonalità, issospendiet il-pagament dovut lilha.

Fit-tieni lok, azzjoni sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Kummissjoni, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE. B'mod partikolari, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni, permezz tal-aġir illegali tagħha, ikkawżat ħsara għar-reputazzjoni professjonali tar-rikorrenti.

____________