Kawżi T-778/16 u T-892/16
L-Irlanda et
vs
Il-Kummissjoni Ewropea
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla Estiża) tal-15 ta’ Lulju 2020
“Għajnuna mill-Istat – Għajnuna implimentata mill-Irlanda – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern u illegali u li tordna l-irkupru tagħha – Deċiżjonijiet dwar it-taxxa (tax rulings) – Vantaġġi fiskali selettivi – Prinċipju ta’ distakkament”
1. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Intervent tal-Istat f’oqsma li ma kinux is-suġġett ta’ armonizzazzjoni fl-Unjoni Ewropea – Tassazzjoni diretta – Inklużjoni – Deskrizzjoni tal-valur taxxabbli u tqassim tal-piż fiskali – Kompetenzi tal-Istati Membri – Limiti – Kompetenzi tal-Kummissjoni
(Artikolu 107(1) TFUE)
(ara l-punti 105-109)
2. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Eżistenza ta’ vantaġġ – Miżura ta’ tnaqqis fiskali – Kriterji ta’ evalwazzjoni
(Artikolu 107(1) TFUE)
(ara l-punti 110-111, 115)
3. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Miżuri fiskali – Eżami konġunt tal-kriterji ta’ selettività u ta’ vantaġġ ekonomiku – Ammissibbiltà
(Artikolu 107(1) TFUE)
(ara l-punti 134-138)
4. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Vantaġġ selettiv – Deċiżjonijiet dwar it-taxxa antiċipattivi (tax rulings) – Qafas ta’ referenza sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ vantaġġ – Delimitazzjoni materjali – Kriterji – Identifikazzjoni tas-sistema fiskali komuni jew “normali” – Sistema ġenerali tat-taxxa fuq il-kumpanniji li għandha l-għan li tintaxxa l-profitti taxxabbli tal-kumpanniji residenti jew mhux residenti li jeżerċitaw attivitajiet fit-territorju tal-Istat Membru
(Artikolu 107(1) TFUE)
(ara l-punti 149-163)
5. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Vantaġġ selettiv – Deċiżjonijiet dwar it-taxxa antiċipattivi (tax rulings) – Determinazzjoni tal-profitti taxxabbli – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tattribwixxi, permezz ta’ esklużjoni, profitti miksuba mill-attivitajiet kummerċjali li jirriżultaw mill-proprjetà intellettwali lill-fergħat ta’ kumpanniji mhux residenti – Żball ta’ evalwazzjoni tad-dritt fiskali nazzjonali
(Artikolu 107(1) TFUE)
(ara l-punti 174-187, 361-362)
6. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Vantaġġ selettiv – Deċiżjonijiet dwar it-taxxa antiċipattivi (tax rulings) – Deskrizzjoni tal-valuri taxxabbli u tat-tqassim tal-piż fiskali – Applikazzjoni tal-prinċipju ta’ distakkament – Portata
(Artikolu 107(1) TFUE)
(ara l-punti 221-224)
7. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Vantaġġ selettiv – Deċiżjonijiet dwar it-taxxa antiċipattivi (tax rulings) – Attribuzzjoni tal-profitti lill-fergħa ta’ kumpannija mhux residenti – Possibbiltà li wieħed jibbaża ruħu fuq l-approċċ awtorizzat mill-Organizzazzjoni ta’ Kooperazzjoni u ta’ Żvilupp Ekonomiku (OECD) – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet
(Artikolu 107(1) TFUE)
(ara l-punti 235-239, 323-324)
8. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Vantaġġ selettiv – Deċiżjonijiet dwar it-taxxa antiċipattivi (tax rulings) – Eżami tal-metodu ta’ allokazzjoni tal-profitti vvalidat fid-dawl tal-prinċipju ta’ distakkament – Żbalji metodoloġiċi identifikati li ma jwasslux neċessarjament għal trattament fiskali vantaġġuż
(Artikolu 107(1) TFUE)
(ara l-punti 319, 332-333, 348-350, 416, 434-435, 479-480)
9. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Natura selettiva tal-miżura – Deroga mis-sistema fiskali ġenerali – Miżura ta’ natura ġenerali applikabbli mingħajr distinzjoni għall-operaturi ekonomiċi kollha – Allegata setgħa diskrezzjonali fl-għoti estiż tal-vantaġġ fiskali – Setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet pubbliċi ċirkoskritta mill-kriterji oġġettivi
(Artikolu 107(1) TFUE)
(ara l-punti 496-499)
Sunt
Fil-11 ta’ Ġunju 2014, il-Kummissjoni Ewropea fetħet proċedura ta’ investigazzjoni formali dwar id-deċiżjonijiet dwar it-taxxa adottati mill-awtoritajiet fiskali Irlandiżi fuq il-profitt taxxabbli attribwiti lill-fergħat Irlandiżi ta’ Apple Sales International (ASI) u ta’ Apple Operations Europe (AOE), minħabba li dawn id-deċiżjonijiet dwar it-taxxa setgħu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat. ASI u AOE, sussidjarji tal-grupp Apple (1), huma kumpanniji rregolati mid-dritt Irlandiż, amministrati u kkontrollati barra mill-Irlanda li ma humiex residenti fiskali Irlandiżi, u li kkostitwixxew fergħat Irlandiżi (2).
Fi tmiem l-investigazzjoni tagħha, permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Awwissu 2016 (3) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni kkonkludiet li d-deċiżjonijiet dwar it-taxxa adottati mill-awtoritajiet fiskali Irlandiżi kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat illegali u inkompatibbli mas-suq intern li kellha tiġi rkuprata mingħand ASI u mingħand AOE. Sabiex tasal għal din il-konklużjoni, f’dak li jirrigwarda l-kriterju tal-vantaġġ selettiv, il-Kummissjoni għamlet użu minn tliet linji ta’ raġunament distinti (prinċipali, sussidjarju u alternattiv) intiżi sabiex juru li d-deċiżjonijiet dwar it-taxxa kkontestati ppermettew lil ASI u lil AOE li jnaqqsu l-ammont tat-taxxa li huma kellhom iħallsu fl-Irlanda matul il-perijodu li matulu dawn kienu fis-seħħ, jiġifieri bejn l-1991 u l-2014.
Adita b’rikorsi ppreżentati mill-Irlanda, minn ASI u minn AOE, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kkontestata. Din is-sentenza, li hija estensjoni ta’ kawżi oħra relatati mad-deċiżjonijiet dwar it-taxxa antiċipattivi (tax rulings) (4), tagħmel preċiżazzjonijiet dwar il-kriterju ta’ selettività tal-miżuri ta’ għajnuna meta l-Istati Membri jadottaw dawn it-tip ta’ deċiżjonijiet.
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali fakkret li l-interventi tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta, minkejja li dawn jirrigwardaw kwistjonijiet li ma humiex is-suġġett ta’ armonizzazzjoni fl-Unjoni, ma humiex esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-istħarriġ tal-għajnuna mill-Istat. F’dan ir-rigward, peress li l-Kummissjoni hija kompetenti sabiex tiżgura l-osservanza ta’ din il-leġiżlazzjoni, hija ma tistax tiġi kkritikata li marret lil hinn mill-kompetenzi tagħha meta eżaminat jekk, bl-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar it-taxxa kkontestati, l-awtoritajiet fiskali Irlandiżi kinux taw lil ASI u lil AOE trattament fiskali vantaġġuż, billi ppermettitilhom li jnaqqsu l-profitti taxxabbli tagħhom meta mqabbla ma’ dawk ta’ kumpanniji taxxabbli oħra li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli. Waqt l-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza min-naħa tal-Kummissjoni, fir-rigward ta’ miżuri fiskali, l-eżami tal-vantaġġ u dak tas-selettività jikkoinċidu, sa fejn dawn iż-żewġ kriterji jimplikaw li jintwera li l-miżura fiskali kkontestata twassal għal tnaqqis fl-ammont tat-taxxa li normalment kien dovut mill-benefiċjarju tal-miżura skont is-sistema tat-taxxa ordinarja u, għaldaqstant, applikabbli għall-persuni taxxabbli l-oħra li jinsabu fl-istess sitwazzjoni.
F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni ma kienx irnexxielha turi l-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv li wassal għal tnaqqis fl-ammont dovut minn ASI u minn AOE bħala taxxa fuq il-kumpanniji fl-Irlanda. Fil-fehma tagħha, kull waħda mil-linji ta’ raġunament tal-Kummissjoni, f’dan ir-rigward, huma vvizzjati bi żbalji li jaffettwaw, konsegwentement, il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.
Fl-ewwel lok, fir-rigward tar-raġunament prinċipali tal-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali vvalidat dan l-argument f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-qafas ta’ referenza, l-użu tal-prinċipju ta’ distakkament kif ukoll l-approċċ awtorizzat mill-OECD (5).
L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Kummissjoni ma wettqitx żball fid-determinazzjoni tal-qafas ta’ referenza għall-finijiet tal-eżami tal-kriterju tal-vantaġġ selettiv. Din hija kkostitwita mis-sistema ta’ dritt komuni tat-tassazzjoni tad-dħul tal-kumpanniji li l-għan tagħhom huwa li jintaxxaw id-dħul taxxabbli tal-kumpanniji li jeżerċitaw attività fl-Irlanda, kemm jekk ikunu residenti jew mhux residenti, integrati jew awtonomi. Fil-fatt, minbarra t-tassazzjoni tal-kumpanniji residenti, id-dritt fiskali Irlandiż jipprovdi li l-kumpanniji mhux residenti ma humiex intaxxati fl-Irlanda, sakemm ma jwettqux attività kummerċjali permezz ta’ fergħa jew ta’ aġenzija, f’liema każ dawn jiġu intaxxati fuq id-dħul kummerċjali kollu li jirriżulta direttament jew indirettament mill-fergħa jew mill-aġenzija u fuq l-assi jew drittijiet użati minn, jew miżmuma minn jew miżmuma għall-fergħa jew għall-aġenzija kif ukoll fuq il-qligħ kapitali taxxabbli imputabbli lill-fergħa jew lill-aġenzija (6). Għaldaqstant, il-kumpanniji residenti u dawk mhux residenti li jeżerċitaw attivitajiet kummerċjali fl-Irlanda permezz ta’ fergħa jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli fir-rigward tal-għan imfittex mis-sistema fiskali Irlandiża, jiġifieri t-tassazzjoni tad-dħul taxxabbli.
It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, peress li d-dritt fiskali Irlandiż għandu l-intenzjoni li jintaxxa d-dħul mill-attivitajiet kummerċjali ta’ fergħa ta’ kumpannija mhux residenti bħallikieku dan kien iddeterminat f’kundizzjonijiet tas-suq, il-Kummissjoni setgħet validament tibbaża ruħha fuq il-prinċipju ta’ distakkament sabiex tivverifika l-eżistenza ta’ vantaġġ fiskali, anki jekk dan il-prinċipju ma kienx is-suġġett ta’ inkorporazzjoni formali fid-dritt Irlandiż. L-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju tippermetti lill-Kummissjoni li tivverifika, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha abbażi tal-Artikolu 107(1) TFUE, jekk id-dħul taxxabbli ta’ fergħa ta’ kumpannija mhux residenti huwiex iddeterminat, għall-finijiet tat-taxxa fuq il-kumpanniji, b’mod li jiżgura li l-kumpanniji mhux residenti li joperaw permezz ta’ fergħa fl-Irlanda ma jibbenefikawx minn trattament favorevoli meta mqabbla mal-kumpanniji residenti awtonomi, li d-dħul taxxabbli tagħhom kien jirrifletti l-prezzijiet innegozjati fis-suq f’kundizzjonijiet ta’ distakkament. Fir-rigward tal-portata tal-prinċipju ta’ distakkament fil-kuntest tal-istħarriġ tal-għajnuna mill-Istat, il-Qorti Ġenerali fakkret li, għalkemm f’dan il-każ dan il-prinċipju jikkostitwixxi għodda li tippermetti li tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ vantaġġ fiskali, il-Kummissjoni ma tistax madankollu ssostni li jeżisti obbligu awtonomu li jobbliga lill-Istati Membri japplikawh b’mod orizzontali fl-oqsma kollha tad-dritt fiskali nazzjonali tagħhom. Fil-fatt, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-għażla tal-bażijiet taxxabbli u tat-tqassim tal-piżijiet fuq id-diversi fatturi ta’ produzzjoni u d-diversi setturi ekonomiċi, il-Kummissjoni ma għandhiex, f’dan l-istadju tal-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni, kompetenza li tippermettilha tiddefinixxi b’mod awtonomu t-tassazzjoni msejħa “normali” ta’ impriża integrata, mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni r-regoli fiskali nazzjonali.
It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni setgħet validament tibbaża ruħha, essenzjalment, fuq l-approċċ awtorizzat tal-OECD (7) meta kkunsidrat li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar it-taxxa Irlanda, l-attribuzzjoni tad-dħul lill-fergħa Irlandiża ta’ kumpannija mhux residenti kellha tieħu inkunsiderazzjoni t-tqassim tal-assi, tal-funzjonijiet u tar-riskji bejn il-fergħa u l-partijiet l-oħra ta’ din il-kumpannija. Fil-fatt, fid-deċiżjoni kkontestata, għalkemm il-Kummissjoni ma applikatx direttament id-dispożizzjonijiet tal-Mudell ta’ Konvenzjoni dwar it-Taxxa tal-OECD, u lanqas il-linji gwida pprovduti dwar l-attribuzzjoni tad-dħul jew l-iffissar tal-prezzijiet ta’ trasferiment, hija madankollu bbażat ruħha, essenzjalment, fuq l-approċċ awtorizzat mill-OECD. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, minkejja li dan l-approċċ awtorizzat tal-OECD ma ġiex inkorporat fid-dritt fiskali Irlandiż, essenzjalment, teżisti sovrappożizzjoni bejn, minn naħa, l-analiżi funzjonali u fattwali fil-kuntest tal-ewwel stadju tal-analiżi proposta mill-imsemmi approċċ u, min-naħa l-oħra, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt fiskali Irlandiż relattivi għal-kumpanniji mhux residenti.
Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-Kummissjoni wettqet żbalji fir-rigward tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt fiskali Irlandiż dwar il-kumpanniji mhux residenti. Fil-fatt, skont dawn id-dispożizzjonijiet, id-dħul derivanti minn assi, bħal-liċenzji ta’ proprjetà intellettwali, li huma kkontrollati minn kumpannija mhux residenti, anki jekk ikunu tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-fergħa Irlandiża ta’ din il-kumpannija, ma jistgħux bħala tali jitqiesu li huma dħul taxxabbli imputabbli lill-fergħat. Għall-finijiet tad-determinazzjoni tad-dħul tal-fergħa, il-kwistjoni rilevanti hija jekk din il-fergħa Irlandiża tikkontrollax l-imsemmi assi. Issa, billi kkunsidrat li l-liċenzji ta’ proprjetà intellettwali tal-grupp Apple kellhom jiġu attribwiti lill-fergħat Irlandiżi sa fejn il-kumpanniji ASI u AOE kienu kkunsidrati bħala li la għandhom impjegati u lanqas preżenza fiżika sabiex jiżguraw il-ġestjoni tagħhom, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Kummissjoni attribwixxiet il-profitti “b’esklużjoni”, liema ħaġa ma hijiex konformi mad-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar it-taxxa Irlandiża relattivi għall-kumpanniji mhux residenti. Barra minn hekk, skont il-Qorti Ġenerali, fl-evalwazzjoni tagħha dwar l-attivitajiet fi ħdan il-grupp Apple, il-Kummissjoni ma rnexxilhiex tipprova li, fid-dawl, minn naħa, tal-attivitajiet u tal-funzjonijiet effettivament eżerċitati mill-fergħat Irlandiżi ta’ ASI u ta’ AOE u, min-naħa l-oħra, tad-deċiżjonijiet strateġiċi meħuda u implimentati barra minn dawn il-fergħat, l-imsemmija fergħat Irlandiżi kellhom jingħataw il-liċenzji ta’ proprjetà intellettwali tal-grupp Apple, għall-finijiet tad-determinazzjoni tad-dħul annwali taxxabbli ta’ ASI u ta’ AOE fl-Irlanda. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, fil-kuntest tar-raġunament prinċipali tagħha, il-Kummissjoni ma rnexxilhiex turi li, billi adottaw id-deċiżjonijiet dwar it-taxxa, l-awtoritajiet fiskali Irlandiżi taw vantaġġ lil ASI u lil AOE.
Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali waslet għall-istess konklużjoni fir-rigward tar-raġunament sussidjarju, li jgħid li l-metodi ta’ attribuzzjoni tad-dħul approvati fid-deċiżjonijiet dwar it-taxxa wasslu għal riżultat li jitbiegħed minn approssimazzjoni affidabbli ta’ riżultat ibbażat fuq is-suq skont il-prinċipju ta’ distakkament. Fil-motivazzjoni tagħha, din enfasizzat li s-sempliċi nuqqas ta’ osservanza ta’ preskrizzjonijiet metodoloġiċi, b’mod partikolari fil-kuntest tal-linji gwida tal-OECD fil-qasam tal-prezz ta’ trasferiment, ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li d-dħul ikkalkolat ma huwiex approssimazzjoni affidabbli ta’ riżultat tas-suq u, wisq inqas, li d-dħul ikkalkolat huwa inqas mid-dħul li kien ikollu jinkiseb kieku l-metodu ta’ determinazzjoni tal-prezzijiet ta’ trasferiment kien ġie applikat b’mod korrett. Għalhekk, is-sempliċi konstatazzjoni ta’ żball metodoloġiku ma hijiex biżżejjed, waħedha, sabiex turi li l-miżuri fiskali kkontestati taw vantaġġ lill-benefiċjarji tal-imsemmija miżuri. Fil-fatt, huwa meħtieġ ukoll li l-Kummissjoni tipprova li l-iżbalji metodoloġiċi identifikati wasslu għal tnaqqis fid-dħul taxxabbli u għalhekk fl-oneru fiskali sostnut minn dawn il-benefiċjarji, fid-dawl ta’ dak li kienu jsostnu skont ir-regoli ta’ tassazzjoni normali tad-dritt nazzjonali fl-assenza tal-miżuri fiskali inkwistjoni.
F’dan ir-rigward, għalkemm il-Qorti Ġenerali kkonstatat in-natura lakunarja u xi drabi inkoerenti tad-deċiżjonijiet dwar it-taxxa minħabba nuqqasijiet fil-metodi ta’ kalkolu tal-profitti taxxabbli ta’ ASI u ta’ AOE, hija madankollu ddeċidiet li l-Kummissjoni ma rnexxilhiex turi li l-iżbalji metodoloġiċi li hija kienet qajmet kontra l-metodi ta’ allokazzjoni tad-dħul approvati mid-deċiżjonijiet dwar it-taxxa, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-għażla tal-ispejjeż tal-operat bħala indikatur tal-livell tad-dħul u tal-livelli ta’ remunerazzjoni aċċettati mid-deċiżjonijiet dwar it-taxxa, kienu wasslu għal tnaqqis fid-dħul taxxabbli ta’ ASI u ta’ AOE fl-Irlanda.
Finalment, fit-tielet lok, fir-rigward tar-raġunament alternattiv, il-Qorti Ġenerali b’mod partikolari ddeċidiet li sa fejn il-Kummissjoni ma rnexxilhiex tipprova l-eżistenza ta’ vantaġġ permezz tar-raġunamenti prinċipali u sussidjarji tagħha, hija ma tistax, unikament permezz tar-raġunament alternattiv tagħha, tipprova l-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv. B’hekk, skont il-Qorti Ġenerali, anki jekk jitqies li l-eżistenza ta’ setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet fiskali hija stabbilita, tali eżistenza ta’ setgħa diskrezzjonali ma timplikax neċessarjament li din ġiet eżerċitata b’mod li jnaqqas l-oneru fiskali tal-benefiċjarju tad-deċiżjoni dwar it-taxxa, meta mqabbel ma’ dak li normalment ikollu jsostni. Fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali ssostni li l-Kummissjoni ma rnexxilhiex tipprova li l-awtoritajiet tat-taxxa Irlandiżi kienu eżerċitaw setgħa diskrezzjonali wiesgħa li tista’ tiffavorixxi lil ASI u lil AOE. F’dan ir-rigward, sabiex tiċħad l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet fiskali mill-awtoritajiet Irlandiżi ma tinkludi l-użu ta’ ebda kriterju koerenti sabiex jiġu ddeterminati l-benefiċċji li għandhom jiġu attribwiti lill-fergħat Irlandiżi ta’ kumpanniji mhux residenti, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet teħtieġ li ssir analiżi oġġettiva tal-fatti, li tikkorrispondi, essenzjalment, għal dik tal-approċċ propost mill-OECD. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tirrileva li n-nuqqasijiet metodoloġiċi identifikati fil-kalkolu tad-dħul taxxabbli ta’ ASI u ta’ AOE ma jistgħux, fihom infushom, jipprovaw li d-deċiżjonijiet dwar it-taxxa kienu l-konsegwenza tal-eżerċizzju ta’ setgħa diskrezzjonali estiża mill-awtoritajiet fiskali Irlandiżi.