Language of document : ECLI:EU:T:2009:27

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)

4 ta’ Frar 2009 (*)

“Kompetizzjoni – Konċentrazzjonijiet – Talba għal informazzjoni – Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 – Natura neċessarja tal-informazzjoni mitluba – Proporzjonalità – Terminu raġonevoli – Abbuż ta’ poter – Ksur tal-aspettattivi leġittimi”

Fil-Kawża T‑145/06,

Omya AG, stabbilita f’Oftringen (l-Iżvizzera), irrappreżentata minn C. Ahlborn, C. Berg, solicitors, C. Pinto Correia, avukat, u J. Flynn, QC,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, inizjalment irrappreżentata minn V. Di Bucci, X. Lewis, R. Sauer, A. Whelan u F. Amato, sussegwentement minn V. Di Bucci, X. Lewis, R. Sauer u A. Whelan, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett rikors għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Marzu 2006 meħuda skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004, tal-20 ta’ Jannar 2004, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU L 24, p. 1), li titlob il-korrezzjoni tal-informazzjoni kkomunikata fil-kuntest tal-eżami tal-Każ COMP/M.3796 (Omya vs J. M. Huber PCC),

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla),

komposta minn I. Pelikánová (Relatur), President tal-Awla, K. Jürimäe u S. Soldevila Fragoso, Imħallfin,

Reġistratur: K. Pocheć, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ April 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Omya AG, kumpannija attiva b’mod partikolari fis-suq tal-provvista tal-karbonat tal-kalċju ppreċipitat (iktar ’il quddiem il-“KKP”) u tal-karbonat tal-kalċju mitħun (iktar ’il quddiem il-“KKM”), użati b’mod partikolari għall-mili u l-kisi tal-karti, ikkonkludiet, fit-18 ta’ Jannar 2005, kuntratt li permezz tiegħu kellha takkwista ċerti siti Ewropej ta’ produzzjoni tal-KKP ta’ J. M. Huber Corp. (iktar ’il quddiem il-“konċentrazzjoni nnotifikata”). It-tranżazzjoni ġiet innotifikata lill-awtorità tal-kompetizzjoni Finlandiża, li, fl-4 ta’ April 2005, talbet lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 22(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004, tal-20 ta’ Jannar 2004, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU L 24, p.1), sabiex teżaminaha.

2        Il-Kummissjoni ddikjarat ruħha kompetenti u fit-23 ta’ Settembru 2005 bdiet il-proċedura ta’ eżami tal-konċentrazzjoni nnotifikata. B’mod partikolari hija stabbilixxiet bażi ta’ data dwar il-kunsinni ta’ KKP u ta’ KKM imwettqa bejn l-2002 u l-2004 mill-fornituri prinċipali taż-Żona Ekonomika Ewropea (iktar ’il quddiem il-“bażi ta’ data tal-kunsinni”), li kellha sservi b’mod partikolari għall-elaborazzjoni ta’ studju ekonometriku fuq l-iskemi ta’ sostituzzjoni tal-karbonati tal-kalċju intiżi għall-mili (iktar ’il quddiem l-“istudju ekonometriku”). Taħt dan il-kuntest, il-Kummissjoni talbet diversi drabi lir-rikorrenti sabiex tipprovdiha b’ċerta informazzjoni. B’hekk, fl-1 ta’ Diċembru 2005, b’talba skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 139/2004, il-Kummissjoni talbet lir-rikorrenti xi kjarifiki dwar id-data tagħha fuq l-offerti u l-bejgħ u fuq is-swieq potenzjali tal-KKP. Peress li r-rikorrenti ma ssodisfatx din it-talba fit-terminu stabbilit, il-Kummissjoni adottat, fid-9 ta’ Diċembru 2005, deċiżjoni skont l-Artikolu 11(3) tal-imsemmi regolament dwar l-istess informazzjoni u ssospendiet it-terminu għall-eżami skont l-Artikolu 10(4) tiegħu.

3        Ir-rikorrenti wieġbet għad-deċiżjoni tad-9 ta’ Diċembru 2005 b’ittri tad-9 u tat-13 ta’ Diċembru 2005 u tat-3 ta’ Jannar 2006 (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien id-“data ta’ Jannar”). Wara li rċeviet dawn tal-aħħar, il-Kummissjoni kkonfermat, permezz ta’ ittra indirizzata lir-rikorrenti fit-12 ta’ Jannar 2006, li d-data ta’ Jannar kienet kompleta u indikat li t-terminu għall-eżami kien reġa’ beda jiddekorri fl-4 ta’ Jannar u kellu jiskadi fil-31 ta’ Marzu 2006.

4        Fit-13 ta’ Jannar 2006, il-Kummissjoni indikat lir-rikorrenti li hijia kellha l-intenzjoni tawtorizza l-konċentrazzjoni mingħajr ma tibgħat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Hija ppreparat ukoll abbozz ta’ deċiżjoni f’dan is-sens (iktar ’il quddiem l-“abbozz ta’ deċiżjoni”), li hija ddistribwiet fi ħdan il-Kumitat ta’ Konsulenza fir-rigward ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi li jlaqqa’ fi ħdanu r-rappreżentanti tal-Istati Membri (iktar ’il quddiem il-“Kumitat ta’ Konsulenza”). Madankollu, b’mod parallel, ċerti Stati Membri kif ukoll xi kompetituri tar-rikorrenti ressqu xi preokkupazzjonijiet quddiem il-Kummissjoni dwar il-konsegwenzi tal-konċentrazzjoni nnotifikata fuq il-kompetizzjoni. Dawn il-preokkupazzjonijiet kellhom b’mod partikolari r-riżultat li, waqt il-laqgħa tal-Kumitat ta’ Konsulenza tat-22 ta’ Frar 2006, ir-rappreżentanti ta’ ċerti Stati Membri kkontestaw l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni.

5        Permezz ta’ ittri elettroniċi tat-22 u tal-24 ta’ Frar u tat-2 ta’ Marzu 2006, il-Kummissjoni għarrfet lir-rikorrenti b’ċerti inkoerenzi fid-data ta’ Jannar u talbet kjarifika f’dan ir-rigward. Fit-3 ta’ Marzu 2006, waqt konversazzjoni telefonika, hija pproponiet lir-rikorrenti estensjoni kunsenswali ta’ 20 ġurnata tax-xogħol għat-terminu għall-eżami skont l-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 139/2004 u indikat li, fil-każ ta’ rifjut, hija setgħet tadotta deċiżjoni ġdida skont l-Artikolu 11(3) tal-imsemmi regolament li tissospendi t-terminu għall-eżami.

6        Permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Marzu 2006, ir-rikorrenti rrifjutat li tagħti l-kunsens tagħha għall-estensjoni tat-terminu.

7        Permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Marzu 2006 meħuda skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 139/2004 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni kkonstatat li l-informazzjoni kkomunikata fit-3 ta’ Jannar 2006 bħala tweġiba għad-deċiżjoni tad-9 ta’ Diċembru 2005 kienet tal-inqas parzjalment ineżatta u li, konsegwentement, it-terminu għall-eżami tal-konċentrazzjoni kien ġie sospiż mit-8 ta’ Diċembru 2005 sal-wasla tal-informazzjoni kompleta u eżatta mitluba. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni talbet lir-rikorrenti twieġeb erba’ mistoqsijiet ġenerali u 119-il mistoqsija speċifika.

8        Ir-rikorrenti wieġbet għad-deċiżjoni kkontestata fil-21 ta’ Marzu 2006, billi ppreżentat essenzjalment verżjoni ġdida tal-bażi ta’ data tal-kunsinni (iktar ’il quddiem id-“data ta’ Marzu”). B’ittra tat-30 ta’ Marzu 2006, il-Kummissjoni indikat lir-rikorrenti li d-data ta’ Marzu kienet kompleta, li hija kienet qiegħda tivverifika l-eżatezza tagħha, u li t-terminu għall-eżami kien reġa’ beda jiddekorri. B’ittra tal-10 ta’ Mejju 2006, il-Kummissjoni kkonfermat li d-data ta’ Marzu kienet eżatta.

9        Sadanittant, fit-2 ta’ Mejju 2006, il-Kummissjoni kienet indirizzat lir-rikorrenti dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li fiha hija kkonkludiet b’mod provviżorju li l-konċentrazzjoni nnotifikata kienet inkompatibbli mas-suq komuni.

10      Fl-aħħar, b’deċiżjoni tad-19 ta’ Lulju 2006 (iktar il-quddiem id-“deċiżjoni dwar il-konċentrazzjoni”), il-Kummissjoni ddikjarat il-konċentrazzjoni nnotifikata kompatibbli mas-suq komuni, taħt ċerti kundizzjonijiet u obbligi.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

11      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-18 ta’ Mejju 2006, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

12      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-istess ġurnata, ir-rikorrenti talbet li l-kawża tinqata’ skont il-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 76a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Din it-talba inċaħdet permezz ta’ deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza (Il-Ħames Awla) tad-19 ta’ Ġunju 2006.

13      Ir-risposta ġiet ippreżentata fit-8 ta’ Awwissu 2006, ir-replika fil-31 ta’ Ottubru 2006 u l-kontroreplika fit-12 ta’ Frar 2007.

14      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-31 ta’ Awwissu 2006, Imerys SA talbet tintervjeni insostenn tal-Kummissjoni.

15      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Ottubru 2006, il-kawża ġiet riassenjata lit-Tieni Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

16      Permezz ta’ digriet tat-22 ta’ Marzu 2007, il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza awtorizza l-intervent ta’ Imerys. Madankollu, b’ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-23 ta’ April 2007, din tal-aħħar informat lill-Qorti tal-Prim’Istanza li hija kienet qed tirrinunzja mill-intervent tagħha. Konsegwentement, b’digriet tat-12 ta’ Lulju 2007, il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza ddikjara t-tħassir ta’ Imerys bħala parti intervenjenti.

17      Fid-29 ta’ Jannar 2008, il-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tieni Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali mingħajr ma tipproċedi għal miżuri istruttorji preliminari. Hija ddeċidiet ukoll li titlob lill-Kummissjoni tippreżenta ċerti dokumenti u li tistieden lir-rikorrenti tressaq l-osservazzjonijiet tagħha dwarhom u twieġeb mistoqsija. Il-partijiet irrispondew fit-termini stabbiliti mill-Qorti tal-Prim’Istanza filwaqt li l-Kummissjoni, barra minn hekk, ippreżentat osservazzjonijiet supplimentari dwar l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti wara stedina tal-Qorti tal-Prim’Istanza f’dan is-sens.

18      It-trattazzjonijiet tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu fis-seduta tat-22 ta’ April 2008.

19      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż;

–        tiddeċiedi dwar il-konsegwenzi tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

20      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors manifestament inammissibbli sa fejn huwa intiż għal dikjarazzjoni dwar il-konsegwenzi tal-eventwali annullament tad-deċiżjoni kkontestata;

–        tiċħad il-kumplament tar-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

21      Ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tiġi adottata deċiżjoni skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 139/2004 kif ukoll fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-prinċipju ta’ rispett ta’ terminu raġonevoli, it-tielet wieħed, fuq abbuż ta’ poter u r-raba’ wieħed, fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Barra minn hekk, hija titlob li jiġu ordnati ċerti miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura.

22      Il-Kummissjoni ssostni li t-talba intiża sabiex il-Qorti tal-Prim’Istanza tiddeċiedi dwar il-konsegwenzi tal-eventwali annullament tad-deċiżjoni kkontestata hija inammissibbli. Barra minn hekk, hija tqis li l-motivi invokati mir-rikorrenti mhumiex fondati u tikkontesta n-neċessità tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura mitluba.

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talba dwar il-konsegwenzi tal-eventwali annullament tad-deċiżjoni kkontestata

23      Għandu jiġi osservat li, kif issostni l-Kummissjoni, meta titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tiddeċiedi dwar il-konsegwenzi tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti qiegħda tipprova tikseb dikjarazzjoni fuq l-effetti tas-sentenza preżenti, li tkun tikkostitwixxi wkoll ordni fil-konfront tal-Kummissjoni fir-rigward tal-eżekuzzjoni tagħha. Issa, peress li l-Qorti tal-Prim’Istanza mhijiex kompetenti, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità abbażi tal-Artikolu 230 KE, sabiex tagħti sentenzi dikjaratorji (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Diċembru 2003, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑224/03, Ġabra p. I-14751, punti 20 sa 22) jew ordnijiet, anke jekk dawn jirrigwardaw il-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tas-sentenzi tagħha (digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Ottubru 1995, Pevasa u Inpesca vs Il-Kummissjoni, C-199/94 P u C-200/94 P, Ġabra p. I-3709, punt 24), it-talba tar-rikorrenti għandha tiġi ddikjarata bħala manifestament inammissibbli.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 139/2004

24      Taħt l-ewwel motiv, il-partijiet jindirizzaw, l-ewwel nett, il-kundizzjonijiet neċessarji sabiex il-Kummissjoni jkollha d-dritt titlob, permezz ta’ deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 139/2004, il-korrezzjoni tal-informazzjoni, ikkomunikata minn parti notifikanti, li tirriżulta ineżatta. Ir-rikorrenti ssostni, it-tieni nett, li dawn il-kundizzjonijiet mhumiex sodisfatti f’dan il-każ, peress li l-korrezzjonijiet mitluba mid-deċiżjoni kkontestata ma kinux neċessarji għall-evalwazzjoni tal-konċentrazzjoni (l-ewwel parti) u li d-data ta’ Jannar kienet essenzjalment eżatta (it-tieni parti).

 Osservazzjonijiet premilinari dwar il-kunċett tan-neċessità tal-informazzjoni u tal-korrezzjoni tagħha

–       L-argumenti tal-partijiet

25      Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni tista’ titlob korrezzjoni ta’ żbalji identifikati fl-informazzjoni pprovduta minn parti f’operazzjoni ta’ konċentrazzjoni fil-każ li kemm l-informazzjoni li għandha tiġi kkoreġuta u kemm il-korrezzjoni tagħha jkunu neċessarji. F’dan ir-rigward ir-rikorrenti tippreċiża, minn naħa, li sempliċi utilità potenzjali tal-informazzjoni mitluba mhijiex suffiċjenti u, min-naħa l-oħra, li korrezzjoni tkun neċessarja biss jekk l-iżbalji inkwistjoni jkunu sostanzjali, jiġifieri meta jeżisti riskju kunsiderevoli li dawn l-iżbalji jkollhom effett sinjifikattiv fuq l-evalwazzjoni tal-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni kkonċernata.

26      Fid-dawl tal-konsegwenzi ta’ sospensjoni tat-terminu għall-eżami u tal-ħtieġa ta’ ħeffa li tikkaratterizza l-proċedura prevista mir-Regolament Nru 139/2004, il-kundizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq għandhom, barra minn hekk, jiġu interpretati strettament. Fl-aħħar, ir-rikorrenti tafferma li, għalkemm bħala prinċipju hija l-Kummissjoni li għandha tiddetermina liema hija l-informazzjoni neċessarja, fir-rigward essenzjalment taċ-ċirkustanzi tal-każ li jkollha quddiemha, din hija madankollu suġġetta għall-prinċipju ta’ proporzjonalità li jeżiġi li, iktar ma tkun twila s-sospensjoni, iktar iridu jkunu importanti r-raġunijiet li tkun ibbażata fuqhom.

27      Il-Kummissjoni ssostni, l-ewwel nett, li hija tista’ tadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 139/2004 meta tqis li ma jkollhiex l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà tal-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni inkwistjoni mas-suq komuni. Dan ikun il-każ b’mod partikolari meta jeżisti riskju li l-iżbalji identifikati fl-informazzjoni pprovduta minn parti jkollhom impatt fuq l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni. Hija ssostni, it-tieni nett, li n-natura neċessarja tal-informazzjoni mitluba hija element oġġettiv li fir-rigward tiegħu tgawdi setgħa diskrezzjonali wiesgħa u li għandu jiġi evalwat skont iċ-cirkustanzi tal-każ u skont l-utilità potenzjali tal-informazzjoni msemmija. Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkunsidrat ukoll il-fatt li l-Kummissjoni hija marbuta twettaq l-eżami tagħha b’attenzjoni kbira u li tibbaża ruħha fuq informazzjoni kompleta u eżatta.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

28      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Kummissjoni ma tistax teżerċita s-setgħat mogħtija lilha mill-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 139/2004 ħlief fil-każ fejn hija tqis li ma jkollhiex l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà tal-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni kkonċernata mas-suq komuni [ara, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet analogi tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU L 395, p. 1), is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Novembru 1997, Kaysersberg vs Il-Kummissjoni, T-290/94, Ġabra p. II-2137, punt 145].

29      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fid-dawl tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar il-konċentrazzjoni, il-Kummissjoni għandha teżamina, skont b’mod partikolari l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 139/2004, l-effetti tal-operazzjoni kkonċernata fuq is-swieq kollha li fir-rigward tagħhom jeżisti riskju li kompetizzjoni effettiva tiġi ostakolata b’mod sinjifikattiv fis-suq komuni jew f’parti sostanzjali tiegħu.

30      Barra minn hekk, il-fatt li l-eżiġenza tan-neċessità għandha tiġi interpretata b’riferiment għad-deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà mas-suq komuni tal-konċentrazzjoni kkonċernata jimplika li n-neċessità tal-informazzjoni prevista minn talba skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 139/2004 għandha tiġi evalwata b’riferiment għall-mod kif il-Kummissjoni, fil-mument tal-formulazzjoni tat-talba inkwistjoni, setgħet leġittimament tifhem il-portata tal-informazzjoni neċessarja għall-eżami tal-konċentrazzjoni. Għaldaqstant, din l-evalwazzjoni ma tistax tiġi bbażata fuq in-neċessità reali tal-informazzjoni għall-iżvolġiment tal-proċedura quddiem il-Kummissjoni, li tiddependi fuq numru kbir ta’ fatturi u għaldaqstant ma tistax tiġi ddeterminata b’ċertezza fil-mument tal-formulazzjoni tat-talba għal informazzjoni.

31      F’dak li jirrigwarda l-każ partikolari tan-neċessità tal-korrezzjoni tal-informazzjoni diġà kkomunikata li tirriżulta ineżatta, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-kriterju tan-natura sostanzjali tal-iżbalji identifikati, kriterju li barra minn hekk jaqblu dwaru l-partijiet, huwa adegwat fid-dawl tal-kliem u tal-istruttura tar-Regolament Nru 139/2004 u b’mod partikolari tal-Artikoli 2 u 11 tiegħu. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni tista’ titlob il-korrezzjoni tal-informazzjoni kkomunikata minn parti li tiġi identifikata bħala żbaljata jekk jeżisti riskju li l-iżbalji identifikati jista’ jkollhom impatt sinjifikattiv fuq l-evalwazzjoni tagħha tal-kompatibbiltà tal-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni inkwistjoni mas-suq komuni.

32      Fir-rigward tal-istħarriġ tal-applikazzjoni tal-kriterji msemmija iktar ’il fuq, għandu jiġi ppreċiżat, fl-ewwel lok, li din l-applikazzjoni timplika evalwazzjonijiet kumplessi ta’ natura ekonomika. Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali f’dan ir-rigward u l-istħarriġ tal-qorti Komunitarja għandu jkun limitat għall-verifika tar-rispett tar-regoli ta’ proċedura u ta’ motivazzjoni, u kif ukoll tal-eżattezza materjali tal-fatti, tan-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ abbuż ta’ poter. Madankollu, dan ma jfissirx li l-qorti Komunitarja għandha toqgħod lura milli tistħarreġ l-interpretazzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ informazzjoni ta’ natura ekonomika (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Frar 2005, Il-Kummissjoni vs Tetra Laval, C-12/03 P, Ġabra p. I-987, punt 38 u 39) u, b’mod partikolari, l-evalwazzjoni tagħha tan-neċessità tal-informazzjoni mitluba skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 139/2004, u kif ukoll tan-natura sostanzjali tal-iżbalji li allegatament fiha din l-informazzjoni.

33      Fit-tieni lok, u b’mod kuntrarju għal dak li ssostni r-rikorrenti, m’hemmx lok li l-kriterji msemmija iktar ’il fuq jiġu interpretati strettament. Fil-fatt, il-ħtieġa ta’ ħeffa li tikkaratterizza l-istruttura ġenerali tar-Regolament Nru 139/2004 (ara, fir-rigward tar-Regolament Nru 4063/89, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-28 ta’ April 1999, Endemol vs Il-Kummissjoni, T-221/95, Ġabra p. II-1299, punt 84) għandha tiġi kkonċiljata mal-għan ta’ kontroll effettiv tal-kompatibbiltà tal-konċentrazzjonijiet mas-suq komuni, li l-Kummissjoni għandha twettaq b’attenzjoni kbira (sentenza Il-Kummissjoni vs Tetra Laval, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42), u li jeħtieġ li hija tikseb l-informazzjoni kompleta u eżatta.

34      Fl-aħħar lok, huwa minnu li l-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat mogħtija lilha mill-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 139/2004 huwa suġġett għall-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jitlob li l-atti tal-istituzzjonijiet Komunitarji ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet imfittxa (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-4 ta’ Lulju 2006, easyJet vs Il-Kummissjoni, T-177/04, Ġabra p. II-1931, punt 133). B’mod partikolari, għandu jingħad li l-obbligu li tipprovdi informazzjoni, impost fuq impriża, ma jirrappreżentax għal din tal-aħħar oneru sproporzjonat fil-konfront tan-neċessitajiet tal-investigazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Diċembru 1991, SEP vs Il-Kummissjoni, T‑39/90, Ġabra p. II-1497, punt 51). Madankollu, peress li t-tul tas-sospensjoni tat-termini stabbiliti fl-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 139/2004, li tirriżulta mill-adozzjoni ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 11 tal-imsemmi regolament, jiddependi mid-data tal-komunikazzjoni tal-informazzjoni neċessarja, il-Kummissjoni ma tiksirx il-prinċipju ta’ proporzjonalità billi tissospendi l-proċedura sakemm tali informazzjoni tiġi kkomunikata lilha.

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-allegazzjoni li l-informazzjoni li ntalbet il-korrezzjoni tagħha ma kinitx neċessarja

–       L-argumenti tal-partijiet

35      Ir-rikorrenti ssostni, l-ewwel nett, li l-informazzjoni li ntalbet il-korrezzjoni tagħha permezz tad-deċiżjoni kkontestata ma kinitx neċessarja, fid-data tal-adozzjoni tagħha, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà tal-konċentrazzjoni nnotifikata mas-suq komuni, peress li ma kinitx rilevanti għall-finijiet invokati minnha.

36      B’hekk, peress li l-istudju ekonometriku kien jirrigwarda l-prodotti tal-mili u kien ibbażat biss fuq id-data għall-2004, id-data dwar il-prodotti ta’ kisi kif ukoll dik dwar is-snin 2002 u 2003 ma kinitx rilevanti. Għaldaqstant, il-fatt li l-Kummissjoni titlob il-korrezzjoni tad-data dwar is-snin 2002 u 2003 huwa att ta’ mala fede li jikkonfuta n-natura neċessarja tad-deċiżjoni kkontestata f’dak li jirrigwarda d-data l-oħra li ntalbet il-korrezzjoni tagħha. Din iċ-ċirkustanza tqajjem ukoll il-kwistjoni ta’ jekk id-data ta’ Marzu ntużatx verament sabiex jinbeda mill-ġdid l-istudju ekonometriku fi zmien xieraq. Fil-fatt, minħabba r-regoli tal-proċedura previsti mir-Regolament Nru 139/2004, l-eventwali konsegwenzi tal-komunikazzjoni tad-data ta’ Marzu fuq l-evalwazzjoni tal-konċentrazzjoni setgħu jitqajmu sa mhux iktar tard mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Issa, il-Kummissjoni kienet stabbilixxiet biss li l-imsemmija data kienet intużat sabiex jinbeda mill-ġdid l-istudju ekonometriku wara li ntbagħtet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, u dan jikkonferma li d-data ta’ Marzu ma kinitx neċessarja għall-analiżi tagħha.

37      Ir-rikorrenti tfakkar, it-tieni nett, li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li l-formulazzjoni tagħha kienet bdiet fiż-zmien tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u li hija għaldaqstant partikolarment rilevanti sabiex tiġi identifikata l-informazzjoni li l-Kummissjoni kkunsidrat, f’dak iż-żmien, bħala neċessarja għall-eżami tagħha, kienet tirrigwarda biss il-prodotti ta’ kisi. Issa, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tad-9 ta’ Diċembru 2005, l-eżami tal-Kummissjoni ma kienx jirrigwarda s-settur tal-prodotti ta’ kisi iżda dak tal-prodotti ta’ mili. Għaldaqstant, l-informazzjoni msemmija fid-deċiżjoni kkontestata, li kienet ibbażata fuq in-nuqqas ta’ osservanza tad-deċiżjoni tad-9 ta’ Diċembru 2005, ma kinitx rilevanti fil-konfront tas-settur tal-prodotti ta’ kisi, u għaldaqstant fil-konfront tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Din iċ-ċirkustanza hija kkonfermata mill-użu limitat ħafna u, f’kull każ, mhux neċessarju tal-bażi ta’ data tal-kunsinni f’dan id-dokument tal-aħħar.

38      Ir-rikorrenti tikkontesta wkoll li l-informazzjoni msemmija fid-deċiżjoni kkontestata ntużat sabiex jiġu stabbiliti s-swieq tal-prodotti u s-swieq ġeografiċi kkonċernati.

39      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li d-dokumenti ppreżentati mill-Kummissjoni, dwar l-użu reali tad-data ta’ Marzu, ma jurux li l-informazzjoni msemmija fid-deċiżjoni kkontestata kienet neċessarja għall-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar il-konċentrazzjoni. Fil-fatt, fl-ewwel lok, minn dawn id-dokumenti jirriżulta li l-imsemmija data kienet inutli fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-livell tal-prezzijiet. Fit-tieni lok, id-dokumenti inkwistjoni lanqas ma kellhom funzjoni probatorja fir-rigward tan-neċessità tal-informazzjoni kkonċernata għall-kalkolu tal-partijiet tas-suq. Fit-tielet lok, il-Kummissjoni ma stabbilietx li hija kienet għamlet, qabel jew wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, evalwazzjoni tan-neċessità tal-informazzjoni li talbet il-korrezzjoni tagħha.

40      Il-Kummissjoni tosserva li hija ma użatx il-bażi ta’ data tal-kunsinni biss sabiex twettaq l-istudju ekonometriku, iżda wkoll sabiex tistabbilixxi s-swieq ikkonċernati u, b’mod iktar ġenerali, sabiex twettaq evalwazzjoni tal-konċentrazzjoni mill-aspett ta’ kompetizzjoni. Hija tesponi li l-istudju ekonometriku kien fil-fatt inbeda mill-ġdid fuq il-bażi tad-data ta’ Marzu, fatt li jintwera mid-dokumenti mressqa fuq talba tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Hija tammetti barra minn hekk li hija kienet ikkonċentrat fuq is-settur tal-prodotti ta’ kisi mit-tieni nofs ta’ Frar 2006, u li r-raġuni prinċipali għal din il-bidla kienet madankollu l-fatt li kien f’dan iż-żmien li hija saret taf li J. M. Huber Corp. kienet qed tiżviluppa prodott li kien jippermettilha tidħol f’dan is-suq. Din iċ-ċirkustanza ma timplikax madankollu li hija kienet abbandunat kompletament l-investigazzjoni f’dak li jirrigwarda l-prodotti ta’ mili.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

41      L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li parti importanti tal-argumenti tar-rikorrenti hija bbażata fuq l-allegazzjoni li, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet lestiet jew kienet għadha ma bdietx l-eżami ta’ ċerti kwistjonijiet, kienet adottat ċerti konklużjonijiet preliminari jew kienet ikkonċentrat l-attenzjoni tagħha fuq ċerti setturi. Issa, kif ġie espost fil-punt 30 iktar ’il fuq, tali ċikrustanzi huma irrilevanti peress li n-neċessità tal-informazzjoni msemmija fid-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi evalwata fil-konfront tal-mod kif il-Kummissjoni, fil-mument tal-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni, setgħet leġittimament tifhem il-portata tal-informazzjoni neċessarja għall-finijiet tal-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar il-konċentrazzjoni.

42      Hemm lok, it-tieni nett, li jiġi rrilevat li l-bażi ta’ data tal-kunsinni kienet tirrigwarda l-kunsinni mwettqa fis-swieq tal-karbonati tal-kalċju għal mili u għal kisi. Mhuwiex ikkontestat mir-rikorrenti li dawn is-swieq ġew affettwati jew jistgħu jiġu affettwati mill-konċentrazzjoni nnotifikata. F’dawn iċ-ċirkustanzi, mill-punt 29 iktar ’il fuq jirriżulta li l-informazzjoni li ntalbet il-korrezzjoni tagħha fid-deċiżjoni kkontestata, li kienet tagħmel parti mill-bażi ta’ data tal-kunsinni, setgħet bħala prinċipju tiġi kkunsidrata bħala neċessarja għall-finijiet tal-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar il-konċentrazzjoni.

43      Bl-istess mod, għandu jitfakkar li l-bażi ta’ data tal-kunsinni kien fiha, għal kull kunsinna kkonċernata, data bħall-fabbrika ta’ tluq, l-identità ta’ u l-post fejn jinsab il-klijent, id-distanza u t-tip ta’ trasport, it-tip ta’ prodott ikkunsinnat, il-kwantità tiegħu u l-prezz tiegħu. Issa, tali data hija rilevanti għall-eżami tal-kompatibbiltà ta’ operazzjoni ta’ konċentrazzjoni mas-suq komuni, peress li tippermetti lill-Kummissjoni tiddefinixxi s-swieq ikkonċernati kif ukoll li tanalizza s-sitwazzjoni kompetittiva f’kull wieħed minnhom.

44      Madankollu, ir-rikorrenti takkuża wkoll lill-Kummissjoni li talbet il-korrezzjoni tad-data dwar is-snin 2002 u 2003, filwaqt li l-istudju ekonometriku kien ibbażat biss fuq dik li tirrigwarda l-2004 u filwaqt li l-użu l-ieħor tad-data evokat mill-Kummissjoni ma kienx marbut ma’ ebda fattur ta’ żmien. Madankollu, għandu jiġi osservat f’dan ir-rigward li, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, il-fatturi rilevanti għad-definizzjoni tas-swieq ġeografiċi u tal-prodotti bħalma huma pereżempju, il-post fejn jinsabu l-fornituri u l-klijenti, it-tipi ta’ trasport jew ukoll is-serje ta’ prodotti disponibbli, għandhom it-tendenza li jinbidlu maż-żmien. F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fin-nuqqas ta’ elementi iktar speċifiċi li juru li perijodu ta’ riferenza iqsar kien ikun suffiċjenti, ma jidhirx li l-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat li d-data għas-snin 2002 u 2003 kienet neċessarja għall-finijiet tal-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar il-konċentrazzjoni.

45      Fir-rigward tal-allegazzjonijiet ibbażati fuq id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u fuq id-dokumenti li jirrigwardaw l-użu reali tad-data ta’ Marzu ppreżentati mill-Kummissjoni, hemm lok li jiġi rrilevat li dawn l-elementi huma sussegwenti għad-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward hemm lok li jiġi osservat, qabel kollox, li, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, għalkemm il-fatt li l-informazzjoni prevista minn talba skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 139/2004 sussegwentement intużat jista’ jindika n-neċessità tagħha, in-nuqqas ta’ użu tagħha mhuwiex ekwivalenti għal prova tal-kuntrarju, u dan minħabba r-raġuni esposta fil-punt 30 iktar ’il fuq.

46      F’dak li jirrigwarda d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, għandu barra minn hekk jiġi osservat li, b’mod kuntrarju għal dak li ssostni r-rikorrenti, din ma tippermettix li tiġi ddeterminata b’mod eżawrjenti l-informazzjoni li l-Kummissjoni kkunsidrat bħala neċessarja fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, minn naħa, anki li kieku l-formulazzjoni tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet apparentement bdiet fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, xorta jibqa’ l-fatt li għaddew kważi xahrejn qabel ma ntbagħtet. Min-naħa l-oħra, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet telenka biss l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni li wassluha sabiex tidentifika l-problemi ta’ kompetizzjoni potenzjali u għaldaqstant tħalli barra, bħala prinċipju, is-swieq li fuqhom ma ġie identifikat l-ebda riskju. Għaldaqstant, is-suġġett tagħha huwa kunsiderevolment iktar limitat minn dak tal-eżami mwettaq preċedentement mill-Kummissjoni.

47      Fir-rigward tal-argumenti l-oħra bbażati fuq id-dokumenti dwar l-użu reali tad-data ta’ Marzu, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti sempliċement tallega li l-Kummissjoni ma wrietx li l-informazzjoni msemmija fid-deċiżjoni kkontestata kienet neċessarja għall-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar il-konċentrazzjoni. Issa, peress li l-oneru tal-prova fir-rigward tal-fondatezza tal-motivi invokati minnha u, għaldaqstant, fir-rigward tan-nuqqas tan-neċessità tal-informazzjoni kkonċernata jaqa’ fuq ir-rikorrenti, dawn l-argumenti għandhom jinċaħdu bħala mhux issostanzjati.

48      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kwistjoni jekk l-istudju ekonometriku nbediex mill-ġdid qabel ma ntbagħtet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni ppreżentat lill-Qorti tal-Prim’Istanza bi screen shot li tindika li d-diversi fajls tal-informatika rilevanti għall-evalwazzjoni tal-konċentrazzjoni ġew immodifikati fil-perijodu bejn April u Awwissu 2006. Huwa minnu, kif issostni r-rikorrenti, li l-parti l-kbira tal-fajls juru ġurnata ta’ modifika sussegwenti għall-ġurnata li fiha ntbagħtet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Madankollu, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li, kif sostniet il-Kummissjoni, il-ġranet inkwistjoni huma l-ġranet tal-aħħar użu tal-fajls ikkonċernati, liema fajls intużaw b’mod regolari waqt l-eżami tal-konċentrazzjoni nnotifikata u b’mod partikolari qabel ma ntbagħtet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Fil-fatt, ir-rikorrenti, li, kif għadu kemm ġie osservat, għandha l-oneru tal-prova, ma ppreżentat ebda prova ta’ natura li tirrifjuta din l-allegazzjoni.

49      Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, hemm lok li jiġi konkluż li ma ġiex stabbilit li l-informazzjoni li ntalbet il-korrezzjoni tagħha fid-deċiżjoni kkontestata ma setgħetx tiġi kkunsidrata mill-Kummissjoni, fil-mument tal-formulazzjoni tat-talba għal informazzjoni, bħala neċessarja fis-sens tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 139/2004. Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tinċaħad.

50      Fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-Kummissjoni aġġixxiet b’mala fede billi talbet il-korrezzjoni tad-data li tirrigwarda s-snin 2002 u 2003, din tikkonċerna l-motivi li minħabba fihom il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata u għaldaqstant, fir-realtà, hija marbuta mal-motiv ibbażat fuq abbuż ta’ poter imqajjem mir-rikorrenti. Konsegwentement, din l-allegazzjoni mhijiex rilevanti fil-kuntest tal-motiv preżenti.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq l-allegazzjoni li d-data ta’ Jannar kienet essenzjalment eżatta

–       L-argumenti tal-partijiet

51      Ir-rikorrenti ssostni li d-data ta’ Jannar kienet essenzjalment eżatta u li għaldaqstant ma kienx neċessarju li tintalab korrezzjoni tagħha.

52      Insostenn tal-allegazzjoni tagħha, hija tippreżenta, inizjalment, serje ta’ argumenti bbażati fuq l-analiżi bl-istatistika tad-data ta’ Jannar. Hija tosserva f’dan ir-rigward li, għalkemm din tal-aħħar kien fiha ċertu numru ta’ żbalji, din iċ-ċirkustanza hija abitwali fis-settur tal-istatistika, l-istess bħalma d-data ta’ Marzu, mingħajr dubju, lanqas ma kienet kompletament eżatt. Mhuwiex possibbli u lanqas neċessarju jew abitwali li jiġu eliminati l-iżbalji kollha li jaffettwaw id-data ta’ natura ta’ statistika minħabba li jeżistu metodi li jippermettu, minn naħa, li tiġi eliminata d-data żbaljata minn grupp ta’ data jew li jiġi pprevedut l-impatt tagħha u, min-naħa l-oħra, li tiġi vverifikata l-affidabbiltà tal-grupp ta’ data kkonċernat. Ir-rikorrenti ssostni li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni kienet użat tali metodi mill-mument li rċeviet id-data ta’ Jannar, minkejja l-allegazzjonijiet tagħha li hija kienet sempliċiment assumiet l-eżattezza ta’ din tal-aħħar.

53      Sabiex jiġi evalwat l-impatt tal-iżbalji msemmija fid-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti talbet lil LECG Consulting tissuġġetta d-data ta’ Jannar għal xi testijiet tal-istatistika bħal dawk li allegatament wettqet il-Kummissjoni wara li rċeviet din tal-aħħar. Skont rapport inizjali, mehmuż mar-rikors (iktar ’il quddiem l-“ewwel rapport LECG”), in-numru ta’ data żbaljata ma kienx għoli b’mod mhux normali u paragun bejn id-data ta’ Jannar u din l-stess data mingħajr il-valuri potenzjalment inkoerenti jew żbaljati identifikati mill-Kummissjoni (iktar ’il quddiem id-“data mmodifikata”) ma wriex differenzi sostanzjali f’dak li jirrigwarda l-varjabbli li ntużaw mill-Kummissjoni fil-formulazzjoni tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u fl-analiżi ġenerali tas-swieq ikkonċernati. Bl-istess mod, mhuwiex probabbli li l-iżbalji kkonċernati kellhom impatt sinjfikattiv fuq ir-riżultati tal-istudju ekonometriku.

54      Skont rapport ieħor ta’ LECG Consulting, ippreparat bi tweġiba għar-risposta u mehmuż mar-replika (iktar ’il quddiem it-“tieni rapport LECG”), il-prezzijiet ipotetiċi kkalkolati fil-kuntest tal-istudju ekonometriku ma kinux sostanzjalment differenti fid-data ta’ Jannar, fid-data mmodifikata u fid-data ta’ Marzu. Għaldaqstant, skont ir-rikorrenti, id-data ta’ Jannar kienet essenzjalment eżatta u l-Kummissjoni setgħet u kellha tinduna b’dan.

55      Barra minn hekk, fl-osservazzjonijiet tagħha dwar id-dokumenti mressqa mill-Kummissjoni, ir-rikorrenti tirreferi għall-kalkoli mwettqa minn LECG Consulting li minnhom jirriżulta li d-data ta’ Jannar kienet essenzjalment eżatta fir-rigward tad-determinazzjoni tad-distanza raġonevoli massima ta’ kunsinna.

56      Sussegwentement, ir-rikorrenti ssostni ċerti ċirkustanzi li juru, fl-opinjoni tagħha, li l-Kummissjoni kienet effettivament taf, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li d-data ta’ Jannar kienet essenzjalment eżatta. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni, qabel kollox, li t-teżi tal-Kummissjoni li hija ma kinitx skopriet l-iżbalji msemmija fid-deċiżjoni kkontestata qabel it-tieni nofs ta’ Frar ma tantx hija kredibbli, b’mod partikolari peress li f’ Jannar 2006 il-Kummissjoni kienet ikkonkludiet li l-konċentrazzjoni ma kienet toħloq ebda problema ta’ kompetizzjoni u kienet lesta tawtorizzaha mingħajr kundizzjonijiet. Tali konklużjoni setgħet effettivament tiġi adottata biss wara verifika tad-data ta’ Jannar, verifika li matulha l-iżbalji kienu ġew identifikati u l-impatt tagħhom evalwat. Barra minn hekk, in-numru relattivament limitat tal-kunsinni tar-rikorrenti kkunsidrati fl-istudju ekonometriku kif ukoll il-fatt li membru tal-grupp tal-Kummisjoni responsabbli għall-fajl kien ikkonferma li kien ipproċeda għall-eliminazzjoni tal-valuri żbaljati jimplikaw li tali verifiki kienu seħħew u li, għaldaqstant, il-Kummissjoni kienet taf, f’Jannar, b’numru kbir ta’ żbalji li hija tallega li skopriet biss sussegwentement.

57      Ir-rikorrenti tkompli billi tosserva, fl-ewwel lok, li l-kwistjonijiet li jiġġustifikaw, skont il-Kummissjoni, eżami mill-ġdid tal-eżatezza tad-data ta’ Jannar kienu diġà ġew ikkunsidrati minnha qabel. Fit-tieni lok, mill-ewwel u mit-tieni rapport LECG jirriżulta li, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet f’kull każ f’pożizzjoni li tikkontrolla jekk l-iżbalji skoperti kellhomx impatt fuq l-analiżi tagħha. Fit-tielet lok, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx li kienet wettqet tali kontrolli qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, u dan il-fatt jimplika li hija effettivament ma kinitx inkwetata mill-impatt tal-iżbalji identifikati fuq l-eżami tal-konċentrazzjoni nnotifikata. Fir-raba’ lok, il-fatt li l-Kummissjoni kienet taf bl-eżatezza tad-data ta’ Jannar jintwera mill-pożizzjoni li hija adottat fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kif ukoll mill-fatt li hija la bdiet mill-ġdid l-istudju ekonometriku u lanqas ma temmet il-proċedura ta’ verifika tal-eżattezza tad-data ta’ Marzu qabel ma bagħtet l-imsemmija dikjarazzjoni. Fil-ħames u fl-aħħar lok, ir-rikorrenti tfakkar li, fl-opinjoni tagħha, il-Kummissjoni kellha tkun taf li kienet ser tuża biss id-data li tirrigwarda l-2004.

58      Ir-rikorrenti ssostni fl-aħħar nett li, fid-dawl tal-użu negliġibbli tal-bażi ta’ data tal-kunsinni fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u tat-tul tas-sospensjoni pprovokata mid-deċiżjoni kkontestata, l-imsemmija sospensjoni kienet manifestament sproporzjonata.

59      Il-Kummissjoni ssostni li hija ma setgħetx teskludi, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li l-iżbalji fid-data ta’ Jannar setgħu jaffettwaw l-analiżi tagħha tal-konċentrazzjoni nnotifikata u li, konsegwentement, l-imsemmija data ma kinitx sostanzjalment eżatta. Hija tosserva li l-ewwel serje ta’ argumenti tar-rikorrenti ma jikkunsidrawx id-diversi għanijiet tal-bażi ta’ data tal-kunsinni u li ż-żewġ rapporti LECG ma jistgħux jipprovaw in-nuqqas ta’ impatt tal-iżbalji identifikati. Fir-rigward tat-tieni serje ta’ argumenti, il-Kummissjoni tispjega li, wara l-komunikazzjoni tad-data ta’ Jannar, hija wettqet ċerti verifiki standard li l-portata tagħhom kienet madankollu limitata. Konsegwentement, l-iżbalji msemmija fid-deċiżjoni kkontestata ġew identifikati biss waqt il-verifiki supplimentari mwettqa wara l-laqgħa tal-Kumitat ta’ Konsulenza tat-22 ta’ Frar 2006, li matulha ċerti Stati Membri esprimew xi dubji dwar l-affidabbiltà tal-istudju ekonometriku. Il-Kummissjoni żżid li, fil-bidu ta’ Mejju, hija temmet fl-istess ħin diversi proġetti, fosthom il-verifiki tad-data ta’ Marzu u l-formulazzjoni tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, u dan jispjega għalfejn kien biss xi ġranet wara li bagħtet l-imsemmija dikjarazzjoni li hija kkonfermat l-eżattezza tal-imsemmija data.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

60      F’dak li jirrigwarda l-argumenti bbażati fuq l-analiżi bl-istatistika tad-data ta’ Jannar, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li, skont il-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 30 u 31 iktar ’il fuq, in-neċessità tal-korrezzjonijiet mitluba fid-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi evalwata b’riferiment għall-mod kif il-Kummissjoni, fil-mument tal-adozzjoni tagħha, setgħet leġittimament tifhem in-natura sostanzjali tal-iżbalji identifikati fid-data ta’ Jannar. Għaldaqstant, l-analiżi prodotti mir-rikorrenti jistgħu jiġu kkunsidrati biss sa fejn il-Kummissjoni setgħet twettaqhom fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Din iċ-ċirkustanza timplika b’mod partikolari li l-paraguni mwettqa fil-konfront tad-data ta’ Marzu mhumiex rilevanti, peress li din id-data tal-aħħar ma kinitx teżisti fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

61      It-tieni nett, hemm lok li jiġi vverifikat, skont il-kriterju ta’ eżattezza sostanzjali espost fil-punt 31 iktar ’il fuq, jekk id-diversi analiżi prodotti mir-rikorrenti jippermettux li jintwera li l-iżbalji identifikati mill-Kummissjoni ma setax ikollhom impatt sinjifikattiv fuq l-evalwazzjoni tagħha tal-kompatibbiltà tal-konċentrazzjoni nnotifikata mas-suq komuni.

62      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, filwaqt li l-ewwel rapport LECG jikkonkludi li l-valuri medji rilevanti kkalkolati abbażi tad-data ta’ Jannar u tad-data mmodifikata mhumiex differenti sostanzjalment, it-tabella 2 tal-istess rapport turi differenzi mhux negliġibbli bejn iż-żewġ gruppi ta’ data f’dak li jirrigwarda l-valur superjuri tal-prezz nett tat-trasport/prezz tat-tluq mill-fabbrika (differenza ta’ 10 %), id-distanza medja ta’ trasport bi trakk (differenza ta’ 13 %) u d-distanza medja ta’ trasport bil-baħar (differenza ta’ 28 %). Anki jekk jitqies li, skont l-ispjegazzjonijiet tar-rappreżentant ta’ LECG Consulting ippreżentati waqt is-seduta, dawn id-differenzi mhumiex rilevanti, minn perspettiva ekonomika, fil-konfront tal-konklużjonijiet tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, kif ġie ssuġġerit fit-tabella 3 tal-imsemmi rapport, għandu madankollu jiġi rrilevat li ebda analiżi simili tan-nuqqas tar-rilevanza tagħhom ma tressqet f’dak li jirrigwarda l-istudju ekonometriku, filwaqt li LECG Consulting tirrileva, fl-ewwel rapport tagħha, li l-prezz, l-ispejjeż tat-trasport u d-distanzi ta’ kunsinna huma, fl-opinjoni tagħha l-varjabbli ewlenin ta’ dan l-istudju tal-aħħar. Issa, fin-nuqqas ta’ tali analiżi, huwa impossibbli li jiġi ddeterminat jekk l-iżbalji identifikati mill-Kummissjoni setgħux jaffettwaw jew le b’mod sinjifikattiv ir-riżultati tal-istudju ekonometriku u, għaldaqstant, l-eżami mill-Kummissjoni tal-konċentrazzjoni nnotifikata.

63      Hemm lok li jingħad ukoll, fir-rigward tal-ewwel rapport LECG, li, kif issostni l-Kummissjoni, il-konklużjoni li l-iżbalji identifikati m’għandhomx impatt fuq il-varjabbli essenzjali tal-istudju ekonometriku hija bbażata fuq l-analiżi tal-valuri medji kkalkolati abbażi tad-data meħuda flimkien. Issa, il-Kummissjoni tallega, mingħajr mhija kontradetta fuq dan il-punt mir-rikorrenti, li l-istudju msemmi iktar ’il fuq twettaq abbażi ta’ siti differenti ta’ produzzjoni, li jimplika li analiżi tad-data meħuda flimkien ma tippermettix li jiġi ddeterminat l-eventwali impatt tal-iżbalji identifikati.

64      It-tieni rapport LECG, li jipprova jirrifjuta dan l-argument tal-aħħar, b’mod partikolari billi jipproċedi għal eżami iktar fid-dettal tad-data, lanqas ma fih, madankollu, analiżi tar-rilevanza tad-differenzi mhux negliġibbli kkonstatati bejn il-prezzijiet, li huma minn 3 sa 4 % għall-prezzijiet medji u li jaqbżu l-10 % għal ċerti siti ta’ produzzjoni u ċerti prodotti. Għalkemm, waqt is-seduta, ir-rappreżentant ta’ LECG sostna li d-differenza bejn il-prezzijiet medji kienet irrilevanti fid-dawl tal-importanza tal-prezzijiet ta’ trasport tal-prodotti inkwistjoni, xorta jibqa’ l-fatt li ma ġiet ippreżentata ebda spjegazzjoni speċifika fir-rigward tad-differenzi iktar importanti kkonstatati għal ċerti siti ta’ produzzjoni. Għaldaqstant, it-tieni rapport LECG lanqas ma jistabbilixxi li l-iżbalji identifikati fid-data ta’ Jannar ma setgħux jinfluwenzaw b’mod sinjifikattiv il-prezzijiet li jidhru fl-istudju ekonometriku u, għaldaqstant, l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà mas-suq komuni tal-konċentrazzjoni nnotifikata.

65      F’dak li jirrigwarda l-argumenti ppreżentati fil-kuntest tal-osservazzjonijiet dwar id-dokumenti ppreżentati mill-Kummissjoni, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti sempliċement tevoka l-analiżi tad-distanza raġonevoli massima ta’ kunsinna għal kull mezz ta’ trasport, li hija distanza teoretika kkalkolata għal kull kunsinna mwettqa bit-tip ta’ trasport ikkonċernat. Issa, għalkemm din id-distanza intużat fl-istadju tad-determinazzjoni tas-swieq ġeografiċi kkonċernati, mill-elementi tal-fajl jirriżulta, madankollu, li din id-distanza ġiet ipparagunata sussegwentement mad-distanzi massimi reali ta’ kunsinna mwettqa minn kull wieħed mis-siti ta’ produzzjoni kkonċernati, liema distanzi massimi reali ġew adottati fir-rigward tas-siti li għalihom dawn id-distanzi kienu ikbar. F’dawn iċ-ċirkustanzi, analiżi tad-data meħuda flimkien li ma tagħmilx distinzjoni bejn is-siti differenti mhijiex suffiċjenti sabiex teżamina jekk l-iżbalji identifikati setgħux jinfluwenzaw b’mod sinjifikattiv id-definizzjoni tas-swieq ġeografiċi u, għaldaqstant, l-evalwazzjoni tal-konċentrazzjoni nnotifikata.

66      Minn dak li ntqal qabel jirriżulta li l-analiżi ppreżentati mir-rikorrenti ma jippermettux li jiġi konkluż li d-data ta’ Jannar kienet essenzjalment eżatta. Għaldaqstant hemm lok li tiġi eżaminata t-tieni serje ta’ argumenti, fis-sens li l-Kummissjoni kienet effettivament taf li dan kien il-każ.

67      F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-argument tar-rikorrenti huwa bbażat essenzjalment fuq l-allegat nuqqas ta’ plawżibbiltà tal-allegazzjoni tal-Kummissjoni li l-iżbalji msemmija fid-deċiżjoni kkontestata ma ġewx identifikati meta rċeviet id-data ta’ Jannar, iżda biss fit-tieni nofs ta’ Frar, wara l-laqgħa tal-Kumitat ta’ Konsulenza tat-22 ta’ Frar 2006. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza ser teżamina, qabel kollox, l-elementi ppreżentati mill-Kummissjoni sabiex tikkorrabora din l-allegazzjoni.

68      F’dak li jirrigwarda dan il-kuntest, minn naħa, il-verifiki mwettqa mal-wasla tad-data ta’ Jannar, għandu jiġi osservat li, sa fejn l-eżami tal-Kummissjoni għandu jitwettaq f’termini relattivament stretti u sa fejn il-partijiet f’konċentrazzjoni huma marbuta jikkomunikaw lill-Kummissjoni informazzjoni eżatta u kompleta, il-proċedura ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet tistrieħ neċessarjament, fil-parti l-kbira tagħha, fuq il-fiduċja, peress li l-Kummissjoni ma tistax tkun marbuta tivverifika immedjatament u fid-dettal l-eżattezza tal-informazzjoni kollha mibgħuta mill-imsemmija partijiet.

69      F’dan ir-rigward, l-ittra elettronika interna mibgħuta fis-6 ta’ Marzu 2006 minn wieħed mill-membri tal-grupp tal-Kummissjoni responsabbli għall-fajl, ippreżentata minn din tal-aħħar bħala anness għat-tweġiba tagħha għall-mistoqsija tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tindika, fir-rigward tal-iżbalji msemmija fid-deċiżjoni kkontestata, li “[i]t-testijiet applikati qabel fuq il-bażi ta’ data [tal-kunsinni kienu] iktar ġenerali […] u ma kinux iffokati fuq il-kombinazzjoni sit ta’ produzzjoni – fabbrika tal-karti”. Din l-ittra tkompli billi tippreċiża li dan “jispjega għalfejn dawn il-punti kollha ma tqajmux qabel”.

70      Dan l-element, li r-rilevanza tiegħu mhijiex ikkonfutata mir-rikorrenti, jistabilixxi suffiċjentement għall-finijiet tad-dritt li l-verifiki mwettqa mill-Kummissjoni wara l-komunikazzjoni tad-data ta’ Jannar kienu limitati u għaldaqstant ma ppermettewx li jiġu skoperti l-iżbalji msemmija fid-deċiżjoni kkontestata. F’dan il-kuntest għandu jiġi rrilevat ukoll li l-fatt li saru biss verifiki limitati jagħmel irrelevanti l-allegazzjoni li l-imsemmija żbalji setgħu jiġu identifikati permezz ta’ verifika standard bl-istatistika.

71      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-iżvolġiment u tal-konsegwenzi tal-laqgħa tal-Kumitat ta’ Konsulenza tat-22 ta’ Frar 2006, mid-dikjarazzjonijiet tal-parteċipanti għal din il-laqgħa, ippreżentati fl-anness għat-tweġiba tal-Kummissjoni għall-mistoqsija tal-Qorti tal-Prim’Istanza, jirriżulta li kemm l-affidabbiltà tal-istudju ekonometriku u kif ukoll id-data użata għat-twettiq tiegħu ġew diskussi f’din l-okkażjoni. Minkejja li jidher li l-eżattezza tad-data kkonċernata ma ġietx diskussa fid-dettal mid-diversi intervenjenti, kif issostni r-rikorrenti, huwa madankollu loġiku li tali dibattitu wassal lill-Kummissjoni sabiex tivverifika l-affidabbiltà tal-istudju u tad-data użata, fid-dawl partikolarment tar-rieda tagħha li tissottometti abbozz ta’ deċiżjoni ġdid lil dan il-kumitat sabiex tikseb opinjoni favorevoli.

72      Għandu jiġi nnotat ukoll f’dan ir-rigward li l-ittra elettronika interna tal-Kummissjoni mibgħuta fit-22 ta’ Frar 2006 li tirrigwarda d-distribuzzjoni tad-doveri fil-preparazzjoni tal-modifiki tal-abbozz ta’ deċiżjoni wara l-laqgħa tal-Kumitat ta’ Konsulenza u li hija mehmuża mat-tweġiba msemmija iktar ’il fuq tal-Kummissjoni, tindika, fir-rigward tal-istudju ekonometriku: “Verifika tal-affidabbiltà + analiżi tas-sensittività.” Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li dan ir-riferiment għandu jiġi interpretat fis-sens li jindika li kellha ssir verifika supplimentari tal-istudju ekonometriku u tad-data użata għat-twettiq tiegħu pjuttost milli fis-sens, kif issuġġeriet ir-rikorrenti waqt is-seduta, ta’ sempliċi riferiment għall-ħtieġa li l-verifiki mwettqa qabel jiġu deskritti b’mod iktar dettaljat fl-abbozz ta’ deċiżjoni. Fil-fatt, l-ittra elettronika inkwistjoni ma tiddeskrivix sempliċement il-modifiki speċifiċi, iżda tiddefinixxi wkoll id-doveri ġodda li għandhom jitwettqu fil-kuntest tal-eżami.

73      B’hekk, id-dokumenti kkomunikati mill-Kummissjoni jikkorroboraw ukoll l-allegazzjonijiet tagħha li r-riżultati tal-laqgħa tal-Kumitat ta’ Konsulenza tat-22 ta’ Frar 2006 wassluha sabiex tivverifika mill-ġdid l-eżattezza tad-data ta’ Jannar. F’dawn iċ-ċirkustanzi hemm lok li jiġi konkluż li t-teżi tal-Kummissjoni li l-iżbalji msemmija fid-deċiżjoni kkontestata ġew skoperti waqt dawn il-verifiki fil-fond, u mhux qabel, hija stabbilita suffiċjentement għall-finijiet tad-dritt.

74      Barra minn hekk, iċ-ċirkustanzi invokati mir-rikorrenti mhumiex ta’ natura li jirrifjutaw din il-konstatazzjoni. B’hekk, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti nnifisha ammettiet, waqt is-seduta, li, minkejja li l-kwistjonijiet imqajma waqt il-laqgħa tal-Kumitat ta’ Konsulenza tat-22 ta’ Frar 2006, u b’mod partikolari s-sitwazzjoni speċifika fis-suq Finlandiż, kienu ġew diskussi qabel, din id-diskussjoni kienet saret b’mod iktar superfiċjali, u dan jindika li l-verifiki supplimentari iktar dettaljati, imwettqa wara l-laqgħa msemmija iktar ’il fuq, setgħu wasslu għall-iskoperta tal-iżbalji kkonċernati.

75      Fit-tieni lok, sa fejn ġie konkluż fil-punt 66 iktar ’il fuq li r-rikorrenti ma pprovatx l-eżattezza sostanzjali tad-data ta’ Jannar, it-teżi li l-Kummissjoni setgħet tivverifika fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata li l-iżbalji identifikati f’din id-data ma kinux sostanzjali mhijiex issostanzjata fil-fatt.

76      Fit-tielet lok, l-ittra elettronika tal-5 ta’ Marzu 2006, ippreżentata mill-Kummissjoni bħala anness għat-tweġiba tagħha għall-mistoqsija tal-Qorti tal-Prim’Istanza, issemmi li xi “inkoerenzi serji” ġew identifikati fid-data ta’ Jannar, u dan jimplika li l-Kummissjoni kienet ipproċediet għal analiżi tal-impatt potenzjali tal-iżbalji fuq l-eżami tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-allegazzjoni kuntrarja tar-rikorrenti, li mhija ssostanzjata minn ebda element ta’ fatt, ma tistax tiġi aċċettata.

77      Fir-raba’ lok, għar-raġunijiet spjegati fil-punti 45 u 46 iktar ’il fuq, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet mhijiex element determinanti fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-pożizzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-eżattezza tal-informazzjoni użata fl-eżami tagħha tal-konċentrazzjoni nnotifikata. Bl-istess mod, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat, fil-punt 48 iktar ’il fuq li r-rikorrenti ma rrifjutatx l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li l-istudju ekonometriku nbeda mill-ġdid qabel ma ntbagħtet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Fir-rigward tal-fatt li l-eżattezza tad-data ta’ Marzu ġiet ikkonfermata biss wara li ntbagħat l-imsemmi dokument, l-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq it-twettiq simultanju ta’ diversi doveri waqt il-perijodu inkwistjoni ma ġiex ikkonfutat mir-rikorrenti.

78      Fil-ħames lok, peress li fil-punt 44 iktar ’il fuq ġie konkluż li l-Kummissjoni setgħet leġittimament titlob il-komunikazzjoni tad-data li tkopri diversi snin, l-argument li jirrigwarda l-fatt li hija kienet taf li d-data li tirrigwarda l-2004 biss kienet rilevanti huwa mingħajr effett.

79      Fl-aħħar lok, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, hemm lok li jiġi kkonstatat, fid-dawl tal-osservazzjonijiet ifformulati fil-punt 34 iktar ’il fuq, li dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

80      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal qabel, hemm lok li jiġi konkluż li ma ġiex stabbilit li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 139/2004 billi qieset li d-data ta’ Jannar ma kinitx essenzjalment eżatta u billi talbet il-korrezzjoni tagħha. Għaldaqstant, it-tieni parti għandha tinċaħad, bħalma għandu jinċaħad l-ewwel motiv fit-totalità tiegħu.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ terminu raġonevoli

 L-argumenti tal-partijiet

81      Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata wara li għadda terminu raġonevoli, peress li l-Kummissjoni kienet taf bl-iżbalji inkwistjoni wara l-ewwel verifiki mwettqa matul l-ewwel nofs ta’ Jannar 2006. Għaldaqstant, il-Kummissjoni, minn naħa, ikkawżat dannu finanzjarju importanti lir-rikorrenti u, min-naħa l-oħra, affettwat l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża tagħha. Barra minn hekk, l-adozzjoni tardiva tad-deċiżjoni kkontestata turi l-motivazzjoni reali tal-Kummissjoni, jiġifieri li tirbaħ iktar żmien sabiex tkun tista’ tkompli l-eżami tagħha, minkejja li kien skada t-terminu previst għal dan il-għan.

82      Minn naħa, il-Kummissjoni ssostni li eventwali ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli ma jiġġustifikax l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, peress li r-rikorrenti ma pprovatx li dan l-eventwali ksur jirriżulta fi ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tqis li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ preżenti, hija aġġixxiet mingħajr dewmien indebitu.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

83      Għandu jiġi osservat li l-argument ibbażat fuq id-dannu kkawżat lir-rikorrenti huwa mingħajr effett fil-kuntest tal-kawża preżenti, li tirrigwarda biss l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u għaldaqstant l-istħarriġ tal-legalità tagħha biss.

84      Bl-istess mod, għalkemm l-osservanza ta’ terminu raġonevoli fl-iżvolġiment tal-proċeduri amministrattivi fis-settur tal-politika tal-kompetizzjoni tikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju, li l-qorti Komunitarja tiżgura l-osservanza tiegħu, il-ksur tiegħu ma jistax madankollu jiġġustifika l-annullament ta’ deċiżjoni ħlief meta dan il-ksur jikkawża wkoll ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-impriża kkonċernata (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-20 ta’ April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, magħrufa bħala “PVC II ”, T-305/94 sa T-307/94, T-313/94 sa T-316/94, T-318/94, T-325/94, T-328/94, T-329/94 u T-335/94, Ġabra p. II-931, punti 120 sa 122). Issa, fil-kawża preżenti, ir-rikorrenti sempliċement tippreżenta allegazzjoni sommarja f’dan is-sens mingħajr ma tressaq elementi konkreti insostenn tagħha.

85      Ir-rilevanza tat-terminu li fih ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata bħala indikazzjoni tal-eżistenza ta’ abbuż ta’ poter ser tiġi eżaminata fil-kuntest tat-tielet motiv.

86      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-motiv preżenti għandu jinċaħad.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq abbuż ta’ poter

 L-argumenti tal-partijiet

87      B’mod preliminari, ir-rikorrenti ssostni li, b’mod kuntrarju għal dak li tallega l-Kummissjoni, dan il-motiv ma jsirx mingħajr effett minħabba ċ-ċaħda tal-ewwel wieħed.

88      Fir-rigward tal-mertu, hija ssostni li l-Kummissjoni wettqet abbuż ta’ poter sa fejn ma adottatx id-deċiżjoni kkontestata sabiex issegwi l-għan li jirriżulta mir-Regolament Nru 139/2004, iżda bil-għan li tikseb estensjoni tat-terminu għall-eżami previst mill-imsemmi regolament sabiex tkun tista’ teżamina l-kwistjonijiet supplimentari mqajma minn ċerti Stati Membri kif ukoll mill-kompetituri tar-rikorrenti matul Frar u Marzu 2006. Fil-fatt, it-terminu inizjali għall-eżami, li kellu jiskadi fil-31 ta’ Marzu 2006, ma kienx jippermetti lill-Kummissjoni tispiċċa l-eżami tagħha u tibgħat, jekk ikun il-każ, dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

89      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li huwa minħabba din ir-raġuni li l-Kummissjoni indikat, waqt konversazzjoni telefonika tat-3 ta’ Marzu 2006, li ċerti suġġetti ta’ preokkupazzjoni supplimentari kellhom jiġu diskussi u pproponiet estensjoni volontarja tat-terminu għall-eżami ta’ 20 ġurnata tax-xogħol. Ikkonfrontata b’xi dubji espressi mill-avukati tar-rikorrenti, il-Kummissjoni kienet wara evokat, bħala theddida, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 139/2004 dwar id-data ta’ Jannar fil-każ li ma tinstabx soluzzjoni kunsenswali. F’dan il-kuntest, l-ittri elettroniċi mibgħuta mis-servizzi tal-Kummissjoni fit-22 u fit-24 ta’ Frar, u fit-2 ta’ Marzu 2006, li jqajmu numru ta’ mistoqsijiet fir-rigward tal-eżattezza tad-data ta’ Jannar, saru biss għall-preparazzjoni tal-elementi li fuqhom id-deċiżjoni kkontestata kienet eventwalment ibbażata.

90      Ir-rikorrenti tippreċiża f’dan ir-rigward li, b’mod kuntrarju għal dak li tallega l-Kummissjoni, tali approċċ ma jistax jiġi kkaratterizzat bħala kunsenswali, peress li, b’mod partikolari, minn naħa, mill-ittra elettronika interna tal-5 ta’ Marzu 2006, ippreżentata fl-anness għat-tweġiba tal-Kummissjoni għall-mistoqsija tal-Qorti tal-Prim’Istanza, jirriżulta li l-fatt li ġiet offerta alternattiva lir-rikorrenti kien immotivat mir-rieda li jitnaqqas ir-riskju ta’ appell, u mhux mir-rieda li jiġi limitat l-impatt tal-iskoperta tal-iżbalji fuq it-terminu għall-eżami u, min-naħa l-oħra, peress li waqt l-adozzjoni, fil-11 ta’ Ottubru, fid-9 u fit-23 ta’ Novembru u fid-9 ta’ Diċembru 2005, tad-deċiżjonijiet skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 139/2004, il-Kummissjoni qatt ma kienet offriet alternattiva lir-rikorrenti.

91      Fit-tieni lok, il-fatt li l-Kummissjoni kkonfutat l-eżattezza tad-data ta’ Jannar huwa spjegat mid-direzzjoni l-ġdida tal-investigazzjoni tagħha, peress li ma kinitx esprimiet dubji fuq l-imsemmija data qabel l-intervent ta’ ċerti Stati Membri u ta’ ċerti impriżi. Fil-fatt, inizjalment, jiġifieri sal-ewwel nofs ta’ Frar 2006, il-Kummissjoni kienet iffokat fuq is-suq tal-karbonati tal-kalċju għall-mili u l-istudju ekonometriku kien element essenzjali tal-analiżi ta’ dan is-suq, b’mod kuntrarju għall-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni li dan kien biss għodda supplimentari. Għall-kuntrarju, sussegwentement, wara l-laqgħa tal-Kumitat ta’ Konsulenza tat-22 ta’ Frar 2006, hija ffokat fuq l-eżami tal-argumenti mqajma minn ċerti Stati Membri u mill-kompetituri tar-rikorrenti fir-rigward tas-sitwazzjoni fis-swieq tal-prodotti tal-kisi, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda s-suq Finlandiż.

92      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti żżid li eżami mill-ġdid tal-konċentrazzjoni nnotifikata fid-dawl tal-informazzjoni korretta ma kienx neċessarju minħabba d-direzzjoni l-ġdida tal-eżami tal-Kummissjoni, u minħabba li, barra minn hekk, dan ma twettaqx. Fil-fatt, fil-mument li ntbagħtet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni kienet għadha ma spiċċatx il-verifika tad-data ta’ Marzu, u ma ġiex stabbilit li kienet użat din id-data tal-aħħar sabiex tibda mill-ġdid l-istudju ekonometriku fi żmien utli. Ir-rikorrenti żżid li, li kieku l-korrezzjonijiet tad-data ta’ Jannar setgħu jaffettwaw ir-riżultat tal-analiżi tal-Kummissjoni, din kienet tevoka dan il-fatt fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

93      Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti tfakkar li, fl-opinjoni tagħha, id-data ta’ Jannar kienet essenzjalment eżatta u żżid, f’dan ir-rigward, li n-natura mhux sinjifikattiva ta’ ċerti kwistjonijiet mqajma fid-deċiżjoni kkontestata u n-nuqqas ta’ rilevanza tagħhom juru li l-adozzjoni ta’ din tal-aħħar kienet immotivata mir-rieda li tinkiseb estensjoni tat-terminu għall-eżami. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kienet taf bl-eżattezza tad-data ta’ Jannar, kif jirriżulta mill-ittra tat-12 ta’ Jannar 2006, mill-fatt li hija kellha l-intenzjoni tawtorizza l-konċentrazzjoni mingħajr kundizzjonijiet f’Jannar 2006 u mill-preparazzjoni u mid-distribuzzjoni tal-abbozz ta’ deċiżjoni.

94      Fil-ħames lok, mill-ittra elettronika interna tas-6 ta’ Marzu 2006, ippreżentata fl-anness tat-tweġiba tal-Kummissjoni għall-mistoqsija tal-Qorti tal-Prim’Istanza, jirriżulta li membru tal-grupp tal-Kummissjoni responsabbli għall-fajl kien sistematikament fittex l-ikbar numru possibbli ta’ żbalji fid-data ta’ Jannar, fid-dawl tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 139/2004, mingħajr ma staqsa dwar l-impatt potenzjali tagħhom. Ir-rikorrenti tirrepeti f’dan il-kuntest l-argument li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li hija kienet analizzat l-importanza tal-iżbalji skoperti qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Għall-kuntrarju, mill-ittra elettronika tal-5 ta’ Marzu 2006 jirriżulta li l-Kummissjoni kienet bdiet il-formulazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata qabel ma twettqet tali analiżi. Dawn iċ-ċirkustanzi juru li l-Kummissjoni ma kinitx realment imħassba mill-impatt tal-iżbalji identifikati.

95      Fis-sitt lok, il-Kummissjoni ma kkonfutatx il-kontenut tal-ittra tar-rikorrenti tas-6 ta’ Marzu 2006, li fiha din tal-aħħar enfassizzat li hija kienet tqiegħdet quddiem għażla illegali bejn estensjoni kunsenswali u deċiżjoni li tissospendi t-terminu għall-eżami.

96      Fis-seba’ lok, id-deċiżjonijiet analogi, meħuda mill-Kummissjoni waqt l-eżami tal-konċentrazzjoni nnotifikata, ittieħdu ftit ġranet wara l-wasla tal-informazzjoni kkonċernata, filwaqt li kienu għaddew xahrejn bejn il-wasla tad-data ta’ Jannar u d-deċiżjoni kkontestata.

97      Il-Kummissjoni tesponi li l-motiv preżenti huwa bbażat fuq it-teżi li l-informazzjoni mitluba mid-deċiżjoni kkontestata ma kinitx neċessarja għall-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar il-konċentrazzjoni. Għaldaqstant, iċ-ċaħda tal-ewwel motiv timplika ċ-ċaħda tat-tieni. Fir-rigward tal-mertu, hija ssostni li r-rikorrenti ma ppreżentatx indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti li jissostanzjaw l-allegazzjoni tagħha ta’ abbuż ta’ poter, iżda ppreżentat biss xi deduzzjonijiet ibbażati żbaljatament fuq ċertu numru ta’ ċirkustanzi.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

98      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li ċ-ċaħda tal-ewwel motiv tar-rikors preżenti jirriżulta mill-fatt li r-rikorrenti ma stabbilixxietx suffiċjentement għall-finijiet tad-dritt li l-informazzjoni mitluba mid-deċiżjoni kkontestata ma kinitx neċessarja fis-sens tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 139/2004. Madankollu, in-nuqqas ta’ prova ta’ ksur tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ ma jaffettwax l-eventwali eżistenza ta’ abbuż ta’ poter mill-awtorità amministrattiva. Għaldaqstant, għad hemm lok li jiġi eżaminat il-motiv preżenti, indipendentement miċ-ċaħda tal-ewwel wieħed.

99      Hemm lok li jitfakkar, barra minn hekk, li l-kunċett ta’ abbuż ta’ poter jirreferi għall-fatt li awtorità amministrattiva tkun użat is-setgħat tagħha għal għan differenti minn dak li għalih hija tkun ingħatat dawn is-setgħat. Deċiżjoni tkun ivvizzjata minn abbuż ta’ poter biss jekk jidher, abbażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti, li din ittieħdet għal għan bħal dan. Fil-każ li jkun hemm diversi għanijiet, anki jekk motiv mhux iġġustifikat ikun inkluż fost motivi validi, id-deċiżjoni xorta waħda ma tkunx mittiefsa minn abbuż ta’ poter sakemm din ma tissagrifikax l-għan essenzjali (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ Settembru 2005, EDP vs Il-Kummissjoni, T-87/05, Ġabra p. II-3745, punt 87, u l-ġurisprudenza ċċitata).

100    Għaldaqstant hemm lok li jiġi vverifikat jekk l-elementi invokati mir-rikorrenti jikkostitwixxux indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti li jindikaw li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata mill-Kummissjoni sabiex tikseb sospensjoni tat-terminu għall-eżami tal-konċentrazzjoni pjuttost milli sabiex tikseb korrezzjoni tal-informazzjoni neċessarja għal dan l-istess eżami.

101    Fl-ewwel lok, f’dak li jirrigwarda l-konversazzjoni telefonika tat-3 ta’ Marzu 2006, mill-minuti ta’ din il-konversazzjoni, imressqa mill-avukati tar-rikorrenti, jirriżulta li kien biss wara li r-rikorrenti ikkontestat l-utilità ta’ estensjoni volontarja li l-Kummissjoni evokat l-adozzjoni ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 139/2004. Madankollu, dejjem skont l-imsemmija minuti, l-eżistenza ta’ inkoerenzi sostanzjali fid-data ta’ Jannar ġiet evokata mill-Kummissjoni fil-bidu tal-konversazzjoni, qabel ma ssemmew il-passi li setgħu jirrimedjaw is-sitwazzjoni. Bl-istess mod, mhuwiex ikkontestat mir-rikorrenti li l-eżistenza ta’ ċerti żbalji fid-data ta’ Jannar tqajmet mill-Kummissjoni, permezz ta’ diversi ittri elettroniċi, sa mit-22 ta’ Frar 2006. Għaldaqstant, l-imsemmija minuti ma jippermettux li jiġi konkluż li r-riferiment tal-Kummissjoni għall-adozzjoni eventwali ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 139/2004, jikkostitwixxi theddida intiża sabiex tipperswadi lir-rikorrenti taqbel mal-estensjoni volontarja tat-terminu għall-eżami.

102    Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda ċ-ċirkustanza li l-Kummissjoni offriet lir-rikorrenti l-alternattiva ta’ estensjoni volontarja, għandu jiġi osservat li, peress li tali azzjoni tista’ tkun ir-riżultat ta’ diversi motivi konkomitanti, il-fatt li mill-elementi ppreżentati mill-Kummissjoni jirriżulta li kienet inkwetata minħabba r-riskju ta’ appell eventwali ma jeskludix li hija kellha l-intenzjoni, fl-istess ħin, li tillimita l-impatt tal-iskoperta ta’ żbalji fuq it-terminu għall-eżami. Barra minn hekk, l-analoġija magħmula mir-rikorrenti mad-deċiżjonijiet preċedenti mhijiex konvinċenti, peress li, kif sostniet il-Kummissjoni, id-deċiżjoni kkontestata kienet tikkonċerna perijodu kunsiderevolment itwal u li, barra minn hekk, l-effetti tagħha kienu parzjalment retroattivi, peress li l-bidu tas-sospensjoni li hija timplika kienet preċedenti għad-data tal-adozzjoni tagħha.

103    Fit-tieni lok, mill-punt 73 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni kienet skopriet l-iżbalji msemmija fid-deċiżjoni kkontestata wara xi dibattiti dwar l-istudju ekonometriku u dwar id-data użata għat-twettiq tiegħu, li seħħew matul il-laqgħa tal-Kumitat ta’ Konsulenza tat-22 ta’ Frar 2006. Bl-istess mod, mill-punt 66 iktar ’il fuq jirriżulta li ma ġiex stabbilit li l-Kummissjoni setgħet teskludi li dawn l-iżbalji kien se jkollhom impatt sinjifikattiv fuq l-eżami tagħha tal-konċentrazzjoni. Fl-aħħar, hemm lok li jiġi rrilevat li, fl-ittra elettronika interna tal-5 ta’ Marzu 2006, ippreżentata fl-anness tat-tweġiba tal-Kummissjoni għall-mistoqsija tal-Qorti tal-Prim’Istanza, wieħed mill-membri tal-grupp tal-Kummissjoni responsabbli għall-fajl espona li din kienet “skopriet inkoerenzi serji fid-data”, li “[d]in id-data għandha tiġi kkoreġuta” u li l-Kummissjoni “[kienet se] tevalwa sa fejn id-data kkoreġuta (li kellha tinkiseb f’xi ġranet) kienet tbiddel l-evalwazzjoni [tagħha] tat-tranżazzjoni”. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kienet immotivata mir-rieda tal-Kummissjoni li tibda mill-ġdid it-totalità tal-evalwazzjoni tal-konċentrazzjoni nnotifikata fuq il-bażi ta’ informazzjoni eżatta pjuttost milli mill-fatt li hija bidlet id-direzzjoni tal-eżami tagħha wara l-intervent tal-Istati Membri u tal-impriżi kompetituri u kienet, konsegwentement, ipprovat tikseb sospensjoni tat-termini għall-eżami tal-konċentrazzjoni nnotifikata.

104    Fit-tielet lok, b’mod kuntrarju għal dak li ssostni r-rikorrenti, l-obbligu għall-Kummissjoni li teżamina l-effetti tal-konċentrazzjoni fuq is-swieq kollha li għalihom kien jeżisti riskju li kompetizzjoni effettiva tiġi mfixkla b’mod sinjifikattiv, evokat fil-punt 29 iktar ’il fuq, jimplika li, b’mod indipendenti mill-evoluzzjoni tad-direzzjoni tal-eżami tagħha, il-Kummissjoni kienet marbuta teżamina l-konċentrazzjoni nnotifikata kemm fil-konfront tas-settur tal-prodotti ta’ kisi u kemm fil-konfront ta’ dak tal-prodotti ta’ mili. Fil-fatt, dawn iż-żewġ setturi kienu potenzjalment affettwati mill-imsemmija konċentrazzjoni, u ġew anki eżaminati mill-Kummissjoni qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Fir-rigward tal-allegazzjonijiet li l-Kummissjoni la vverifikat l-eżattezza tad-data ta’ Marzu u lanqas ma bdiet mill-ġdid l-istudju ekonometriku qabel ma bagħtet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u fir-rigward ta’ dawk ibbażati fuq il-kontenut ta’ dan id-dokument tal-aħħar, hemm lok li jitfakkar li dawn diġà ġew ittrattati fil-punti 45 sa 48 iktar ’il fuq.

105    Fir-raba’ lok, mill-eżami tal-ewwel motiv jirriżulta li la ġie stabbilit li d-data ta’ Jannar kienet essenzjalment eżatta u lanqas li l-Kummissjoni kkunsidrat li dan kien il-każ. Issa, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li ċerti kwistjonijiet imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata kienu jikkonċernaw biss l-iżbalji a priori żagħar mhuwiex rilevanti, peress li ma setax jiġi eskluż, fid-data tal-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni, li tali żbalji jistgħu jeżerċitaw influwenza fuq l-eżami tal-konċentrazzjoni nnotifikata. Fir-rigward tal-invokazzjoni mir-rikorrenti tal-ittra tat-12 ta’ Jannar 2006 u tal-pożizzjoni adottata mill-Kummissjoni l-għada, għandu jiġi osservat li dawn l-elementi huma wkoll irrilevanti, peress li kienu preċedenti għall-iskoperta tal-iżbalji msemmija fid-deċiżjoni kkontestata, kif jirriżulta mill-punt 73 iktar ’il fuq.

106    Fil-ħames lok, għalkemm huwa minnu li wieħed mill-membri tal-grupp responsabbli għall-fajl fittex sistematikament, waqt il-verifiki supplimentari tal-eżattezza tad-data ta’ Jannar, żbalji f’din tal-aħħar, din iċ-ċirkustanza ma turix abbuż ta’ poter. Fil-fatt, huwa normali, meta jiġi vverifikat grupp ta’ data, li l-għan segwit ikun li jiġu skoperti kemm jista’ jkun ineżattezzi, filwaqt li jitħallew l-elementi li jidhru eżatti. Fir-rigward tal-argument li, ladarba nstabu l-iżbalji, il-Kummissjoni ma evalwatx l-impatt tagħhom, għandu jsir riferiment għall-punt 76 iktar ’il fuq. Fl-aħħar, jekk jitqies li l-formulazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata bdiet qabel ma l-Kummissjoni evalwat l-impatt tal-iżbalji fuq l-evalwazzjoni tagħha, din iċ-ċirkustanza lanqas ma tikkostitwixxi indizju tal-eżistenza ta’ abbuż ta’ poter. Fil-fatt, fid-dawl tal-ħtieġa ta’ ħeffa, li tikkaratterizza l-proċedura tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, jidher loġiku li l-Kummissjoni tiddedika ruħha fl-istess ħin għat-twettiq ta’ diversi fażijiet tal-proċedura li kienet taf li probabbilment kienu se jkunu neċessarji fil-kuntest tal-eżami ta’ operazzjoni ta’ konċentrazzjoni.

107    Fis-sitt lok, il-fatt li l-Kummissjoni ma weġbietx għall-ittra tar-rikorrenti tas-6 ta’ Marzu 2006, li kkontestat in-neċessità tal-korrezzjonijiet mitluba mid-deċiżjoni kkontestata, huwa irrilevanti, peress li, minn naħa, il-Kummissjoni ma kinitx marbuta twieġeb u, min-naħa l-oħra, f’kull każ, is-silenzju tagħha ma jistax jiġi kkunsidrat bħala prova li hija segwiet finijiet differenti minn dawk allegati.

108    Fl-aħħar, fis-seba’ lok, peress li ġie konkluż fil-punt 73 iktar ’il fuq li l-iżbalji msemmija fid-deċiżjoni kkontestata ġew skoperti fit-tieni nofs ta’ Frar, it-terminu bejn dan il-mument u d-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma jidhirx partikolarment twil meta mqabbel mad-deċiżjonijiet preċedenti adottati fil-kuntest tal-eżami tal-konċentrazzjoni nnotifikata, u dan anki minħabba, l-ewwel nett, li l-fatt li ċerti problemi identifikati fil-bażi ta’ data tal-kunsinni kienu ġew indikati lir-rikorrenti sa mit-22 ta’ Frar 2006, it-tieni nett, id-daqs tal-imsemmija bażi ta’ data u, fl-aħħar nett, minħabba l-fatt li, b’differenza mid-deċiżjonijiet preċedenti, id-deċiżjoni kkontestata kienet ibbażata fuq l-ineżattezza, pjuttost milli fuq in-natura mhux kompleta tal-informazzjoni inkwistjoni.

109    Għaldaqstant, mill-eżami tal-elementi invokati mir-rikorrenti jirriżulta li dawn jikkorrispondu jew għal ċirksutanzi li ma ġewx stabbiliti jew li m’għandhomx rilevanza, jew għal allegazzjonijiet mhux sostnuti u li għalihom teżisti spjegazzjoni alternattiva plawżibbli. F’dawn iċ-ċirkustanzi, anki meħuda flimkien, dawn l-elementi ma jippermettux li jiġi konkluż li jeżisti abbuż ta’ poter.

110    Għall-finijiet ta’ kompletezza, għandu jiġi rrilevat li, sabiex tkun tista’ twettaq sew l-eżami tagħha tal-motiv preżenti, il-Qorti tal-Prim’Istanza talbet lill-Kummissjoni tippreżentalha provi li jistabbilixxu li kienet verament użat id-data ta’ Marzu. Id-dokumenti mressqa bi tweġiba għal din it-talba juru li l-imsemmija data effettivament intużat fil-kuntest tal-eżami tal-konċentrazzjoni nnotifikata, b’mod partikolari sabiex jinbeda mill-ġdid l-istudju ekonometriku, sabiex jiġu evalwati l-prezzijiet u sabiex jiġu analizzati d-distanzi ta’ kunsinna. Għaldaqstant, dawn l-elementi jikkorraboraw il-konklużjoni esposta fil-punt preċedenti.

111    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, hemm lok li jiġi konkluż li ma ġiex stabbilit li l-Kummissjoni wettqet abbuż ta’ poter billi adottat id-deċiżjoni kkontestata u, għaldaqstant, li jinċaħad it-tielet motiv.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

 L-argumenti tal-partijiet

112    Ir-rikorrenti ssostni li l-ittra tat-12 ta’ Jannar 2006, li permezz tagħha l-Kummissjoni kkonfermat li l-informazzjoni mitluba fid-deċiżjoni tagħha tad-9 ta’ Diċembru 2005, kienet ġiet kompletament ikkomunikata, flimkien mal-aġir tal-Kummissjoni, ħolqulha aspettattivi leġittimi li inkisru mid-deċizjoni kkontestata.

113    B’hekk hija tesponi, fl-ewwel lok, li, billi adottat id-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet irrevokat l-ittra tagħha tat-12 ta’ Jannar 2006, peress li ssostitwiet l-evalwazzjoni li kien hemm f’din tal-aħħar b’konklużjoni ġdida fuq in-natura ineżatta tad-data ta’ Jannar. Issa, sa fejn, skont ir-rikorrenti, l-imsemmija ittra, minn naħa, intbagħtet skont is-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni u min-naħa l-oħra, kien fiha garanziji fir-rigward tal-fatt li l-Kummissjoni kkunsidrat id-data ta’ Jannar bħala kompleta u eżatta, hija tirrapreżenta att ġuridiku li jagħtiha drittijiet suġġettivi. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kellha tikkunsidra l-fatt li r-rikorrenti setgħet tafda l-legalità tagħha, iktar u iktar meta l-imsemmija ittra ma indikatx li l-kontenut tagħha kien kundizzjonali jew suġġett għal eżami iktar fil-fond.

114    Ir-rikorrenti tqis li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, minkejja l-possibbiltà għall-Kummissjoni li timmodifika l-pożizzjoni tagħha wara l-komunikazzjoni ta’ informazzjoni iktar dettaljata u d-dritt tagħha li tirreaġixxi għal provi ta’ kull tip, din tal-aħħar ma kinitx għadha tista’, skont il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, tbiddel il-pożizzjoni tagħha sabiex titlob il-verifika jew ir-raffinar tal-informazzjoni kkonċernata, sakemm ma turix li l-miżuri mitluba kienu rilevanti fir-rigward ta’ elementi ġodda li kellha quddiemha. Issa, fil-kawża preżenti, ebda modifika sostanzjali ma ġiet invokata f’dan ir-rigward.

115    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-aġir tal-Kummissjoni, il-prassi ġenerali u kostanti tagħha hija li tgħarraf b’ħeffa kull informazzjoni mhux kompleta. Issa, fil-kawża preżenti, il-Kummissjoni ma lmentatx dwar l-ineżattezza tal-informazzjoni pprovduta għal kważi xahrejn u indirizzat ruħha lir-rikorrenti biss wara li l-investigazzjoni ħadet direzzjoni ġdida.

116    Il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti ma tistax tinvoka l-aspettattivi leġittimi fil-konfront tal-ineżattezza tad-data ta’ Jannar, peress li l-ittra tat-12 ta’ Jannar 2006 ma kienx fiha garanziji preċiżi, mingħajr kundizzjoni, preliminari u konkordanti f’dan ir-rigward u li hija ma setgħetx, f’kull każ, tiġi kkunsidrata li tagħti lid-destinatarju tagħha drittijiet suġġettivi definittivi.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

117    Skont il-ġurisprudenza, id-dritt li jiġi invokat il-ħarsien tal-aspettattivi leġittimi jippresupponi s-sodisfazzjoni ta’ tliet kundizzjonijiet. Fl-ewwel lok, għandhom ikunu ngħataw garanziji preċiżi, mingħajr kundizzjoni u konkordanti, li jirriżultaw minn sorsi awtorizzati u affidabbli, lill-partijiet ikkonċernati mill-amministrazzjoni Komunitarja. Fit-tieni lok, dawn il-garanziji għandhom ikunu tali li jnisslu aspettattivi leġittimi fil-persuna indirizzata. Fit-tielet lok, dawn il-garanziji għandhom ikunu konformi mar-regoli applikabbli (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Frar 2006, Cementbouw Handel & Industrie vs Il-Kummissjoni, T-282/02, Ġabra p. II-319, punt 77, u l-ġurisprudenza ċċitata).

118    Ir-rikorrenti ssostni li l-aspettattivi leġittimi invokati minnha huma bbażati, minn naħa, fuq l-ittra tat-12 ta’ Jannar 2006 u, min-naħa l-oħra, fuq l-aġir tal-Kummissjoni. Issa, fl-ewwel lok, anki jekk jitqies li l-ittra msemmija kien fiha garanziji fis-sens li l-Kummissjoni kienet ikkunsidrat id-data ta’ Jannar bħala essenzjalment eżatta, tali garanziji ma kinux madankollu ta’ natura li joħolqu aspettattivi leġittimi għar-rikorrenti fir-rigward tal-fatt li l-Kummissjoni ma kinitx se tibdel l-evalwazzjoni tagħha.

119    Fil-fatt, mill-punti 29, 30, 31 u 33 iktar ’il fuq jirriżulta li, fl-interess ta’ kontroll effikaċi tal-operazzjonijiet ta’ konċentrazzjonijiet skont ir-Regolament Nru 139/2004, u fid-dawl tal-obbligu tal-Kummissjoni li teżamina, b’attenzjoni kbira, l-effetti tal-operazzjoni kkonċernata fuq is-swieq potenzjalment affettwati kollha, din għandha żżomm il-possibbiltà li titlob il-korrezzjoni tal-informazzjoni essenzjalment mhux eżatta kkomunikata mill-partijiet u neċessarja għall-eżami tagħha, u l-motivi li wassluha sabiex tivverifika mill-ġdid l-eżattezza tagħha huma mingħajr impatt f’dan ir-rigward.

120    Din il-konklużjoni hija kkorrobborata mill-fatt li, kif ġie osservat fil-punt 68 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma tistax tkun marbuta li tivverifika immedjatament u fid-dettal l-eżattezza tal-informazzjoni kollha mibgħuta mill-partijiet fil-koncentrazzjoni kkonċernata, peress li huma dawn tal-aħħar li jinsabu fl-aħjar pożizzjoni sabiex jiżguraw l-affidabbiltà tal-informazzjoni kkomunikata u peress li, barra minn hekk, huma obbligati jipprovdu informazzjoni kompleta u eżatta. Fil-fatt, f’dawn iċ-ċirkustanzi, minn naħa, il-verifiki mwettqa mill-Kummissjoni wara li tirċievi ċerta informazzjoni ma jwasslux neċessarjament għall-iskoperta tal-ineżattezzi sostanzjali kollha li jistgħu jaffettwaw din tal-aħħar. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka l-eżistenza ta’ aspettattivi leġittimi sabiex tevita l-konsegwenzi tal-ksur tal-obbligu li tipprovdi informazzjoni kompleta u eżatta għas-sempliċi raġuni li dan il-ksur ma ġiex innotat mill-Kummissjoni waqt il-verifiki msemmija iktar ’il fuq.

121    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-prassi tal-Kummissjoni invokata mir-rikorrenti, għandu jiġi osservat qabel kollox li, sa fejn ir-rikorrenti tilmenta dwar it-terminu allegatament mhux normali bejn l-iskoperta tal-iżbalji msemmija fid-deċiżjoni kkontestata u l-indikazzjoni tagħhom lir-rikorrenti, l-argument tagħha huwa bbażat fuq il-premessa li dawn l-iżbalji ġew identifikati waqt il-verifiki inizjali mwettqa matul l-ewwel nofs ta’ Jannar. Issa, peress li l-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 73 iċċitat iktar ’il fuq, ikkunsidrat li dan ma kienx il-każ, din il-premessa mhijiex issostanzjata fil-fatt.

122    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li s-sempliċi fatt li l-Kummissjoni rreaġixxiet, fl-imgħoddi, għall-komunikazzjoni tal-informazzjoni f’terminu ta’ xi ġranet ma jikkostitwix garanzija suffiċjentement preċiża li l-Kummissjoni, fil-futur, ma kinitx se tirrispondi għal komunikazzjoni ta’ informazzjoni wara li jkun għadda dan it-terminu.

123    Fl-aħħar, kif issostni l-Kummissjoni, peress li d-deċiżjonijiet preċedenti, adottati fil-kuntest tal-eżami tal-konċentrazzjoni nnotifikata, kienu jikkonċernaw in-natura kompleta tal-informazzjoni kkomunikata, il-prassi fir-rigward tagħhom ma tistax, f’kull każ, tiġi invokata fir-rigward ta’ deċiżjoni li tirrigwarda l-eżattezza ta’ informazzjoni, bħad-deċiżjoni kkontestata, u li mhijiex għaldaqstant ta’ natura li toħloq aspettattivi leġittimi.

124    Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, hemm lok li r-raba’ motiv jinċaħad.

 Fuq il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u fuq miżuri istruttorji

125    Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza tordna l-produzzjoni mill-Kummissjoni ta’ wħud mid-dokumenti interni tagħha, li jikkonċernaw b’mod partikolari l-korrispondenza mal-Kumitat ta’ Konsulenza, l-abbozz ta’ deċiżjoni, l-istudju ekonometriku, l-użu tal-informazzjoni kkomunikata mir-rikorrenti, in-natura kompleta u l-eżattezza tagħha, u kif ukoll il-verifiki mwettqa mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward, u r-raġunijiet li wasslu lil din tal-aħħar sabiex fit-3 ta’ Marzu 2006 titlob estensjoni tat-terminu għall-eżami.

126    Il-Qorti tal-Prim’Istanza talbet lill-Kummissjoni tipproduċi ċerti dokumenti dwar l-iżvolġiment u l-konsegwenzi tal-laqgħa tal-Kumitat ta’ Konsulenza tat-22 ta’ Frar 2006 u dwar l-użu tad-data ta’ Marzu. Sa fejn il-Qorti tal-Prim’Istanza setgħet teżamina t-totalità tal-motivi tar-rikorrenti fuq il-bażi ta’ dawn l-elementi u ta’ dokumenti oħra inklużi fil-proċess u peress li, matul il-proċedura quddiem il-qorti Komunitarja, dokumenti interni tal-Kummissjoni ma jitressqux għall-konjizzjoni tal-partijiet rikorrenti sakemm dan ma jkunx meħtieġ minħabba ċ-ċirkustanzi eċċezzjonali tal-kawża (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-20 ta’ Marzu 2002, HFB et vs Il-Kummissjoni, T-9/99, Ġabra p. II-1487, punt 40), hemm lok li l-bqija tat-talba tar-rikorrenti tinċaħad.

127    Minn dak kollu li ntqal qabel jirriżulta li r-rikors għandu jinċaħad fit-totalità tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

128    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu intalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Omya AG hija kkundannata għall-ispejjeż.

Pelikánová

Jürimäe

Soldevila Fragoso

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-4 ta’ Frar 2009.

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq l-ammissibbiltà tat-talba dwar il-konsegwenzi tal-eventwali annullament tad-deċiżjoni kkontestata

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 139/2004

Osservazzjonijiet premilinari dwar il-kunċett tan-neċessità tal-informazzjoni u tal-korrezzjoni tagħha

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-allegazzjoni li l-informazzjoni li ntalbet il-korrezzjoni tagħha ma kinitx neċessarja

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq l-allegazzjoni li d-data ta’ Jannar kienet essenzjalment eżatta

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ terminu raġonevoli

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq abbuż ta’ poter

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u fuq miżuri istruttorji

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.