Language of document : ECLI:EU:T:2014:999

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

27 ta’ Novembru 2014 (*)

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq tat-transformers tal-elettriku — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE — Effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri — Kunċett ta’ impriża — Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur — Preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti minn kumpannija parent fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha — Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑517/09,

Alstom, stabbilita f’Levallois-Perret (Franza), irrappreżentata minn J. Derenne u A. Müller-Rappard, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn A. Bouquet, N. von Lingen u K. Mojzesowicz, sussegwentement minn M. Bouquet, K. Mojzesowicz u P. Van Nuffel, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 7601 finali, tas-7 ta’ Ottubru 2009, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39.129 — Transformers tal-elettriku),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn O. Czúcz (Relatur), President tal-Awla, I. Labucka u D. Gratsias, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Lulju 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

1        Is-settur ikkonċernat f’din il-kawża huwa dak tat-transformers tal-elettriku, tal-autotransformers u tax-shunt reactors b’firxa ta’ vultaġġ ta’ 380 kV u iktar. Transformer tal-elettriku huwa komponent elettriku essenzjali li l-funzjoni tiegħu hija li jnaqqas jew iżid il-vultaġġ f’ċirkwit elettriku. Dawn it-transformers jinbiegħu individwalment jew bħala element ta’ turnkey power substations.

2        Matul il-perijodu rilevanti għal din il-kawża, jiġifieri matul il-perijodu ta’ bejn id-9 ta’ Ġunju 1999 u l-15 ta’ Mejju 2003, Alstom T&D SA, kienet attiva fil-qasam tat-transformers tal-elettriku. Matul dan il-perijodu kollu, ir-rikorrenti, Alstom, kellha 100 % tal-kapital ta’ Alstom France SA (li f’Awwissu 1999 issemmiet mill-ġdid Alstom Holdings) li, min-naħa tagħha, kellha 100 % tal-kapital ta’ Alstom T&D.

3        Wara l-bejgħ tal-attività ta’ produzzjoni tat-transformers tal-elettriku tal-grupp Alstom lill-grupp Areva, fl-2004 Alstom T&D ġiet ittrasferita lill-grupp Areva, ikkontrollat minn Areva SA, u sussegwentement ġiet imsemmija mill-ġdid Areva T&D SA.

4        Fit-8 ta’ Awwissu 2007 u fit-18 ta’ Marzu 2008, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej bagħtet talbiet għal informazzjoni lir-rikorrenti, li għalihom din tal-aħħar irrispondiet rispettivament fis-7 ta’ Settembru 2007 u fit-28 ta’ Frar 2008.

5        Fit-30 ta’ Settembru 2008, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibda proċedura dwar is-suq tat-transformers tal-elettriku kontra d-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata.

6        Id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġiet adottata fl-20 ta’ Novembru 2008. Ir-rikorrenti rrispondiet għaliha fl-20 ta’ Jannar 2009. Is-smigħ orali seħħ fis-17 ta’ Frar 2009.

7        Fis-7 ta’ Ottubru 2009, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2009) 7601 finali, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39.129 — Transformers tal-elettriku) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li fiha hija kkonstatat li Areva T&D u r-rikorrenti kienu kisru l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”) u imponiet multa ta’ EUR 16.5 miljun fuq ir-rikorrenti, Areva T&D inżammet responsabbli in solidum fir-rigward tal-ammont ta’ EUR 13.53 miljun.

8        Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li Areva T&D kienet ipparteċipat, minn tal-inqas mid-9 ta’ Ġunju 1999 sal-15 ta’ Mejju 2003 għall-“gentlemen’s agreement (GA)”, akkordju illegali li jkopri t-territorju kollu taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), li kien jikkonsisti fi ftehim konkluż b’mod orali bejn il-produtturi ta’ transformers tal-elettriku Ewropej u Ġappuniżi u li bħala suġġett kellu l-osservanza tas-swieq interni ta’ kull waħda minnhom u l-astensjoni mit-twettiq ta’ bejgħ fihom.

9        Fir-rigward tal-organizzazzjoni tal-gentlemen’s agreement, il-Kummissjoni ddeċidiet li l-impriżi li kienu pparteċipaw fih kienu diviżi f’żewġ gruppi, wieħed Ewropew u l-ieħor Ġappuniż, li kull grupp kellu jaħtar impriża segretarja u li, għat-tul kollu tal-ksur, il-grupp Siemens kien qeda l-funzjoni ta’ segretarja tal-grupp Ewropew u Hitachi kienet is-segretarja tal-grupp Ġappuniż. Hija kkonstatat ukoll li l-ftehim ta’ tqassim tas-suq kien ġie kkompletat bi ftehim intiż għan-notifikazzjoni tas-sejħiet għall-offerti (proġetti) li jkunu joriġinaw mit-territorju tal-grupp l-ieħor u li dawn il-proġetti kellhom jiġu nnotifikati lis-segretarja tal-grupp l-ieħor sabiex jitqassmu mill-ġdid.

10      Id-deċiżjoni kkontestata tirrigwarda s-suq tat-transformers tal-elettriku, kemm jekk jinbiegħu individwalment kif ukoll jekk jiġu integrati fi proġetti turnkey, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li jinbiegħu bħala element ta’ substation li tinkludi switchgear iżolat bil-gass, peress li dawn diġà kienu s-suġġett tad-Deċiżjoni C (2006) 6762 final tal-Kummissjoni, tal-24 ta’ Jannar 2007, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38.899 — Switchgear Iżolat bil-Gass) (sommarju ppubblikat fil-ĠU 2008, C 5, p. 7).

11      Fil-punt 5.5 tad-deċiżjoni kkontestata, fil-premessi 171 sa 174, il-Kummissjoni ddeċidiet li l-gentlemen’s agreement kellu effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u bejn il-partijiet kontraenti għall-Ftehim ŻEE.

12      Fil-punt 6 tad-deċiżjoni kkontestata, fil-premessi 183 sa 205, il-Kummissjoni kkonstatat li r-rikorrenti u Areva T&D, li dak iż-żmien kien jisimha Alstom T&D, kienu flimkien u in solidum responsabbli għall-ksur imwettaq matul il-perijodu ta’ bejn id-9 ta’ Ġunju 1999 u l-25 ta’ Marzu 2003. F’dan il-kuntest hija kkonstatat, minn naħa, li, minħabba l-fatt li r-rikorrenti kienet 100 % proprjetarja ta’ Areva T&D, li dak iż-żmien kien jisimha Alstom T&D, hija setgħet tippreżumi li r-rikorrenti kienet teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ Areva T&D u, min-naħa l-oħra, li r-rikorrenti ma kinitx għamlet argumenti li jikkonfutaw din il-preżunzjoni.

13      Id-differenza bejn l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti u l-ammont tal-multa imposta fuq Areva T&D hija spjegata mill-fatt li l-Kummissjoni naqqset il-multa ta’ Areva T&D bi 18 % għall-kooperazzjoni effettiva tagħha lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Avviż tagħha dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU 2002, C 45, p. 3).

14      Il-Kummissjoni nnotifikat id-deċiżjoni kkontestata lir-rikorrenti b’ittra tat-8 ta’ Ottubru 2009 li ġiet irċevuta fid-9 ta’ Ottubru 2009.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

15      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Diċembru 2009, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

16      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tannulla l-ittra tal-Uffiċjal tal-Kontabbiltà tal-10 ta’ Diċembru 2009;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

17      Minn naħa, il-Kummissjoni ppreżentat risposta, irreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ April 2010, li fiha titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

18      Min-naħa l-oħra, hija eċċepiet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, irreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ April 2010, li tirrigwarda t-talba għall-annullament tal-ittra tal-Uffiċjal tal-Kontabbiltà. Fil-kuntest ta’ din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà l-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors għall-annullament tal-ittra tal-Uffiċjal tal-Kontabbiltà bħala manifestament inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiddikjara li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni;

–        f’kull każ:

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż;

–        sussidjarjament, tiddikjara li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

19      Permezz ta’ nota ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Ġunju 2010, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà. Hija titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà u tistieden lill-Kummissjoni tippreżenta d-difiża tagħha fuq il-mertu;

–        sussidjarjament, tgħaqqad l-eżami tal-ammissibbiltà mal-mertu tal-kawża u tistieden lill-Kummissjoni tippreżenta d-difiża tagħha fuq il-mertu;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

20      Fl-24 ta’ Ottubru 2011, il-kawża ġiet attribwita lil imħallef relatur ġdid, li jifforma parti mill-kulleġġ ġudikanti tat-Tielet Awla.

21      B’digriet tal-24 ta’ April 2012, Alstom vs Il-Kummissjoni, mhux ippubblikat fil-Ġabra, il-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) iddeċidiet li ma kienx għad hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talba għall-annullament tal-ittra tal-Uffiċjal tal-Kontabbiltà u li tirriżerva l-ispejjeż.

22      Fuq rapport tal-imħallef relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) iddeċidiet li titlob lill-partijiet iwieġbu mistoqsijiet fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura fis-sens tal-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, mistoqsijiet li ġew imwieġba mill-partijiet fit-terminu mogħti, u li tiftaħ il-proċedura orali.

23      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tad-9 ta’ Lulju 2012.

24      Fid-dawl tar-rabtiet stretti bejn din il-kawża u l-Kawża T‑521/09, Alstom Grid vs Il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tagħti d-deċiżjonijiet tagħha fiż-żewġ kawżi fl-istess ħin. Fil-Kawża T‑521/09, Alstom Grid vs Il‑Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ssospendiet il-proċeduri sad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li temmet il-proċeduri fil-Kawża C‑231/11 P, Il-Kummissjoni vs Siemens Österreich et, jiġifieri sal-10 ta’ April 2014.

 Id-dritt

25      Ir-rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata huwa bbażat fuq tliet motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tar-regoli ta’ dritt li jirregolaw il-kundannazzjoni flimkien u in solidum ta’ żewġ kumpanniji. Dan huwa kompost minn żewġ partijiet, ibbażati, l-ewwel nett, fuq ksur tal-ġurisprudenza applikabbli għar-responsabbiltà flimkien u in solidum u, it-tieni nett, fuq ksur tal-prinċipju ġenerali ta’ individwalità tal-pieni minħabba li ma kienx hemm bażi tajba għar-responsabbiltà in solidum. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Dan huwa kompost minn tliet partijiet, ibbażati, l-ewwel nett, fuq motivazzjoni insuffiċjenti dwar l-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u l-partijiet kontraenti għall-Ftehim ŻEE, it-tieni nett, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-konklużjoni tal-Kummissjoni li tgħid li r-rikorrenti ma kkonfutatx il-preżunzjoni ta’ responsabbiltà għall-aġiri tas-sussidjarja tagħha u, it-tielet nett, fuq motivazzjoni kontradittorja fir-rigward tar-responsabbiltà flimkien tar-rikorrenti u tas-sussidjarja tagħha. It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 81 KE fir-rigward tar-regoli dwar l-imputabbiltà lill-kumpanniji parent tal-ksur imwettaq mis-sussidjarji tagħhom.

26      Il-Qorti Ġenerali tqis li fl-ewwel lok għandha tiġi eżaminata l-ewwel parti tat-tieni motiv, li tirrigwarda l-motivazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, qabel ma jiġu eżaminati, fit-tieni lok, il-motivi u l-partijiet li jikkonċernaw id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li timputa fuq ir-rikorrenti l-aġir tas-sussidjarja tagħha, li kien jisimha Alstom T&D matul il-perijodu tal-parteċipazzjoni tagħha fil-gentlemen’s agreement, Areva T&D fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u Alstom Grid SAS minn Jannar 2010, wara li nxtrat minn Alstom (iktar ’il quddiem is-“sussidjarja T&D”).

1.     Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq motivazzjoni insuffiċjenti tal-effett fuq il-kummerċ

27      Fil-kuntest tal-ewwel parti tat-tieni motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma mmotivatx suffiċjentement il-konklużjoni tagħha li tgħid li l-gentlemen’s agreement kellu effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u l-partijiet kontraenti għall-Ftehim ŻEE.

28      F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 253 KE jikkostitwixxi rekwiżit proċedurali li għandu jiġi distint mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, li taqa’ taħt il-legalità fuq il-mertu tal-att kontenzjuż (sentenzi tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytravel u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra EU:C:1998:154, punt 67; tat-22 ta’ Marzu 2001, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑17/99, Ġabra EU:C:2001:178, punt 35; u tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, C‑521/09 P, Ġabra EU:C:2011:620, punt 146).

29      Minn din il-perspettiva, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 253 KE għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, li minnha joriġina l-att, b’tali mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata, u li l-qorti kompetenti tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenzi, Franza vs Il‑Kummissjoni, punt 28 iktar ’il fuq, EU:C:2001:178, punt 35, u Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, punt 28 iktar ’il fuq, EU:C:2011:620, punt 147).

30      Għalhekk, fil-kuntest tad-deċiżjonijiet individwali, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-obbligu li tiġi mmotivata deċiżjoni individwali għandu l-għan, minbarra li jippermetti stħarriġ ġudizzjarju, li jipprovdi lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex tkun taf jekk id-deċiżjoni hijiex eventwalment ivvizzjata bi żball li jippermetti l-kontestazzjoni tal-validità tagħha (sentenzi tat-2 ta’ Ottubru 2003, Corus UK vs Il-Kummissjoni, C‑199/99 P, Ġabra EU:C:2003:531, punt 145; tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra EU:C:2005:408, punt 462, u Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, punt 28 iktar ’il fuq, EU:C:2011:620, punt 148).

31      Hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li l-ħtieġa ta’ motivazzjoni għandha tkun evalwata abbażi taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li d-destinatarji tal-att, jew kull persuna oħra kkonċernata direttament u individwalment mill-att, jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni li jsir magħruf jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE ma għandhiex biss tiġi evalwata fid-dawl tal-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll f’dak tal-kuntest tagħha u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenzi Il-Kummissjoni vs Sytravel u Brink’s France, punt 28 iktar ’il fuq, EU:C:1998:154, punt 63; tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, Ġabra EU:C:2008:392, punti 166 u 178, u Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, punt 28 iktar ’il fuq, EU:C:2011:620, punt 150).

32      Huwa fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq li għandha tiġi evalwata l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

33      Fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat l-ilment tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni ma mmotivatx suffiċjentement id-deċiżjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ kummerċ tat-transformers tal-elettriku bejn l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea u l-partijiet kontraenti għall-Ftehim ŻEE.

34      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li fil-premessa 172 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni kkonstatat li “l-attività tat-transformers tal-elettriku hija kkaratterizzata minn volumi ta’ kummerċ kunsiderevoli bejn Stati Membri, kif ukoll bejn il-Komunità u l-pajjiżi tal-[Assoċjazzjoni Ewropea għall-kummerċ ħieles] li jifformaw parti miż-ŻEE” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. F’dan il-kuntest hija għamlet riferiment għall-motivazzjoni tagħha riprodotta fil-punt 2.4 tad-deċiżjoni kkontestata (premessa 38) fejn ikkonstatat li klijenti eżistenti fl-Istati Membri kollha, kif ukoll fin-Norveġja, fl-Islanda u fil-Liechtenstein, minn naħa, u l-produtturi prinċipali Ewropej, min-naħa l-oħra, kienu b’mod partikolari stabbiliti fil-Ġermanja, fi Spanja, fi Franza, fl-Awstrija, fil-Portugall u fl-Isvizzera.

35      Barra minn hekk, il-premessa 172 u l-punt 2.4 tad-deċiżjoni kkontestata għandhom jinqraw fid-dawl tal-kuntest ta’ dak il-punt. Fil-fatt, fil-punt preċedenti, jiġifieri fil-punt 2.3, il-Kummissjoni ddeskriviet l-offerta u d-domanda fis-settur ikkonċernat. Fir-rigward tal-offerta, fil-premessi 34 u 35 tad-deċiżjoni kkontestata hija sabet li l-fornituri Ewropej kienu jbigħu transformers tal-elettriku fil-parti l-kbira tal-pajjiżi Ewropej. Fir-rigward tad-domanda, fil-premessa 36 tad-deċiżjoni kkontestata, hija kkonstatat li l-klijenti prinċipali kienu kumpanniji ta’ utilità pubblika, gvernijiet reġjonali u impriżi privati fil-qasam tat-trasport u tad-distribuzzjoni tal-elettriku. Wara dan hija sabet, fil-premessa 37 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-bejgħ ta’ transformers tal-elettriku magħmul mill-partijiet f’din il-proċedura fiż-ŻEE kien jammonta għal madwar EUR 105 miljun fl-2001, li jirrappreżenta madwar 65 % tal-valur totali tal-bejgħ ta’ transformers tal-elettriku fiż-ŻEE.

36      Għaldaqstant, il-punti ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom il-Kummissjoni bbażat id-deċiżjoni tagħha li tgħid li kien jeżisti kummerċ bejn l-Istati Membri u l-partijiet kontraenti għall-Ftehim ŻEE jirriżultaw b’mod ċar mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

37      Konsegwentement, l-ilment ibbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti tal-eżistenza ta’ kummerċ ta’ transformers tal-elettriku bejn l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea u l-partijiet kontraenti għall-Ftehim ŻEE għandu jiġi miċħud.

38      Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat l-ilment tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni ma mmotivatx suffiċjentement id-deċiżjoni tagħha dwar l-influwenza tal-gentlemen’s agreement fuq il-kummerċ bejn Stati Membri u bejn partijiet kontraenti għall-Ftehim ŻEE.

39      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li fil-premessa 174 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni kkonstatat li l-gentlemen’s agreement kien jirrigwarda t-tqassim tas-swieq u kien jipproteġi lill-produtturi taż-ŻEE mill-produtturi ta’ transformers tal-elettriku Ġappuniżi. Din il-premessa għandha tinqara flimkien mal-premessi 88 sa 90 tad-deċiżjoni kkontestata, fejn il-Kummissjoni stabbilixxiet li l-produtturi Ġappuniżi kienu impenjaw ruħhom li ma jbigħux transformers tal-elettriku fl-Ewropa u l-produtturi Ewropej li ma jbigħux tali transformers fil-Ġappun.

40      Mill-premessi 165, 166 u 174 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod ċar li l-Kummissjoni qieset li akkordju b’tali għan kellu, jew seta’ jkollu, l-effett li awtomatikament jiżvija l-kurrent tal-kummerċ mid-direzzjoni li dan kien jieħu fl-assenza tal-akkordju.

41      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, fil-premessi 167 sa 169 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ċaħdet l-argumenti li l-impriżi kkonċernati kienu għamlu sabiex juru li kienu jeżistu ostakoli li jipprekludu kull kummerċ bejn produtturi Ġappuniżi u Ewropej. F’dan il-kuntest, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni osservat li l-impriżi kkonċernati kienu regolarment jikkonfermaw l-adeżjoni tagħhom għall-gentlemen’s agreement. Fit-tieni lok, hija kkonstatat li produttur Korean kien daħal fis-suq Ewropew. Fit-tielet lok, hija sabet li produtturi Ġappuniżi kienu daħlu fis-suq Amerikan matul il-perijodu tal-gentlemen’s agreement u li l-partijiet ma kinux urew li l-barrieri għad-dħul f’dak is-suq kienu differenti ħafna minn dawk tas-suq Ewropew.

42      Għaldaqstant, il-punti ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom il-Kummissjoni bbażat id-deċiżjoni tagħha li tgħid li l-gentlemen’s agreement influwenza jew seta’ jinfluwenza l-kummerċ bejn l-Istati Membri u l-partijiet kontraenti għall-Ftehim ŻEE jirriżultaw b’mod ċar mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

43      Konsegwentement, l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

2.     Fuq ir-responsabbiltà flimkien u in solidum tar-rikorrenti u tas-sussidjarja T&D tagħha

44      Il-motivi u l-partijiet l-oħra kollha kemm huma jirrigwardaw id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li żżomm lir-rikorrenti u lis-sussidjarja T&D tagħha responsabbli flimkien u in solidum għall-ħlas tal-multa. F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti essenzjalment tagħmel tliet oġġezzjonijiet kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li żżommha responsabbli. Fl-ewwel lok, fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, hija ssostni li l-Kummissjoni marret kontra l-ġurisprudenza dwar ir-responsabbiltà flimkien u in solidum. Fit-tieni lok, fil-kuntest tat-tieni parti tat-tieni motiv, hija ssostni li l-Kummissjoni ma mmotivatx b’mod suffiċjenti d-deċiżjoni tagħha li tgħid li r-rikorrenti ma kinitx għamlet argumenti suffiċjenti sabiex tikkonfuta l-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja T&D tagħha fis-suq. Fit-tielet lok, fil-każ fejn il-Kummissjoni setgħet tibbaża ruħha fuq il-ġurisprudenza li tirregola r-responsabbiltà flimkien u in solidum sabiex iżżommha responsabbli, ir-rikorrenti ssostni, fil-kuntest tat-tielet motiv, tat-tieni parti tal-ewwel motiv u tat-tielet parti tat-tieni motiv, li din il-ġurisprudenza nnifisha hija kontradittorja u tmur kontra l-Artikolu 81 KE u kontra l-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni.

 Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq ksur tal-ġurisprudenza dwar ir-responsabbiltà flimkien u in solidum

45      Fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni talli kisret il-ġurisprudenza dwar ir-responsabbiltà flimkien u in solidum. Din il-parti hija komposta minn żewġ ilmenti. L-ewwel ilment huwa bbażat fuq il-fatt li r-rikorrenti u s-sussidjarja T&D tagħha ma jifformawx unità ekonomika. Permezz tat-tieni lment, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni talli ma stabbilixxietx responsabbiltà interkambjabbli bejn dawn iż-żewġ kumpanniji.

46      L-ewwel parti tal-ewwel motiv hija ammissibbli. Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, ir-rikorrenti għandha interess li tqajjem dan il-punt. L-ewwel nett, fir-rigward tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażat fuq in-nuqqas ta’ awtonomija tal-ewwel motiv meta mqabbel mat-tielet motiv, huwa biżżejjed li jitfakkar li, fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-ġurisprudenza dwar ir-responsabbiltà flimkien u in solidum, filwaqt li, fil-kuntest tat-tielet motiv, hija ssostni li din il-ġurisprudenza nnifisha tmur kontra l-Artikolu 81 KE u kontra l-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni (ara l-punt 44 iktar ’il fuq). It-tieni nett, fir-rigward tal-argument li jgħid li r-rikorrenti ma għandhiex interess li tikkontesta l-imputazzjoni flimkien u in solidum ta’ multa, peress li tali imputazzjoni tiffavorixxiha, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti tinvoka ż-żewġ ilmenti msemmija iktar ’il fuq sabiex tikkontesta r-responsabbiltà tagħha.

 Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq il-fatt li r-rikorrenti u s-sussidjarja T&D tagħha ma jifformawx unità ekonomika

47      Fil-kuntest tal-ewwel ilment tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-ġurisprudenza dwar ir-responsabbiltà flimkien u in solidum meta kkundannatha flimkien u in solidum mas-sussidjarja T&D tagħha, filwaqt li huma ma kinux jifformaw unità ekonomika, la matul il-perijodu tal-parteċipazzjoni tas-sussidjarja T&D tagħha fil-gentlemen’s agreement u lanqas fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

–       Fuq l-assenza ta’ unità ekonomika matul il-gentlemen’s agreement

48      Ir-rikorrenti ssostni li hija u s-sussidjarja T&D tagħha ma kinux jifformaw unità ekonomika matul il-perijodu tal-parteċipazzjoni ta’ din tal-aħħar fil-gentlemen’s agreement. Hija tqis li, skont il-ġurisprudenza, żewġ kumpanniji jistgħu jitqiesu li huma unità ekonomika u għalhekk bħala impriża fis-sens tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE biss jekk minn eżami mmotivat jirriżulta li, minħabba unità ta’ aġir jew minħabba unità ta’ azzjoni, waħda mill-kumpanniji tieħu d-deċiżjonijiet għat-tnejn li huma, filwaqt li l-oħra titlef l-awtonomija tagħha. Issa, f’din il-kawża, il-Kummissjoni bbażat ruħha biss fuq il-fatt li hija kellha 100 % tal-kapital tas-sussidjarja T&D tagħha matul il-perijodu tal-parteċipazzjoni ta’ din tal-aħħar fil-gentlemen’s agreement u minn dan iddeduċiet li r-rikorrenti kienet eżerċitat influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ T&D.

49      F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li d-dritt Ewropew tal-kompetizzjoni jikkonċerna l-attivitajiet tal-impriżi (sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra EU:C:2004:6, punt 59), u li l-kunċett ta’ impriża jinkludi kull entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatus ġuridiku ta’ din l-entità u mill-mod li bih tiġi ffinanzjata (sentenzi Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 30 iktar ’il fuq, EU:C:2005:408, punt 112; tal-10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze et, C‑222/04, Ġabra EU:C:2006:8, punt 107, u tal-11 ta’ Lulju 2006, FENIN vs Il‑Kummissjoni, C‑205/03 P, Ġabra EU:C:2006:453, punt 25).

50      Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li l-kunċett ta’ impriża, meta jitqiegħed f’dan il-kuntest, għandu jinftiehem bħala li jkopri unità ekonomika anki jekk, mill-perspettiva ġuridika, din l-unità ekonomika hija magħmula minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi (sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 2006, Confederación Española de Empresarios de Estaciones de Servicio, C‑217/05, Ġabra EU:C:2006:784, punt 40; tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, C‑97/08 P, Ġabra EU:C:2009:536, punt 55, u tal-20 ta’ Jannar 2011, General Química et vs Il‑Kummissjoni, C‑90/09 P, Ġabra EU:C:2011:21, punt 53).

51      Meta entità ekonomika bħal din tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni, hija għandha, skont il-prinċipju tar-responsabbiltà personali, twieġeb għal dan il-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, Ġabra EU:C:1999:356, punt 145; tas-16 ta’ Novembru 2000, Cascades vs Il‑Kummissjoni, C‑279/98 P, Ġabra EU:C:2000:626, punt 78; Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 50 iktar ’il fuq, EU:C:2009:536, punt 56; u General Química et vs Il-Kummissjoni, punt 50 iktar ’il fuq, EU:C:2011:21, punt 36).

52      Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-aġir ta’ sussidjarja jista’ jiġi imputat lill-kumpannija parent b’mod partikolari meta, għalkemm ikollha personalità ġuridika distinta, din is-sussidjarja ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq, iżda tapplika essenzjalment l-istruzzjonijiet li jingħatawlha mill-kumpannija parent, b’mod partikolari fid-dawl tar-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi li jgħaqqdu lil dawn iż-żewġ entitajiet ġuridiċi (sentenzi Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 50 iktar ’il fuq, EU:C:2009:536, punt 58, u Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, punt 28 iktar ’il fuq, EU:C:2011:620, punt 54).

53      Fil-fatt, dan l-argument huwa validu għaliex, f’tali sitwazzjoni, il-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jifformaw parti mill-istess unità ekonomika u, għaldaqstant, jifformaw impriża waħda fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija preċedentement. Għaldaqstant, il-fatt li kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jikkostitwixxu impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE jippermetti lill-Kummissjoni tindirizza deċiżjoni li timponi multi lill-kumpannija parent, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi stabbilit l-involviment personali ta’ din tal-aħħar fil-ksur (sentenzi Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 50 iktar ’il fuq, EU:C:2009:536, punt 59; General Química et vs Il‑Kummissjoni, punt 50 iktar ’il fuq, EU:C:2011:21, punt 38; u Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, punt 28 iktar ’il fuq, EU:C:2011:620, punt 55).

54      Fil-każ speċifiku fejn kumpannija parent għandha 100 % tal-kapital tas-sussidjarja tagħha li wettqet ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni, minn naħa, din il-kumpannija parent tista’ teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din is-sussidjarja u, min-naħa l-oħra, teżisti preżunzjoni juris tantum li l-imsemmija kumpannija parent effettivament teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha (sentenzi Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 50 iktar ’il fuq, EU:C:2009:536, punt 60; General Química et vs Il-Kummissjoni, punt 50 iktar ’il fuq, EU:C:2011:21, punt 39; u Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, punt 28 iktar ’il fuq, EU:C:2011:620, punt 56).

55      F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tipprova li l-kapital kollu tas-sussidjarja huwa miżmum mill-kumpannija parent tagħha sabiex wieħed jippreżumi li din tal-ewwel teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ din is-sussidjarja. Il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni, sussegwentement, li tikkunsidra lill-kumpannija parent responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq il-kumpannija sussidjarja tagħha, sakemm l-imsemmija kumpannija parent, li għandha l-oneru li tikkonfuta din il-preżunzjoni, ma tipproduċix provi suffiċjenti li jistgħu juru li l-kumpannija sussidjarja tagħha taġixxi b’mod awtonomu fis-suq (sentenzi Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 50 iktar ’il fuq, EU:C:2009:536, punt 61; General Química et vs Il‑Kummissjoni, punt 50 iktar ’il fuq, EU:C:2011:21, punt 40; u Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, punt 28 iktar ’il fuq, EU:C:2011:620, punt 57).

56      F’tali każ, din il-preżunzjoni ma hijiex suġġetta għall-produzzjoni ta’ indizji addizzjonali (sentenzi Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 50 iktar ’il fuq, EU:C:2009:536, punt 62, u General Química et vs Il‑Kummissjoni, punt 50 iktar ’il fuq, EU:C:2011:21, punt 41).

57      Fil-każ partikolari fejn kumpannija parent għandha 100 % tal-kapital ta’ kumpannija intermedjarja li, min-naħa tagħha, jkollha l-kapital kollu ta’ sussidjarja fil-grupp tagħha, li tkun wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, teżisti preżunzjoni juris tantum li tgħid li din il-kumpannija parent teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tal-kumpannija intermedjarja u, b’mod indirett permezz ta’ din tal-aħħar, teżerċita l-istess influwenza fuq l-aġir tal-imsemmija sussidjarja (sentenza General Química et vs Il-Kummissjoni, punt 50 iktar ’il fuq, EU:C:2011:21, punti 86 sa 89).

58      Mill-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq jirriżulta li, billi kkonstatat, fil-premessi 189 sa 195 tad-deċiżjoni kkontestata li 100 % tal-kapital tas-sussidjarja T&D tagħha kien tar-rikorrenti u li għaldaqstant seta’ jiġi preżunt li r-rikorrenti kienet teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja T&D tagħha fis-suq, il-Kummissjoni ma kisritx ir-regoli li jirregolaw ir-responsabbiltà ta’ kumpannija parent għall-aġir tas-sussidjarja tagħha. Il-Kummissjoni ma kinitx obbligata li tipproduċi elementi oħra sabiex turi l-eżistenza ta’ unità ekonomika bejn ir-rikorrenti u s-sussidjarja T&D tagħha, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, iżda setgħet tibbaża ruħha biss fuq din il-preżunzjoni.

59      Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, din il-konklużjoni ma hijiex ikkonfutata mill-punti 99 u 101 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-2 ta’ Ottubru 2003, Aristrain vs Il-Kummissjoni (C‑196/99 P, Ġabra EU:C:2003:529), jew mill-punt 391 tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Ġunju 2005, Tokai Carbon et vs Il‑Kummissjoni (T‑71/03, T‑74/03, T‑87/03 u T‑91/03, EU:T:2005:220). Fil-fatt, il-punti tas-sentenzi li għalihom tagħmel riferiment ir-rikorrenti ma jikkonċernawx relazzjoni vertikali bħal f’dan il-każ, fejn hemm lok li jiġi evalwat l-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti minn kumpannija parent fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha. Bil-kontra ta’ dan, l-imsemmija punti jikkonċernaw każijiet li fihom il-Kummissjoni kellha tevalwa l-eżistenza ta’ eżerċizzju ta’ influwenza determinanti minn kumpannija fuq kumpannija oħra f’relazzjoni orizzontali, jiġifieri, minn naħa, f’relazzjoni bejn żewġ “kumpanniji aħwa” u, min-naħa l-oħra, bejn żewġ kumpanniji “kuġini”, jiġifieri żewġ sussidjarji li kienu proprjetà ta’ żewġ kumpanniji parent separati.

60      Konsegwentement, il-Kummissjoni ma kisritx il-ġurisprudenza li tirregola r-responsabbiltà flimkien u in solidum ta’ sussidjarja u tal-kumpannija parent tagħha meta ppreżumiet li r-rikorrenti u s-sussidjarja T&D tagħha kienu jifformaw unità ekonomika billi bbażat ruħha fuq il-fatt li r-rikorrenti kellha, permezz ta’ Alstom France, li f’Awwissu 1999 issemmiet mill-ġdid Alstom Holdings (ara l-punt 2 iktar ’il fuq), 100 % tal-azzjonijiet tas-sussidjarja T&D tagħha.

–       Fuq l-assenza ta’ unità ekonomika fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

61      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-ġurisprudenza dwar ir-responsabbiltà flimkien u in solidum ta’ sussidjarja u tal-kumpannija parent tagħha meta ddeċidiet li hija kienet responsabbli flimkien u in solidum mas-sussidjarja T&D tagħha, filwaqt li huma ma kinux għadhom jikkostitwixxu unità ekonomika fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

62      F’dan il-kuntest, għandha titfakkar il-ġurisprudenza li tgħid li, bħala prinċipju, hija l-persuna fiżika jew ġuridika li kienet tmexxi lill-impriża kkonċernata fil-mument meta jkun twettaq il-ksur li għandha tirrispondi għalih, anki jekk, fil-ġurnata tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li tikkonstata l-ksur, it-tmexxija tal-impriża ma tkunx għadha taħt ir-responsabbiltà tagħha (sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2000, KNP BT vs Il‑Kummissjoni, C‑248/98 P, Ġabra EU:C:2000:625, punt 71; Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni, C‑286/98 P, Ġabra EU:C:2000:630, punti 37 sa 40; SCA Holding vs Il-Kummissjoni, C‑297/98 P, Ġabra EU:C:2000:633, punt 27, u tad-29 ta’ Marzu 2011, ThyssenKrupp Nirosta vs Il‑Kummissjoni, C‑352/09 P, Ġabra EU:C:2011:191, punt 143).

63      Minn dan isegwi li, fil-premessa 194 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet iġġustifikata meta kkonstatat li l-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ unità ekonomika bejn kumpannija parent u sussidjarja fil-mument tal-ksur kienet tiġġustifika l-imputazzjoni flimkien u in solidum ta’ multa liż-żewġ kumpanniji, anki jekk dawn ma kienx għadhom jikkostitwixxu unità ekonomika fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li timputa l-multa.

64      Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, dan l-approċċ ma huwiex ikkonfutat mill-punti 390 sa 393 tas-sentenza Tokai Carbon et vs Il‑Kummissjoni, punt 59 iktar ’il fuq (EU:T:2005:220). Minn dik is-sentenza ma jistax jiġi dedott li l-unità ekonomika bejn kumpannija parent u sussidjarja trid tkun għadha teżisti fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li timputa l-multa. Fil-fatt, fil-punti msemmija iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet dwar l-applikazzjoni tal-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, L-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU, Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3). Kif iddeċidiet ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 389 ta’ dik is-sentenza, dan il-limitu huwa b’mod partikolari intiż li jipproteġi lill-impriżi kontra livell eċċessiv ta’ multa li jista’ jeqred is-sustanza ekonomika tagħhom. Konsegwentement, dan għandu jiġi applikat għal perijodu qrib id-data tal-impożizzjoni tal-multa u għalhekk ma huwiex relatat mal-perijodu tal-ksur issanzjonat. Għalhekk, il-punti 390 sa 393 ta’ dik is-sentenza ma humiex rilevanti fil-kawża preżenti peress li ma jikkonċernawx il-kwistjoni ta’ jekk l-aġir tas-sussidjarja jistax jiġi imputat lill-kumpannija parent tagħha. Bil-kontra ta’ dan, għandu bilfors jiġi kkonstatat li, fil-punt 387 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali impliċitament aċċettat li multa flimkien u in solidum tista’ tiġi imposta fuq żewġ kumpanniji li kienu jifformaw unità ekonomika fil-mument ta’ meta kien twettaq il-ksur, anki jekk ma jkunx intwera li huma kien għadhom jifformaw unità ekonomika fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li timponi l-multa.

65      Konsegwentement, l-ewwel ilment tal-ewwel parti tal-ewwel motiv għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu.

 Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq l-interkambjalità tar-responsabbiltajiet

66      Permezz tat-tieni lment tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni talli ma stabbilixxietx is-sehem tar-responsabbiltà individwali, dirett u formali tagħha fil-ksur. Hija tqis li, sabiex tkun tista’ tikkundannaha flimkien u in solidum mas-sussidjarja T&D tagħha għall-ħlas tal-multa, il-Kummissjoni kellha turi mhux biss l-involviment reali tas-sussidjarja T&D tagħha fil-ksur, iżda wkoll l-involviment tagħha. Hija ssostni li l-Kummissjoni kellha tikkonstata l-ksur b’mod awtonomu mhux biss f’dak li jirrigwarda s-sussidjarja T&D tagħha, iżda wkoll fir-rigward tagħha.

67      F’dan ir-rigward, għandu l-ewwel nett jiġi kkonstatat li, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punti 49 sa 57 iktar ’il fuq, ir-responsabbiltà in solidum ta’ kumpannija parent u ta’ sussidjarja li tagħha hija għandha 100 % tal-kapital, tirriżulta mill-preżunzjoni li dawn iż-żewġ kumpanniji jifformaw parti mill-istess impriża fis-sens tal-Artikolu 81 KE. Konsegwentement, il-Kummissjoni tista’ tindirizza d-deċiżjoni li timponi multa kemm fuq il-kumpannija parent kif ukoll fuq is-sussidjarja tagħha, jekk hija turi li huma jikkostitwixxu impriża u li din l-impriża pparteċipat fil-ksur. Għalhekk, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, ma huwiex neċessarju li tiġi stabbilita relazzjoni ta’ istigazzjoni bejn il-kumpannija parent u s-sussidjarja fir-rigward tal-ksur, u lanqas, b’mod iktar sinjifikattiv, involviment tal-ewwel waħda fl-imsemmi ksur (sentenza Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, punt 28 iktar ’il fuq, EU:C:2011:620, punt 88).

68      Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, dan l-approċċ ma huwiex ikkonfutat mill-punt 43 tas-sentenza tal-14 ta’ Mejju 1998, Metsä-Serla et vs Il-Kummissjoni (T‑339/94 sa T‑342/94, Ġabra EU:T:1998:100). Ċertament, f’dak il-punt il-Qorti Ġenerali kkonstatat li impriża tista’ tiġi ddikjarata responsabbli in solidum flimkien ma impriża oħra għall-ħlas ta’ multa biss jekk il-Kummissjoni turi li dan il-ksur jista’ jiġi kkonstatat f’dak li jikkonċerna ż-żewġ impriżi. Madankollu, mill-punt 58 ta’ dik is-sentenza b’mod partikolari jirriżulta li l-imsemmija konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali tirrigwarda l-każ fejn il-Kummissjoni tissanzjona żewġ impriżi separati fis-sens tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, għalhekk żewġ unitajiet ekonomiċi awtonomi, u mhux il-każ fejn il-Kummissjoni tissanzjona żewġ kumpanniji li jifformaw parti mill-istess unità ekonomika u għalhekk mill-istess impriża fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

69      Peress li anki t-tieni lment tal-ewwel parti tal-ewwel motiv ma huwiex fondata, l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda kollha kemm hija.

 Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq motivazzjoni insuffiċjenti taċ-ċaħda tal-argumenti magħmula mir-rikorrenti sabiex tikkonfuta l-preżunzjoni tal-influwenza determinanti tagħha fuq l-aġir tas-sussidjarja T&D tagħha

70      Fil-kuntest tat-tieni parti tat-tieni motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma mmotivatx suffiċjentement id-deċiżjoni tagħha li tgħid li hija ma kienx irnexxielha tikkonfuta l-preżunzjoni tal-influwenza determinanti tagħha fuq l-aġir tas-sussidjarja T&D tagħha fis-suq.

71      F’dan il-kuntest, għandu l-ewwel nett isir riferiment għall-ġurisprudenza dwar l-obbligu ta’ motivazzjoni esposta fil-punti 28 sa 31 iktar ’il fuq.

72      Wara dan, għandu jitfakkar li, meta deċiżjoni skont ir-regoli tal-Unjoni fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni tirrigwarda numru ta’ destinatarji u tirrigwarda l‑imputabbiltà tal-ksur, din għandha tkun tinkludi motivazzjoni suffiċjenti fir-rigward ta’ kull wieħed mid-destinatarji tagħha, b’mod partikolari ta’ dawk fosthom li, wara l-għoti ta’ dik id-deċiżjoni, għandhom ibatu r-responsabbiltà għal dan il-ksur. Għalhekk, fir-rigward ta’ kumpannija parent miżmuma responsabbli għall-aġir tas-sussidjarja tagħha li jikkostitwixxi ksur, tali deċiżjoni għandha, bħala prinċipju, tkun tinkludi sunt iddettaljat tal-motivi tali li jiġġustifika l-imputabbiltà tal-ksur lil dik il-kumpannija (sentenza Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, punt 28 iktar ’il fuq, EU:C:2011:620, punt 152).

73      Fir-rigward, b’mod partikolari ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni bbażata esklużivament, fir-rigward ta’ ċerti destinatarji, fuq il-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti, għandu jiġi kkonstatat li f’kull każ il-Kummissjoni hija obbligata li tesponi b’mod xieraq lil dawn id-destinatarji r-raġunijiet li għalihom il-punti ta’ fatt u ta’ liġi invokati ma kinux biżżejjed sabiex jikkonfutaw l-imsemmija preżunzjoni. Il-kompitu tal-Kummissjoni li timmotiva d-deċiżjoni tagħha fuq dan il-punt jirriżulta, b’mod partikolari, min-natura konfutabbli tal-imsemmija preżunzjoni, li l-konfutazzjoni tagħha teħtieġ li l-persuni kkonċernati jipproduċu prova dwar ir-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi bejn il-kumpanniji kkonċernati (ara, f’dan is-sens is-sentenza Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, punt 28 iktar ’il fuq, EU:C:2011:620, punt 153).

74      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-motivazzjoni tal-Kummissjoni għandha tippermetti li l-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ tagħha, li għandha tevalwa kull element dwar ir-rabtiet organizzattivi, ekonomiċi u ġuridiċi bejn il-kumpannija parent u s-sussidjarja li jista’ jistabbilixxi li din tal-aħħar taġixxi b’mod awtonomu mill-kumpannija parent tagħha u li għalhekk dawn iż-żewġ kumpanniji ma jikkostitwixxux entità ekonomika unika (sentenza General Química et vs Il-Kummissjoni, punt 50 iktar ’il fuq, EU:C:2011:21, punt 76).

75      Tali verifika hija iktar u iktar neċessarja peress li l-awtonomija ta’ sussidjarja fl-implementazzjoni tal-politika kummerċjali tagħha tifforma parti, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, min-numru ta’ elementi rilevanti li jippermettu li l-kumpannija parent tikkonfuta l-preżunzjoni tal-influwenza determinanti tagħha fuq l-aġir tas-sussidjarja, elementi li n-natura tagħhom u l-importanza tagħhom jistgħu jvarjaw skont il-karatteristiċi ta’ kull każ partikolari. (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 50 iktar ’il fuq, EU:C:2009:536, punt 77, u General Química et vs Il-Kummissjoni, punt 50 iktar ’il fuq, EU:C:2011:21, punt 77).

76      Dan premess, għandu jitfakkar li f’tali kuntest il-Kummissjoni madankollu ma hijiex obbligata li tieħu pożizzjoni fir-rigward ta’ elementi li huma manifestament barra mill-kuntest, insinjifikattivi jew evidentement sekondarji (sentenza Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, punt 28 iktar ’il fuq, EU:C:2011:620, punt 154).

77      Fl-aħħar nett, il-motivazzjoni għandha, bħala prinċipju, tiġi kkomunikata lill-parti kkonċernata fl-istess żmien tad-deċiżjoni li tikkawżalha preġudizzju. L-assenza ta’ motivazzjoni ma tistax tiġi regolarizzata mill-fatt li l-parti kkonċernata ssir taf bir-raġunijiet għad-deċiżjoni matul il-proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni (sentenzi tas-26 ta’ Novembru 1981, Michel vs Il‑Parlament, 195/80, Ġabra EU:C:1981:284 punt 22; tas-26 ta’ Settembru 2002, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑351/98, Ġabra EU:C:2002:530, punt 84; tad-29 ta’ April 2004, IPK-München u Il-Kummissjoni, C‑199/01 P u C‑200/01 P, Ġabra EU:C:2004:249, punt 66; u Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, punt 28 iktar ’il fuq, EU:C:2011:620, punt 149).

78      Huwa fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq li għandha tiġi evalwata l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

79      Mill-premessi 175 sa 178 u 183 sa 195 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni imputat multa fuq ir-rikorrenti minħabba l-fatt li din tal-aħħar u s-sussidjarja T&D tagħha kienu jifformaw impriża fis-sens tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE matul il-parteċipazzjoni tas-sussidjarja T&D fil-gentlemen’s agreement. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-preżunzjoni li tgħid li mill-fatt li r-rikorrenti kellha 100 % tal-kapital ta’ kumpannija li, min-naħa tagħha, kellha 100 % tal-kapital tas-sussidjarja T&D tagħha, seta jiġi dedott li tal-ewwel kienet teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din tal-aħħar fis-suq.

80      Ir-rikorrenti ssostni li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma esponietx b’mod suffiċjenti r-raġunijiet li għalihom l-elementi li hija kienet ipproduċiet sabiex tikkonfuta din il-preżunzjoni kellhom jiġu miċħuda.

81      Din il-parti għandha tiġi eżaminata fi tliet fażijiet. Fl-ewwel fażi, għandhom jiġu stabbiliti l-argumenti li r-rikorrenti għamlet sabiex tikkonfuta l-preżunzjoni tal-influwenza determinanti tagħha fuq l-aġir tas-sussidjarja T&D tagħha. Fit-tieni fażi, għandha tiġi identifikata l-parti tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata li fiha l-Kummissjoni rrispondiet dawn l-argumenti. Fit-tielet fażi, abbażi ta’ dan kollu għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni kisritx l-obbligu ta’ motivazzjoni.

–       Fuq l-argumenti magħmula mir-rikorrenti

82      Fir-rigward tal-elementi prodotti mir-rikorrenti sabiex tikkonfuta l-preżunzjoni tal-influwenza determinanti tagħha fuq l-aġir tas-sussidjarja T&D tagħha fis-suq, għandu jiġi kkonstatat li, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, hija bbażat ruħha fuq tmien argumenti, li l-elementi essenzjali tagħhom huma riprodotti fil-punti li ġejjin.

83      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li r-relazzjoni bejnha u bejn is-sussidjarja T&D tagħha kienet iddeterminata mill-prinċipju ta’ deċentralizzazzjoni operazzjonali. Il-grupp Alstom huwa msejjes fuq “organizzazzjoni totalment deċentralizzata”. Id-diversi setturi ta’ attività tal-grupp huma ċentri ta’ profitt li madwarhom jorbitaw is-sussidjarji tal-grupp. Kull attività hija kompletament responsabbli għad-dikjarazzjonijiet ta’ dħul, għandha l-kontroll sħiħ tat-teknoloġiji tagħha, tal-politika ta’ prezz tagħha, tal-għanijiet ta’ bejgħ tagħha, tal-marġni gross ta’ awtofinanzjament u tal-istokkijiet tagħha. Is-sussidjarja T&D tagħha kienet is-sussidjarja responsabbli mill-attività ta’ produzzjoni u ta’ bejgħ tat-transformers tal-elettriku.

84      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti sostniet li, fl-1992, il-grupp Alstom kien għadda minn riorganizzazzjoni tas-sussidjarji tiegħu skont is-settur ta’ attività, riorganizzazzjoni li l-għan tagħha kien li l-persunal, kif ukoll terzi, jingħataw stampa iktar fidila tal-allokazzjoni eżistenti tar-responsabbiltajiet fi ħdan il-grupp. Konsegwentement, hija ma setgħetx tkun implikata fid-determinazzjoni tal-aġir li jikkostitwixxi ksur tas-sussidjarja T&D tagħha, peress li l-istruttura tal-grupp ma kinitx tippermettilha li tkun informata dwar dan.

85      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti sostniet li hija kienet kumpannija li l-uniku għan tagħha huwa d-detenzjoni u l-amministrazzjoni tal-azzjonijiet, kif ukoll il-koordinazzjoni tal-politiki u li kellha management limitat ħafna. Ir-relazzjoni tagħha mas-sussidjarja T&D tagħha ma kellux effett fuq l-aġir kummerċjali tagħha, u b’mod partikolari fuq id-determinazzjoni tal-aġir tagħha fis-suq tat-transformers tal-elettriku.

86      Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti sostniet li l-politika kummerċjali kienet stabbilita mid-diretturi tas-sussidjarji. Hija ma kellhiex il-mezzi, kemm jekk f’termini ta’ persunal, ta’ organizzazzjoni jew ta’ għarfien tekniku, biex tinfluwenza l-politika kummerċjali tas-sussidjarji tagħha. Hija la għandha impjegati, la direttur kummerċjali u lanqas sezzjoni li tfittex klijenti ġodda. Bil-kontra ta’ dan, kull waħda mis-sussidjarji għandha kemm direttur kummerċjali kif ukoll sezzjonijiet legali, finanzjarji, ta’ komunikazzjoni u ta’ riżorsi umani. Għalhekk id-deċiżjonijiet kollha kienu jittieħdu fil-livell tas-sussidjarji.

87      Fil-ħames lok, ir-rikorrenti sostniet li l-Kumitat Eżekuttiv tagħha ma kien ta l-ebda istruzzjoni li setgħet tiddetermina l-aġir tas-sussidjarji fis-suq. Il-Kumitat Eżekuttiv ta’ Alstom iddeċieda biss l-istrateġija globali tal-grupp. Il-politika kummerċjali tas-sussidjarji tagħha, b’mod partikolari dik tas-sussidjarja T&D tagħha, qatt ma ġiet diskussa fi ħdan il-Kumitat Eżekuttiv. F’dan il-kuntest, b’mod partikolari, ir-rikorrenti pproduċiet elementi li kienu juru, fl-opinjoni tagħha, “l-impossibbiltà li l-[Kumitat Eżekuttiv] setgħa kellu xi influwenza fuq l-aġir tas-sussidjarji fis-suq”.

88      Fis-sitt lok, ir-rikorrenti sostniet li kien biss b’mod limitat u a posteriori li hija kienet investigat impenji finanzjarji kunsiderevoli, li jikkonċernaw deċiżjonijiet gwida li jistgħu jipperikolaw il-pożizzjoni finanzjarja tal-grupp. Ebda proġett marbut mal-attività tat-transformers tal-elettriku ma kien is-suġġett ta’ tali investigazzjoni finanzjarja.

89      Fis-seba’ lok, ir-rikorrenti sostniet li kienu biss l-impjegati tas-sussidjarja T&D tagħha li kienu involuti fil-ksur allegat. F’dan il-kuntest, hija ssostni li l-Kummissjoni wettqet żbalji fir-rigward tal-istatus ta’ ċerti persuni bħala impjegati ta’ kumpannija ta’ ġestjoni ta’ riżorsi umani ta’ Alstom.

90      Fit-tmien lok, ir-rikorrenti sostniet li s-sovrappożizzjoni tal-funzjonijiet ta’ ċerti diretturi tas-sussidjarja T&D tagħha ma kinitx rilevanti, peress li dawn il-persuni ma kellhomx il-possibbiltà, għal raġunijiet operazzjonali, li jinvolvu ruħhom fi kwistjonijiet marbuta mal-aġir tas-sussidjarja T&D tagħha fis-suq tat-transformers tal-elettriku u li ma ntweriex li dawn il-persuni kienu involuti fl-akkordji.

–       Fuq il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

91      Fir-rigward tal-motivazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni, għandu jiġi osservat li hija mmotivat l-għażla tad-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata fil-punt 6 tad-deċiżjoni kkontestata.

92      Fil-punt 6.1 tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri fil-premessi 175 sa 181, il-Kummissjoni fakkret il-prinċipji ġenerali li jirregolaw l-għażla tad-destinatarji ta’ deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE. Fil-premessa 177 tad-deċiżjoni kkontestata, hija ddeċidiet li hija l-kumpannija parent li għandha 100 % tal-kapital ta’ sussidjarja li għandha tipproduċi provi suffiċjenti sabiex tikkonfuta l-preżunzjoni li hija kienet tikkontrolla l-aġir kummerċjali ta’ din tal-aħħar.

93      Fil-punt 6.2 tad-deċiżjoni kkontestata, fil-premessi 183 sa 195, il-Kummissjoni applikat dan il-prinċipju fir-rigward tar-rikorrenti. Fil-premessi 185 sa 188 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni esponiet fil-qosor l-argumenti magħmula mir-rikorrenti, u sussegwentement evalwathom fil-premessi 189 sa 195.

94      Issa, f’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-parti l-kbira tal-motivazzjoni tal-Kummissjoni ma tirrigwardax l-argumenti magħmula mir-rikorrenti sabiex tikkonfuta l-preżunzjoni kapitalistika, iżda argumenti oħra. Fil-fatt, il-motivazzjoni tal-Kummissjoni li tirrigwarda speċifikament l-argumenti magħmula sabiex jikkonfutaw il-preżunzjoni kapitalistika hija fil-qosor ħafna:

–        fil-premessa 189 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni limitat ruħha li tikkonstata li r-rikorrenti “ma [kinitx] għamlet argumenti li jikkonfutaw il-preżunzjoni u li juru li l-impriża sussidjarja [kienet] aġixxiet b’mod indipendenti” [traduzzjoni mhux uffiċjali];

–        fil-premessa 190 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddikjarat li, “[k]if kien intwera, l-argumenti magħmula [mir-rikorrenti] insostenn tal-allegata awtonomija tas-sussidjarja tagħha [ma kinux] suffiċjenti f’dan ir-rigward” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

95      Barra minn hekk, fil-premessa 191 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddeċidiet li l-imputazzjoni lil kumpannija parent tal-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ sussidjarja ma tirrikjedix li hija tistabbilixxi li d-diretturi tal-kumpannija parent kienu jafu dwar il-ksur imwettaq mis-sussidjarja.

96      Fir-rigward tal-premessa 198 tad-deċiżjoni kkontestata, li għamlet riferiment għaliha l-Kummissjoni matul is-seduta, għandu jiġi kkonstatat li din hija sempliċi riproduzzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ argument magħmul minn Areva, u għalhekk ma huwiex element mill-motivazzjoni tal-Kummissjoni.

–       Evalwazzjoni tal-motivazzjoni tal-Kummissjoni

97      Il-kwistjoni ta’ jekk il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata hijiex suffiċjenti għandha tiġi evalwata fuq il-bażi, minn naħa, tal-argumenti magħmula mir-rikorrenti u, min-naħa l-oħra, tal-motivazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ dawn l-argumenti.

98      Bħala punt ta’ tluq, għandu jiġi deċiż li, hekk kif ġie espost iktar ’il fuq, il-motivazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tat-tmien argumenti magħmula mir-rikorrenti tillimita ruħha għall-konklużjoni esposta fil-punti 189 u 190 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li r-rikorrenti ma għamlitx argumenti li jikkonfutaw il-preżunzjoni kapitalistika u li juru li s-sussidjarja T&D tagħha kienet aġixxiet b’mod indipendenti. Għaldaqstant, fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni llimitat ruħha li tindika r-riżultat tal-eżami tagħha mingħajr, madankollu, ma esponiet il-motivi li għalihom l-argumenti magħmula mir-rikorrenti ma kinux ta’ natura li jikkonfutaw il-preżunzjoni tal-influwenza determinanti tagħha fuq l-aġir tas-sussidjarja T&D tagħha fis-suq.

99      Fir-rigward tal-premessa 191 tad-deċiżjoni kkontestata, din l-iktar l-iktar tikkostitwixxi risposta għall-argument tar-rikorrenti miġbur fil-qosor fil-punt 89 iktar ’il fuq u għal parti mill-argumenti miġbura fil-qosor fil-punt 92 iktar ’il fuq, iżda ma tikkostitwixxix risposta għall-argumenti l-oħra invokati minn din tal-aħħar. Fil-fatt, għalkemm huwa ċertament minnu li l-preżunzjoni kapitalistika ma hijiex ikkonfutata mis-sempliċi fatt li l-kumpannija parent ma kinitx taf bil-parteċipazzjoni tas-sussidjarja tagħha fi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, madankollu din xorta waħda tippreżupponi li s-sussidjarja inkwistjoni ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq, iżda essenzjalment issegwi l-istruzzjonijiet tal-kumpannija parent tagħha. Issa, huwa preċiżament dan l-aħħar rekwiżit li r-rikorrenti kkontestat permezz tal-argumenti l-oħra, li għalhekk kienu jeħtieġu risposta min-naħa tal-Kummissjoni.

100    F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ma tistax issostni li l-obbligu ta’ motivazzjoni ma jimponix fuqha l-obbligu li tiddeċiedi dwar l-argumenti magħmula mir-rikorrenti peress li dawn kienu manifestament argumenti barra mill-kuntest, insinjifikattivi jew evidentement sekondarji.

101    Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti kollha msemmija fil-punti 83 sa 90 iktar ’il fuq ma jistgħux jitqiesu li huma manifestament barra mill-kuntest, insinjifikattivi jew evidentement sekondarji fir-rigward tal-konfutazzjoni tal-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti mir-rikorrenti fuq il-politika kummerċjali tas-sussidjarja T&D tagħha.

102    Kif ġie espost iktar ’il fuq, din il-preżunzjoni hija juris tantum u għalhekk tista’ tiġi kkonfutata minn kumpannija parent li tipproduċi provi suffiċjenti li juru li s-sussidjarja tagħha taġixxi b’mod awtonomu fis-suq. Konsegwentement, hija l-Kummissjoni li għandha tevalwa, f’kull każ inkwistjoni, kull element prodott quddiemha dwar ir-rabtiet organizzattivi, ekonomiċi u ġuridiċi bejn il-kumpannija parent u s-sussidjarja li jista’ jistabbilixxi li din tal-aħħar taġixxi b’mod awtonomu mill-kumpannija parent tagħha u li għalhekk dawn iż-żewġ kumpanniji ma jikkostitwixxux entità ekonomika unika (sentenzi tas-16 ta’ Ġunju 2011, L’Air liquide vs Il-Kummissjoni, T‑185/06, Ġabra EU:T:2011:275, punti 71 sa 75, u Edison vs Il-Kummissjoni, T‑196/06, Ġabra EU:T:2011:281, punti 76 u 77).

103    Issa, f’din il-kawża, ir-rikorrenti għamlet argumenti li kienu speċifikament intiżi sabiex juru li, matul il-perijodu tal-gentlemen’s agreement, is-sussidjarja tagħha kienet taġixxi b’mod awtonomu fis-suq. F’dan il-kuntest, hija ma invokatx biss il-fatt li l-għan tagħha kien limitat għad-detenzjoni u l-amministrazzjoni tal-azzjonijiet, iżda hija invokat ukoll ċirkustanzi partikolari li jikkaratterizzaw ir-rabtiet tagħha mas-sussidjarja T&D tagħha, bħall-prinċipju ta’ deċentralizzazzjoni operazzjonali tal-grupp, ir-responsabbiltà esklużiva tas-sussidjarji għad-determinazzjoni tal-politika kummerċjali u l-fatt li, minħabba l-istruttura tal-grupp, kien strutturalment impossibbli għaliha li tikkontrolla l-politika kummerċjali tas-sussidjarja T&D tagħha. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti pprovdiet informazzjoni ddettaljata dwar il-funzjonament tal-grupp.

104    Għalhekk, l-argumenti kollha msemmija mir-rikorrenti ma jistgħux jitqiesu li huma manifestament barra mill-kuntest, insinjifikattivi jew evidentement sekondarji.

105    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tistax validament issostni li hija ma kinitx obbligata tirrispondi l-argumenti magħmula mir-rikorrenti minħabba l-fatt li l-oneru tal-prova kien fuq ir-rikorrenti u li għalhekk ma kinitx obbligata li tipprovdi motivazzjoni iktar iddettaljata ladarba r-rikorrenti ma kinitx ipproduċiet elementi li jikkonfutaw din il-preżunzjoni.

106    Fil-fatt, f’dan il-kuntest għandha ssir distinzjoni bejn ir-regoli dwar l-oneru tal-prova, minn naħa, u l-obbligu ta’ motivazzjoni, min-naħa l-oħra. Il-preżunzjoni kapitalistika, inkwantu regola dwar l-oneru tal-prova, tirregola l-kwistjoni ta’ liema fatti għandhom jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni sabiex turi li l-kumpannija parent u s-sussidjarja jikkostitwixxu unità ekonomika u għalhekk impriża fis-sens tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE. Min-naħa l-oħra, l-obbligu ta’ motivazzjoni, li huwa obbligu ta’ natura formali, jeżiġi li r-raġunament li fuqu l-Kummissjoni tibbaża d-deċiżjonijiet tagħha għandu jirriżulta b’mod ċar u inekwivoku fid-deċiżjoni kkontestata, b’tali mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata, u li l-qorti kompetenti tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara l-ġurisprudenza msemmija fil-punt 29 iktar ’il fuq). Għalhekk, anki jekk il-Kummissjoni tqis li l-elementi prodotti mill-kumpannija parent ma humiex suffiċjenti sabiex tiġi kkonfutata l-preżunzjoni tal-influwenza tagħha fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha fis-suq, hija xorta waħda tibqa’ obbligata li tesponi r-raġunijiet għal dan, sa fejn ma jkunx hemm biss elementi manifestament barra mill-kuntest jew insinjifikattivi. F’dan ir-rigward, id-dover tagħha ta’ motivazzjoni jirriżulta min-natura juris tantum tal-preżunzjoni inkwistjoni (sentenzi L’Air liquide vs Il-Kummissjoni, punt 102 iktar ’il fuq, EU:T:2011:275, punti 71 sa 75, u Edison vs Il-Kummissjoni, punt 102 iktar ’il fuq, EU:T:2011:281, punti 76 u 77).

107    Konsegwentement, il-Kummissjoni kellha l-obbligu li tesponi, fid-deċiżjoni kkontestata, ir-raġunijiet li għalihom hija kienet tqis li, minkejja l-argumenti mressqa mir-rikorrenti, l-awtonomija tal-aġir tas-sussidjarja tagħha fis-suq ma kinitx ġiet ipprovata.

108    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 253 KE meta ma esponietx b’mod suffiċjenti r-raġunijiet li għalihom l-argumenti magħmula mir-rikorrenti ma kinux biżżejjed sabiex tiġi kkonfutata l-preżunzjoni tal-influwenza determinanti tagħha fuq l-aġir tas-sussidjarja T&D tagħha fis-suq.

 Fuq il-konsegwenzi tal-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

109    Il-Kummissjoni ssostni li, f’kull każ, peress li f’dan il-każ hija kellha d-dritt li tikkonstata li l-preżunzjoni kapitalistika ma kinitx ġiet ikkonfutata, il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni ma għandux iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Matul is-seduta hija esponiet il-motivi li għalihom, fl-opinjoni tagħha, l-argumenti magħmula mir-rikorrenti kellhom jiġu miċħuda.

110    F’dan il-kuntest, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, bħala prinċipju, il-motivazzjoni għandha tiġi kkomunikata lill-parti kkonċernata fl-istess ħin bħad-deċiżjoni li tikkawżalha preġudizzju. Għalhekk, l-assenza ta’ motivazzjoni ma tistax tiġi rregolarizzata mill-fatt li l-persuna kkonċernata ssir taf ir-raġunijiet tad-deċiżjoni fil-mori tal-kawża (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 30 iktar ’il fuq, EU:C:2005:408, punt 463; sentenza tat-12 ta’ Settembru 2007 González y Díez vs Il-Kummissjoni, T‑25/04, Ġabra EU:T:2007:257, punt 220; ara l-ġurisprudenza msemmija fil-punt 77 iktar ’il fuq).

111    Konsegwentement, il-motivazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni fil-mori tal-kawża ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kwistjoni tal-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha.

112    Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ma tistax tinvoka l-ġurisprudenza li tgħid li s-setgħa ta’ ġurisdizzjoni sħiħa li l-Qorti Ġenerali għandha fil-qasam tal-multi tista’ tiġġustifika l-produzzjoni u t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ elementi komplementari ta’ informazzjoni li r-riferiment għalihom fid-deċiżjoni ma huwiex meħtieġ abbażi tal-obbligu ta’ motivazzjoni (sentenza SCA Holding vs Il-Kummissjoni, punt 62 iktar ’il fuq, EU:C:2000:633, punti 54 u 55). Fil-fatt, l-imputazzjoni lir-rikorrenti tal-aġir li jikkostitwixxi ksur tas-sussidjarja T&D tagħha tqajjem il-kwistjoni tal-eżistenza ta’ unità ekonomika bejn ir-rikorrenti u s-sussidjarja u, fl-aħħar mill-aħħar, il-kwistjoni tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur issanzjonat mid-deċiżjoni kkontestata. Din il-kwistjoni taqa’ taħt l-istħarriġ tal-legalità tal-imsemmija deċiżjoni u mhux taħt l-evalwazzjoni tan-natura xierqa tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti. Issa, huwa biss fir-rigward ta’ din l-aħħar kwistjoni li l-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni sħiħa (sentenza SCA Holding vs Il-Kummissjoni, punt 62 iktar ’il fuq, EU:C:2000:633, punti 54 u 55).

113    Fit-tielet lok, il-Kummissjoni tagħmel riferiment għal ġurisprudenza li tgħid li n-nuqqas ta’ motivazzjoni ma għandux iwassal għall-annullament ta’ deċiżjoni kkontestata meta dan l-annullament jista’ jagħti biss lok għal deċiżjoni ġdida li, fil-mertu, tkun identika għad-deċiżjoni annullata.

114    F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ma tistax validament tibbaża ruħha fuq is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-13 ta’ Diċembru 2006, FNCBV et vs Il‑Kummissjoni (T‑217/03 u T‑245/03, Ġabra EU:T:2006:391, punti 362 sa 363), fejn il-Qorti Ġenerali kkonstatat ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni mwettaq minnha fil-kuntest tal-iffissar tal-multi imposti għal ksur tal-Artikolu 81(1) KE, filwaqt li indikat li, sa fejn is-soluzzjoni mressqa minn dik l-istituzzjoni kellha tiġi kkonfermata fil-mertu, dak il-ksur la kellu jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u lanqas għal modifika tal-ammont tal-multi.

115    Fil-fatt, din l-aħħar evalwazzjoni, li tidħol fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa li l-Qorti Ġenerali għandha fil-qasam tas-sanzjonijiet pekunjarji, ma tistax tiġi applikata għall-każ preżenti, fir-rigward tal-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn fiha l-Kummissjoni żammet lir-rikorrenti responsabbli għall-ksur inkwistjoni (ara l-punt 112 iktar ’il fuq; sentenza Edison vs Il-Kummissjoni, punt 102 iktar ’il fuq, EU:T:2011:281, punti 91 sa 93).

116    Barra minn hekk, il-Kummissjoni lanqas ma tista’ tibbaża ruħha fuq il-ġurisprudenza li tgħid li rikorrent ma għandu l-ebda interess leġittimu li jinvoka ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni fil-każ fejn ikun diġà ċert li, wara l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, għandha tiġi adottata deċiżjoni oħra identika (sentenzi tad-29 ta’ Settembru 1976, Morello vs Il-Kummissjoni, 9/76, Ġabra EU:C:1976:129, punt 11, u tal-20 ta’ Mejju 1987, Souna vs Il-Kummissjoni, 432/85, Ġabra EU:C:1987:236, punt 20; sentenzi tad-9 ta’ Ottubru 1992, De Persio vs Il-Kummissjoni, T‑50/91, Ġabra EU:T:1992:104, punti 10 u 24, u tat-3 ta’ Diċembru 2003, Audi vs UASI (TDI), T‑16/02, Ġabra EU:T:2003:327, punti 97 u 98).

117    F’din il-kawża, il-Kummissjoni ma mmotivatx suffiċjentement ir-raġuni li għaliha l-argumenti magħmula mir-rikorrenti ma kinux ta’ natura li juru li s-sussidjarja T&D tagħha kienet tiddetermina l-aġir tagħha fis-suq b’mod awtonomu. Din il-kwistjoni għandha tiġi eżaminata billi jittieħed inkunsiderazzjoni kull element dwar ir-rabtiet organizzattivi, ekonomiċi u ġuridiċi bejn ir-rikorrenti u s-sussidjarja T&D tagħha. Dan għalhekk huwa eżami kumpless li r-riżultat tiegħu ma jistax jiġi antiċipat. Fl-assenza ta’ tali eżami, ma jistax jiġi preżunt li diġà huwa ċert li ser tiġi adottata deċiżjoni identika. Barra minn hekk, il-fatt li jiġi aċċettat li, f’tali sitwazzjoni, il-Qorti Ġenerali għandha tanalizza l-ispjegazzjonijiet li l-Kummissjoni esponiet għall-ewwel darba fil-mori tal-kawża, ikun imur direttament kontra l-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 73 sa 75 iktar ’il fuq.

118    Konsegwentement, f’din il-kawża, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, in-nuqqas ta’ motivazzjoni jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

119    Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata mingħajr ma jkun hemm bżonn li tingħata deċiżjoni fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv, fuq it-tielet parti tat-tieni motiv u fuq it-tielet motiv.

 Fuq l-ispejjeż

120    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Il-Kummissjoni tilfet f’dak li jirrigwarda t-talba tar-rikorrenti għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, u r-rikorrenti ressqet talba għad-danni.

121    F’dak li jirrigwarda t-talba għall-annullament tal-ittra tal-Uffiċjal tal-Kontabbiltà tal-10 ta’ Diċembru 2009, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ma kienx għad hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar din it-talba u li l-ispejjeż kienu rriżervati (punt 16 iktar ’il fuq). Skont l-Artikolu 87(6) tar-Regoli tal-Proċedura, fil-każ li ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Il-Qorti Ġenerali tqis li, f’din il-kawża, ikun ġust li l-Kummissjoni tiġi kkundannata wkoll għall-ispejjeż relatati mat-talba għall-annullament tal-ittra tal-Uffiċjal tal-Kontabbiltà.

122    Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż kollha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

Taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 7601 finali, tas-7 ta’ Ottubru 2009, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39.129 — Transformers tal-elettriku) hija annullata sa fejn din tikkonċerna lil Alstom.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

Czúcz

Labucka

Gratsias

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-27 ta’ Novembru 2014.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.